Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0288

2010/288/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Portugall

OJ L 125, 21.5.2010, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 20/06/2017; Imħassar b' 32017D1225

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/288/oj

21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Portugall

(2010/288/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Portugall,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ikkjarifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ukoll jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn qagħdiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kien jobbliga lill-Kummissjoni li tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tqis li kien jeżisti jew li seta’ nqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Portugall. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Portugall fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Portugall, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet disposti f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont id-dejta notifikata mill-awtoritajiet tal-Portugall f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fil-Portugall huwa ppjanat li jilħaq il-5,9 % tal-PGD fl-2009, u b’hekk jibqa’ ‘l fuq u mhux viċin il-valur ta’ referenza tat-3 % tal-PGD. L-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, fost affarijiet oħra, dan jirriżulta minn tnaqqis ekonomiku aħrax fl-2009 fit-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. Għas-snin 2009 u 2010, it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li l-PGD annwali jonqos bi 2,9 % u jogħla b’0,3 % rispettivament. Barra minn hekk, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jiġi meqjus bħala temporanju, minħabba li skont it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis il-miżuri diġà adottati f’din is-sena l-iżbilanċ ta’ bażi tal-gvern ġenerali se jiżdied għal 8 % tal-PGD fl-2010. Fl-2010 u l-2011, minkejja n-nuqqas ta’ kontinwazzjoni ta’ ħafna mill-miżuri ta’ natura straordinarja marbuta mal-kriżi fl-2009, ma huwa mistenni l-ebda titjib fil-pożizzjoni fiskali minħabba l-ambjent kontinwu ta’ reċessjoni, it-tħaddim ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi u tkabbir sostanzjali fuq in-nefqa tal-interessi. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-dejta notifikata mill-awtoritajiet Portugiżi f’Ottubru 2009, id-dejn gross tal-gvern ġenerali (li kien ‘il fuq mis-60 % ta’ valur ta’ referenza tal-PGD mill-2005) huwa ppjanat li jkun ta’ 74,5 % tal-PGD fl-2009. Skont it-tbassir tar-Ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD tal-gvern ġenerali hu previst li jiżdied b’mod sinifikanti bi 18-il punt perċentwali matul il-perjodu ta’ previżjoni minn 66,3 % fl-2008 għal 91,1 % fl-2011. Il-proporzjon ta’ dejn ma jistax jitqies bħala wieħed li qed jonqos b’mod suffiċjenti u li qed joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżstenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kundizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu “l fuq mill-valur ta” referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Portugall, din il-kundizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Portugall.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għall-Portugall jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2


Top