EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0087

2010/87/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (notifikata bid-dokument numru C(2010) 593) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 39, 12.2.2010, p. 5–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 052 P. 250 - 263

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/09/2021; Imħassar b' 32021D0914

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/87/oj

12.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Frar 2010

dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 593)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/87/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tagħha,

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE l-Istati Membri huma mitluba li jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta u kemm-il darba l-liġijiet tal-Istati Membri, li għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva, jiġu rispettati qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Madankollu, l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE jipprovdi li Stati Membri jistgħu jawtorizzaw, suġġett għal ċerti salvagwardji, trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi li ma jassigurawx livell adegwat ta’ protezzjoni. Dawn is-salvagwardji jistgħu b’mod partikolari jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali xierqa.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar l-operazzjoni ta’ trasferiment tad-dejta jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment tad-dejta. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi għar-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali stabbilit taħt dik id-Direttiva ħareġ linji gwida sabiex jgħin bil-valutazzjoni.

(4)

Il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jirrelataw biss mal-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk, l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta huma ħielsa li jinkludu kwalunkwe klawżola oħra dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu man-negozju li huma jqisu bħala pertinenti għall-kuntratt kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra l-klawżoli kuntrattwali standard.

(5)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtorizzazzjonijiet nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħtu skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE. Din id-Deċiżjoni għandu jkollha biss l-effett li titlob lill-Istati Membri ma jirrifjutawx li jagħrfu li l-klawżoli kuntrattwali standard jipprovdu salvagwardji adegwati u għaldaqstant m’għandu jkollhom ebda effett fuq klawżoli kuntrattwali oħrajn.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/16/KE tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar il-klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali fi proċessuri f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (2) ġiet adottata sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tad-dejta personali minn kontrollur tad-dejta stabbilit fl-Unjoni Ewropea għand proċessur stabbilit f’pajjiż terz li ma joffrix livell adegwat ta’ protezzjoni.

(7)

Giet iggwadanjata ħafna esperjenza mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2002/16/KE ‘l hawn. Barra minn hekk, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ Deċiżjonijiet dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiżi terzi (3) wera li hemm interess qed jiżdied, fil-promozzjoni tal-użu tal-klawżoli kuntrattwali standard fit-trasferiment internazzjonali tad-dejta personali lejn pajjiżi terzi li ma jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, il-partijiet interessati ssottomettew proposti bil-għan li jaġġornaw il-klawżoli kuntrattwali standard stipulati fid-Deċiżjoni 2002/16/KE sabiex jikkunsidraw l-ambitu dejjem aktar wiesa’ tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta fid-dinja u biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet li ma kinux koperti b’dik id-Deċiżjoni (4).

(8)

L-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun limitat biex jistabbilixxi li l-klawżoli li hija tistabbilixxi jkunu jistgħu jintużaw minn kontrollur tad-dejta stabbilit fl-Unjoni Ewropea sabiex idaħħal salvagwardji adegwati skont it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għat-trasferiment tad-dejta personali lil proċessur stabbilit f’pajjiż terz.

(9)

Din id-Deċiżjoni m’għandiex tkun applikabbli għat-trasferiment tad-dejta personali minn kontrolluri stabbiliti fl-Unjoni Ewropea lil kontrolluri stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment tad-dejta personali lil pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE (5).

(10)

Din id-Deċiżjoni għandha timplimenta l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 95/46/KE u m’għandhiex tippreġudika l-kontenut tal-kuntratti jew l-atti legali stabbiliti skont dik id-dispożizzjoni. Madanakollu, xi wħud mill-klawżoli kuntrattwali standard, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi tal-esportatur tad-dejta, għandhom jiġu inklużi sabiex tiżdied iċ-ċarezza dwar id-disposizzjonijiet li jistgħu jkunu jinsabu f’kuntratt bejn kontrollur u proċessur.

(11)

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri għandhom sehem essenzjali f’dan il-mekkaniżmu kuntrattwali sabiex jiżguraw li d-dejta personali tiġi mħarsa b’mod adegwat wara t-trasferiment. F’każijiet eċċezzjonali meta l-esportaturi tad-dejta ma jkunux kapaċi jagħtu struzzjonijiet kif suppost lill-importatur tad-dejta, bir-riskju imminenti ta’ dannu serju lis-soġġetti tad-dejta, il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kuntrattwali sabiex jivverifikaw lill-importaturi tad-dejta u s-sottoproċessuri u, fejn xieraq, jieħdu deċisjonijiet li jorbtu lill-importaturi tad-dejta u s-sottoproċessuri. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandu jkollhom is-setgħa li jipprojbixxu jew jissospendu t-trasferiment tad-dejta jew għadd ta’ trasferimenti bbażati fuq il-klawżoli kuntrattwali standard f’dawk il-każijiet eċċezzjonali meta jiġi stabbilit li trasferiment fuq bażi kuntrattwali aktarx ikollu effett negattiv fuq il-garanziji u l-obbligi li jipprovdu protezzjoni adegwata għas-soġġett tad-dejta.

(12)

Il-klawżoli kuntrattwali standard għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi li għandhom jiġu applikati minn dawk li jipproċessaw id-dejta stabbiliti f’pajjiż terz li ma jkunx jipprovdi protezzjoni adegwata, sabiex ikun hemm żgur livell ta’ sigurtà xieraq kontra r-riskji li jinsabu fl-ipproċessar u fin-natura tad-dejta li għandha tiġi pproċessata. Il-partijiet għandhom jagħmlu dispożizzjoni fil-kuntratt għal dawk il-miżuri tekniċi u organizzattivi li, bil-kunsiderazzjoni tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-istat avvanzat u l-ispiża tal-implimentazzjoni tagħhom, huma meħtieġa sabiex id-dejta personali tiġi protetta kontra d-distruzzjoni aċċidentali jew kontra l-liġi jew telfien aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat jew forom oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi.

(13)

Sabiex jitħaffu l-flussi tad-dejta mill-Unjoni Ewropea, huwa mixtieq li l-proċessuri li jipprovdu servizzi tal-ipproċessar tad-dejta lil bosta kontrolluri tad-dejta fl-Unjoni Ewropea jitħallew japplikaw l-istess miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà irrispettivament mill-Istat Membru li minnu joriġina t-trasferiment tad-dejta, b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn l-importatur tad-dejta jirċievi dejta għal ipproċessar ulterjuri minn stabbilimenti differenti tal-esportatur tad-dejta fl-Unjoni Ewropea, f’liema każ għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-istabbiliment nominat.

(14)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-informazzjoni minima li l-partijiet għandhom jispeċifikaw fil-kuntratt li jitratta t-trasferiment. L-Istati Membri għandhom iżommu l-poter li jiddettaljaw l-informazzjoni li l-partijiet huma mitluba jipprovdu. L-operazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-esperjenza.

(15)

L-importatur tad-dejta għandu jipproċessa d-dejta personali trasferita biss f’isem l-esportatur tad-dejta u skont l-istruzzjonijiet tiegħu u l-obbligi li jinsabu fil-klawżoli. B’mod partikolari l-importatur tad-dejta m’għandux jiżvela d-dejta personali lil parti mingħajr il-kunsens bil-miktub u minn qabel tal-esportatur tad-dejta. L-esportatur tad-dejta għandu jagħti struzzjonijiet lill-importatur tad-dejta matul iż-żmien meta jkunu qegħdin jingħataw is-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta sabiex jipproċessa d-dejta skont l-istruzzjonijiet tiegħu, skont il-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta applikabbli u l-obbligi li jinsabu fil-klawżoli.

(16)

Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferimenti tad-dejta personali lejn pajjiżi terzi rrakkomanda l-istabbiliment ta’ klawżoli kuntrattwali standard xierqa fuq trasferimenti sussegwenti ‘l quddiem minn proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz lil proċessur ieħor tad-dejta (sottoproċessar), sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni x-xejriet u l-prattiki tan-negozju għal attività ta’ pproċessar aktar u aktar globalizzata.

(17)

Din id-Deċiżjoni għandha tinkludi klawżoli kuntrattwali standard speċifiċi dwar is-sottoproċessar permezz ta’ proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz (l-importatur tad-dejta) tas-servizzi tiegħu tal-ipproċessar lill-proċessuri (sottoproċessuri) oħrajn stabbiliti f’pajjiżi terzi. Barra minn dan, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu mis-sottoproċessar biex jiġi żgurat li d-dejta personali li tkun qed tiġi trasferita tibqa’ tiġi protetta minkejja t-trasferiment sussegwenti lil sottoproċessur.

(18)

Barra minn hekk, is-sottoproċessar għandu jikkonsisti biss fl-operazzjonijiet li dwarhom ikun hemm qbil fil-kuntratt bejn l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta li jkun jinkorpora l-klawżoli kuntrattwali standard skont din id-Deċiżjoni u m’għandux jirreferi għal operazzjonijiet jew skopijiet differenti ta’ pproċessar sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kif stabbilit fid-Deċiżjoni 95/46/KE. Ukoll, fejn is-sottoproċessur jonqos li jissodisfa l-obbligi tiegħu stess dwar l-ipproċessar tad-dejta skont il-kuntratt, l-importatur tad-dejta għandu jibqa’ responsabbli lejn l-esportatur tad-dejta. It-trasferiment ta’ data personali lil proċessuri stabbiliti barra l-Unjoni Ewropea m’għandux jippreġudika l-fatt li l-attivitajiet tal-ipproċcessar għandhom ikunu regolati mill-liġi tal-protezzjoni tad-data applikabbli.

(19)

Il-klawżoli kontrattwali standard m’għandhomx ikunu applikabbli biss mill-organizzazzjonijiet li huma partijiet għall-kuntratt, imma wkoll mis-suġġetti tad-data, b’mod partikolari, meta s-suġġetti tad-data jsofru dannu bħala konsegwenza ta’ ksur tal-kuntratt.

(20)

Is-suġġett tad-dejta għandu jkun intitolat jieħu azzjoni u, fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens mingħand l-esportatur tad-dejta li huwa l-kontrollur tad-dejta personali trasferita. F’każijiet eċċezzjonali, is-suġġett tad-dejta għandu jkun intitolat ukoll li jieħu azzjoni, u fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens mingħand l-importatur tad-dejta f’dawk il-każijiet, li jirriżultaw minn ksur minn naħa tal-importatur tad-dejta jew xi sottoproċessur taħtu, ta’ xi wieħed mill-obbligi tiegħu msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ Klawżola 3, fejn l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment jew ikun sar insolventi. Eċċezzjonalment, is-suġġett tad-dejta għandu wkoll ikun intitolat li jieħu azzjoni u, fejn ikun xieraq, jirċievi kumpens minn sottoproċessur f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn kemm l-esportatur tad-dejta u kemm l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew m’għadhomx jeżistu legalment jew spiċċaw insolventi. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-klawżoli kuntrattwali.

(21)

F’każ ta’ tilwima bejn suġġett tad-dejta, li jinvoka l-klawżola tal-parti terza benefiċjarja, u l-importatur tad-dejta, li ma tkunx solvuta bonarjament, l-importatur tad-dejta għandu joffri lis-suġġett tad-dejta għażla bejn medjazzjoni jew litigazzjoni. L-għażla tas-suġġett tkun effettiva skont kemm ikunu disponibbli sistemi affidabbli u rikonoxxuti ta’ medjazzjoni. Il-medjazzjoni mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data fejn l-esportatur tad-data huwa stabbilit għandha tkun possibiltà meta dawn jipprovdu dan is-servizz.

(22)

Il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit b’mod li parti terza benefiċjarja tkun tista’ tinforza kuntratt. Suġġetti tad-dejta għandhom jitħallew ikunu rappreżentati minn assoċjazzjonijiet jew korpi oħra jekk jixtiequ u jekk awtorizzati bil-liġi nazzjonali. L-istess liġi għanda tirregola wkoll id-dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-dejta ta’ kwalunkwe kuntratt ma’ sottoproċessur għas-sottoproċessar tal-attivitajiet ta’ pproċessar tad-dejta personali trasferita mill-esportatur tad-dejta lill-importatur tad-dejta taħt il-klawżoli kuntrattwali.

(23)

Peress li din id-Deċiżjoni tapplika biss għas-sottokuntrattar minn proċessur tad-dejta stabbilit f’pajjiż terz tas-servizzi ta’ proċessar tiegħu lil sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz, m’għandhiex tapplika fis-sitwazzjoni li fiha proċessur stabbilit fl-Unjoni Ewropea, u li jkun qed iwettaq l-ipproċessar ta’ dejta persinali f’isem kontrollur stabbilit fl-Unjoni Ewropea jissottokontratta l-operazzonijiet tiegħu ta’ proċessar lil sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istati Membri huma ħielsa li jikkunsidraw jew ma jikkunsidrawx il-fatt li l-prinċipji u s-salvagwardji tal-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti f’din id-Deċiżjoni intużaw biex sottoproċessur stabbilit f’pajjiż terz jiġi sottokuntrattat bil-ħsieb li jipprovdi protezzjoni adegwata għad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta li d-dejta personali tagħhom tkun qed tiġi trasferita għal operazzjoniet ta’ sottoproċessar.

(24)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni fuq il-livell ta’ protezzjoni provdut taħt il-klawżoli kuntrattwali standard annessi ma’ din id-Deċiżjoni, li ġew ikkunsidrati fil-preparazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(25)

Id-Deċiżjoni 2002/16/KE għandha għalhekk tiġi mħassra.

(26)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-ambitu tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti fl-Anness huma kkunsidrati bħala li joffru salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali tal-individwi u fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti kif mitlub mill-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mill-klawżoli kuntrattwali standard stabbiliti fl-Anness għat-trasferiment tad-dejta personali lill-proċessuri. Ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE li jappartjenu għall-ipproċessar tad-dejta personali fl-Istati Membri.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għat-trasferiment tad-dejta personali minn kontrolluri stabbiliti fl-Unjoni Ewropea lil reċipjenti stabbiliti barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea li jaġgixxu biss bħala proċessuri.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kategoriji speċjali ta” dejta’ tfisser id-dejta msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

“awtorità ta’ superviżjoni” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE;

(c)

“esportatur tad-data” tfisser il-kontrollur li jitrasferixxi d-data personali;

(d)

“importatur tad-data” tfisser il-proċessur stabbilit f’pajjiż terz li jaqbel li jirċievi data personali mingħand l-esportatur tad-data li hija maħsuba għall-ipproċessar f’isem l-esportatur tad-data wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tiegħu u skont din id-Deċiżjoni u li m’huwiex soġġett għal sistema ta’ pajjiż terzi li tiżgura protezzjoni adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE;

(e)

“sottoproċessur” tfisser kull proċessur ingaġġat mill-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur tal-importatur tad-dejta li jaqbel li jirċievi mingħand l-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur ieħor tal-importatur tad-dejta, dejta personali maħsuba esklużivament għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jsiru f’isem l-esportatur tad-dejta wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tal-esportatur tad-dejta, il-klawżoli kuntrattwali standard imfissra fl-Anness, u t-termini tal-kuntratt bil-miktub għas-sottoproċessar;

(f)

“liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta” tfisser il-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ individwi u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali applikabbli għal kontrollur tad-dejta fl-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit;

(g)

“miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà” tfisser dawk il-miżuri mmirati biex jipproteġu d-dejta personali kontra d-distruzzjoni jew telfien aċċidentali jew kontra l-liġi, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi.

Artikolu 4

1.   Mingħajr preġudizzju għall-poteri tagħhom biex jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont il-Kapitoli II, III, V u VI tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom biex jipprojbixxu jew jissospendu ċ-ċirkolazzjoni tad-dejta lil pajjiżi terzi sabiex jipproteġu lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom f’każijiet fejn:

(a)

huwa stabbilit li l-liġi li l-importatur tad-dejta jew is-sottoproċessur huma soġġetti għaliha timponi fuqhom rekwiżiti li jidderogaw mil-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta li jmorru lil hinn mir-restrizzjonijiet meħtieġa f’soċjetà demokratika kif stabbilit mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE fejn dawk ir-restrizzjonijiet aktarx ikollhom effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji mogħtijin mil-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli u l-klawżoli kuntrattwali standard;

(b)

awtorità kompetenti tkun stabbiliet li l-importatur tad-dejta jew sottoproċessur ma jkunx irrispetta l-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness; jew

(c)

ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness mhumiex qegħdin jiġu mħarsa jew mhumiex sejrin jiġu mħarsa u l-issoktar tat-trasferiment jista’ joħloq riskju imminenti ta’ dannu gravi lis-suġġetti tad-dejta.

2.   Il-projbizzjoni jew is-sospensjoni skont il-paragrafu 1 għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet għas-sospenzjoni jew għal-projbizzjoni ma jibqgħux jeżistu.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri skont il-paragrafi 1 u 2, huma għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif tkun qed taħdem din id-Deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli tlett snin wara li tiġi adottata. Hija għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Għandha tinkludi kwalunkwe prova li tista’ taffettwa l-valutazzjoni li tikkonċerna l-adegwatezza tal-klawżoli kuntrattwali standard fl-Anness u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi applikata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-15 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 7

1.   Id-Deċiżjoni 2002/16/KE hija mħassra b’effett mill-15 ta’ Mejju 2010.

2.   Kuntratt konkluż bejn esportatur tad-dejta u importatur tad-dejta skont id-Deċiżjoni 2002/16/KE qabel il-15 ta’ Mejju 2010 għandu jibqa’ fis-seħħ u effettiv sakemm jibqgħu ma jinbidlux it-trasferimenti u l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta li huma l-oġġett tal-kuntratt u d-dejta personali koperta b’din id-Deċiżjoni tibqa’ tiġi trasferita bejn il-Partijiet. Fejn il-partijiet kontraenti jiddeċiedu li jagħmlu xi tibdiliet f’dan ir-rigward jew jagħtu l-operazzjonijiet tal-ipproċessar li huma l-oġġett tal-kuntratt b’sootkuntratt huma jkunu mitluba li jidħlu f’kuntratt ġdid li għandu jkun konformi mal-klawżoli kuntrattwali standard stipulati fl-Anness.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 6, 10.1.2002, p. 52.

(3)  SEC(2006) 95, 20.1.2006.

(4)  Il-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC), Japan Business Council in Europe (JBCE), EU Committee of the American Chamber of Commerce in Belgium (Amcham), and the Federation of European Direct Marketing Associations (FEDMA).

(5)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 19.


ANNESS

KLAWŻOLI KUNTRATTWALI STANDARD (PROĊESSURI)

Għall-finijiet tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għat-trasferiment tad-dejta personali lill-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat tal-protezzjoni tad-dejta

L-isem tal-organizzazzjoni li se tesporta d-dejta: …

Indirizz: …

Tel. …; feks: …; Posta elettronika: …

Informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-organizzazzjoni

(l-esportatur tad-dejta)

Kif ukoll

L-isem tal-organizzazzjoni li se timporta d-dejta: …

Indirizz: …

Tel.. …; feks: …; Posta elettronika: …

Informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-organizzazzjoni:

(l-importatur tad-dejta)

kull wieħed huwa “parti”; flimkien “il-partijiet”,

QABLU fuq il-Klawżoli Kuntrattwali li ġejjin (il-Klawżoli) sabiex idaħħlu salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għat-trasferiment tad-dejta personali speċifikata f’Appendiċi 1, mill-esportatur tad-dejta għall-importatur tad-dejta.

Klawżola 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet tal-Klawżoli:

(a)

“dejta personali”, “kategoriji specjali ta’ dejta”, “proċess/ipproċessar”, “kontrollur”, “proċessur”, “suġġett tad-dejta” u “awtorità ta’ superviżjoni” għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1);

(b)

l-esportatur tad-dejta” tfisser il-kontrollur li jitrasferixxi d-dejta personali;

(c)

l-importatur tad-dejta” tfisser il-proċessur li jaqbel li jirċievi mingħand l-esportatur tad-dejta dejta personali li hija maħsuba għall-ipproċessar f’ismu wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet u t-termini tal-klawżoli u li mhuwiex soġġett għal sistema ta’ xi pajjiż terz li tiżgura protezzjoni adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE;

(d)

is-sottoproċessur” tfisser kull proċessur ingaġġat mill-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur tal-importatur tad-dejta li jaqbel li jirċievi mingħand l-importatur tad-dejta jew minn kwalunkwe sottoproċessur ieħor tal-importatur tad-dejta, dejta personali maħsuba esklużivament għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jsiru f’isem l-esportatur tad-dejta wara t-trasferiment skont l-istruzzjonijiet tiegħu, it-termini tal-Klawżoli, u t-termini ta’ sottokuntratt bil-miktub;

(e)

liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta” tfisser il-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ individwi u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali applikabbli għal kontrollur tad-dejta fl-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit;

(f)

miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà” tfisser dawk il-miżuri mmirati biex jipproteġu d-dejta personali kontra d-distruzzjoni jew telfien aċċidentali jew kontra l-liġi, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi.

Klawżola 2

Dettalji tat-trasferiment

Id-dettalji tat-trasferiment u b’mod partikolari l-kategoriji speċjali tad-dejta personali fejn applikabbli huma speċifikati f’Appendiċi 1 li jifforma parti integrali mill-Klawżoli.

Klawżola 3

Il-klawżola tal-parti terza benefiċjarja

1.

Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra l-esportatur tad-dejta din il-Klawżola, Klawżola 4(b) sa (i), Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6(1) u (2), Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12 bħala parti terza benefiċjarja.

2.

Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra l-esportatur tad-dejta din il-Klawżola, Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6, Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12, f’każijiet fejn l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz tal-operat tal-liġi, u bħala riżultat ta’ dan tieħu fuqha d-drittijiet u l-obbligi tal-esportatur tad-dejta, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jkun jista’ jinfurzahom kontra entità bħal din.

3.

Is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza kontra s-subproċessur din il-Klawżola, Klawżola 5(a) sa (e), u (g) sa (j),Klawżola 6, Klawżola 7, Klawżola 8(2), u Klawżoli 9 sa 12, f’dawk il-każijiet fejn kemm l-esportatur tad-dejta kif ukoll l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew m’għadhomx jeżistu legalment jew spiċċaw insolventi, sakemm ma jkunx hemm xi suċċessur legali li jkun ħa fuqu l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz tal-operat tal-liġi, u bħala riżultat hu jieħu f’idejh d-drittijiet u l-obbligi tal-esportatur tad-dejta, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinfurzahom kontra entità bħal din. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-Klawżoli.

4.

Il-partijiet ma joġġezzjonawx għal suġġett tad-dejta li jkun irrappreżentat permezz ta’ assoċjazzjoni jew korp ieħor jekk is-suġġett tad-dejta jkun jixtieq espressament hekk u jekk il-liġi nazzjonali tippermetti.

Klawżola 4

Obbligi tal-esportatur tad-dejta

L-esportatur tad-dejta jaqbel u jiggarantixxi:

(a)

li l-ipproċessar, inkluż it-trasferiment innifsu, tad-dejta personali kien u se jibqa’ jitwettaq b’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta (u, fejn applikabbli, ġie nnotifikat lill-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri fejn ikun stabbilit l-esportatur tad-dejta) u ma jiksirx id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Istat.

(b)

li hu ta struzzjonijiet u matul il-perjodu kollu tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta se jagħti struzzjonijiet lill-importatur tad-dejta biex jipproċessa d-dejta personali trasferita biss f’isem l-esportatur tad-dejta u b’konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta u mal-Klawżoli;

(c)

li l-importatur tad-dejta għandu jipprovdi garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà speċifikati f’Appendiċi 2 ma’ dan il-kuntratt;

(d)

li wara l-valutazzjoni tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, il-miżuri ta’ sigurtà jkunu xierqa biex jipproteġu d-dejta personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew kontra l-liġi jew telfien aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni tad-dejta fuq network, u kontra kull forma oħra ta’ pproċessar kontra l-liġi, u li dawn il-miżuri jiżguraw livell xieraq ta’ sigurtà għar-riskji ppreżentati mill-ipproċessar u n-natura tad-dejta li qed tiġi protetta b’kunsiderazzjoni għall-istat avvanzat u l-ispiża tal-implimentazzjoni tagħhom;

(e)

li hu jiżgura konformità mal-miżuri ta’ sigurtà;

(f)

li, jekk it-trasferiment jinvolvi kategoriji speċjali ta’ dejta, is-suġġett tad-dejta jkun ġie infurmat jew ikun se jiġi infurmat qabel, jew mill-aktar fis possibbli wara t-trasferiment li d-dejta tiegħu tista’ tiġi trażmessa lejn pajjiż terz u l-protezzjoni adegwata skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE mhix provduta;

(g)

li jibgħat kwalunkwe notifika li tasal mill-importatur tad-dejta jew kwalunkwe sottoproċessur skont Klawżola 5(b) u Klawżola 8(3) lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta jekk l-esportatur tad-dejta jiddeċiedi li jkompli bit-trasferiment jew li jneħħi s-sospensjoni.

(h)

li jagħmel disponibbli lis-suġġetti tad-dejta, fuq talba tagħhom kopja tal-Kawżoli, bl-eċċezzjoni tal-Appendiċi 2, kif ukoll deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ta’ sigurtà, kif ukoll kopja ta’ kull kuntratt għas-servizzi ta’ sottoproċessar li għandu jsir skont il-Klawżoli, sakemm il-Klawżoli jew il-kuntratt ikun fihom informazzjoni kummerċjali, u f’dan il-każ tkun tista’ tneħħi informazzjoni kummerċjali bħal dan;

(i)

li, fil-każ ta’ sottoproċessar, l-attività ta’ pproċessar titwettaq b’konformità ma’ Klawżola 11 minn sottoproċessur fejn ikun provdut tal-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni għad-dejta personali u d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta bħala l-importatur tad-dejta taħt il-Klawżoli; kif ukoll

(j)

li hu jiżgura l-konformità ma’ Klawżola 4 (a) sa (i).

Klawżola 5

Obbligi tal-importatur tad-dejta  (2)

L-importatur tad-dejta jaqbel u jiggarantixxi:

(a)

li jipproċessa d-dejta personali biss f’isem l-esportatur tad-dejta u b’konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu u mal-Klawżoli; jekk hu ma jistax jipprovdi tali konformità, tkun liema raġuni tkun, hu jaqbel li jinforma fil-pront lill-esportatur tad-dejta bl-inkapaċità tiegħu li jikkonforma, f’liema każ l-esportatur tad-dejta jkun intitolat li jissospendi t-trasferiment tad-dejta u/jew jittermina l-kuntratt;

(b)

li m’għandu l-ebda raġuni għaliex jaħseb li l-leġiżlazzjoni applikabbli għalih twaqqfu milli jissodisfa l-istruzzjonijiet li jaslulu mill-esportatur tad-dejta u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt u li fil-każ ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni li hu mistenni li jkollha effetti negattivi sostanzjali fuq il-garanziji u l-obbligi pprovduta mill-Klawżoli, hu jinnotifika fil-pront lill-esportatur tad-dejta bit-tibdil hekk kif isir jaf, f’liema każ l-esportatur tad-dejta jkun intitolat li jissospendi t-trasferiment tad-dejta u/jew jittermina il-kuntratt;

(c)

li hu jkun implimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà speċifikati f’Appendiċi 2 qabel ma jipproċessa d-dejta personali trasferita;

(d)

li hu jinnotifika fil-pront lill-esportatur tad-dejta dwar:

(i)

kwalunkwe talba li torbot legalment għall-iżvelar tad-dejta personali mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi sakemm ma jkunx ipprojbit b’mod ieħor, bħal projbizzjoni taħt liġi kriminali biex jippriżerva l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi;

(ii)

kwalunkwe aċċess aċċidentali jew mhux awtorizzat;

(iii)

kwalunkwe talba li tasal direttament mis-suġġetti tad-dejta mingħajr ma jwieġeb għal dik it-talba, sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor biex jagħmel hekk;

(e)

li jitratta kif suppost u fil-pront il-mistoqsijiet kollha mill-esportatur tad-dejta relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali suġġetta għat-trasferiment u li jimxi mal-pariri tal-awtorità tas-superviżjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta trasferita;

(f)

li fuq it-talba tal-esportatur tad-dejta jissottometti l-faċilitajiet tiegħu għall-ipproċessar tad-dejta għall-verifika tal-attivitajiet ta’ pproċessar koperti mill-Klawżoli li għandhom jitwettqu mill-esportatur tad-dejta jew korp ta’ spezzjoni magħmul minn membri indipendenti u li għandhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa marbuta bid-dover tal-kunfidenzjalità, magħżula mill-esportatur tad-dejta, fejn applikabbli, bi qbil mal-awtorità tas-superviżjoni;

(g)

li jpoġġi għad-dispożizzjoni tas-suġġett tad-dejta meta jintalab, kopja tal-Klawżoli, jew kwalunkwe kuntratt eżistenti għas-sottoproċessar, sakemm il-Klawżoli jew il-kuntratt ma jinkludux informazzjoni kummerċjali, f’liema każ ikun jista’ jneħħi tali informazzjoni kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ Appendiċi 2 li postu għandu jittieħed minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ta’ sigurtà f’dawk il-każi fejn is-suġġett tad-dejta ma jkunx jista’ jikseb kopja mill-esportatur tad-dejta;

(h)

li, fil-każ tas-sottoproċessar, huwa jkun informa minn qabel lill-esportatur tad-dejta u kiseb il-kunsens bil-miktub minn qabel;

(i)

li s-servizzi tal-ipproċessar mis-sottoproċessur ikunu mwettqa b’konformità mal-Klawżola 11;

(j)

biex jibgħat fil-pront kopja ta’ kwalunkwe ftehim mas-sottoproċessur li jkun ikkonkluda taħt dawn il-klawżoli lill-esportatur tad-dejta.

Klawżola 6

Responsabbiltà

1.

Il-partijiet jaqblu li kwalunkwe suġġett tad-dejta, li sofra dannu bħala riżultat ta’ kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-Klawżola 3 jew Klawżola 11 minn kwalunkwe parti jew sottoproċessur huwa intitolat li jirċievi kumpens mill-esportatur tad-dejta għad-dannu soffert.

2.

Jekk suġġett tad-dejta ma jkunx jista’ jagħmel talba għall-kumpens skont il-paragrafu 1 kontra l-esportatur tad-dejta minħabba ksur min-naħa tal-importatur tad-dejta jew is-sottoproċessur tiegħu, jew kwalunkwe mill-obbligi tagħhom imsemmijin fi Klawżoli 3 jew fil-Klawżola 11 minħabba li l-esportatur tad-dejta jkun fattwalment għeb jew ma jkunx għadu jeżisti legalment jew ikun sar insolventi, l-importatur tad-dejta jaqbel li s-suġġett tad-dejta jista’ jiftaħ pretensjoni kontra l-importatur tad-dejta daqslikieku kien l-esportatur tad-dejta, sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi, f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza d-drittijiet tiegħu kontra entità bħal din.

L-importatur tad-dejta ma jistax jistrieħ fuq ksur min-naħa ta’ sottoproċessur tal-obbligi tiegħu sabiex jevita r-responsabbiltajiet tiegħu stess.

3.

Jekk suġġett tad-dejta ma jkunx jista jagħmel talba kontra l-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta msemmijin f’paragrafi 1 u 2 minħabba ksur ta’ kwalunkwe mill-obbligi msemmijin fi Klawżoli 3 jew fil-Klawżola 11 peress li kemm l-esportatur tad-dejta kif ukoll l-importatur tad-dejta jkunu fattwalment għebu jew ma jkunux għadhom jeżistu legalment jew ikunu saru insolventi, is-sottoproċessur jaqbel li s-suġġett tad-dejta jista’ jiftaħ pretensjoni kontra s-sottoproċessur tad-dejta fir-rigward tal-operazzjoni tal-ipproċessar tiegħu stess skont il-Klawżoli daqslikieku kien l-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta, sakemm ma jkunx hemm suċċessur legali li jkun ħa fuqu l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi, u f’liema każ is-suġġett tad-dejta jista’ jinforza d-drittijiet tiegħu kontra entità bħal din. Ir-responsabbiltà tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tiegħu stess taħt il-Klawżoli.

Klawżola 7

Medjazzjoni u ġuriżdizzjoni

1.

L-importatur tad-dejta jaqbel li jekk is-suġġett tad-dejta jinvoka kontrieh id-drittijiet tal-parti terza benefiċjarja u/jew pretensjonijiet għal kumpens minħabba ħsarat taħt il-Klawżoli, l-importatur tad-dejta jaċċetta d-deċiżjoni tas-suġġett tad-dejta:

(a)

li jirreferi t-tilwima għal medjazzjoni, permezz ta’ persuna indipendenti jew, fejn applikabbli, permezz ta’ awtorità ta’ superviżjoni;

(b)

li jirreferi t-tilwima lill-qrati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-esportatur tad-dejta.

2.

Il-partijiet jaqblu li l-għażla magħmula mis-suġġett tad-dejta ma tippreġudikax id-drittijiet sostantivi u proċedurali tiegħu li jfittex rimedji skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi nazzjonali jew internazzjonali.

Klawżola 8

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni

1.

L-esportatur tad-dejta jaqbel li jiddepożita kopja ta’ dan il-kuntratt mal-awtorità ta’ superviżjoni jekk din titolbu jew jekk tali depożitu jkun mitlub skont il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

2.

Il-partijiet jaqblu li l-awtorità ta’ superviżjoni għandha d-dritt li twettaq verifika tal-importatur tad-dejta, u ta’ kwalunkwe sottoproċessur, li għandu l-istess ambitu u huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-verifika tal-esportatur tad-dejta taħt il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

3.

L-importatur tad-dejta għandu jinforma fil-pront lill-esportatur tad-dejta dwar l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalih jew għal kwalunkwe sottoproċessur li timblokka l-kondotta ta’ verifika ta’ importatur tad-dejta, jew ta’ kwalunkwe sottoproċessur, skont il-paragrafu 2. F’każ bħal dan l-esportatur tad-dejta għandu jkun intitolat li jieħu l-miżuri previsti fi Klawżola 5 (b).

Klawżola 9

Liġi Regolatorja

Il-Klawżoli għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit, jiġifieri …

Klawżola 10

Varjazzjoni tal-kuntratt

Il-partijiet jintrabtu li la jvarjaw u lanqas jimmodifikaw il-Klawżoli. Dan ma jipprekludix lill-partijiet milli jżidu klawżoli jew kwistjonijiet relatati man-negozju fejn ikun meħtieġ sakemm ma jmorrux kontra lKlawżola.

Klawżola 11

Sottoproċessar

1.

L-importatur tad-dejta m’għandu jagħti b’sottokuntratt l-ebda waħda mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar tiegħu mwettqin f’isem l-esportatur tad-dejta taħt il-Klawżoli mingħajr il-kunsens bil-miktub u minn qabel tal-esportatur tad-dejta. Fejn l-importatur tad-dejta, bil-kunsens tal-esportatur tad-dejta, jagħti b’sottokuntratt l-obbligi tiegħu taħt il-Klawżoli, għandu jagħmel dan biss permezz ta’ qbil bil-miktub mas-sottoproċessur li jimponi l-istess obbligi fuq is-sottoproċessur kif inhuma imposti fuq l-importatur tad-dejta skont il-Klawżoli (3). Fejn is-sottoproċessur jonqos milli jonora l-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta taħt tali ftehim bil-miktub l-importatur tad-dejta għandu jibqa’ responsabbli mija fil-mija lejn l-esportatur tad-dejta għall-prestazzjoni tal-obbligi tas-sottoproċessur taħt tali ftehim.

2.

Il-kuntratt miktub li jkun bejn l-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur għandu jipprovdi wkoll għal klawżola tal-parti terza benefiċjarja kif stipulata fi Klawżola 3 għall-każijiet fejn is-Suġġett tad-Dejta mhux kapaċi jagħmel il-talba għal kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 tal- Klawżola 6, kontra l-Esportatur tad-Dejta jew l-Importatur tad-Dejta għaliex fattwalment ikunu għebu jew waqfu jeżistu legalment jew saru insolventi sakemm ma jkunx hemm entità suċċessur li tkun ħadet fuqha l-obbligi legali kollha tal-esportatur tad-dejta jew l-importatur tad-dejta bil-kuntratt jew permezz ta’ operat tal-liġi. Responsabbiltà bħal din ta’ parti terza tas-sottoproċessur għandha tkun limitata għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħha taħt il-Klawżoli.

3.

Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta għas-sottoproċessar tal-kuntratt imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn l-esportatur tad-dejta huwa stabbilit, jiġifieri …

4.

L-esportatur tad-dejta għandu jżomm lista ta’ ftehimiet tas-sottoproċessar konklużi skont il-Klawżoli u nnotifikati mill-importatur tad-dejta skont Klawżola 5 j), li għandha tkun aġġornata mill-anqas darba fis-sena. Il-lista għandha tkun disponibbli għall-awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-dejta tal-esportatur tad-dejta.

Klawżola 12

Obbligu wara t-terminazzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta personali

1.

Il-partijiet jaqblu li dwar it-terminazzjoni tad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta, l-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur għandhom, skont l-għażla tal-esportatur tad-dejta, jirritornaw id-dejta personali kollha trasferita u l-kopji tagħha lill-esportatur tad-dejta jew għandhom jiddistruġġu d-dejta personali kollha u jiċċertifikaw lill-esportatur tad-dejta li jkunu għamlu hekk, sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni imposta fuq l-importatur tad-dejta li twaqqfu milli jirritorna jew jiddistruġġi parti mid-dejta personali trasferita jew kollha kemm hi. F’dak il-każ, l-importatur tad-dejta jintrabat li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tad-dejta personali trasferita u ma jkomplix iżjed bl-ipproċessar attiv tad-dejta personali trasferita.

2.

L-importatur tad-dejta u s-sottoproċessur jiggarantixxu li fuq talba tal-esportatur tad-dejta u/jew l-awtorità superviżorja, jissottomettu l-faċilitajiet tagħhom tal-ipproċessar tad-dejta għal verifika tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

F’isem l-esportatur tad-dejta:

Isem (miktub sħiħ): …

Kariga: …

Indirizz: …

Informazzjoni oħra meħtieġa sabiex il-kuntratt ikun jorbot (jekk hemm):

Image

Firma …

F’isem l-importatur tad-dejta:

Isem (miktub sħiħ): …

Kariga: …

Indirizz: …

Informazzjoni oħra meħtieġa sabiex il-kuntratt ikun jorbot (jekk hemm):

Image

Firma …


(1)  Il-parijiet jistgħu jirriproduċu definizzjonijiet u tifsiriet inklużi fid-Direttiva 95/46/KE fi ħdan din il-klawżola jekk jikkunsidraw li hekk ikun aħjar għall-kuntratt biex ikun indipendenti.

(2)  Rekwiżiti mandatarji tal-liġi nazzjonali applikabbli għall-importatur tad-dejta li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika fuq il-bażi ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, jiġifieri, jekk huma jikkostitwixxu miżura meħtieġa biex jissalvagwardjaw id-difiża tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika, il-prevenzjoni, investigazzjoni, individwar u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ ksur ta’ etika għall-professjonijiet irregolati, interess importanti ekonomiku u finanzjarju għall-Istat jew il-protezzjoni tas-suġġett tad-dejta jew id-drittijiet u l-libertajiet- tal-oħrajn, mhumiex f’kontradizzjoni mal-klawżoli kuntrattwali standard. Xi eżempji ta’ tali rekwiżiti mandatorji li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’soċjetà demokratika huma, fost l-oħrajn, sanzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment, rekwiżiti ta’ rrappurtar tat-taxxa jew rekwiżiti ta’ rrappurtar ta’ ħasil tal-flus.

(3)  Dan ir-rekwiżit jista jiġi ssodisfatt mis-sottoproċessur li wkoll jiffirma l-kuntratt li jkun sar bejn l-esportatur tad-dejta u l-importatur tad-dejta skont din id-Deċiżjoni.

Appendiċi 1

Għall-klawżoli kuntrattwali standard

Dan l-Appendiċi jifforma parti mill-Klawżoli u għandu jimtela u jiġi ffirmat mill-partijiet

L-Istati Membri jistgħu jimlew jew jispeċifikaw, skont il-proċeduri nazzjonali tagħhom, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi inkluża f’dan l-Appendiċi

Esportatur tad-dejta

L-esportatur tad-dejta (jew jogħġbok speċifika fil-qosor l-attivitajiet tiegħek relevanti għat-trasferiment)

Importatur tad-dejta

L-importatur tad-dejta (jew jogħġbok speċifika fil-qosor l-attivitajiet tiegħek relevanti għat-trasferiment)

Suġġetti tad-dejta

Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji ta’ dejta li ġejjin tas-suġġetti tad-dejta (jekk jogħġbok speċifika):

Kategoriji tad-dejta

Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji ta’ dejta li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):

Kategoriji speċjali tad-dejta (jekk hu l-każ)

Id-dejta personali trasferita għandha x’taqsam mal-kategoriji speċjali ta’ dejta li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):

Operazzjonijiet ta’ pproċessar

Id-dejta personali trasferita se tkun suġġetta għall-attivitajiet bażiċi ta’ pproċessar li ġejjin (jekk jogħġbok speċifika):

 

ESPORTATUR TAD-DEJTA

Isem: …

Firma Awtorizzata …

 

IMPORTATUR TAD-DEJTA

Isem: …

Firma Awtorizzata …

Appendiċi 2

għall-klawżoli kuntrattwali standard

Dan l-Appendiċi jifforma parti mill-Klawżoli u għandu jimtela u jiġi ffirmat mill-partijiet

Deskrizzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà implimentati mill-importatur tad-dejta skont il-Klawżoli 4(d) u 5(c) (jew id-dokument/leġiżlazzjoni mehmuż/a):

KLAWŻOLA INDENIZZI ILLUSTRATTIVA (MHUX OBBLIGATORJA)

Responsabbiltà

Il-partijiet jaqblu li jekk parti waħda tinżamm responsabbli għall-ksur tal-klawżoli li jkun sar mill-parti l-oħra, tal-aħħar, sa fejn tkun responsabbli, tindennizza lill-ewwel parti għal kull spiża, imposta, ħsarat jew telf li tkun ġarrbet.

L-indennizzi hija kontinġenti fuq:

(a)

li l-esportatur tad-dejta jinnotifika fil-pront lill-importatur tad-dejta bi pretensjoni; kif ukoll

(b)

li l-importatur tad-dejta jingħata l-possibbiltà li jikkoopera mal-esportatur tad-dejta fid-difiża u t-tpaċija tal-pretensjoni (1).


(1)  Il-paragrafu fuq ir-responsabbiltajiet mhuwiex obbligatorju.


Top