EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0069

2010/69/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Frar 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2008/456/KE li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri, ir-regoli għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja u l-eliġibilità ta’ nefqiet fuq proġetti koofinanzjati mill-Fond (notifikata bid-dokument numru C(2010) 694)

OJ L 36, 9.2.2010, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 010 P. 182 - 183

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/69(1)/oj

9.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Frar 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2008/456/KE li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri, ir-regoli għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja u l-eliġibilità ta’ nefqiet fuq proġetti koofinanzjati mill-Fond

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 694)

(It-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Germaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż biss huma awtentiċi)

(2010/69/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi” (1) ta’ Migrazzjoni, partikolarment l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE, ġiet implimentata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/456/KE (2);

(2)

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda, huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu għat-total kumulattiv ta’ pagamenti minn qabel il-finanzjament għall-programmi annwali.

(3)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Madankollu, billi dik id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, innotifikat b’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007 it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali b’din id-Deċiżjoni.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fiha r-Renju Unit mhux qed jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (3). Għalhekk ir-Renju Unit mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li ma japplikawx għall-Irlanda, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 fir-rigward tat-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (4). Għaldaqstant l-Irlanda mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu taħt l-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (6).

(7)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tikkonsistitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqa’ fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8).

(8)

Fir-rigward ta' Liechtenstein, Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqa' fi ħdan l-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tat-28 ta' Frar 2008 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9).

(9)

Id-Deċiżjoni 2008/456/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/456/KE hija emendata kif ġej:

(1)

It-titolu tal-Artikolu 24 jinbidel b'dan li ġej:

“Progress u rapporti finali dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi annwali u rikjesti għall-pagamenti”.

(2)

Fl-Artikolu 24, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   B’referenza għall-Artikolu 41(3) u (4) tal-att bażiku, it-total kumulattiv tal-pagamenti ta’ qabel il-finanzjament li jsir lil Stat Membru m’għandux jeċċedi 90 % tal-ammont totali allokat lil Stat Membru bħal dan fid-deċiżjoni finanzjarja li tapprova l-programm annwali.

Fejn Stat Membru impenja ruħu fuq livell nazzjonali għal anqas mill-ammont totali allokat mid-deċiżjoni finanzjarja li tapprova l-programm annwali, it-total kumulattiv tal-pagamenti ta' qabel il-finanzjament m'għandux jeċċedi 90 % tal-ammont li ġie impenjat fuq livell nazzjonali.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika tal-Ungerija, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Renju tal-Olanda, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

(2)  ĠU L 167, 27.6.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  ĠU L 53. 27.2.2008, p. 52.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


Top