EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0037

Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)

OJ L 17, 22.1.2010, p. 43–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/37(1)/oj

22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2009

dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)

(2010/37/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, (1)

Billi:

(1)

It-Trattat jistabbilixxi ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (UE), li tikkomplimenta ċ-ċittadinanza nazzjonali tal-Istati Membri rispettivi u hija element importanti fit-tisħiħ u s-salvagwardjar tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

(2)

L-inkoraġġiment ta’ ċittadinanza attiva huwa element ewlieni fit-tisħiħ tal-koeżjoni u l-iżvilupp tad-demokrazija.

(3)

Is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva ser tikkontribwixxi biex jintwera li l-volontarjat huwa wieħed mid-dimensjonijiet ewlenin ta’ ċittadinanza attiva u ta’ demokrazija, li jpoġġi valuri Ewropej bħas-solidarjetà u n-nondiskriminazzjoni f’azzjoni u bħala tali jikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tas-soċjetajiet Ewropej.

(4)

L-attivitajiet ta’ volontarjat huma esperjenza rikka ta’ tagħlim, li tippermetti l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi soċjali u tikkontribwixxi għas-solidarjetà. L-azzjonijiet imwettqa mill-voluntiera ta’ kull età huma kruċjali għall-iżvilupp tad-demokrazija, waħda mill-prinċipji fundamentali tal-UE. L-attivitajiet ta’ volontarjat għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-benesseri tal-individwi u għall-iżvilupp armonjuż tas-soċjetajiet Ewropej.

(5)

B’kont debitu meħud tal-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u l-forom kollha tal-volontarjat, it-terminu “attivitajiet ta’ volontarjat” jirreferi għal kull xorta ta’ attività ta’ volontarjat, sew jekk formali, non-formali jew informali li persuna twettaq minn rajha, b’għażla jew motivazzjoni tagħha stess, u mingħajr ħsieb ta’ gwadann finanzjarju. Dawn jibbenefikaw lill-voluntier individwali, lill-komunitajiet u lis-soċjetà b’mod ġenerali. Huma wkoll mezz għal individwi u assoċjazzjonijiet biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u t-tħassib umani, soċjali, interġenerazzjonali jew ambjentali, u spiss jitwettqu b’appoġġ għal organizzazzjoni bla skop ta’ qligħ jew inizjattiva bbażata fuq il-komunità. L-attivitajiet ta’ volontarjat ma jissostitwixxux opportunitajiet ta’ mpjieg professjonali bi ħlas iżda jżidu valur għas-soċjetà.

(6)

F’soċjetajiet li jinbidlu b’rata mgħaġġla teżisti l-ħtieġa li jiġu żgurati miżuri ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ volontarjat li jippermettu lil aktar persuni jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ volontarjat. Huwa għalhekk importanti li jiġi appoġġat it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju u l-iżvilupp tal-aħjar prattika fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarji.

(7)

Il-Konferenza Intergovernattiva tal-1997 adottat id-Dikjarazzjoni 38 dwar attivitajiet ta’ volontarjat, li kienet mehmuża mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam u tirrikonoxxi l-kontribut importanti magħmul mill-attivitajiet ta’ servizz tal-volontarjat għall-iżvilupp tas-solidarjetà soċjali.

(8)

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 1997 dwar il-promozzjoni tar-rwol tal-organizzazzjonijiet u fondazzjonijiet tal-volontarjat fl-Ewropa, il-Kummissjoni enfasizzat tliet aspetti tal-organizzazzjonijiet u fondazzjonijiet tal-volontarjat; l-aspett ekonomiku tal-ħolqien tal-impjiegi, l-aspett soċjali ta’ għajnuna għad-definizzjoni ta’ politiki soċjali u permezz ta’ hekk kontribut għall-progress soċjali u l-aspett politiku, it-trawwim tad-demokrazija, taċ-ċittadinanza u tal-parteċipazzjoni ċivika.

(9)

Fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 u tas-16 ta’ Novembru 2007 u fir-Rakkomandazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill u l-Istati Membri rrikonoxxew l-attivitajiet ta’ volontarjat bħala aspett ċentrali fil-qasam taż-żgħażagħ u qablu dwar objettivi komuni għall-attivitajiet ta’ volontarjat taż-żgħażagħ kif ukoll dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ madwar l-UE.

(10)

Fl-Opinjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2006“Attività ta’ Volontarjat: l-irwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha” (2), il-Kumitat Ekonimiku u Soċjali Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tħabbar Sena tal-Volontarji, u tippubblika White Paper dwar attività ta’ volontarjat u ċittadinanza attiva fl-Ewropa mal-ewwel opportunità li jkollha.

(11)

F’Marzu 2008, il-Parlament Ewropew adotta rapport dwar “Ir-rwol tal-attivitajiet ta’ volontarjat fil-kontribut għall-koeżjoni ekonomika u soċjali” li ħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħrfu l-valur tal-attivitajiet ta’ volontarjat fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika.

(12)

F’Lulju 2008 il-Parlament Ewropew adotta Dikjarazzjoni bil-miktub li tappella għal Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011.

(13)

L-attivitajiet ta’ volontarjat huma fil-mira ta’ diversi programmi u netwerks komunitarji li jiffokaw, inter alia, fuq il-mobbiltà fl-attivitajiet ta’ volontarjat għall-persuni ta’ kull età, bħalma huwa l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (3), il-Programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” (4) u s-Servizz ta’ Volontarjat Ewropew tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni (5).

(14)

Teżisti firxa kbira ta’ attivitajiet ta’ volontarjat fl-Ewropa kollha li għandha tiġi ppreservata u żviluppata aktar.

(15)

Il-potenzjal tal-attivitajiet ta’ volontarjat għadu ma ntlaħaqx kompletament. Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva ser tipprovdi l-opportunità biex jintwera f’kuntest Ewropew li l-attivitajiet ta’ volontarjat iżidu l-parteċipazzjoni ċivika u jistgħu jgħinu biex jitrawwem sens ta’ appartenenza u ta’ impenn taċ-ċittadini għas-soċjetà tagħhom fil-livelli kollha — lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

(16)

Is-Sena tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva tista’ wkoll tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-settur tal-volontarjat, pereżempju fir-rigward tas-setturi u l-attivitajiet fejn in-nisa u l-irġiel jipparteċipaw jew fir-rigward tar-rappreżentanza f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-volontarjat.

(17)

Is-Sena 2011 ser tkun l-għaxar Anniversarju tas-Sena Internazzjonali tal-Volontarjat 2001 tan-Nazzjonijiet Uniti.

(18)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju, li għandu jikkostitwixxi r-referenza prinċipali għall-awtorità baġitarja fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (6).

(19)

L-objettivi tas-Sena Ewropea proposta ma jistgħux jinkisbu interament fil-livell tal-Istati Membri minħabba l-bżonn ta’ skambju transnazzjonali ta’ informazzjoni u disseminazzjoni tal-aħjar prattika madwar il-Komunità, u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Is-sena 2011 għandha tingħażel bħala is-Sena Ewropea tal-attivitajiet ta’ Volontarjat li tippromwovi ċittadinanza attiva (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “is-Sena Ewropea”).

Artikolu 2

Objettivi

L-iskop globali tas-Sena Ewropea ser ikun li jitħeġġu u jiġu appoġġati notevolment permezz tal-iskambju tal-esperjenza u l-aħjar prattika l-isforzi tal-Komunità, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għas-soċjetà ċivili li jwasslu għall-volontarjat fl-Unjoni Ewropea (UE) u għaż-żieda tal-viżibbiltà tal-attivitajiet ta’ volontarjat fl-UE.

L-objettivi tas-Sena Ewropea għandhom ikunu biex:

1.

issir ħidma għal ambjent li jiffaċilita l-volontarjat fl-UE sabiex il-volontarjat jiġi stabbilit bħala parti mill-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivili u l-attivitajiet interpersonali fil-kuntest tal-UE u fl-indirizzar ta’ ostakoli eżistenti għall-attivitajiet ta’ volontarjat, fejn adatt u meħtieġ;

2.

l-organizzaturi tal-attivitajiet ta’ volontarjat jingħataw is-setgħa biex itejbu l-kwalità tal-attivatijiet ta’ volontarjat sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ volontarjat u tingħata għajnuna lill-organizzaturi biex jimplimentaw attivitajiet ġodda ta’ volontarjat u biex iħeġġu n-netwerking, il-mobbiltà, il-kooperazzjoni u s-sinerġiji fis-soċjetà ċivili u setturi oħrajn fil-kuntest tal-UE;

3.

ikunu rikonoxxuti l-attivitajiet ta’ volontarjat sabiex jitħeġġu inċentivi adatti għall-individwi, il-kumpanniji u l-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp tal-volontarjat u biex jinkiseb għarfien għall-volontarjat fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri minn min ifassal il-politika, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mill-istituzzjonijiet pubbliċi, mis-settur tal-edukazzjoni formali u nonformali u minn min iħaddem għal ħiliet u kompetenzi żviluppati permezz tal-volontarjat;

4.

tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur u l-importanza tal-volontarjat sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-volontarjat bħala espressjoni tal-parteċipazzjoni ċivika li tikkontribwixxi għal kwistjonijiet li huma ta’ tħassib komuni għall-Istati Membri kollha, bħall-iżvilupp armonjuż tas-soċjetà u l-koeżjoni soċjali.

Artikolu 3

Inizjattivi involuti

1.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 jistgħu jinkludu l-inizjattivi li ġejjin organizzati f’livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali jew lokali marbuta mal-objettivi tas-Sena Ewropea:

(a)

skambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattika;

(b)

twettiq ta’ studji u riċerka kif ukoll id-disseminazzjoni tar-riżultati tagħhom;

(ċ)

konferenzi u avvenimenti biex jiġi promoss id-dibattitu u n-nies isiru konxji tal-importanza u l-valur tal-attivitajiet ta’ volontarjat li jistimolaw l-impenn taċ-ċittadini u biex jiċċelebraw l-isforzi tal-voluntiera u l-organizzazzjonijiet tagħhom;

(d)

inizjattivi konkreti fl-Istati Membri immirati lejn il-promossjoni tal-objettivi tas-Sena Ewropea; mill-anqas 25 % tal-baġit totali tas-sena jiġi użat għal dan il-għan;

(e)

informazzjoni u kampanji ta’ promozzjoni biex jiġu disseminati l-messaġġi ewlenin.

Id-dettalji atl-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Finanzjament Komunitarju għal proġetti jista’ jingħata esklussivament permezz ta’ programmi Komunitarji eżistenti.

Artikolu 4

Kooperazzjoni mal-Istati Membri

Sat-28 ta’ Frar 2010 kull Stat Membru għandu jinnomina korp responsabbli mill-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sena Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni”) u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dik in-nomina.

Fit-twettiq tal-azzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fit-tfassil tal-programm nazzjonali, il-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jikkonsulta mill-qrib u jikkoopera ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u fejn adatt l-aġenziji nazzjonali jew il-punti ta’ kuntatt ta’ programmi Komunitarji rilevanti.

Il-programm nazzjonali u l-prijoritajiet tas-Sena Ewropea għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi elenkati fl-Artikolu 2 u d-dettalji tal-miżuri stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Koordinazzjoni fil-livell Komunitarju u implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni biex tikkoordina l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea u biex isir skambju tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni għandha wkoll torganizza laqgħat ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet jew korpi Ewropej attivi fil-qasam tal-volontarjat u partijiet interessati biex jassistu lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-Livell Komunitarju.

Il-Kummissjoni għandha timplimenta s-Sena Ewropea fil-livell Komunitarju.

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jiġu assoċjati fl-attivitajiet.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-miżuri li huma min-natura tagħhom mifruxa mal-Komunità kollha, imsemmija fil-Parti A tal-Anness, għandhom iwasslu għal sejħa għall-offerti jew għal għotjiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Il-miżuri li huma min-natura tagħhom mifruxa mal-Komunità kollha, imsemmija fil-Parti B tal-Anness jistgħu jiġu ko-finanzjati mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel għotja lil kull korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni skont il-proċedura stabbilita fil-Parti C tal-Anness.

Artikolu 7

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 8 000 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 8

Kooperazzjoni internazzjonali

Għall-finijiet tas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li tiżgura l-viżibilità tal-parteċipazzjoni tal-UE.

Artikolu 9

Konsistenza u l-kumplimentarjetà

Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri għandha tiżgura li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu konsistenti ma’ skemi u inizjattivi Komunitarji, nazzjonali, u reġjonali oħrajn li jgħinu biex jinkisbu l-objettivi tas-Sena Ewropea.

Artikolu 10

Ħarsien tal-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni jkunu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u bl-irkupru tal-ammonti mħallsa meta mhux dovuti u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonali u disważivi, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (7), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (8), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

2.   Fir-rigward tal-azzjonijiet Komunitarji li jkunu ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, il- (10) kunċett ta’ irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali naxxenti minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jkollu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew il-baġits amministrati minnhom, minħabba punt ta’ nefqa mhux iġġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk hi ssib xi irregolaritajiet, b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt li jagħti l-appoġġ finanzjarju rilevanti, jew fl-eventwalita’ li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni kienet soġġetta għal tibdil sinifikanti li jikkonfliġġi man-natura tagħha jew mal-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha.

4.   Jekk l-iskadenzi ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata tkun ġustifikata mill-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju jippreżenta osservazzjonijiet f’perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-assistenza finanzjarja rimanenti u titlob il-ħlas lura tal-ammonti diġà mħallsa.

5.   Kwalunkwe ammont li ma kellux jitħallas ikollu jintradd lill-Kummissjoni. Għandu jiżdied l-imgħax ma’ kwalunkwe ammont li ma jitħallasx lura fi żmien debitu skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-inizjattivi previsti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

L. ADELSOHN LILJEROTH


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46.

(3)  Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45).

(4)  Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Europe for Citizens għall-perjodu 2007-2013 li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32).

(5)  Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perijodu 2007-2013 (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30).

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(8)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

Dettalji tal-miżuri msemmija fl-artikolu 3

Bħala prinċipju ta’ gwida, l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea ser tibni fuq l-appartenenza, il-mobilizzazzjoni fuq skala kbira u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ser titwettaq permezz tal-miżuri li ġejjin:

A.   INIZJATTIVI DIRETTI TAL-KOMUNITÀ

Il-finanzjament ġeneralment ser jieħu l-forma ta’ akkwist dirett tal-prodotti u s-servizzi skont il-kuntratti oqfsa attwali. Tista’ ukoll tieħu l-forma ta’ għotjiet.

1.   Kampanji ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jinkludu:

avvenimenti u forums b’viżibilità għolja għall-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattika;

kompetizzjonijiet bi premjijiet jew mingħajr;

kooperazzjoni mas-settur privat, ix-xandara u l-mezzi tax-xandir l-oħra bħala msieħba għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar attivitajiet volontarji u s-Sena Ewropea;

il-produzzjoni ta’ materjal jew għodda għall-mezzi tax-xandir disponibbli madwar l-UE biex jiġi stimulat l-interess pubbliku;

miżuri biex jiġu pubbliċizzati r-riżultati u jikber il-profil tal-programmi, l-iskemi u l-inizjattivi Komunitarji li jikkontribwixxu għall-objettivi tas-Sena Ewropea;

l-istabbiliment ta’ websajt informattiv fuq is-sit tal-Ewropa, inkluż portal għal min jippromwovi l-proġetti dwar il-volontarjat, biex jiggwidahom fid-diversi programmi u inizjattivi Komunitarji.

2.   Inizjattivi oħrajn:

stħarriġ u studji fil-livell Komunitarju biex isiru valutazzjoni u rappurtar dwar it-tħejjija, l-effettività, l-impatt u l-monitoraġġ fit-tul tas-Sena Ewropea.

B.   KO-FINANZJAMENT TA’ INIZJATTIVI TAL-KOMUNITÀ

Avvenimenti b’viżibbiltà kbira fuq skala Ewropea li għandhom l-għan li jagħmlu n-nies konxji dwar l-objettivi tas-Sena Ewropea, possibbilment organizzati f’kooperazzjoni mal-Presidenzi fil-kariga matul l-2011, jistgħu jirċievu għotja Komunitarja li ma taqbiżx it-80 % tal-ispiża totali eliġibbli.

C.   KO-FINANZJAMENT TA’ INIZJATTIVI NAZZJONALI

Kull korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jippreżenta applikazzjoni waħda għall-finanzjament Komunitarju. Dik l-applikazzjoni għall-għotja għandha tiddeskrivi l-programm ta’ ħidma tal-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni jew l-azzjoni li għandha tiġi finanzjata u tkun promossa s-Sena Ewropea. L-applikazzjoni għall-għotja għandha tkun akkumpanjata minn baġit dettaljat li jistipula l-ispejjeż totali tal-inizjattivi/il-programm ta’ ħidma proposti u l-ammont u s-sors ta’ kofinanzjament. L-għotja tal-Komunità tista’ tkopri sa 80 % tal- spiża totali eliġibbli.

Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-ammonti indikattivi disponibbli għal għotjiet lil kull korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Il-kriterji għandhom iqisu l-popolazzjoni, l-ispiża tal-għajxien u ammont fiss għal kull Stat Membru biex ikun garantit livell minimu ta’ attivitajiet.

L-ammonti finali mogħtija għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-appilkazzjonijiet individwali tal-għotjiet imressqa mill-korp nazzjonali ta’ koordinazzjoni. Il-kofinanzjament Komunitarju massimu huwa stabbilit għal 80 % tal-ispiża totali eliġibbli.

Il-programmi ta’ ħidma/l-azzjonijiet jistgħu jinkludu:

laqgħat u avvenimenti marbuta mal-objettivi tas-Sena Ewropea, inklużi avvenimenti nazzjonali għal-varar u l-promozzjoni tas-Sena Ewropea, biex joħolqu effett katalista u jipprovdu spazji miftuħa għal dibattitu dwar inizjattivi konkreti;

konferenzi u seminars fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippermettu tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika;

informazzjoni, attivitajiet ta’ riċerka u studji relatati, kampanji edukattivi u promozzjonali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluża l-organizzazzjoni ta’ premjijiet u kompetizzjonijiet;

kooperazzjoni mal-mezzi tax-xandir.

D.   INIZJATTIVI LI MA JIBBENEFIKAW MINN EBDA ASSISTENZA FINANZJARJA KOMUNITARJA

Il-Komunità ser tagħti appoġġ mhux finanzjarju, inkluża l-awtorizzazzjoni bil-miktub għall-użu tal-logo, meta dan ikun lest, u materjali oħra assoċjati mas-Sena Ewropea, għal inizjattivi mwettqa minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, sakemm dawn jagħtu garanzija lill-Kummissjoni li l-inizjattivi kkonċernati jitwettqu jew ser jitwettqu matul is-sena 2011 u huma probabbli li jagħmlu kontribut sinifikanti għall-kisba tal-objettivi tas-Sena Ewropea.


Top