EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0926

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 tal- 24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

OJ L 262, 6.10.2009, p. 19–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 054 P. 286 - 302

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/926/oj

6.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/19


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 926/2009

tal-24 ta’ Settembru 2009

li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’ mod partikolari l-Artikoli 9 u 10 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-miżuri provviżorji

(1)

Fid-9 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat avviż (2) li jniedi proċediment kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Fit-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 289/2009 (3) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ.

(2)

Il-proċediment wara li tressaq ilment mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon maġġuri, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-ħadid jew tal-azzar.

(3)

Kif stipulat fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami ta’ xejriet rilevanti għall-valutazzjoni ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-aħħar tal-PI (“il-perjodu meqjus”).

2.   Il-proċedura sussegwenti

(4)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji kontra d-dumping (“l-iżvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju addizzjonali lill-produtturi Komunitarji meqjusa fil-kampjun biex tiġbor aktar tagħrif li jikkonċerna l-iżviluppi fis-suq u l-evoluzzjoni ta’ indikaturi ewlenin ta’ dannu wara t-tmiem tal-PI. Saru żjarat addizzjonali ta’ verifika fuq il-post wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji għand il-produtturi li ġejjin ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura fl-UE:

Vallourec & Mannesmann Deutschland GmbH, Düsseldorf, il-Ġermanja,

Vallourec & Mannesmann France, Boulogne-Billancourt, Franza,

Tenaris-Dalmine SpA, Dalmine, l-Italja,

Tubos Reunidos SA, Amurrio Spanja,

Productos Tubulares SA, Valle de Trapaga, Spanja,

Barra minn hekk, saret żjara ta’ verifika għand il-kwerelant, f’Boulogne-Billancourt, Franza.

(6)

Il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi ulterjuri tad-dokumenti fil-każ tar-risposti għall-kwestjonarju mill-erba’ produtturi esportaturi li ntgħażlu għall-kampjun, inkluża b’mod partikolari l-verifika tal-listi tat-tranżazzjonijiet provduti mill-esportaturi li ġejjin:

Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd,

Hengyang Valin Steel Tube Co., Ltd,

Shandong Luxing Steel Pipe Co. Ltd,

Tianjin Pipe International Economic & Trading Corporation.

(7)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ u l-ġbir definittiv ta’ ammonti li ġew garantiti permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat.

(8)

Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skont dan.

3.   Teħid ta’ kampjuni

(9)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ u tal-produtturi Komunitarji, is-sejbiet provviżorji fil-premessi (11) sa (12) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(10)

Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, bi profil trasversali ċirkulari, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm b’Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (VEK) li ma jaqbiżx iż-0,86 skont il-formola tal-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW) u analiżi kimika (4), li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”), attwalment klassifikabbli fil-kodiċi NM ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 23 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 20, ex 7304 31 80, ex 7304 39 10, ex 7304 39 52, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 81, ex 7304 51 89, ex 7304 59 10, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93 (5).

(11)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, instab żball klerikali fin-numerazzjoni tar-Rapport Tekniku msemmi fin-nota tal-qiegħ tal-premessa (14) tar-Regolament provviżorju għad-determinazzjoni tal-Valur Ewkivalenti tal-Karbonju (VEK). Ir-referenza korretta hija r-Rapport Tekniku, 1967, IIW dok. IX-555-67, maħruġ mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).

(12)

Wara żvelar provviżorju, l-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Ħadid u l-Azzar (“CISA”) stqarret li l-kodiċi NM li jkopru l-prodott ikkonċernat kienu jkopru wkoll għadd ta’ prodotti oħra li jaqgħu ‘l hinn mill-ambitu tal-investigazzjoni, bħal prodotti b’dijametru estern ta’ aktar minn 406,4 mm jew b’VEK li jaqbeż ż-0,86 u, minħabba f’hekk, iċ-ċifri tal-importazzjoni użati fl-investigazzjoni jispiċċaw ikunu ikbar milli huma attwalment. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jinnota li l-prodotti b’dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm jew b’VEK li jaqbeż ż-0,86 skont il-formola tal-IIW u l-analiżi kimika m’humiex ikkonċernati minn dawn il-proċedimenti. Barra minn hekk, ma nstabet l-ebda evidenza fost il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li dawn il-prodotti huma mmanifatturati fir-RPĊ fi kwantitajiet sinifikanti. Għaldaqstant, ġie konkluż li ma hemm ebda evidenza kredibbli fir-rigward tal-importazzjoni ta’ kwalunkwe kwantitajiet sinifikanti ta’ prodotti Ċiniżi ta’ dan it-tip lejn l-UE.

(13)

Wara l-iżvelar finali, is-CISA tenniet li l-prodotti tubulari għall-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt (“OCTG”) għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u semmiet li pajjiżi oħra, fosthom l-Istati Uniti, jittrattaw l-OCTG bħala parti minn suq separat għall-fini ta’ investigazzjonijiet kontra d-dumping. Il-gvern Ċiniż għamel stqarrijiet simili (“MOFCOM”).

(14)

L-istqarrijiet imsemmija hawn fuq ġew analizzati fid-dettall u nstab li t-tipi differenti ta’ pajpijiet u tubi bla saldatura, fosthom l-OCTG, li ġew inklużi fid-definizzjoni tal-prodott jaqsmu bejniethom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, li jfisser li dawn jappartjenu għall-istess kategorija ta’ prodott. Il-fatt li dawn it-tipi ta’ prodotti differenti jvarjaw sa ċertu punt fil-karatteristiċi tagħhom, f’kemm jiġu jiswew flus u fi prezzhom huwa ħaġa normali. Barra minn hekk, il-fatt li awtoritajiet investigattivi oħrajn jagħmlu investigazzjonijiet li jirrigwardjaw l-OCTG biss jista’ jkun minħabba l-partikolaritajiet ta’ dan it-tip ta’ investigazzjonijiet, jiġifieri l-ambitu tal-ilment li fuqu jkunu msejsa. Tabilħaqq, instab li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma kellhomx għalfejn jinvestigaw jekk l-OCTG għandhomx l-istess karatteristiċi bħal pajpijiet u tubi bla saldatura oħrajn. Barra minn hekk, l-industrija Komunitarja pprovdiet evidenza dwar l-interkambjalità bejn dawk li jissejħu plain-end OCTG u prodotti oħra suġġetti għall-investigazzjoni.

(15)

Ġie argumentat ukoll li biex jiġi definit il-prodott ikkonċernat ingħatat importanza żejda lil elementi bħall-ħxuna tal-ħajt, id-dijametru estern, u l-limitu tal-VEK, filwaqt li ma ngħatatx attenzjoni xierqa lil karatteristiċi tekniċi bħall-pressjoni għolja u r-reżistenza għolja kontra s-sadid u l-eżistenza tal-istandards speċjali għall-OCTG tal-American Petroleum Institute (“API”).

(16)

Qabelxejn, ta’ min wieħed jinnota li billi l-ħxuna tal-ħajt ma hix użata fid-definizzjoni tal-ambitu tal-investigazzjoni, id-dijametru estern u l-limitu tal-VEK għadhom l-aktar elementi adatti sabiex jiġi identifikat il-prodott ikkonċernat. Id-dijametru estern huwa wkoll element użat biex il-prodott jiġi distint għal għanijiet statistiċi u doganali. Fir-rigward tal-limitu tal-VEK, dan jiddefinixxi l-livell li fih prodott jista’ jiġi wweldjat u l-limitu huwa ffissat bħala 0,86 biex jifred il-prodotti li jistgħu faċilment jiġu wweldjati minn dawk li ma jistgħux. It-tieni nett, l-informazzjoni pprovduta mill-industrija Komunitarja turi li OCTG, bħal tipi oħra ta’ tubi, jistgħu jkollhom kemm reżistenza għas-sadid/pressjoni għolja kif ukoll baxxa. Għaldaqstant, la r-reżistenza għas-sadid u l-anqas dik għall-pressjoni ma jistgħu jintużaw bħala kriterji li permezz tagħhom jiġi definit il-prodott ikkonċernat. It-tielet nett, l-istandards speċjali tal-API jeżistu fir-rigward tal-OCTG u pajpijiet lineari billi dawn jintużaw fis-settur petroliferu. Madankollu, it-tubi użati f’setturi oħra huma suġġetti wkoll għal standards simili, minkejja li dawn huma maħruġa minn organizazzjonijiet oħrajn (eż. ASTM). Minħabba f’hekk, il-fatt li l-istandards huma maħruġa minn xi organizzazzjoni partikolari jew oħra ma għandux ikun element li jiddefinixxi l-ambitu tal-prodott f’investigazzjoni kontra d-dumping. Bħala konklużjoni, la s-CISA u lanqas il-MOFCOM ma ressqu elementi alternattivi validi biex jiddefinixxu aħjar l-ambitu tal-prodott, u lanqas ma pproponew kriterji li jafu jkunu iktar xierqa biex jiġi ddefinit il-prodott ikkonċernat, minbarra r-reżistenza għolja kontra s-sadid/il-pressjoni msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, l-ebda parti ma pproponiet livell differenti ta’ VEK bħala limitu iktar xieraq. Għaldaqstant, l-istqarrijiet dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat huma miċħuda.

(17)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż b’mod definit li l-prodott ikkonċernat jinkorpora, inter alia, l-OCTG użati għat-tħaffir, kisi u tubaturi fl-industrija taż-żejt, u l-premessi minn (14) sa (19) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati b’mod definittiv.

C.   ID-DUMPING

1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”)

(18)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti, il-kontenut tal-premessi minn (20) sa (27) tar-Regolament provviżorju rigward is-sejbiet dwar it-TES huwa permezz ta’ dan ikkonfermat b’mod definittiv.

2.   Trattament individwali (“TI”)

(19)

Wara l-iżvelar provviżorju, il-kwerelant saħaq li produttur esportatur wieħed li ngħata TI provviżorju ma kellux jingħata TI, billi fost affarijiet oħra, dan allegatament kien proprjetà maġġoritarja tal-istat.

(20)

Aktar investigazzjoni wriet li l-istat Ċiniż (b’mod indirett) kellu xi sehem fil-kumpanija msemmija, imma matul il-PI sehem l-istat kien wieħed minoritarju. Madankollu, dan is-sehem proprjetarju nbidel b’mod sinifikanti fi tmiem l-2008 (wara l-PI) meta l-istat Ċiniż akkwista aktar ishma tal-kumpanija proprjetarja u sehem l-istat għalhekk sar wieħed maġġoritarju. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prodottur esportatur inkwistjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u ma għandux jingħata TI.

(21)

Wara l-iżvelar finali, il-kumpanija inkwistjoni tenniet l-argument tagħha li s-sehem proprjetarju miżjud tal-istat Ċiniż seħħ wara l-PI. Barra minn hekk, il-kumpanija argumentat li ż-żieda fis-sehem proprjetarju kienet maħsuba biss u b’mod ċar biex tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-kumpanija proprjetarja minħabba l-kriżi finanzjarja. B’mod partikolari, il-kumpanija inkwistjoni stqarret li ż-żieda fis-sehem proprjetarju ma laqtitx l-istruttura maniġerjali, il-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi u l-attivitajiet kummerċjali. Stqarret ukoll li l-bidla fis-sehem proprjetarju ma kellha l-ebda effett fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanija fir-rigward tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni li baqgħu jsiru indipendentement mill-istat. Il-kumpanija ssottomettiet ukoll li l-ebda evidenza ma ġiet murija li f’dan il-każ l-influwenza tal-istat setgħet kienet daqstant li tippermetti l-ħelsien minn miżuri li kieku l-kumpanija kellha tingħata rata ta’ dazju individwali.

(22)

Biex jingħataw TI, il-produtturi esportaturi jeħtieġ li juru li jissodisfaw il-kriterji kollha nnumerati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Wieħed minn dawn il-kriterji huwa li maġġoranza tal-ishma jkunu f’idejn persuni privati. Madankollu, fir-rigward tal-kumpanija inkwistjoni, dan il-kriterju ma ġiex issodisfat sa minn tmiem l-2008.

(23)

Minħabba f’hekk, minkejja li l-bidla fis-sidien seħħet biss wara l-PI (imma xorta qabel ma ġiet konkluża l-investigazzjoni) u b’konsiderazzjoni tan-natura prospettiva tas-sejbiet fir-rigward tat-TI, ġie konkluż li din il-kumpanija ma għandhiex tingħata TI, billi ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(24)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti oħra li jolqtu t-TI, il-kontenut tal-premessi minn (28) sa (32) tar-Regolament provviżorju, għajr dawk li jikkonċernaw lill-kumpanija msemmija fil-premessi minn (19) sa (23) hawn fuq, huwa permezz ta’ dan ikkonfermat b’mod definittiv.

3.   Il-valur normali

3.1.   Il-pajjiż analogu

(25)

Wara żvelar provviżorju, tliet partijiet issottemettew li l-Istati Uniti tal-Amerika ma kinux pajjiż analogu xieraq billi l-kundizzjonijiet tas-suq fl-Istati Uniti tal-Amerika u fir-RPĊ kienu differenti b’mod sinifikanti. Ġie ssottomess ukoll li l-kalkolu tal-valur normali kien imsejjes fuq id-dejta ta’ produttur wieħed biss, li hu relatat ma’ prodottur fil-Komunità, u għaldaqstant ma kienx rappreżentattiv.

(26)

Ġie nnutat li r-Regolament bażiku jirrikjedi li l-pajjiż analogu jintgħażel b’mod li ma jkunx irraġonevoli. Il-partijiet imsemmija hawn fuq naqsu milli jipprovdu evidenza sostanzjata li l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika ma kinetx waħda raġonevoli. B’mod partikolari, dawn ma ddubitawx il-kompetittività tas-suq tal-Istati Uniti, li n-nuqqas tagħha, pereżempju, kien kieku jħalli impatt fuq il-livell tal-prezzijiet stabbiliti. Ġie nnutat ukoll li l-ebda parti inkwistjoni ma ressqet xi għażla alternattiva għall-pajjiż analogu.

(27)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż b’mod definittiv li l-Istati Uniti tal-Amerika huwa pajjiż analogu adatt u l-premessi minn (33) sa (38) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

3.2.   Determinazzjoni tal-valur normali

(28)

Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (39) sa (44) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

4.   Il-Prezz tal-Esportazzjoni

(29)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-kontenut tal-premessa (45) tar-Regolament provviżorju huwa permezz ta’ dan ikkonfermat.

5.   It-tqabbil

(30)

Wara l-iżvelar provviżorju, produttur esportatur wieħed semma li s-simplifikazzjoni applikata lin-numru tal-kontroll tal-prodott (sabiex jiżdied il-livell ta’ tqabbil bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili mill-pajjiż analogu) wasslet għal tqabbil mhux ġust billi qieset għadd ta’ tipi ta’ pajpijiet u tubi bla saldatura bħala kategorija ta’ prodott wieħed. Wara dan il-kumment, ġie deċiż li jista’ jiġi applikat raggruppament differenti tan-numri ta’ kontroll tal-prodott li jkun jippermetti livell simili ta’ tqabbil – jiġifieri fir-rigward tad-dijametru tal-pajp u l-ħxuna tal-ħajt.

(31)

Wara l-iżvelar provviżorju, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniża fil-livell tal-ħruġ tal-prodott mill-fabbrika ġew reveduti ‘l isfel sabiex jitqiesu l-ispejjeż kollha tat-trasport. Fl-istess waqt, il-valur normali ġie revedut ‘il fuq minħabba xi korrezzjonijiet li jikkonċernaw il-benefiċċji għat-trasport u l-iskonti.

(32)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward it-tqabbil, il-kontenut tal-premessi (46) u (47) tar-Regolament provviżorju huwa permezz ta’ dan ikkonfermat.

6.   Il-marġini ta’ dumping

(33)

Fl-assenza ta’ kummenti rigward il-kalkolu tal-marġini ta’ dumping, u suġġett għall-bidliet imsemmija fil-premessi (30) u (31), il-kontenut tal-premessi minn (48) sa (51) tar-Regolament provviżorju huwa permezz ta’ dan ikkonfermat.

(34)

L-ammont ta’ dumping finalment iddeterminat, espress f’perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja b’CIF nett, qabel id-dazju, huwa kif ġej:

Il-kumpanija

Il-marġini definittiv ta’ dumping

Shandong Luxing Steel Pipe Co. Ltd.

64,8  %

Kumpaniji oħra li kkooperaw

48,6  %

Dak li jifdal

73,1  %

D.   ID-DANNU

1.   Il-produzzjoni Komunitarja, l-industrija Komunitarja u l-konsum Komunitarju

(35)

Is-CISA stqarret li, skont informazzjoni rilaxxata minn aġenzija speċjalizzata (Steel Business Briefing), fl-2007 kien hemm talanqas 40 produttur Komunitarju li jimmanifatturaw il-prodott simili fl-UE-27 bi produzzjoni ta’ madwar 5,8 miljun tunnellata, u li dan jikkontradixxi d-dejta relevanti misjuba fir-Regolament provviżorju. Is-CISA stqarret ukoll li, skont informazzjoni rilaxxata mill-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, il-konsum Komunitarju kien ta’ madwar 4,6 miljun tunnellata fl-2007, jiġifieri ferm ogħla minn dak li ġie rrappurtat fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju. Produttur esportatur Ċiniż għamel stqarrijiet simili ukoll.

(36)

L-eżaminar tal-informazzjoni provduta juri li ċ-ċifri rrappurtati jirreferu għall-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldatura kollha u mhux il-prodott simili kif imfisser fir-Regolament provviżorju u fil-premessi minn (10) sa (17) ta’ hawn fuq, u jinkludu prodotti oħra bħal pajpijiet u tubi kbar (jiġifieri b’dijametru li jisboq l-406,4 mm) u pajpijiet u tubi tal-istainless steel. Dan jispjega d-diskrepanza bejn l-informazzjoni msemmija fil-premessa (35) u dik misjuba fir-Regolament provviżorju. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-ismijiet u l-lokalitajiet tal-produtturi Komunitarji kollha magħrufa tal-prodott inkwistjoni kienu inklużi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Jekk is-CISA kienet qieset li kien hemm xi produtturi oħra tal-prodott inkwistjoni fl-UE, imissha eventwalment ipprovdiet evidenza suffiċjenti biex tidentifikahom, ħalli kull kumpanija ta’ dan it-tip kienet tiġi kkunsidrata wkoll.

(37)

L-istqarrijiet imsemmija hawn fuq huma għaldaqstant irrifjutati u l-kontenut tal-premessi minn (53) sa (58) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Volum, sehem tas-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati u l-prezzijiet tal-importazzjoni

(38)

Wara kummenti li tressqu mis-CISA, ġie ċċarat li l-premessa (60) tar-Regolament provviżorju għandha tkun intiża li tfisser li l-OCTG u t-taqsimiet tas-suq tal-ġenerazzjoni tal-qawwa jirrappreżentaw kull waħda anqas minn 5 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ. Minħabba li ma hemm ebda stqarrijiet jew kummenti oħra, il-premessi minn (59) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

(b)   Il-bejgħ bi prezz irħas

(39)

Produttur esportatur, tliet produtturi Komunitarji u l-kwerelant ressqu kummenti marbuta mal-kalkolu tat-traħħis tal-prezzijiet u l-marġini ta’ danni. Dawn il-kummenti ġew analizzati u, fejn xieraq, il-kalkoli ġew emendati.

(40)

Produttur esportatur wieħed stqarr li l-aġġustamenti li saru biex jitqabblu fuq bażi ġusta l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-prezzijiet tat-tipi ta’ prodott korrispondenti mibjugħa mill-industrija Komunitarja ma kinux adegwati, billi dawn ma kinux jinkludu ammont għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u l-profitt ta’ importatur indipendenti. Il-kwerelant stqarr li, għall-kuntrarju ta’ dan, il-livell ta’ dawn l-aġġustamenti kien għoli żżejjed. Fir-rigward tal-istqarrija tal-prodottur esportatur, instab li l-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-produtturi Komunitarji spiss kienu qed ibiegħu lill-istess konsumaturi. Għaldaqstant, ma kienx ġustifikat aġġustament ulterjuri għall-prezzijiet tal-importazzjoni. Wara li ġiet mistħarrġa l-evidenza provduta, ġie konkluż li l-istqarrijiet għandhom jiġi rrifjutati u ż-żewġ partijiet ġew mgħarrfa bir-raġunijiet għal dan.

(41)

Il-kwerelant stqarr li l-kalkolu tad-differenzi fil-livell ta’ kummerċ kien skorrett billi l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu jbiegħu wkoll direttament lill-utenti u li għal bejgħ bħal dan ma huwa garantit l-ebda livell ta’ aġġustament kummerċjali. Din l-istqarrija nstab li kienet korretta għal xi produtturi esportaturi Ċiniżi u l-livell ta’ aġġustament kummerċjali ġie revedut skont dan. Barra minn hekk, il-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (40) ta’ hawn fuq argumenta li, minħabba differenzi sinifikanti fil-volumi tal-bejgħ bejn l-importazzjonijiet tiegħu stess u l-bejgħ tal-industrija Komunitarja, id-differenzi fil-livell ta’ kummerċ ma għandux jiġi stabbilit sempliċiment billi jitqabbel il-perċentwal rispettiv tal-bejgħ lill-utenti u ssuġġerixxa li tintuża formola oħra għall-kalkolu tal-livell revedut tal-aġġustament kummerċjali. Madankollu, il-formola ssuġġerita ma tqisetx xierqa billi toħloq distorzjoni fir-riżultat. Għalhekk, l-istqarrija ġiet miċħuda.

(42)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-metodoloġija mfissra fil-premessa (64) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata u l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz ikkalkulat kif spjegat fil-premessa (65) tar-Regolament provviżorju huwa stabbilit bħala 29 %.

3.   Il-qagħda tal-industrija Komunitarja

(43)

Is-CISA stqarret li għadd ta’ produtturi Komunitarji li għamlu parti mill-kampjun ma kinux ressqu risposti kompluti, biex b’hekk ir-rappreżentattività tal-kampjun kienet difettuża minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni. Għandu jissemma li, minbarra l-kumpanija indikata fil-punt (ii) tal-premessa (66) tar-Regolament provviżorju, li ressqet biss informazzjoni parzjali, il-kumpaniji l-oħra kollha fil-kampjun sal-istadju definittiv tal-investigazzjoni pprovdew l-informazzjoni kollha mitluba. Anki bl-esklużjoni tal-kumpanija waħdanija li pprovdiet biss informazzjoni parzjali, ir-rappreżentattività tal-kampjun xorta tibqa’ fl-ilmijiet ta’ 60 % tal-produttività totali Komunitarja. L-istqarrija ġiet għalhekk miċħuda.

(44)

Is-CISA stqarret ukoll li, kuntrarju għal dak li jingħad fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju, grupp ta’ produzzjoni ewlieni Komunitarju, wara l-PI, investa b’mod sostanzjali fl-espansjoni tal-kapaċità produttiva tiegħu ta’ tubi għas-settur tal-qawwa nukleari. Din l-informazzjoni ġiet ivverifikata u nstab li l-investimenti msemmija hawn fuq saru biex tiżdied il-kapaċità produttiva għal prodotti oħra (pajpijiet u tubi tal-istainless steel jew iwweldjati) differenti mill-prodott simili. L-istqarrija ġiet għalhekk miċħuda.

(45)

Is-CISA u produttur esportatur Ċiniż stqarrew li l-premessa (87) tar-Regolament provviżorju ma kinetx korretta meta tgħid li l-industrija Komunitarja għadha qed tirkupra mill-effetti tad-dumping tal-imgħoddi billi kien hemm talanqas tliet kumpaniji Rumeni li kienu qed jappoġġjaw l-ilment, li huma nfushom kienu suġġetti għal miżuri kontra d-dumping sa nofs l-2006. Madankollu, l-istqarrijiet fil-premessa (87) jirreferu b’mod ċar għall-industrija Komunitarja meqjusa kollha kemm hi u mhux għal kumpaniji individwali. Huwa għalhekk normali li s-sitwazzjoni ta’ kumpaniji individwali taf tvarja bejniethom, bla ma jiġi ddubitat dak li nstab b’mod ġenerali rigward l-industrija Komunitarja. L-istqarrija ġiet għalhekk miċħuda.

(46)

Minħabba li ma hemm l-ebda stqarrija jew kummenti oħra, il-premessi minn (66) sa (87) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

4.   Il-konklużjoni dwar id-dannu

(47)

Il-MOFCOM, is-CISA u żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi stqarrew li l-industrija Komunitarja ma kinetx f’qagħda vulnerabbli ma’ tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-livelli ta’ profitt għolja riċenti tagħha. Ir-raġunijiet li għalihom l-industrija Komunitarja tqieset li kienet f’qagħda vulnerabbli ma’ tmiem il-PI huma mfissra fid-dettall fil-premessa (89) tar-Regolament provviżorju. Hemmhekk ġie rikonoxxut li d-dannu soffert matul il-PI ma kienx wieħed materjali, imma ġie spjegat ukoll, li minħabba s-sehem importanti li għandhom l-importazzjonijiet dumped fis-suq Komunitarju, l-industrija Komunitarja kienet esposta għall-effetti dannużi ta’ dawn l-istess importazzjonijiet iddampjati, f’każ ta’ bidliet sinifikanti fil-qagħda kumplessiva tas-suq. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-industrija Komunitarja tista’ tibbenefika biss parzjalment miż-żieda sostanzjali fil-konsum u li s-sehem tagħha fis-suq kien waqa’ b’ħames punti perċentwali matul il-perjodu meqjus, kif indikat fil-premessa (88) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, il-fatt li industrija jkollha livelli tajbin ta’ profitt matul xi perjodu eċċezzjonalment favorevoli ta’ domanda tas-suq għolja ħafna ma jimplikax neċċessarjament li din tkun f’qagħda ekonomika u finanzjarja soda mil-lat strutturali, partikolarment jekk matul perjodu preċedenti l-istess industrija kienet qed tirreġistra profitti baxxi ferm jew saħansitra telf. Kif diġà ssemma fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju, il-prestazzjoni ekonomika negattiva tal-imgħoddi kkawżata mill-eżistenza ta’ prattiki ta’ dumping għamlitha impossibbli li jinżamm livell ta’ investimenti xieraq biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-industrija Komunitarja fuq medda twila ta’ żmien f’qasam tal-manifattura bħal dan li huwa tant intensiv fil-kapital. Fl-aħħar nett, is-suq tal-KE ġie kkaratterizzat mill-ġdid fi tmiem il-PI mill-preżenza ta’ proporzjon sinfikanti ta’ importazzjonijiet iddampjati bi prezzijiet baxxi ħafna. Din is-sitwazzjoni tas-suq kienet potenzjalment perikoluża ħafna billi fl-imgħoddi diġà ġara li, fi żminijiet meta l-livell tad-domanda kien f’livelli normali, qagħda simili fis-suq (li kienet mistħarrġa fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 (6) kienet ikkawżat dannu sinifikanti lill-industrija Komunitarja. Għalhekk, l-istqarrija ġiet miċħuda.

(48)

Produttur esportatur Ċiniż stqarr ukoll li l-premessa (89) tar-Regolament provviżorju ma kinetx turi li l-bidla fil-qagħda tas-suq imsemmija hemmhekk kienet “prevista b’mod ċar u imminenti”, kif mitlub mill-Ftehim Kontra d-Dumping (“ADA”) tad-WTO. Kienet prevista bidla fil-qagħda tas-suq minħabba li l-konsum normalment ma jistax jibqa’ f’livelli eċċezzjonalment għoljin għal perjodu twil. L-analiżi mwettqa fil-premessi minn (90) sa (126) tar-Regolament provviżorju turi deterjorament ċar, li seħħ tul ċertu perjodu ta’ żmien. Il-fatt li ċertu perjodu ta’ żmien huwa meħtieġ sabiex għadd ta’ elementi u indikaturi jevolvu minn valuri pożittivi għal negattivi mhux inkonsistenti mal-fatt li, fid-dawl ta’ xejriet eżistenti, effetti negattivi bħal dawn huma diġà prevedibbli b’mod ċar. Fi tmiem il-PI, it-theddida ta’ dannu kienet prevedibbli b’mod ċar, u l-bidu tax-xejriet negattivi li mistennija jwasslu għal kuntest dannuż kien imminenti, billi ċertu tnaqqis fid-domanda diġà seħħ fl-aħħar xhur tal-PI. L-istqarrija ġiet għalhekk miċħuda.

(49)

Fin-nuqqas ta’ ebda stqarrija jew kummenti oħra, il-konklużjoni dwar id-dannu stabbilita fil-premessi (88) u (89) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

E.   THEDDIDA TA’ DANNU

1.   Kif x’aktarx jiżviluppaw l-konsum Komunitarju, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u l-qagħda tal-industrija Komunitarja wara l-perjodu ta’ investigazzjoni.

1.1.   Analiżi mwettqa wara l-miżuri provviżorji

(50)

Kif imsemmi fil-premessa (5) ta’ hawn fuq, intbagħat kwestjonarju addizzjonali lill-produtturi Komunitarji li ffurmaw parti mill-kampjun u lill-kwerelant sabiex tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-iżviluppi tas-suq u l-evoluzzjoni tal-indikaturi ewlenin tad-dannu sa Marzu 2009. L-aktar dejta dwar l-importazzjoni riċenti disponibbli mill-Eurostat ġiet mistħarrġa bir-reqqa wkoll. Għall-kompletezza, iċ-ċifri marbuta mal-perjodu bejn tmiem il-PI u Marzu 2009 (‘il-perjodu ta’ wara l-PI) qed jiġu rrapportati hawn taħt. Billi ċ-ċifri huma konnessi ma’ perjodu ta’ disa’ xhur biss, ma hu qed jingħata l-ebda indiċi għall-volumi.

(51)

Wara l-PI, il-konsum Komunitarju beda jonqos b’mod sostanzjali, u b’pass iktar mgħaġġel minn kif tindika l-premessa (91) tar-Regolament provviżorju. Is-suq Komuntarju diġà ċkien b’madwar 30 % (7) fil-perjodu bejn tmiem il-PI u Marzu 2009.

 

2005

2006

2007

IP

Perjodu ta’ wara l-PI

Konsum Komunitarju

2 565 285

2 706 560

3 150 729

3 172 866

1 720 968

(52)

Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu konsiderevolment ukoll iżda, minħabba t-tnaqqis iktar qawwi tal-konsum Komunitarju, is-sehem fis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied għal madwar 18 %. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied skont kif tindika l-premessa (98) tar-Regolament provviżorju.

RPĊ

2005

2006

2007

PI

Perjodu ta’ wara l-PI

Il-Volum tal-Importazzjonijiet

26 396

136 850

470 413

542 840

306 866

Sehem mis-Suq

1,0  %

5,1  %

14,9  %

17,1  %

17,8  %

Indiċi (2005 = 100)

100

491

1 451

1 663

1 733

Il-Prezz tal-Esportazzjoni

766,48

699,90

699,10

715,09

966,63

Indiċi (2005 = 100)

100

91

91

93

138

(53)

Fl-istess perjodu, il-produzzjoni tal-industrija Komuntarja naqset konsiderevolment, biex l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tal-kumpaniji li ffurmaw parti mill-kampjun waqgħet għal 60 % f’Marzu 2009. Il-bejgħ tal-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju naqas b’mod sostanzjali u skont it-tnaqqis tal-konsum Komunitarju, biex b’hekk is-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja baqa’ stabbli. F’dawk li huma prezzijiet, wara li żdiedu fit-tieni nofs tal-2008, dawn naqsu fl-ewwel kwart tal-2009, minkejja li baqgħu f’valuri ogħla minn dawk ta’ matul il-PI.

Il-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun

2005

2006

2007

PI

Perjodu ta’ wara l-PI

Il-produzzjoni

2 022 596

2 197 964

2 213 956

2 158 096

1 477 198

Il-kapaċità

2 451 187

2 469 365

2 446 462

2 398 283

1 889 180

L-użu tal-kapaċità

83  %

89  %

90  %

90  %

78  %

Indiċi (2005 = 100)

100

108

110

109

88

Industrija tal-Komunità

2005

2006

2007

PI

Perjodu ta’ wara l-PI

Bejgħ fil-KE

1 766 197

1 907 126

2 061 033

2 017 525

1 093 175

Sehem mis-Suq

68,8  %

70,5  %

65,4  %

63,6  %

63,5  %

Indiċi (2005 = 100)

100

102

95

92

90

Il-Produtturi Komunitarji Meħuda bħala Kampjun

2005

2006

2007

PI

Perjodu ta’ wara l-PI

Prezz tal-Bejgħ fil-KE

983

1 047

1 188

1 192

1 415

Indiċi (2005 = 100)

100

106

121

121

135

(54)

Fl-aħħar nett, il-profittabilità tal-industrija Komunitarja naqset b’mod sostanzjali, u b’pass aktar mgħaġġel milli tindika l-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, biex b’hekk kienet negattiva (– 0,8 %) fl-ewwel kwart tal-2009.

Produtturi Komunitarji meħuda fil-kampjun

2005

2006

2007

PI

Perjodu ta’ wara l-PI

Il-profittabilità

12,1  %

17,3  %

17,9  %

15,4  %

3,5  %

Indiċi (2005 = 100)

100

143

147

127

20

(55)

Bħala konklużjoni, l-informazzjoni addizzjonali miġbura u verifikata fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni tikkonferma l-analiżi mwettqa fil-premessi minn (90) sa (112) tar-Regolament provviżorju.

1.2.   Il-kummenti mressqa minn partijiet

(56)

Produttur esportatur wieħed stqarr li l-investigazzjoni tad-danni, kuntrarju għal dik dwar id-dumping, ġiet estiża ‘l hinn mill-PI, billi l-analiżi ssejset ukoll fuq informazzjoni u dejta għall-perjodu ta’ wara Ġunju 2008.

(57)

Qabel xejn għandu jitfakkar li l-PI u l-perjodu meqjus huma l-bażi li fuqhom saret il-valutazzjoni tat-theddida ta’ dannu fir-Regolament provviżorju. Madankollu, f’każ ta’ theddida ta’ dannu, id-dannu misjub fil-perjodu tal-investigazzjoni ma jistax – b’definizzjoni – ikun materjali, għax kieku l-investigazzjoni tkun tikkwalifika bħala investigazzjoni msejsa fuq dannu materjali attwali. L-awtorità investigattiva għalhekk teħtieġ li taċċetta jekk, minkejja li d-dannu ma kienx materjali matul il-PI, il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku jwasslux għall-konklużjoni li hemm theddida ta’ dannu materjali. Għaldaqstant, l-awtorità investigattiva hija intitolata li tivverfika li l-avvenimenti li seħħew wara tmiem il-PI jikkonfermaw is-sejbiet ta’ theddida ta’ dannu li saru fl-istadju provviżorju.

(58)

Il-MOFCOM, is-CISA u produttur esportatur Ċiniż jikkonsidraw li l-għajn tal-informazzjoni użata ma ġietx espressa b’mod ċar fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju u li l-previżjonijiet u informazzjoni oħra sottomessa mill-produtturi Komunitarji jew il-kwerelant u li jirreferu għalihom il-premessi (99), (101) u (108) tar-Regolament provviżorju ma ħarġux minn għajn ta’ informazzjoni oġġettiva. Il-MOFCOM stqarret ukoll li, bl-użu ta’ informazzjoni bħal din, l-awtorità investigattiva ma tatx xhieda tal-“attenzjoni speċjali” mitluba mid-WTO ADA fl-investigazzjonijiet ta’ theddida ta’ dannu.

(59)

Huwa kkonfermat li l-evidenza dettaljata marbuta mal-għejun varji ta’ informazzjoni pubblika msemmija fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju kienet saret disponibbli fil-fajls miftuħa għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati ferm qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju. Fir-rigward tal-previżjonijiet u informazzjoni oħra mressqa mill-industrija Komunitarja, dawn ġew ivverifikati u ġew ikkunsidrati biss meta, u sal-punt li, dik l-informazzjoni tqieset li kienet kredibbli u preċiża. Il-fatt li l-informazzjoni mressqa kienet ivverifikata kien diġà ssemma b’mod speċifiku fil-premessa (100) tar-Regolament provviżorju, u żjarat addizzjonali ta’ verifika twettqu wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, kif indikat fil-premessa (5) ta’ hawn fuq.

(60)

L-istqarrijiet imsemmija fil-premessi (56) u (58) hawn fuq huma għalhekk miċħuda.

(61)

Is-CISA stqarret li fil-valutazzjoni tal-iżviluppi tal-importazzjonijiet Ċiniżi wara l-PI, kellhom jitqiesu mhux l-importazzjonijiet attwali iżda l-livell ta’ dħul ta’ ordnijiet, billi l-importazzjonijiet attwali normalment iseħħu wara minn tlieta sa erba’ xhur minn meta tkun daħlet l-ordni. Minħabba d-diskrepanza ta’ żmien, kwalunkwe varjazzjoni fil-livell tad-domanda tas-suq tal-KE tkun riflessa biss fl-importazzjonijiet attwali xi xhur wara u dan jispjega għaliex l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu għadhom għoljin f’Novembru u Diċembru 2008, minkejja li l-livell tat-domanda fis-suq tal-UE kien diġà beda jonqos. Kummenti simili saru wkoll minn produttur esportatur Ċiniż.

(62)

L-importazzjonijiet attwali normalment jintużaw bħala l-bażi biex jiġu stmati l-volumi u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet minn pajjiż inkwistjoni. L-informazzjoni konnessa mad-dħul tal-ordnijiet tista’ tiġi kkunsidrata sabiex issostni informazzjoni oħra, imma rarament tista’ tiġi sostanzjata minn evidenza suffiċjentement verifikabbli. Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-istqarrija wriet li l-konsum Komunitarju kien diġà beda jonqos matul it-tielet kwart tal-2008. Għaldaqstant, dan il-fatt kellu diġà jiġi rifless, fil-każ ta’ distakk ta’ minn tlieta sa erba’ xhur, fil-livell tal-importazzjonijiet Ċiniżi għar-raba’ kwart tal-2008, li minflok kien relatattivament għoli. Barra minn hekk, jekk tiġi kkunsidrata d-diskrepanza msemmija hawn fuq ta’ minn tlieta sa erba’ xhur, it-tnaqqis qawwi fl-importazzjonijiet Ċiniżi li seħħ fl-ewwel kwart tal-2009 jista’ jkun f’antiċipazzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping flok minħabba t-tnaqqis fid-domanda. L-importaturi jafu jkunu anqas u anqas ħerqana li jagħmlu ordnijiet għal oġġetti li jafu jaslu f’mument meta l-miżuri kontra d-dumping jistgħu possibbilment ikunu diġà ġew imposti. Bħala konklużjoni, huwa meqjus li analiżi msejsa fuq id-dħul tal-ordnijiet minflok fuq l-importazzjonijiet attwali tkun iżżid biss elementi ta’ inċertezza mal-investigazzjoni bla ma twassal għal ebda konklużjoni differenti b’mod sinifikanti. Għaldaqstant, l-istqarrija magħmula mis-CISA f’dan ir-rigward hija miċħuda.

(63)

Il-MOCOM, is-CISA u produttur esportatur Ċiniż stqarrew li, skont għadd ta’ stqarrijiet għall-istampa u/jew stqarrijiet finanzjarji maħruġa minn numru ta’ gruppi ta’ produtturi Komunitarji, l-2008 baqgħet sena b’saħħitha f’dik li kienet il-prestazzjoni tagħhom u li dan għalhekk jikkontradixxi s-sejbiet ta’ theddida ta’ dannu msemmija fir-Regolament provviżorju, b’mod partikolari l-premessa (110) tiegħu.

(64)

Meta din l-istqarrija ġiet mistħarrġa nstab li l-informazzjoni li s-CISA kienet qed tirreferi għaliha ma kinetx tikkonċerna l-entitajiet Ewropej involuti fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Kif diġà ssemma fil-premessa (44) ta’ hawn fuq, grupp ta’ kumpaniji ewlenin huwa magħmul minn għadd ta’ entitajiet li spiss jimmanifatturaw prodotti differenti ħafna. L-informazzjoni finanzjarja ġenerali konnessa ma’ grupp ta’ kumpaniji fiha nfisha, għalhekk, taf ma tkunx tirrappreżenta l-qagħda ekonomika relatata mal-entitajiet speċifiċi li jipproduċu l-prodott simili u li jbigħuh fis-suq Komunitarju. Fl-aħħar nett ta’ min wieħed jiftakar li l-informazzjoni konnessa mal-kumpaniji li jimmanifatturaw il-prodott simili użata matul l-investigazzjoni kienet ġiet verifikata kif imiss. Għalhekk, l-istqarrija ġiet miċħuda.

(65)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda stqarrija li tikkonċerna speċifikament il-premessi minn (90) sa (112) tar-Regolament provviżorju, is-sejbiet li jinsabu hemmhekk huma kkonfermati.

2.   Theddida ta’ dannu

2.1.   Żvilupp ta’ volumi ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

(66)

Is-CISA stqarret li ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi msemmija fil-premessa (114) tar-Regolament provviżorju kienet il-konsegwenza ta’ żieda fid-domanda fis-suq tal-UE. Kummenti simili tressqu wkoll mill-MOFCOM u minn produttur esportatur Ċiniż. Is-CISA ċaħdet ukoll il-valutazzjoni li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Ċiniżi jista’ jkun ir-riżultat ta’ strateġija ta’ penetrazzjoni tas-suq u saħqet li, billi l-esportazzjonijiet Ċiniżi jsiru minn għadd kbir ta’ produtturi Ċiniżi, kien impossibbli li wieħed jistħajjel li dawn qed jelaboraw xi strateġija koordinata.

(67)

Li kieku kien minnu li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien korelatat maż-żieda fid-domanda fis-suq tal-KE kif stqarret is-CISA, is-sehem fis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet kien jibqa’ sostanzjalment stabbli, u ma kienx jiżdied minn 1 % sa 17 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda sostanzjali fis-sehem tas-suq tal-importazzjoni Ċiniżi u l-evoluzzjoni kompletament differenti ta’ dan meta mqabbel mal-evoluzzjoni tas-sehem tas-suq tal-industrija Komunitarja u kwalunkwe sors ieħor ta’ importazzjoni, jippuntaw subgħajhom b’mod ċar lejn il-fatt li elementi oħra kienu wara ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li l-importazzjonijiet Ċiniżi seħħew b’mod konsistenti bi prezzijiet iddampjati rħas ħafna, bħalma ġie spjegat fil-premessi minn (63) sa (65) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, ma hemmx il-ħtieġa li l-esportaturi jikkoordinaw xi strateġija biex jikkonverġu f’imġiba simili. Hekk kif joħroġ ċar li biex tippenetra xi suq, ċertu livell ta’ prezzijiet imraħħsa jirnexxi, konverġenza lejn strateġija tas-suq ta’ dak it-tip li tagħmel suċċess aktarx li tissawwar bla ma jkun hemm il-ħtieġa li l-esportaturi jikkoordinaw l-affarijiet bejniethom. Għalhekk, l-istqarrijiet fil-premessa (66) ta’ hawn fuq huma miċħuda u s-sejbiet fil-premessa (114) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

(68)

Is-CISA stqarret ukoll li, kuntrarju għall-valutazzjoni magħmula fil-premessi (115) u (116) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b’mod sinifikanti fil-perjodu wara l-PI. Huwa tabilħaqq minnu li, kif indikat fil-premessa (52) ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ wara l-PI. Madankollu, it-tpoġġija tal-kliem tal-premessa (116) tar-Regolament provviżorju tagħmilha ċara li l-importanti ma huwiex il-volum assolut ta’ dawn it-tipi ta’ importazzjonijiet, iżda l-importanza relattiva tagħhom b’konnessjoni mal-konsum, jew fi kliem ieħor, is-sehem tas-suq tagħhom fis-suq Komunitarju kollu kemm hu. Kif ġie indikat ukoll fil-premessa (52) ta’ hawn fuq, minkejja t-tnaqqis tagħhom fil-volum assolut, l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat żiedu b’kemxejn sehemhom fis-suq matul il-perjodu ta’ wara l-PI. Għalhekk, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li (i) il-valutazzjoni li fuqha huwa msejjes ir-raġunament tal-premessi (115) u (116) tar-Regolament provviżorju kienet ibbażata fuq l-aktar informazzjoni riċenti kredibbli rigward l-importazzjonijiet li kienet disponibbli fiż-żmien tas-sejbiet provviżorji, jiġifieri d-dejta dwar l-importazzjonijiet għal Novembru u Diċembru 2008, (ii) din id-dejta kienet koerenti mal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi sa dak il-mument, u (iii) ir-raġunament kien imsejjes fuq volumi relattivi u mhux assoluti, huwa konkluż li l-valutazzjoni fil-premessi (115) u (116) tar-Regolament provviżorju ma tikkontradixxix is-sejbiet imsemmija fil-premessa (52) ta’ hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, ta’ min wieħed jinnota li, minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-premessa (134) tar-Regolament provviżorju, il-livell ta’ importazzjonijiet Ċiniżi jaf jitqies bħala element ta’ theddida ta’ dannu anki fil-każ li l-volumi jibdew jonqsu proporzjonalment iktar mit-tnaqqis fil-konsum, billi l-preżenza minnha nfisha ta’ volumi sostanzjali ta’ prodotti Ċiniżi bi prezzijiet irħas f’kuntest ta’ konsum li jkun qed jonqos teżerċita pressjoni qawwija ‘l isfel fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet fis-suq. Fi kwalunkwe każ, l-ebda fattur waħdieni msemmi fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku ma jista’ neċessarjament jservi ta’ gwida deċiżiva dwar l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu. Minflok, jeħtieġ li l-fatturi kollha jitqiesu fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant l-istqarrija hija miċħuda u s-sejbiet fil-premessa (115) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

2.2.   Disponibbiltà tal-kapaċità ħielsa tal-esportaturi

(69)

Is-CISA stqarret li l-analiżi fil-premessa (118) tar-Regolament provviżorju kienet imsejsa fuq dejta minn esportaturi li ffurmaw parti mill-kampjun, li kienu l-iktar kumpaniji orjentati lejn l-esportazzjoni, biex b’hekk id-dejta tagħhom ma tirriflettix b’mod korrett is-sitwazzjoni komplessiva fir-rigward tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ. Minflok, qed jiġi mistqarr li sehem l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-KE fit-total tal-esportazzjonijiet Ċiniżi indikat fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju bidel ix-xejra tiegħu fl-2008, billi naqas minn 15 % sa 11 %. Fl-aħħar nett, l-analiżi fil-premessi minn (117) sa (119) tar-Regolament provviżorju injorat l-evoluzzjoni fid-domanda fil-każ tas-suq domestiku Ċiniż, li kienet prevista li tassorbi parti sinifikanti mill-produttitività ġġenerata mill-kapaċità żejda eżistenti. F’dan ir-rigward, saret referenza għal għadd ta’ proġetti u pjanijiet mill-Gvern Ċiniż biex isostni d-domanda interna. Il-MOFCOM stqarret ukoll li l-iżvilupp tad-domanda fis-suq domestiku Ċiniż ma kinetx ġiet mistħarrġa fir-Regolament provviżorju.

(70)

Is-sejbiet relatati mal-kumpaniji li ffurmaw parti mill-kampjun fil-premessa (118) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati b’mod ċar mix-xejriet fid-dejta dwar l-esportazzjoni ġenerali msemmija fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju, li wriet żieda saħansitra iktar sinifikanti fix-xejra tal-esportazzjonijiet lejn il-KE għall-perjodu kkunsidrat. F’dak li suppost huwa treġġigħ lura tax-xejra ta’ żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-UE fir-rigward tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi tal-prodott inkwistjoni fl-2008, is-CISA naqset li tforni evidenza li tivverifika b’mod deċiżiv l-istqarrija tagħha. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jinnota li d-dejta li tirriżulta mill-istatistika Ċiniża tirreferi biċ-ċar għal ambitu ta’ prodott differenti b’mod sinifikanti mill-prodott ikkonċernat; dan jidher ċar mill-fatt li l-esportazzjonijiet lejn l-Ewropa, kif murija f’din l-istatistika, ma humiex biss ferm ogħla mill-importazzjonijiet reġistrati fil-Eurostat għall-prodott ikkonċernat, imma li l-evoluzzjoni tagħhom turi wkoll xejra kompletament differenti. L-evidenza pprovduta, għaldaqstant, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-każ tal-azzjonijiet proġettati mill-Gvern Ċiniż biex jistimula d-domanda interna, l-evidenza li tressqet ma tistax tibdel l-analiżi billi l-effetti fuq id-domanda ma jistgħux jiġu stabbiliti b’mod kredibbli. Barra minn hekk, mhux ċar għall-biċċa l-kbira tal-proposti msemmija jekk dawn għadx jiġu kompluti. Fl-aħħar nett, xi proġetti kbar ta’ linji tal-pajpijiet imsemmija mis-CISA jidhru li huma proġetti mibnija b’pajpijiet kbar iwweldjati u mhux b’pajpijiet mingħajr saldatura li huma s-suġġett tal-proċediment preżenti. L-istqarrijiet fil-premessa (69) ta’ hawn fuq huma għalhekk miċħuda.

(71)

Is-CISA tikkunsidra wkoll li x-xenarju ta’ direzzjoni mill-ġdid indikat fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju kien barra minn loku għax l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Istati Uniti tal-Amerika jikkonsistu prinċipalment fi prodotti (OCTG) li ma jiġux importati estensivament fil-KE. Is-CISA stqarret ukoll li l-prezzijiet fil-KE ma kinux neċessarjament orħos minn dawk f’pajjiżi oħra, anzi bil-maqlub, il-KE kienet suq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi sa issa. Fir-rigward ta’ din l-istqarrija, għandu jingħad li l-analiżi li saret fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju kienet imsejsa fuq dejta statistika li ma fihiex referenza dettaljata għal tipi ta’ prodotti speċifiċi. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-apparat tal-produzzjoni meħtieġ għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat jista’, estensivament, jintuża għall-produzzjoni ta’ għadd varju ta’ tipi ta’ prodotti ta’ pajpijiet u tubi bla saldatura. Għaldaqstant, anki jekk xi tip speċifiku ta’ tubi bħall-OCTG mhux importat wisq fil-KE, dan il-fatt ma fihx piż għall-konsiderazzjoni tal-kapaċitajiet liberi potenzjalment disponibbli, billi l-apparat użat għall-manifattura ta’ dan it-tip ta’ tubi jista’ faċilment jiddawwar biex jipproduċi tipi oħra tal-prodott ikkonċernat, li huma importati fi kwantitajiet ferm iktar sostanzjali fis-suq tal-KE. Għalhekk, l-istqarrijiet fil-premessa (66) ta’ hawn fuq huma miċħuda u s-sejbiet fil-premessi minn (117) sa (119) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

2.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(72)

Is-CISA stqarret li, wara l-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu sostanzjalment filwaqt li l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja ma segwewx l-istess xejra, biex b’hekk it-traħħis fil-prezzijiet li eżista matul il-PI ttaffa sostanzjalment jew anki ġie eliminat fil-perjodu ta’ wara l-PI.

(73)

Kif diġà ġie indikat fil-premessi (98) u (122) tar-Regolament provviżorju, huwa kkonfermat li wara l-PI il-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn għadd ta’ sorsi, inklużi dawk mir-RPĊ, żdiedu sostanzjalment, kif ġara wkoll lill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. Twettqet analiżi tal-listi ta’ prezzijiet tal-industrija Komunitarja wara l-PI u tal-prezzijiet tal-prodott simili importat mir-RPĊ, li wriet li l-movimenti fil-prezzijiet seħħew b’mod parallel. Bħala konklużjoni, ma nstabet l-ebda evidenza li ssostni l-allegazzjoni li t-traħħis fil-prezzijiet li nstab matul il-PI kien ittaffa sostanzjalment jew ġie anki eliminat. Is-sejbiet fil-premessi minn (120) sa (123) tar-Regolament provviżorju huma għalhekk ikkonfermati.

2.4.   Livell tal-inventarji

(74)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti dwar dan il-punt, is-sejbiet fil-premessa (124) tar-Regolament provviżorju hi permezz ta’ dan ikkonfermata.

2.5.   Elementi oħra

(75)

Is-CISA stqarret li l-intervent possibbli tal-Gvern Ċiniż imsemmi fil-premessa (125) tar-Regolament provviżorju kienet xi ħaġa purament mistħajla. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li t-trattament individwali mogħti lil produttur esportatur Ċiniż wieħed fl-istadju provviżorju kellu jiġi sussegwentement irtirat, kif indikat fil-premessi minn (19) sa (23) ta’ hawn fuq, billi l-livell miżjud ta’ intervent mill-istat, li feġġ minħabba l-qagħda ekonomika li kull ma jmur kienet qed titgħawwar iktar wara l-PI. Dan il-fatt isostni b’mod ċar is-sejba fil-premessa (125) tar-Regolament provviżorju u l-istqarrija hija għalhekk miċħuda.

2.6.   Konklużjonijiet

(76)

Qabelxejn huwa nnutat li s-sejba ta’ theddida ta’ dannu saret wara li tqieset, inter alia, it-totalità ta’ għadd ta’ fatturi msemmija fl-Artikoli 3(5) u 3(9) tar-Regolament bażiku.

(77)

Is-CISA stqarret li s-sejbiet fir-Regolament provviżorju ma kinux konformi mal-istandards rekwiżiti mid-WTO għal dan it-tip ta’ investigazzjoni, jiġifieri li s-sejbiet għandhom jiġu sostnuti permezz ta’ evidenza u ma jirriżultawx minn allegazzjoni, stħajjil jew possibbiltà remota; li l-projezzjonijiet u l-preżunzjonijiet għandhom juru grad għoli ta’ probabbiltà; u li l-ispjegazzjonijiet alternattivi biex wieħed jasal għal xi konklużjoni għandhom jiġu mistħarrġa.

(78)

Ir-Regolament provviżorju jindika b’mod ċar fuq liema bażi ġew imsejsa s-sejbiet relatati mal-elementi varji tal-investigazzjoni. Dan kien sostnut permezz tal-evidenza indikata, bħal: dejta statistika meħuda mill-Eurostat, ir-risposti tal-kwestjonarju mill-kumpaniji li kkooperaw, l-informazzjoni dwar kumpaniji li ma ffurmawx parti mill-kampjun provduta mill-kwerelant, l-informazzjoni misjuba f’sottomissjonijiet magħmula minn partijiet interessati, u informazzjoni oħra misjuba fuq l-Internet matul l-investigazzjoni. Din l-informazzjoni kollha, fejn ma kinetx kunfidenzjali, kienet miftuħa għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati.

(79)

L-elementi marbuta mal-istħarriġ tat-theddida ta’ dannu ġew meqjusa seperatament u fid-dettall fir-Regolament provviżorju u l-grad ta’ materjalizzazzjoni tal-preżunzjonijiet u t-tbassir magħmul fl-istadju provviżorju ġew mistħarrġa mill-ġdid u vverifikati – sa kemm huwa possibbli – fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni, kif iffissat fis-sejbiet f’dan ir-Regolament. L-ebda fatti, evidenza jew indikazzjoni ma nstabu li kienu jikkontradixxu s-sejbiet fir-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, il-projezzjonijiet u l-preżunzjonijiet li hemm fir-Regolament provviżorju ma kinux mistħajla jew allegati, imma frott analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni.

(80)

Rigward l-ispjegazzjonijiet u l-interpretazzjonijiet alternattivi msemmija fil-premessa (78) ta’ hawn fuq, inklużi dawk ippreżentati mill-partijiet interessati fis-sottomissjonijiet tagħhom, dawn ġew mistħarrġa kif imiss matul l-investigazzjoni u indirizzati f’dan ir-Regolament kif ukoll fir-Regolament provviżorju.

(81)

Bħala konklużjoni, l-istħarriġ tal-fatti li seħħ wara tmiem il-PI kif ukoll l-analiżi tal-kummenti u l-osservazzjonijiet li saru mill-partijiet interessati dwar ir-Regolament provviżorju u dwar l-iżvelar tas-sejbiet finali ma taw xhieda ta’ ebda evidenza li twassal biex wieħed jiddubita l-konklużjoni li ma’ tmiem il-PI kienet teżisti theddida ta’ dannu materjali. Għaldaqstant, l-istqarrija magħmula mis-CISA fil-premessa (77) ta’ hawn fuq hija miċħuda u s-sejbiet fil-premessa (126) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

F.   IL-KAWŻALITÀ

1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(82)

Minħabba li ma hemm ebda kummenti speċifiċi, il-premessi minn (128) sa (135) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

2.   L-effett ta’ fatturi oħra

(a)   Attività ta’ importazzjoni u esportazzjoni tal-industrija tal-Komunità

(83)

Is-CISA stqarret li l-fatt li l-Industrija Komunitarja importat il-prodott ikkonċernat mir-RPĊ u pajjiżi oħra wera li huma ma kellhomx il-kapaċità li jlaħħqu mad-domanda fis-suq Komunitarju. Dan kien billi l-industrija Komunitarja ma kinetx investiet f’kapaċità produttiva ġdida u kkonċentrat bil-qawwa fuq taqsimiet tas-suq ta’ valur ogħla. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-premessa (136) tar-Regolament provviżorju ġie spjegat li l-importazzjonijiet ta’ dan it-tip kienu stmati li huma ta’ anqas minn 2 % tal-importazzjonijet totali mir-RPĊ, u ma ngħatat l-ebda evidenza li tixhed li dan l-ammont kien ogħla.

(84)

Is-CISA staqsiet ukoll għar-raġuni eżatta għaliex il-grupp ta’ kumpaniji msemmi fil-premessa (138) tar-Regolament bażiku kellu jwettaq l-importazzjonijiet imsemmija. Il-kwistjoni ġiet mistħarrġa aktar u ġie kkonfermat li, għal raġunijiet ta’ effiċjenza fl-infiq, il-produzzjoni ta’ ċerti tipi ta’ prodotti kienet twettqet minn entitajiet oħra mhux Ewropej tal-grupp. Kif diġà ssemma fil-premessa (138) tar-Regolament provviżorju, madankollu, ġie vverifikat li importazzjonijiet ta’ dan it-tip ma kinux saru bi prezzijiet orħos mill-prezz Komunitarju għall-istess tip ta’ prodott.

(85)

Is-CISA fl-aħħar nett semmiet inkonsistenza evidenti bejn l-istima relattivament pożittiva tal-industrija Komunitarja li tikkonċerna l-bejgħ tal-esportazzjoni futura tagħha u x-xejriet ekonomiċi ġenerali għal swieq ta’ pajjiżi terzi, li, għall-kuntrarju, kienu mbassra li se jiddgħajfu. F’dan ir-rigward, irid jiġi osservat li l-analiżi tal-attività tal-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja ma għandha l-ebda effett fuq id-determinazzjonijiet marbuta mad-dannu jew it-theddida ta’ dannu, li tikkonċerna esklussivament l-attività tal-industrija Komunitarja għall-prodott simili fis-suq tal-KE. Jekk xi wħud mill-produtturi Komunitarji huma ta’ fehma ottimistika dwar l-attivitajiet tal-esportazzjoni tagħhom, dan jista’ jkun li rriżulta biss f’dikjarazzjoni qawwija żżejjed tal-prestazzjoni ekonomika ġenerali mbassra tagħhom, imma mhux fil-prestazzjoni tagħhom fis-suq domestiku, li tinżamm separata fl-analiżi.

(86)

Għalhekk, l-istqarrijiet imsemmija fil-premessi minn (83) sa (85) ta’ hawn fuq huma miċħuda u s-sejbiet fil-premessi minn (136) sa (141) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

(b)   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(87)

Barra minn hekk, is-CISA stqarret li mhux biżżejjed li jiġi mistħarreġ il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra terzi li mhumiex fl-UE, imma li n-natura eżatta ta’ dawn il-prodotti għandha wkoll tiġi kkunsidrata. Huwa kkonfermat li twettqet analiżi dettaljata fil-każijiet kollha fejn informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-prezzijiet kienu għamluha disponibbli l-importaturi Sfortunatament, l-istatistika kummerċjali mhix dettaljata wisq u, minħabba l-kooperazzjoni relattivament baxxa tal-importaturi f’din l-investigazzjoni, ftit informazzjoni dettaljata dwar il-prezzijiet kienet disponibbli fuq bażi ta’ prodotti individwali fil-każ tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Madankollu, ebda informazzjoni sostanzjata li tkun tista’ twassal għal konklużjoni differenti minn dik li kienet indikata fil-premessi minn (142) sa (145) tar-Regolament provviżorju ma ġiet fornuta minn kwalunkwe parti, biex b’hekk is-sejbiet li hemm f’dawk il-premessi tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

(c)   Il-kompetizzjoni minn produtturi oħra Komunitarji

(88)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti speċifiċi dwar dan il-punt, il-premessa (146) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

(d)   L-Ispiża tal-Produzzjoni/L-Ispejjeż tal-Materja Prima

(89)

Is-CISA stqarret li l-industrija Komunitarja kienet immodifikat it-taħlita tal-prodotti tagħha sabiex tikkonċentra fuq tipi ta’ prodotti li jġibu prezz tal-bejgħ aktar għoli, sabiex trażżan l-effetti taż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni. Dan ikun juri li l-industrija Komunitarja kellha biżżejjed mezzi biex tirrifletti kwalunkwe żieda fl-ispejjeż billi tgħolli l-prezzijiet tal-bejgħ, bil-maqlub ta’ dak li kien ġie indikat fil-premessa (149) tar-Regolament provviżorju.

(90)

Ma hemmx dubju li l-industrija Komunitarja matul iż-żmien ippruvat timmassimizza l-profitt billi tirrifletti ż-żidiet fl-ispejjeż fi prezzijiet tal-bejgħ ogħla. Dan madankollu m’huwiex proċess bla tmiem, u hemm mument meta aġġustamenti ta’ dan it-tip ma jibqgħux aktar possibbli minħabba l-kompetizzjoni eżistenti fis-suq. F’suq fejn prodotti simili jinbiegħu bi prezzijiet sostanzjalment aktar baxxi, il-marġini li tippermetti li wieħed jgħolli l-qligħ b’dan il-mod tiċkien iktar ma jkun kbir is-sehem fis-suq tal-prodotti bi prezz baxx. Il-kummenti tas-CISA, għalhekk ma jikkontradixxux is-sejbiet fil-premessi minn (147) sa (149) tar-Regolament provviżorju, li għalhekk huma kkonfermati.

(e)   Il-waqgħa fis-suq Komunitarju tal-pajpijiet u tubi mingħajr saldatura minħabba l-kriżi ekonomika

(91)

Il-MOFCOM, is-CISA u produttur esportatur Ċiniż stqarrew li l-kriżi ekonomika dinjija hija l-bażi tal-problemi ekonomiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija Komunitarja u kkonkludew li din kissret ir-rabta każwali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u kwalunkwe dannu allegat jew theddida ta’ dannu. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jinnota li s-CISA nfisha rrikonoxxiet li l-konsum fis-suq li spikka bejn l-2005 u l-PI kien f’livelli eċċezzjonali u li t-tnaqqis fid-domanda esperjenzat wara l-PI jista’ – b’mod estensiv – jiġi sempliċiment attribwit għas-suq ta’ dan il-prodott jirritorna għall-kundizzjonijiet normali tiegħu. Mhux ċar għalhekk jekk ir-riċessjoni ekonomika dinjija tistax titqies bħala kawża ta’ dannu, billi l-informazzjoni disponibbli turi biss li l-livell tal-konsum fis-suq tal-KE fil-perjodu ta’ wara l-PI rritorna għal livelli li fl-imgħoddi diġà kienu jitqiesu bħala normali. Dan jagħti lil wieħed x’jifhem ukoll li kienet l-eżistenza ta’ livelli eċċezzjonali ta’ konsum Komunitarju matul il-perjodu kkunsidrat li ppermettiet lill-industrija Komunitarja ma ssofrix dannu materjali minkejja s-sehem sinifikanti fis-suq ta’ importazzjonijiet Ċiniżi ddampjati u t-twaqqigħ fil-prezz sostanzjali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-premessa (150) tar-Regolament provviżorju ma teskludix il-possibilità li r-riċessjoni ekonomika ġenerali jaf kellha rwol fis-sitwazzjoni dannuża tal-industrija Komunitarja wara l-PI. Madankollu, wieħed ma jistax jargumenta li l-industrija Komunitarja ġiet affettwata ħażin biss mill-effetti tal-kriżi ekonomika ġenerali u li l-importazzjonijiet iddampjati ma ħallew l-ebda effett, meta huwa ċar li dawn tal-aħħar kellhom sehem sostanzjali fis-suq u nbiegħu b’mod sinifikanti taħt il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja. L-istqarrija li l-kriżi ekonomika kissret ir-rabta każwali msemmija fil-premessi minn (128) sa (135) tar-Regolament provviżorju hija għalhekk miċħuda, filwaqt li l-kwistjoni li l-ambjent ekonomiku mibdul meta mqabbel mal-PI jaf iħalli xi effett fuq id-determinazzjoni tal-livell tal-miżuri hija indirizzata fil-premessa (104) hawn taħt.

(92)

L-istqarrijiet ġew, għaldaqstant, miċħuda u l-premessa (150) tar-Regolament provviżorju hi permezz ta’ dan ikkonfermata.

(f)   Fatturi oħra

(93)

Is-CISA kkummentat li xi produtturi Komunitarji kkonkludew kuntratti ta’ qafas ma’ klijenti bi prezzijiet miftehma minn qabel biex b’hekk, għal dawn, il-prezzijiet kellhom jibqgħu stabbli. Fl-istess waqt dawn ikunu kkonkludew ftehimiet simili ta’ prezzijiet fissi mal-fornituri tal-ħadid mhux maħdum u prodotti meħtieġa oħra ewlenin li ma ppermettilhomx japprofittaw irwieħhom mill-waqgħa drammatika fil-prezzijiet ta’ dawn il-materji primi li seħħet minnufih wara l-PI.

(94)

Ġie qabelxejn innutat li l-ftehimiet dwar prezz fiss mal-konsumaturi kienu prattika li kienet limitata f’termini tal-għadd ta’ kuntratti u, meta wieħed iqis il-perjodi koperti, ma tistax titqies li kellha xi effetti sinifikanti. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja żdiedu sostanzjalment ukoll. Fir-rigward tal-ftehimiet dwar il-prezzijiet fissi li jikkonċernaw il-materji primi ewlenin, din tidher li hija prattika mifruxa madwar id-dinja kollha li għalhekk la tivvantaġġja u lanqas tiżvantaġġja lill-produtturi Komunitarji meta mqabbla mal-produtturi l-oħra kollha tal-prodott simili fis-suq dinji. Għaldaqstant, lanqas dan ma jista’ jitqies bħala kawża li tkisser ir-rabta każwali. L-istqarrijiet fil-premessa (93) ta’ hawn fuq huma għalhekk miċħuda.

3.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(95)

Minħabba li ma hemm l-ebda kummenti oħra dwar dan il-punt, il-premessi minn (151) sa (153) tar-Regolament provviżorju huma permezz ta’ dan ikkonfermati.

G.   L-INTERESS KOMUNITARJU

1.   L-interess tal-industrija Komunitarja

(96)

Il-kwerelant, kif ukoll għadd ta’ produtturi Komunitarji tennew li l-eżistenza tal-miżuri kontra d-dumping kienet element essenzjali għalihom sabiex ikomplu bħala kumpaniji attivi, minħabba d-dumping dannuż ipprattikat. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti, il-premessa (155) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

2.   L-interess tal-produtturi Komunitarji l-oħra

(97)

Fin-nuqqas ta’ kummenti speċifiċi dwar dan il-punt, il-premessa (156) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

3.   L-interess tal-importaturi mhux relatati fil-Komunità

(98)

Utent tal-prodott ikkonċernat, li huwa wkoll importatur, semma li l-kodiċi NM tal-prodott li kien jimporta ma ssemmietx fl-avviż ta’ tnedija u sar biss konxju mill-fatt li l-investigazzjoni kienet qed tkopri wkoll dawn it-tipi ta’ prodotti wara li ġew imposti l-miżuri provviżorji. Dan stqarr li minħabba f’hekk kellu jħallas dazji kontra d-dumping li ma kinux imbassra. Dan l-importatur kien informat li l-Avviż tat-tnedija kellu fih deskrizzjoni ċara tal-prodott li kien qed jiġi investigat u li l-kodiċi NM kienu msemmija hemmhekk għal raġunijiet informattivi biss. Il-klassifika doganali korretta tal-prodott ikkonċernat hija tabilħaqq wieħed mill-elementi li qed jiġu investigati u għaldaqstant huwa perfettament possibbli li l-kodiċi NM imsemmija fir-Regolament provviżorju jkunu sa ċertu punt differenti minn dawk indikati fl-avviż tat-tnedija tal-proċediment.

(99)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar dan il-punt, il-premessa (157) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

4.   L-interess tal-utenti

(100)

L-utent imsemmi fil-premessa (98) ta’ hawn fuq stqarr ukoll li, jekk jiġi imposti miżuri definittivi fuq il-prodott ikkonċernat, jispiċċaw jinħolqu problemi serji ta’ provvista għall-kumpanija tiegħu, minħabba li l-produtturi tal-KE mhumiex ħerqana li jipprovduh huma. Din l-istqarrija ġiet mistħarrġa u nstab li l-problemi li ħabbtet wiċċha magħhom din il-parti biex issib sors tal-prodotti fost il-produtturi Komunitarji f’perjodi tal-imgħoddi feġġew meta, fil-kuntest ta’ domanda tas-suq ferm qawwija, il-provvista ta’ kwantitajiet limitati ħafna ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti ma kinetx meqjusa bħala vjabbli ekonomikament minn ċerti produtturi Komunitarji. Madankollu, f’perjodi ta’ domanda normali fis-suq dan il-limitu għandu jgħosfor, partikolarment meta jitqies li utenti jew importaturi oħra tal-istess tipi ta’ prodotti jafu jżidu l-livell tad-domanda Komunitarja għal prodotti bħal dawn, minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kif ukoll tal-fatt li l-użi inkwistjoni jirrappreżentaw biss frazzjoni ferm limitata tal-konsum totali tal-prodott ikkonċernat, huwa konkluż li d-disponibbiltà ta’ għejun ta’ provvista ma għandhiex tkun kwistjoni li tolqot il-prodott ikkonċernat.

(101)

Utenti ieħor, li jixtri l-prodott simili esklussivament mill-industrija Komunitarja, tenna l-appoġġ tiegħu għall-impożizzjoni tal-miżuri. L-ebda utenti oħra ma kkummentaw dwar is-sejbiet provviżorji. Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti, il-premessa (158) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

5.   Il-konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(102)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kumment speċifiku, il-premessa (159) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata.

H.   MIŻURI DEFINITTIVI

1.   Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu

(103)

Il-kwerelant u għadd ta’ produtturi Komunitarji li jagħmlu parti mill-industrija Komunitarja stqarrew li l-marġini ta’ profitt ta’ 3 % li ntuża provviżorjament biex jinħadem il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu kif imsemmi fil-premessi minn (161) sa (163) tar-Regolament provviżorju kien baxx wisq, meta wieħed iqis li din hija industrija ta’ kapital intensiv bi spejjeż fissi għoljin, u li l-marġini medji ta’ profitt miksuba mill-industrija Komunitarja matul il-perjodu kkunsidrat kienu jisbqu sew it-3 %.

(104)

Huwa rikonoxxut li l-prodott simili jirrikjedi produzzjoni intensiva ferm fil-kapital. Madankollu l-qagħda attwali tas-suq mhix meqjusa bħala waħda li tippermetti li jsiru stimi ċari dwar ir-rati tal-utilizzar tal-kapaċità għall-futur qrib u b’mod partikolari għas-snin li matulhom se jkunu fis-seħħ il-miżuri, u dan jaf iħalli impatt fuq id-determinazzjoni tal-marġini ta’ profitt li normalment għandhom jinkisbu f’suq partikolari fin-nuqqas ta’ prattiki ta’ dumping. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’kunsiderazzjoni li dejjem hemm il-possibbiltà għall-industrija Komunitarja li titlob reviżjoni tal-miżuri f’każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, ġie konkluż li għandu jinżamm il-marġini ta’ profitt moderat ta’ 3 % stabbilit fl-istadju provviżorju u f’investigazzjoni preċedenti li tikkonċerna lill-istess prodott. Madankollu, huwa nnutat li, jekk iċ-ċirkustanzi fis-suq jinbidlu b’mod sinifikanti, dan il-marġini ta’ profitt ta’ 3 % jaf ikun hemm il-bżonn li jiġi revedut.

(105)

Il-metodoloġija biex jinħadem il-livell ta’ eliminazzjoni ta’ dannu indikata fil-premessi (164) u (165) tar-Regolament provviżorju ġiet applikata, suġġetta għall-aġġustamenti żgħar imsemmija fil-premessa (41) ta’ hawn fuq. Il-livell ta’ eliminazzjoni ta’ dannu fuq il-pajjiż kollu ġiet ikkalkulata bħala l-medja differenzjata tal-marġini ta’ dannu misjub għall-aktar tipi ta’ prodotti rappreżentattivi mibjugħa minn produttur esportatur li ma ngħatax TI.

(106)

Il-marġini ta’ dannu stabbiliti b’dan il-mod kienu aktar baxxi mill-marġini ta’ dumping misjuba.

2.   Il-miżuri definittivi

(107)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward id-dumping, id-danni, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, huwa kkunsidrat li għandu jiġi impost dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ fil-livell tal-marġini tad-dumping u tad-danni l-aktar baxxi li jinstabu, skont ir-regola tad-dazju l-aktar baxx, li f’kull każ huwa l-marġini tad-dannu.

(108)

Abbażi ta’ kull ma ntqal hawn fuq, id-dazji definittivi għandhom ikunu kif ġej:

Produttur esportatur

Dazju kontra d-dumping

Shandong Luxing Steel Pipe Co., Ltd.

17,7  %

Kumpaniji oħra li kkooperaw

27,2  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

39,2  %

(109)

Ir-rati ta’ dazju kontra d-dumping ta’ kumpaniji individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt l-investigazzjoni rigward dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti importati mmanifatturati minn xi kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi entitajiet marbuta ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(110)

Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju kontra d-dumping gћal kumpaniji individwali (eż. wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (8) bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u ma’ dak tal-esportazzjoni li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

(111)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi kontra d-dumping. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu sewwa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew mibdula skont dan.

(112)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid u l-kumpaniji li kkooperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir dispożizzjoni għall-medja mwieżna tad-dazju impost fuq dawn tal-aħħar li għandha tiġi applikata għal kwalunkwe esportatur ġdid li kieku kien ikun intitolat għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, billi l-Artikolu 11(4) ma japplikax fejn it-teħid ta’ kampjuni kien użat.

3.   Impenji

(113)

Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kienet intiża r-rakkomandazzjoni tal-impożizzjoni ta’ dazju definittiv kontra d-dumping, għadd ta’ produtturi esportaturi li ma ffurmawx parti mill-kampjun fir-RPĊ indikaw xewqthom li joffru garanzija fuq il-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, minkejja li l-kundizzjonijiet neċessarji kollha ġew spjegati, ma tressqet l-ebda offerta impenjattiva formali fil-limitu ta’ żmien iffissat għal dan il-għan permezz tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku u ma saret l-ebda talba sabiex dan il-limitu ta’ żmien jittawwal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux meħtieġ li titqies iktar il-kwistjoni tal-impenji fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni.

I.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(114)

Billi l-investigazzjoni wriet li t-theddida ta’ dannu kienet imminenti fl-aħħar tal-PI kif indikat fil-premessa (126) tar-Regolament provviżorju, b’kunsiderazzjoni tas-sejbiet fil-premessi minn (50) sa (55) ta’ hawn fuq li jikkonfermaw evoluzzjoni negattiva ta’ għadd ta’ indikaturi ta’ dannu wara l-PI, u fid-dawl tal-qies tal-marġini ta’ dumping li nstab, hu konkluż li fin-nuqqas ta’ miżuri provviżorji kien iseħħ dannu. Għaldaqstant tqies meħtieġ li l-ammonti garantiti permezz ta’ dazju provviżorju kontra d-dumping impost mir-Regolament provviżorju jinġabru b’mod definittiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv kontra d-dumping huwa permezz ta’ dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, ta’ profil ċirkolari, b’dijametru estern li ma jaqbiżx 406,4 mm b’Valur Ekwivalenti ta’ Karbonju (VEK) li ma jaqbiżx 0,86 skont il-formola u l-analiżi kimika (9) tal-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW), li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 23 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 20, ex 7304 31 80, ex 7304 39 10, ex 7304 39 52, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 81, ex 7304 51 89, ex 7304 59 10, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93 (10) (Kodiċi TARIC 7304191020, 7304193020, 7304230020, 7304291020, 7304293020, 7304312020, 7304318030, 7304391010, 7304395220, 7304395830, 7304399230, 7304399320, 7304518120, 7304518930, 7304591010, 7304599230 u 7304599320) u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv kontra d-dumping applikabbli għall-prezz nett u ħieles fuq il-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Il-kumpanija

Dazju kontra d-dumping (%)

Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC

Shandong Luxing Steel Pipe Co., Ltd., Qingzhou City, RPĊ

17,7

A949

Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness

27,2

A950

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

39,2

A999

3.   Kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz ta’ dazju provviżorju kontra d-dumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2009 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata ta’ dazju provviżorju.

Artikolu 3

Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummisjoni li:

ma esportax lejn il-Kommunità il-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008),

ma huwa relatat ma’ ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma suġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

esporta realment lejn il-Komunità l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli għall-esportazzjoni ta’ kwantità sinifikanti lejn il-Komunità,

il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza sempliċi dwar proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw li ma ffurmawx parti mill-kampjun u b’hekk suġġetti għad-dazju medju differenzjat ta’ 27,2 %.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

M. OLOFSSON


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU C 174, 9.7.2008, p. 7.

(3)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 48.

(4)  Is-CEV għandu jiġi ddeterminat skont ir-Rapport Tekniku, 1967, IIW doc. IX-555-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).

(5)  Kif iddefinit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 291, 31.10.2008, p. 1). Il-kopertura tal-prodott hija ddeterminata billi jiġu kkombinati d-deskrizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1(1) u d-deskrizzjoni tal-prodott tal-kodiċi NM korrispondenti meħuda flimkien.

(6)  ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4.

(7)  Abbażi ta’ tqabbil li sar bejn il-volumi medji ta’ kull xahar.

(8)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/092, 1049 Brussels, Belġju.

(9)  Il-VEK għandu jiġi ddeterminat skont ir-Rapport Tekniku, 1967, IIW doc. IX-555-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Welding (IIW).

(10)  Kif iddefinit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 291, 31.10.2008, p. 1). Il-kopertura tal-prodott hija ddeterminata billi jiġu kkombinati d-deskrizzjoni tal-prodott fl-Artikolu 1(1) u d-deskrizzjoni tal-prodott tal-kodiċi NM korrispondenti meħuda flimkien.


ANNESS

Lista ta’ produtturi li kkooperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) skont il-kodiċi addizzjonali TARIC A950

Isem il-Kumpanija

Belt

Handan Precise Seamless Steel Pipes Co., Ltd

Handan

Hengyang Valin MPM Co., Ltd

Hengyang

Hengyang Valin Steel Tube Co., Ltd

Hengyang

Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd

Huangshi

Jiangsu Huacheng Industry Group Co., Ltd

Zhangjiagang

Jiangyin City Seamless Steel Tube Factory

Jiangyin

Jiangyin Metal Tube Making Factory

Jiangyin

Pangang Group Chengdu Iron & Steel Co., Ltd

Chengdu

Shenyang Xinda Co., Ltd

Shenyang

Suzhou Seamless Steel Tube Works

Suzhou

Tianjin Pipe (Group) Corporation (TPCO)

Tianjin

Wuxi Dexin Steel Tube Co., Ltd

Wuxi

Wuxi Dongwu Pipe Industry Co., Ltd

Wuxi

Wuxi Seamless Oil Pipe Co., Ltd

Wuxi

Zhangjiagang City Yiyang Pipe Producing Co., Ltd

Zhangjiagang

Zhangjiagang Yichen Steel Tube Co., Ltd

Zhangjiagang


Top