EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0923

Regolament (KE) Nru 923/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 266, 9.10.2009, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 010 P. 227 - 236

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/923/oj

9.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/1


REGOLAMENT (KE) Nru 923/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm “Marco Polo” għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 71(1) u 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni intitolat “Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna”, tat-22 ta’ Ġunju 2006, tenfasizza l-potenzjal tal-Programm Marco Polo, stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja komunitarja biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Programm Marco Polo) (3), bħala sors ta’ finanzjament li joffri lill-operaturi f’toroq traffikużi alternattivi permezz tal-użu ta’ mezzi oħra ta’ trasport. Għalhekk, il-Programm Marco Polo huwa wieħed mill-elementi bażiċi fil-politika attwali dwar it-trasport.

(2)

Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni deċiżiva, it-trasport totali tal-merkanzija fuq it-toroq fl-Ewropa huwa previst li jikber b’aktar minn 60 % sal-2013. L-effett ikun wieħed ta’ tkabbir stmat għal 20,5 biljun tunnellati-kilometri fis-sena fil-volum ta’ merkanzija internazzjonali fuq it-toroq għall-Unjoni Ewropea sal-2013, b’konsegwenzi negattivi f’termini ta’ spejjeż addizzjonali ta’ infrastruttura tat-toroq, inċidenti, konġestjoni, tniġġis lokali u globali, ħsara ambjentali u n-nuqqas ta’ affidabilità tal-katina tal-provvista u tal-proċessi ta’ loġistika.

(3)

Sabiex wieħed ilaħħaq ma’ dan it-tkabbir, wieħed għandu jagħmel użu akbar minn dak attwali tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, u huwa meħtieġ li jiġu stimulati inizjattivi aktar qawwija mis-settur tat-trasport u l-loġistika, inklużi portijiet niexfa u pjattaformi oħrajn li jiffaċilitaw l-intermodalità, biex jiġu mħeġġa approċċi ġodda u l-użu ta’ innovazzjonijiet tekniċi fil-mezzi tat-trasport kollha u fil-ġestjoni tagħhom.

(4)

Huwa għan tal-Unjoni Ewropea li ssaħħaħ il-modi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent, irrispettivament minn jekk dan il-għan iwassalx jew le għal bidla modali speċifika jew inkella għal effett ta’ evitar fil-każ ta’ ġarr tal-merkanzija bit-triq.

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 (4) il-Kummissjoni kienet meħtieġa twettaq evalwazzjoni tal-Programmi Marco Polo II (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”) u tippreżenta proposti biex jiġi emendat dak il-Programmi jekk ikun meħtieġ.

(6)

Evalwazzjoni esterna tar-riżultati tal-Programm Marco Polo kkalkulat li dak il-Programm mhux ser jikseb l-għanijiet tiegħu f’termini ta’ bidla modali u tat xi rakkomandazzjonijiet biex titjieb l-effikaċja tiegħu.

(7)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-impatt tal-miżuri proposti mill-evalwazzjoni esterna u miżuri oħra mmirati li jżidu l-effiċjenza tal-Programm. Dik l-analiżi wriet il-ħtieġa għal għadd ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni minn intrapriżi żgħar u mikro, biex jitnaqqsu l-limiti tal-eliġibbiltà tal-azzjoni, biex tiżdied l-intensità tal-finanzjament u biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ implimentazzjoni u dawk amministrattivi tal-Programm.

(8)

Il-parteċipazzjoni minn intrapriżi żgħar u mikro fil-Programm għandha tiżdied billi impriża waħda tkun tista’ tapplika għal finanzjament u billi jitnaqqsu l-limiti minimi tal-eliġibbiltà għall-proposti ppreżentati minn intrapriżi tat-trasport fuq passaġġi fuq l-ilmijiet interni.

(9)

Il-limiti minimi tal-eliġibbiltà għall-proposti għall-finanzjament għandhom jitnaqqsu u jiġu espressi f’termini ta’ tunnellati-kilometri ttrasferiti annwalment, ħlief għall-azzjonijiet ta’ tagħlim komuni. Dawk il-limiti minimi għandhom jiġu kkalkulati tul il-perjodu kollu tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet msemmija fl-Anness, mingħajr ma tiġi stabbilita kwalunkwe rata annwali ta’ implimentazzjoni. M’għandux ikun hemm aktar il-ħtieġa għal limitu minimu speċifiku li japplika għall-azzjonijiet tal-evitar tat-traffiku, u għandu jkun stabbilit tul ta’ żmien minimu għal dan it-tip ta’ azzjoni, azzjonijiet ta’ kataliżi u azzjonijiet ta’ Toroq tat-Tbaħħir.

(10)

L-intensità tal-finanzjament għandha tiżdied billi tiġi introdotta definizzjoni għal “merkanzija”, sabiex jiġi inkluż l-element ta’ trasport fil-kalkolu tal-bidla modali, u jkunu possibbli estensjonijiet eċċezzjonali tat-tul ta’ żmien massimu għal azzjonijiet b’dewmien fil-bidu tagħhom. L-aġġornament tal-intensità tal-finanzjament minn EUR 1 sa EUR 2 skont il-proċedura stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 għandu jiġi rifless fit-test ta’ dak l-Anness kif emendat.

(11)

Sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-Programm, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 dwar il-kondizzjonijiet għall-finanzjament ta’ infrastruttura anċillari għandu jitħassar. Barra minn hekk il-proċedura ta’ kumitat għall-għażla annwali ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati għandha tiġi eliminata.

(12)

Għandha tiġi stabbilita rabta aktar dettaljata bejn il-Programm u l-qafas tan-Network ta’ Trasport Trans-Ewropew (minn hawn ’il quddiem “TEN-T”) li jistabbilixxi il-qafas għat-toroq tat-Tbaħħir u l-konsiderazzjonijiet ambjentali għandhom jiġu estiżi biex jinkludu l-ispejjeż esterni kollha tal-azzjonijiet.

(13)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati bl-iktar mod espedjenti u veloċi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tiegħu,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(p)

‘merkanzija’ tfisser, għall-iskop tal-kalkolu ta’ ‘tunellata-kilometru’ mneħħija minn fuq it-triq, l-oġġetti trasportati, l-unità ta’ trasport intermodali flimkien mal-vettura tat-triq, inklużi unitajiet tat-trasport intermodali vojta u vetturi tat-triq vojta, f’każ li dawn jitneħħew minn fuq it-triq.”;

(2)

l-Artikolu 4(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-azzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati minn impriżi jew consortia stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 3(3) u (4).”;

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (b) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

azzjonijiet ta’ Toroq tat-Tbaħħir; fi ħdan l-Unjoni Ewropea tali azzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-karatteristiċi tal-proġett ta’ prijorità dwar it-Toroq tat-Tbaħħir kif iddefiniti fil-qafas tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (*);

(*)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-kondizzjonijiet speċifiċi tal-finanzjament u r-rekwiżiti l-oħra għall-azzjonijiet diversi huma stabbiliti fl-Anness.”;

(4)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Għajnuna mill-Istat

L-assistenza finanzjarja tal-Komunità għall-azzjonijiet koperti mill-Programm m’għandhiex twaqqaf dawk l-azzjonijiet milli jirċievu għajnuna mill-Istat fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, sakemm din l-għajnuna tkun kompatibbli mal-arranġamenti dwar l-għajnuna mill-Istat mniżżla fit-Trattat u fil-limiti kumulattivi stabbiliti għal kull tip ta’ azzjoni stabbilita fl-Anness.”;

(5)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Preżentazzjoni ta’ azzjonijiet

L-azzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont ir-regoli dettaljati maħruġa skont l-Artikolu 6. Il-preżentazzjonijiet għandhom jinkludu t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel l-għażla tagħha skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza lill-applikanti biex tiffaċilita l-proċess tal-applikazzjoni tagħhom, pereżempju permezz ta’ servizz ta’ assistenza bl-Internet.”;

(6)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Għażla ta’ azzjonijiet għall-assistenza finanzjarja

L-azzjonijiet ippreżentati għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni. Fl-għażla ta’ azzjonijiet għall-assistenza finanzjarja taħt il-Programm, il-Kummissjoni għandha tqis dan li ġej:

(a)

l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-kolonna xierqa tal-Anness;

(c)

il-kontribuzzjoni tal-azzjonijiet biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq;

(d)

il-merti ambjentali relattivi tal-azzjonijiet u l-merti relattivi tal-azzjonijiet f’termini ta’ tnaqqis fl-ispejjeż esterni,, inkluż il-kontribut tagħhom biex jitnaqqsu l-effetti ambjentali negattivi kkaġunati mit-tbaħħir fil-qosor, u t-trasport bil-ferroviji u bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni. Għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-azzjonijiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali legalment vinkolanti;

(e)

is-sostenibbiltà komplessiva tal-azzjonijiet.

Il-Kummissjoni għandha, wara li tkun informat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, tadotta d-deċiżjoni biex tingħata assistenza finanzjarja.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji bid-deċiżjoni tagħha.”;

(7)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummisjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Komunikazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-Programmi Marco Polo għall-perjodu 2003-2010. Hija għandha tagħmel dan qabel ma tfassal proposta għat-tielet Programm Marco-Polo u għandha tqis is-sejbiet tal-Komunikazzjoni fit-tfassil ta’ dik il-proposta.”;

(b)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“2a.   Il-Komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha b’mod partikolari titratta dan li ġej:

l-impatt ta’ dan ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 923/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm ‘Marco Polo’ għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II) (**),

l-esperjenzi tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni bl-immaniġġjar tal-programm,

il-ħtieġa li jkun hemm distinzjoni bejn il-mezzi tat-trasport f’dawk li huma kondizzjonijiet għall-iffinanzjar, abbażi tas-sikurezza, il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fl-enerġija,

l-effettività tal-azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku,

il-ħtieġa li titwaqqaf assistenza skont id-domanda fl-istadju tal-applikazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet ta’ intrapriżi tat-trasport żgħar u mikro,

l-għarfien tar-riċessjoni ekonomika bħala raġuni straordinarja għall-estensjoni tat-tul tal-azzjonijiet,

it-tnaqqis tal-limiti minimi għall-eliġibilità għal azzjonijiet speċifiċi għall-prodotti,

il-possibilità ta’ indikazzjoni tal-miri għal-limiti minimi ta’ finanzjament minimu għall-azzjonijiet proposti f’dawk li huma effiċjenża fl-enerġija u benefiċċji ambjentali flimkien mat-trasferiment ta’ tunnellati-kilometri,

jekk ikunx xieraq li tiġi inkluża l-unità tat-trasport fid-definizzjoni tat-terminu ‘merkanzija’,

id-disponibbiltà ta’ ħarsa ġenerali annwali sħiħa tal-azzjonijiet li jkunu ġew ko-finanzjati,

il-possibbiltà li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-Programm, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Loġistika u TEN-T billi jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex tiġi kkoordinata l-allokazzjoni ta’ fondi komunitarji, b’mod partikulari għat-Toroq tat-Tbaħħir,

il-possibbiltà li l-ispejjeż imġarrba f’pajjiż terz isiru eliġibbli jekk l-azzjoni titwettaq minn impriżi minn xi Stat Membru,

il-ħtieġa li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tiegħu, pereżempju permezz ta’ programm għas-settur tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni,

il-possibbiltà li l-Programm jiġi estiż għall-pajjiżi ġirien, u

il-possibbiltà ta’ adattament ulterjuri tal-Programm għall-Istati Membri insulari u arċipelaġiċi.

(**)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 1.”;"

(8)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’ dan li ġej:

“Artikolu 15

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 huwa b’ dan imħassar, b’ effett mill-14 ta’ Diċembru 2006.

Il-kuntratti dwar l-azzjonijiet fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1382/2003 għandhom ikomplu jiġu rregolati minn dak ir-Regolament sal-għeluq operattiv u finanzjarju tagħhom.”

(9)

l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(10)

l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  L-Opinjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ 27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 1.


ANNESS

“ANNESS

Kondizzjonijiet ta’ finanzjament u rekwiżiti skont l-Artikolu 5(2)

Tip ta’ Azzjoni

A.

Katalist

Artikolu 5(1)(a)

B.

Autoroutes de la mer

Artikolu 5(1)(b)

C.

Bidla modali

Artikolu 5(1)(c)

D.

Evitar tat-traffiku

Artikolu 5(1)(d)

E.

Tagħlim komuni

Artikolu 5(1)(e)

1.

Il-kondizzjonijiet ta’ finanzjament

(a)

l-azzjoni ta’ kataliżi ser twettaq l-għanijiet tagħha f’perjodu massimu ta’ 60 xahar, u tibqa’ vijabbli wara dak il-perjodu, kif previst minn pjan tan-negozju realistiku;

(a)

l-Azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir ser twettaq l-għanijiet tagħha f’perjodu massimu ta’ 60 xahar, u tibqa’ vijabbli wara dak il-perjodu, kif previst minn pjan tan-negozju realistiku;

(a)

l-azzjoni ta’ bidla modali ser twettaq l-għanijiet tagħha f’perjodu massimu ta’ 36 xahar, u tibqa’ vijabbli wara dak il-perjodu, kif previst minn pjan tan-negozju realistiku;

(a)

l-azzjoni ta’ evitar tat-traffiku ser twettaq l-għanijiet tagħha f’perjodu massimu ta’ 60 xahar, u tibqa’ vijabbli wara dak il-perjodu, kif previst minn pjan tan-negozju realistiku;

(a)

l-azzjoni ta’ tagħlim komuni ser twassal għat-titjib tas-servizzi kummerċjali fis-suq, u b’mod partikolari għall-promozzjoni u/jew l-iffaċilitar tal-evitar tat-traffiku tat-triq jew il-bidla modali mit-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni permezz ta’ titjib tal-kooperazzjoni u tal-qsim ta’ għarfien; din ser iddum għal massimu ta’ 24 xahar;

(b)

l-azzjoni ta’ kataliżi hija innovattiva f’livell Ewropew, f’termini ta’ loġistika, teknoloġija, metodi, tagħmir, prodotti, infrastruttura jew servizzi mogħtija;

(b)

l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħirhija innovattiva f’livell Ewropew, f’termini ta’ loġistika, teknoloġija, metodi, tagħmir, prodotti, infrastruttura jew servizzi mogħtija; ser titqies ukoll il-kwalità għolja tas-servizz, il-proċeduri u l-ispezzjonijiet issemplifikati, il-kisba ta’ livelli għolja ta’ sikurezza u ta’ sigurtà, l-aċċess tajjeb għall-portijiet, il-konnessjonijiet effiċjenti għal żoni interni fuq l-art u s-servizzi flessibbli u effiċjenti tal-portijiet;

(b)

l-azzjoni ta’ bidla modali mhix ser twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, partikolarment bejn il-mezzi tat-trasport alternattivi għat-trasport fuq it-toroq biss, jew fi ħdan kull mezz, li jmorru kontra l-interess komuni;

(b)

l-azzjoni tal-evitar tat-traffiku hija innovattiva f’livell Ewropew, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ integrazzjoni tal-loġistika tal-produzzjoni fil-loġistika tat-trasport;

(b)

l-azzjoni ta’ tagħlim komuni hija innovattiva f’livell Ewropew;

(c)

l-azzjoni ta’ kataliżi hija mistennija li twassal għal bidla modali reali, li tista’ titkejjel u li hija sostenibbli mit-trasport fuq it-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni;

(c)

l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir għandha l-għan li tinkoraġġixxi servizzi intermodali ta’ volum kbir u frekwenza għolja għat-trasport ta’ merkanzija, permezz ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra, inklużi servizzi kkombinati ta’ trasport ta’ merkanzija u passiġġieri kif jixraq, jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra ma’ mezzi oħra ta’ trasport li fejn l-ivjaġġar fuq it-toroq ikun kemm jista’ jkun qasir; l-azzjoni għandha preferibbilment tinkludi servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija integrati għal żoni interni fuq l-art bil-ferroviji u/jew permezz tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni;

(c)

l-azzjoni ta’ bidla modali tipproponi pjan realistiku li jispeċifika l-istadji speċifiċi li permezz tagħhom taspira li tilħaq l-għanijiet tagħha;

(c)

l-azzjoni għall-evitar tat-traffiku timmira li tinkoraġġixxi effiċjenza ogħla fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija fis-swieq Ewropej mingħajr ma xxekkel it-tkabbir ekonomiku billi tiffoka fuq il-modifika tal-proċessi ta’ produzzjoni u/jew ta’ distribuzzjoni, biex b’hekk tikseb distanzi iqsar, fatturi ta’ tagħbija ogħla, inqas vjaġġi vojta, tnaqqis ta’ flussi ta’ skart, tnaqqis tal-volum, u/jew piż jew kwalunkwe effett ieħor li jwassal għal tnaqqis sinifikanti tat-traffiku tal-merkanzija fit-toroq, iżda mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv il-livelli ta’ produzzjoni jew il-ħaddiema;

(c)

l-azzjoni ta’ tagħlim komuni mhix ser twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, b’mod partikolari bejn il-mezzi tat-trasport alternattivi għal trasport fuq it-toroq, waħdu jew fi ħdan kull mezz, li jmorru kontra l-interess komuni;

(d)

l-azzjoni ta’ kataliżi tipproponi pjan realistiku li jniżżel stadji speċifiċi biex iwettaq l-għanijiet tiegħu u li jidentifika l-ħtieġa ta’ għajnuna mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għotja ta’ direzzjoni;

(d)

l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir hija mistennija li twassal għal bidla modali reali, li tista titkejjel u li tkun sostenibbli ogħla mir-rata ta’ tkabbir ta’ trasport ta’ merkanzija fuq it-toroq imbassra, mit-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-passaġġi fuq l-ilmijiet interni jew il-ferroviji;

(d)

meta l-azzjoni ta’ bidla modali tirrikjedi l-użu ta’servizzi pprovduti minn partijiet terzi għall-ftehim ta’ sussidju, l-applikanti għandhom jagħtu prova ta’ proċedura trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi rilevanti.

 

(d)

l-azzjoni ta’ tagħlim komuni tipproponi pjan realistiku li jispeċifika l-istadji partikolari li permezz tagħhom tfittex li tilħaq l-għanijiet tagħha u tidentifika l-ħtieġa għall-għajnuna tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija.

(e)

l-azzjoni ta’ kataliżi mhix ser twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, b’mod partikolari bejn il-mezzi tat-trasport alternattivi għat-trasport fuq it-toroq waħdu jew fi ħdan kull mezz, sa punt li jmur kontra l-interess komuni;

(e)

l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir tipproponi pjan realistiku li jispeċifika l-istadji partikolari li permezz tagħhom tfittex li tilħaq l-għanijiet tagħha u tidentifika il-ħtieġa għall-għajnuna tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija;

 

(d)

il-miżura tal-evitar tat-traffiku tipproponi pjan realistiku li jispeċifika l-istadji partikolari li permezz tagħhom taspira li tilħaq l-għanijiet tagħha u tidentifika l-ħtieġa għall-għajnuna tal-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija;

 

(f)

meta l-azzjoni teħtieġ l-użu ta’ servizzi pprovduti minn partijiet terzi għall-ftehim ta’ sussidju, l-applikanti għandhom jagħtu prova ta’ proċedura trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi rilevanti.

(f)

l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir mhix ser twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, b’mod partikolari bejn il-mezzi tat-trasport alternattivi għat-trasport fuq it-toroq, waħdu jew fi ħdan kull mezz, li jmorru kontra l-interess komuni;

 

(f)

l-azzjoni ta’ evitar tat-traffiku mhix ser twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti b’mod partikolari bejn il-mezzi tat-trasport alternattivi għat-trasport tat-triq, waħdu jew fi ħdan kull mezz, sal-punt li jmur kontra l-interess komuni;

 

 

(g)

meta l-azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir teħtieġ l-użu ta’ servizzi pprovduti minn partijiet terzi għall-ftehim ta’ sussidju, l-applikant għandu jippreżenta prova ta’ proċedura trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi rilevanti.

 

(f)

Meta l-azzjoni tal-evitar ta’ traffiku teħtieġ l-użu ta’ servizzi pprovduti minn partijiet terzi għall-ftehim ta’ sussidju, l-applikant għandu jippreżenta prova ta’ proċedura trasparenti, oġġettiva u mhux-diskriminatorja għall-għażla tas-servizzi rilevanti.

 

2.

L-intensità u l-ambitu tal-finanzjament

(a)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-azzjonijiet ta’ kataliżi għandha tkun limitata għal massimu ta’ 35 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tal-azzjoni. Tali nefqa għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja Komunitarja, sa fejn għandha x’taqsam direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni. L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-infrastruttura anċillari m’għandhomx ikunu akbar minn 20 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-azzjoni.

(a)

L-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-azzjonijiet ta’ Toroq tat-Tbaħħir għandha tkun limitata għal massimu ta’ 35 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tal-azzjoni. Tali nefqa għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja Komunitarja, sa fejn għandha x’taqsam direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni. L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-infrastruttura anċillari ma għandhomx ikunu akbar minn 20 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-azzjoni.

(a)

L-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-azzjonijiet ta’ bidla modali għandha tkun limitata għal massimu ta’ 35 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tal-azzjoni. Tali nefqa għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja Komunitarja, sa fejn għandha x’taqsam direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni. L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-infrastruttura anċillari ma għandhomx ikunu akbar minn 20 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-azzjoni.

(a)

L-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku għandha tkun limitata għal massimu ta’ 35 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tal-azzjoni. Tali nefqa għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja Komunitarja, sa fejn għandha x’taqsam direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni. L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-infrastruttura anċillari ma għandhomx ikunu akbar minn 20 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-azzjoni.

(a)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjonijiet ta’ tagħlim komuni għandha tkun limitata għal massimu ta’ 50 % tan-nefqa totali meħtieġa sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tal-azzjoni. Tali nefqa għandha tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja Komunitarja, sa fejn għandha x’taqsam direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

In-nefqa mġarrba fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni taħt il-proċedura tal-għażla jew wara din id-data għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm tingħata l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità. Kontribut għall-ispejjeż tal-assi mobbli għandu jiddependi fuq l-obbligu li jiġu użati tali assi matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni kif iddefinita fil-ftehim tas-sussidju.

In-nefqa mġarrba fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni taħt il-proċedura tal-għażla jew wara din id-data għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm tingħata l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità. Kontribut għall-ispejjeż tal-assi mobbli għandu jiddependi fuq l-obbligu li jiġu użati tali assi matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni kif iddefinita fil-ftehim tas-sussidju.

In-nefqa mġarrba fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni taħt il-proċedura tal-għażla jew wara din id-data għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm tingħata l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità. Kontribut għall-ispejjeż tal-assi mobbli għandu jiddependi fuq l-obbligu li jiġu użati tali assi matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni kif iddefinita fil-ftehim tas-sussidju.

In-nefqa mġarrba fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni taħt il-proċedura tal-għażla jew wara din id-data għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm tingħata l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità. Kontribut għall-ispejjeż tal-assi mobbli għandu jiddependi fuq l-obbligu li jiġu użati tali assi matul il-perjodu li fih tingħata l-għajnuna, prinċipalment għall-azzjoni kif iddefinita fil-ftehim tas-sussidju.

In-nefqa mġarrba fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni taħt il-proċedura tal-għażla jew wara din id-data għandha tkun eliġibbli għal għajnuna finanzjarja Komunitarja sakemm tingħata l-approvazzjoni finali għall-fondi tal-Komunità.

 

 

 

(b)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku ma’ għandhiex tintuża biex tappoġġa impriżi jew attivitajiet ta’ produzzjoni li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ trasport jew distribuzzjoni.

 

(b)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja, iddeterminata mill-Kummissjoni abbażi tat-tunnellati-kilometri li ġew ittrasferiti minn fuq it-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, għandha għall-bidu tkun ta’ EUR 2 għal kull trasferiment ta’ 500 tunnellata-kilometru ta’ merkanzija fuq it-toroq. Dan l-ammont indikattiv jista’ jiġi aġġustat, partikolarment, skont il-kwalità tal-azzjoni jew il-benefiċċju reali ambjentali miksub.

(b)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja, iddeterminata mill-Kummissjoni abbażi tat-tunnellati-kilometri li ġew ittrasferiti minn fuq it-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, għandha għall-bidu tkun ta’ EUR 2 għal kull trasferiment ta’ 500 tunnellata-kilometru ta’ merkanzija fuq it-toroq. Dan l-ammont indikattiv jista’ jiġi aġġustat, partikolarment, skont il-kwalità tal-azzjoni jew il-benefiċċju reali ambjentali miksub.

(b)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja, iddeterminata mill-Kummissjoni abbażi tat-tunnellati-kilometri li ġew ittrasferiti minn fuq it-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, għandha għall-bidu tkun ta’ EUR 2 għal kull trasferiment ta’ 500 tunnellata-kilometru ta’ merkanzija fuq it-toroq. Dan l-ammont indikattiv jista’ jiġi aġġustat, partikolarment, skont il-kwalità tal-azzjoni jew il-benefiċċju reali ambjentali miksub.

(c)

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja, għandha għall-bidu tkun ta’ EUR 2 għal kull 500 tunnellata-kilometru li ġew evitati jew 25 kilometru-vettura ta’ merkanzija fuq it-toroq. Dan l-ammont indikattiv jista’ jiġi aġġustat, partikolarment, skont il-kwalità tal-azzjoni jew il-benefiċċju reali ambjentali miksub.

 

(c)

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2), il-Kummissjoni tista’ terġa teżamina, minn żmien għall-ieħor kif meħtieġ, l-iżviluppi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti li fuqhom huwa bbażat dan il-kalkolu u, jekk huwa meħtieġ, tadatta l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja kif inhu meħtieġ.

(c)

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2), il-Kummissjoni tista’ terġa teżamina, minn żmien għall-ieħor kif meħtieġ, l-iżviluppi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti li fuqhom huwa bbażat dan il-kalkolu u, jekk huwa meħtieġ, tadatta l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja kif inhu meħtieġ.

(c)

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2), il-Kummissjoni tista’ terġa teżamina, minn żmien għall-ieħor kif meħtieġ, l-iżviluppi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti li fuqhom huwa bbażat dan il-kalkolu u, jekk huwa meħtieġ, tadatta l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja kif inhu meħtieġ.

(d)

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2), il-Kummissjoni tista’ terġa teżamina, minn żmien għall-ieħor kif meħtieġ, l-iżviluppi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti li fuqhom huwa bbażat dan il-kalkolu u, jekk huwa meħtieġ, tadatta l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja kif inhu meħtieġ.

 

3.

Il-forma u l-perjodu ta’ żmien tal-ftehim dwar is-sussidju

L-għajnuna finanzjarja għall-azzjonijiet ta’ kataliżi għandha tingħata abbażi ta’ ftehim dwar is-sussidji, u b’dispożizzjonijiet xierqa għat-tmexxija u l-monitoraġġ. Bħala regola, il-perjodu massimu ta’ dawn il-ftehimiet għandu jkun ta’ 62 xahar, u l-minimu ta’ 36 xahar. F’każ ta’ dewmien straordinarju ta’ implimentazzjoni per eżempju minħabba reċessjoni ekonomika straordinarja, ġġustifikat b’mod adegwat mill-benefiċjarju, tista’ tingħata estensjoni eċċezzjonali ta’ 6 xhur.

Għajnuna finanzjarja għall-azzjonijiet ta’ Toroq tat-Tbaħħir għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet dwar is-sussidji, u b’dispożizzjonijiet xierqa għat-tmexxija u l-monitoraġġ. Bħala regola, il-perjodu massimu ta’ dawn il-ftehimiet għandu jkun ta’ 62 xahar, u l-mimimu ta’36 xahar. F’każ ta’ dewmien straordinarju ta’ implimentazzjoni per eżempju minħabba reċessjoni ekonomika straordinarja, ġġustifikat b’mod adegwat mill-benefiċjarju, tista’ tingħata estensjoni eċċezzjonali ta’ 6 xhur.

Għajnuna finanzjarja għall-azzjonijiet ta’ bidla modali għandha tingħata abbażi ta’ ftehim dwar is-sussidji. Bħala regola, il-perjodu massimu ta’ dawn il-ftehimiet għandu jkun ta’ 38 xahar. F’każ ta’ dewmien straordinarju ta’ implimentazzjoni per eżempju minħabba reċessjoni ekonomika straordinarja, ġġustifikat b’mod adegwat mill-benefiċjarju, tista’ tingħata estensjoni eċċezzjonali ta’ 6 xhur.

Għajnuna finanzjarja għall-azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku għandha tingħata abbażi ta’ftehim dwar is-sussidji, u b’dispożizzjonijiet xierqa għat-tmexxija u l-monitoraġġ. Bħala regola, il-perjodu massimu ta’ dawn il-ftehimiet għandu jkun ta’ 62 xahar, u l-mimimu ta’ 36 xahar. F’każ ta’ dewmien straordinarju ta’ implimentazzjoni per eżempju minħabba reċessjoni ekonomika straordinarja, ġġustifikat b’mod adegwat mill-benefiċjarju, tista’ tingħata estensjoni eċċezzjonali ta’ 6 xhur.

L-għajnuna finanzjarja għall-azzjonijiet ta’ tagħlim komuni għandha tingħata abbażi ta’ ftehimiet dwar is-sussidji, u b’dispożizzjonijiet xierqa għat-tmexxija u l-monitoraġġ. Bħala regola, il-perjodu massimu ta’ dawn il-ftehimiet għandu jkun ta’ 26 xahar, li jista’ jiġi estiż b’rikjesta tal-benefiċjarju, fi ħdan il-pakkett baġitarju inizjali, għal perjodu addizjonali ta’ 26 xahar, jekk jinkisbu riżultati pożittivi matul l-ewwel 12-il xahar ta’ operazzjoni.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m’għandhiex tkun imġedda aktar mill-perjodu massimu stipulat ta’ 62 xahar, jew ta’ 68 xahar f’każijiet eċċezzjonali.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m’għandhiex tkun imġedda aktar mill-perjodu massimu stipulat ta’ 62 xahar, jew ta’ 68 xahar f’każijiet eċċezzjonali.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m’għandhiex tkun imġedda aktar mill-perjodu massimu stipulat ta’ 38 xahar, jew ta’ 44 xahar f’każijiet eċċezzjonali.

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja m’għandhiex tkun imġedda aktar mill-perjodu massimu stipulat ta’ 62 xahar, jew ta’ 68 xahar f’każijiet eċċezzjonali.

Għajnuna finanzjarja Komunitarja m’għandhiex tkun imġedda aktar mill-perjodu massimu stipulat ta’ 52 xahar.

4.

Il-limitu tal-valur tal-kuntratt

Il-limitu minimu indikattiv ta’ sussidju għal kull azzjoni ta’ kataliżi għandu jkun ta’ 30 miljun tunnellata-kilometru jew l-ekwivalenti volumetriku tiegħu ta’ bidla modali jew ta’ evitar tat-traffiku kull sena, li għandu jiġi implimentat tul il-ftehim kollu tas-sussidju.

Il-limitu minimu indikattiv ta’ sussidju għal kull azzjoni ta’ Toroq tat-Tbaħħir għandu jkun ta’ 200 miljun tunnellata-kilometru jew l-ekwivalenti volumetriku tiegħu ta’ bidla modali jew ta’ evitar tat-traffiku kull sena, li għandu jiġi implimentat tul il-ftehim kollu tas-sussidju.

Il-limitu minimu indikattiv ta’ sussidju għal kull azzjoni ta’ MoS għandu jkun ta’ 60 miljun tunnellata-kilometru jew l-ekwivalenti volumetriku tiegħu ta’ bidla modali jew ta’ evitar tat-traffiku kull sena, li għandu jiġi implimentat tul il-ftehim kollu tas-sussidju. L-azzjonijiet ta’ bidliet modali bil-għan li jimplimentaw trasferiment għall-passaġġi fuq l-ilmijiet Interni ser ikunu soġġetti għal-limitu speċjali ta’ 13-il miljun tunnellata-kilometru jew l-ekwivalenti volumetriku tiegħu ta’ bidla modali kull sena li għandu jiġi implimentat tul il-ħajja kollha tal-ftehim ta’ sussidju.

Il-limitu minimu indikattiv ta’ sussidju għal kull azzjoni ta’ evitar ta’ traffiku għandu jkun ta’ 80 miljun tunnellata-kilometru jew 4 miljun kilometru-vettura ta’ merkanzija fuq it-toroq evitati kull sena, li għandu jiġi implimentat tul il-ftehim kollu tas-sussidju.

Il-limitu minimu indikattiv għal kull azzjoni ta’ tagħlim komuni għanu jkun ta’ EUR 250 000 .

5.

It-tixrid

Ir-riżultati u l-metodi tal-azzjonijiet ta’ kataliżi għandhom jixterdu, u għandu jitħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki, kif speċifikat fi pjan ta’ tixrid, sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

Ir-riżultati u l-metodi ta’ azzjonijiet ta’ Toroq tat-Tbaħħir għandhom jixterdu u l-iskambju tal-aħjar prattiki għandu jitħeġġeġ, kif speċifikat fil-pjan ta’ propogazzjoni, sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

Attivitajiet ta’ tixrid speċifiċi għall-azzjonijiet ta’ bidla modali mhumiex previsti.

Ir-riżultati u l-metodi tal-azzjonijiet tal-evitar tat-traffiku għandhom jixterrdu, u għandu jitħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki kif speċifikat fil-pjan ta’ tixrid, sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

Ir-riżultati u l-metodi tal-azzjonijiet ta’ tagħlim komuni għandhom jixterrdu u għandu jitħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki, kif speċifikat fil-pjan ta’ tixrid, sabiex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.”


Top