Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0859

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 859/2009 tat- 18 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 244/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għar-radjazzjoni ultravjola minn bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda biss [non-directional household lamps] (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 247, 19.9.2009, pp. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2021; Impliċitament imħassar minn 32019R2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/859/oj

19.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 247/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 859/2009

tat-18 ta’ Settembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 244/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għar-radjazzjoni ultravjola minn bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda biss [non-directional household lamps]

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 tat-18 ta’ Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda (2),

Wara li kkonsultat il-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont l-evidenza mressqa wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 244/2009, il-limitu ffissat fit-Tabella 5 tar-Regolament fir-rigward tar-radjazzjoni ultravjola tat-tip UVC ma jistax jintlaħaq mill-bozoz tat-tungstenu-aloġenu mingħajr it-tieni għeluq (envelope) tal-bozza (speċjalment il-bozoz tal-aloġenu b’vultaġġ tal-mains b’fissaġġ tat-tip G9 u R7, kif ukoll il-bozoz tal-aloġenu b’vultaġġ baxx ħafna). Dan iwassal sabiex dawn il-bozoz ma jibqgħux jitħallew jiċċirkolaw fis-suq domestiku mill-1 ta’ Settembru 2009.

(2)

It-tneħħija tal-bozoz b’fissaġġ tat-tip G9 u R7 titqies biss fuq perjodu itwal ta’ żmien, minħabba li dawn jintużaw ħafna u bħalissa ma hemm xejn disponibbli li jista’ jieħu posthom u li jista’ jitwaħħal fil-lampi ddisinnjati għal dawn il-bozoz. Il-premessa 21 tar-Regolament (KE) Nru 244/2009 tgħid li r-rekwiżiti li jinsabu f’din il-miżura jippermettu li l-bozoz tal-aloġeni bis-sokit G9 u R7 jibqgħu jiċċirkolaw fis-suq għal perjodu limitat ta’ żmien. Ma hemmx indikazzjoni fir-Regolament tat-tul tal-perjodu ta’ żmien, madankollu ma kienx hemm il-ħsieb li dawn il-bozoz ma jibqgħux jitħallew jiċċirkolaw mill-1 ta’ Settembru 2009 minħabba r-radjazzjoni UVC, fil-każ li jirrispettaw ir-rekwiżiti l-oħrajn tar-Regolament.

(3)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2005/32/KE jitlob li r-rekwiżiti tal-ekodisinn mgħandhomx jaffettwaw il-funzjonalità mill-perspettiva tal-utent, mgħandhomx jinvolvu spejjeż eċċessivi, mgħandhomx ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kompetittività tal-industrija, u għandhom ikunu stabbiliti filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità.

(4)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-lampi li jitqiegħu fis-suq tal-UE huma sikuri għall-użu. Id-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (3) (id-Direttiva tal-Vultaġġ Baxx) tirregola r-radjazzjoni tat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu b’rata ta’ vultaġġ bejn il-50 u l-1 000 V għall-kurrent alternanti u bejn il-75 u l-1 500 V għall-kurrent dirett. Il-limiti tar-radjazzjoni UV huma ffissati f’normi armonizzati relatati kemm għall-bozoz tat-tungstenu-aloġenu b’vultaġġ tal-mains kif ukoll għal dawk b’vultaġġ baxx ħafna (pereżempju 12 V u 24 V), imma mhux għall-bozoz floroxxenti kumpatti. B’mod iktar bażiku, id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (4) jeħtieġ li l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq huma sikuri.

(5)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata koerenza bejn ir-Regolament (KE) Nru 244/2009 u l-leġiżlazzjoni Komunitarja li taffettwa r-radjazzjoni tal-UV tal-bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda biss. Ir-Regolament (KE) Nru 244/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 244/2009

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 244/2009 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)   ĠU L 76, 24.3.2009, p. 3.

(3)   ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

(4)   ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.


ANNESS

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda biss

It-Tabella 5 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 244/2009 tinbidel b’dan li ġej:

It-tabella 5

Ir-rekwiżiti tal-funzjonalità għall-bozoz għajr għal bozoz florexxenti kumpatti u bozoz LED

Il-parametri tal-funzjonalità

Il-Pass Nru 1

Il-Pass Nru 5

Il-perjodu speċifikat ta’ utilità tal-bozza

≥ 1 000  h

≥ 2 000  h

Il-manutenzjoni tal-lumen

≥ 85 % f’75 % tal-perjodu ta’ utilità medju speċifikat

≥ 85 % f’75 % tal-perjodu ta’ utilità medju speċifikat

L-għadd ta’ ċikli tat-teptip tad-dawl

erba’ darbiet il-perjodu nominali ta’ utilità nominali indikat f’sigħat

erba’ darbiet il-perjodu nominali ta’ utilità nominali indikat f’sigħat

Il-ħin li ddum biex tixgħel

< 0,2 sekondi

< 0,2 sekondi

Il-ħin biex tisħon il-bozza sa 60 % Φ

≤ 1,0 sekonda

≤ 1,0 sekonda

Ir-rata ta’ ħsara qabel iż-żmien

≤ 5,0 % f’100 siegħa

≤ 5,0 % f’200 siegħa

Il-fattur tal-qawwa tal-bozza

≥ 0,95

≥ 0,95”


Top