EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0698

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 698/2009 tal- 31 ta’ Lulju 2009 li jidderoga, għall-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern, mir-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

OJ L 201, 1.8.2009, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/698/oj

1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 698/2009

tal-31 ta’ Lulju 2009

li jidderoga, għall-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern, mir-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (1), b’mod partikolari l-Artikoli 5, 1 u 15 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 jistipula li s-setturi jew prodotti li jistgħu jiġu koperti bl-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni, iffinanzjati kompletament jew parzjalment mill-baġit Komunitarju, huma determinati billi tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu affrontati problemi speċifiċi jew ekonomiċi f’settur partikulari.

(2)

Bħalissa, is-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għaddej minn żmien ta’ diffikultà ekonomika akuta, x’aktarx li dan iqiegħed fil-periklu s-sopravivenza ekonomika ta’ għadd kbir ta’ farms.

(3)

F’dan il-kuntest jidher li huwa utli li l-organizzazzjonijiet professjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tingħatalhom il-possibbiltà l jibbenefikaw minn kofinanzjament Komunitarju fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, u li għal dan il-għan ikunu jistgħu jressqu, matul il-ġimgħat li ġejjin, programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’ħarsa lejn l-għażla tagħhom, u jekk ikun il-każ, l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni qabel tmiem din is-sena. B’dan il-mod ikun hemm deroga mir-rata annwali ta’ adozzjoni tal-programmi u l-iskedi ordinarji stabbiliti fl-Artikoli 8 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (2).

(4)

Għaldaqstant hemm raġuni għal deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 501/2008, għall-programmi ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern, u għas-sena 2009.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bla ħsara għall-iskeda annwali normali prevista bir-Regolament (KE) Nru 501/2008, għall-programmi ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib maħsuba għas-suq intern imressqa mill-organizzazzjonijiet professjonali ta’ dan is-settur lill-Istati Membri sal-15 ta’ Ottubru 2009, għandhom isiru derogi mill-iskeda msemmija kif ġej:

(a)

minkejja l-Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista provviżorja tal-programmi magħżula mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru;

(b)

minkejja l-Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tiddeċiedi liema programmi tista’ tikkofinanzja, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3.


Top