Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0642

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 tat- 22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 191, 23.7.2009, p. 42–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 059 P. 95 - 105

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/642/oj

23.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/42


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 642/2009

tat-22 ta' Lulju 2009

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għat-titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż żejda.

(2)

L-Artikolu 16(2), l-ewwel inċiż, tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżuri implimentattivi mmirati lejn prodotti elettroniċi għall-konsumaturi.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija li stħarreġ l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tat-televixins. L-istudju ġie żviluppat flimkien ma’ persuni interessati u partijiet ikkonċernati mill-Komunità u minn pajjiżi terzi, u r-riżultati ġew ippubblikati fuq is-sit EUROPA tal-Kummissjoni.

(4)

It-televixins jirrappreżentaw grupp ta’ prodotti elettroniċi tal-konsum li huwa sinifikanti f’termini ta’ konsum tal-elettriku u għalhekk huma prijorità fil-politika tal-ekodisinn.

(5)

L-aspett ambjentali tat-televixins li huwa identifikat bħala sinifikanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu.

(6)

Il-konsum elettriku relatat mat-televixins ġie stmat għal 60 TWh fl-2007 fil-Komunità, li jikkorrispondi għal 24 Mt emissjonijiet ta’ CO2. Jekk ma jittiħdux miżuri speċifiċi biex jiġi limitat dan il-konsum, huwa mbassar li l-konsum tal-elettriku jiżdied għal 132 TWh fl-2020. L-istudju ta’ tħejjija juri li l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti.

(7)

Aspetti ambjentali oħra ta’ rilevanza għandhom x’jaqsmu mas-sustanzi perikolużi użati fil-produzzjoni tat-televixins u l-iskart mit-televixins li jintrema ma’ tmiem ħajjithom. It-titjib fl-impatt ambjentali relatat ġie indirizzat fid-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (2), u d-Direttiva 2002/96/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (3), rispettivament, u ma għandux jiġi indirizzat ulterjorment minn dan ir-Regolament.

(8)

L-istudju ta’ tħejjija juri li mhumiex meħtieġa rekwiżiti dwar parametri oħra tal-ekodisinn imsemmija fl-Anness I, il-Parti 1, tad-Direttiva 2005/32/KE.

(9)

It-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku mit-televixins huwa possibbli/vijabbli billi jiġu applikati teknoloġiji eżistenti bla sjieda li jkunu ta’ nfiq effikaċi u li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ispejjeż magħquda għax-xiri u t-tħaddim tat-televixins.

(10)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku għat-televixins fil-Komunità kollha, u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

(11)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn ma għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq il-funzjonalità tal-prodott u ma għandhomx jaffettwaw ħażin is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku waqt il-fażi tal-użu għandhom aktar milli jpattu għall-impatti ambjentali potenzjali addizzjonali waqt il-fażi tal-produzzjoni.

(12)

Dħul fis-seħħ gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandu jipprovdi qafas ta’ żmien xieraq biex il-manifatturi jadattaw il-prodotti tagħhom. Iż-żmien għal din l-introduzzjoni għandu jkun wieħed fejn l-impatti negattivi fuq il-funzjonalitajiet tat-tagħmir diġà fis-suq jiġu evitati, u fejn jitqiesu l-impatti tal-ispejjeż għall-manifatturi, partikolarment l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat l-ilħiq f’waqtu tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Il-kejl tal-parametri rilevanti tal-prodott għandu jsir bis-saħħa ta’ proċeduri ta’ kejl affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar avvanzati rikonoxxuti inklużi, fejn huma disponibbli, stanDards armonizzati adottati mill-korpi ta’ stanDardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istanDards u tar-Regolamenti Tekniċi (4) dwar servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

(14)

Dan ir-Regolament għandu jkabbar il-penetrazzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji li jnaqqsu l-impatt ambjentali tat-televixins, u jwassal għal iffrankar tal-elettriku stmat għal 28 TWh fis-sena sal-2020, meta mqabbel ma’ qagħda fejn ma jittieħu l-ebda miżuri.

(15)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(16)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu tagħrif fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2005/32/KE safejn dan it-tagħrif ikun relatat mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(17)

L-aħjar livelli li huma disponibbli bħalissa f’dak li jirrigwarda effiċjenza fl-użu tal-enerġija waqt li t-tagħmir ikun Mixgħul u impatti ambjentali mnaqqsa marbuta mas-sustanzi perikolużi huma identifikati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE tat-12 ta' Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja lit-televixins (5). Dan għandu jgħin biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà wiesgħa tal-informazzjoni, partikolarment għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u għal ditti żgħar ħafna, u dan għandu jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji ta’ disinn biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Il-punti ta’ riferiment għall-aħjar teknoloġija disponibbli għalhekk ma għandhomx jiġu identifikati f’dan ir-Regolament.

(18)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, applikabbli mis-7 ta’ Jannar 2013, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-Dar u tal-uffiċċju f’modalità Stennija u f’modalità Mitfi (6) għandhom japplikaw għat-televixins fi żmien qabel dak provdut f’dak ir-Regolament minħabba li t-teknoloġiji li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu implimentati fuq medda iqsar ta’ żmien fir-rigward tat-televixins u jkun jista’ jinkiseb iffrankar addizzjonali tal-enerġija. Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 ma għandux għaldaqstant japplika għat-televixins u għandu jiġi emendat skont dan.

(19)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq tat-televixins.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2005/32/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“televixin” tfisser sett tat-televixin jew moniter tat-televixin;

(2)

“sett tat-televixin” tfisser prodott primarjament iddiżinjat għall-wiri u l-qbid ta’ sinjali awdjoviżivi li jitqiegħed fis-suq taħt tismija waħda ta’ mudell jew sistema, u li jikkonsisti minn:

(a)

unità tal-wiri;

(b)

tjuner/riċevitur wieħed jew aktar u funzjonijiet fakultattivi addizzjonali għall-ħżin tad-dejta u/jew il-wiri bħal diska diġitali versatili (DVD), drajv tal-hard disk (HDD) jew reġistratur tal-vidjokasetts (VCR), jew f’unità waħdanija flimkien mal-unità tal-wiri, jew f’unità separata jew aktar.

(3)

“moniter tat-televixin” tfisser prodott iddiżinjat biex juri fuq skrin integrat sinjal vidjo minn għadd ta’ sorsi, inkluż sinjali tax-xandir televiżiv, li fakultattivament jikkontrolla u jirriproduċi sinjali awdjo minn apparat sors estern, li jkun imqabbad bis-saħħa ta’ mogħdijiet stanDardizzati għas-sinjali vidjo inkluż konnetturi cinch (komponenti, kompożitu), SCART, HDMI, u stanDards bla fili tal-ġejjieni (iżda bl-esklużjoni ta’ mogħdijiet mhux stanDardizzati tas-sinjal vidjo bħal DVI u SDI), imma li ma jistax jirċievi u jipproċessa sinjali tax-xandir;

(4)

“modalità Mixgħul” tfisser il-kundizzjoni meta t-televixin ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl u jipproduċi ħoss u stampa;

(5)

“modalità tad-Dar” tfisser is-setting tat-televixin li jkun rakkomandat mill-manifattur għal użu normali fid-djar;

(6)

‘modalità/ajiet Stennija’ tfisser kundizzjoni li fih l-apparat ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl, jiddependi fuq enerġija li ġejja mis-sors tal-elettriku tal-mejn biex jaħdem kif suppost, u joffri l-funzjonijiet li ġejjin biss, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:

funzjoni ta’ riattivazzjoni, inkella funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċement indikazzjoni li din il-funzjoni ġiet attivata, u/jew

turija ta’ informazzjoni jew status;

(7)

“modalità Mitfi” tfisser kundizzjoni meta t-tagħmir ikun imqabbad mad-dawl tal-mejn u ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni; din tinkludi wkoll:

(a)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss indikazzjoni ta’ modalità Mitfi;

(b)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw kompatibilità elettromanjetika skont id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(8)

“funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li tippermetti l-attivazzjoni ta’ modalitajiet oħra, fosthom il-modalità Mixgħul, permezz ta’ swiċċ imbiegħed li jinkludi l-apparat tal-kontroll mill-bogħod, sonda interna, tajmer għal kundizzjoni li tipprovdi funzjonijiet addizzjonali, fosthom il-modalità Mixgħul;

(9)

“turija ta’ informazzjoni jew status” tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi informazzjoni jew inkella li tindika l-istatus tat-tagħmir fuq unità tal-wiri, inklużi arloġġi;

(10)

“menu obbligatorju” tfisser għadd ta’ settings tat-televixin, definiti minn qabel mill-manifattur, minn fejn l-utent tat-televixin għandu jagħżel setting partikolari malli t-televixin jinxtegħel għall-ewwel Darba;

(11)

“riżoluzzjoni HD sħiħa” tfisser riżoluzzjoni tal-iskrin b’għadd fiżiku ta’ pixels ta’ mhux anqas minn 1 920 × 1 080 pixel.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins huma stipulati fl-Anness I.

Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jitkejlu skont il-metodi stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema interna tal-kontroll tad-disinn stabbilita fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

Id-dokumentazzjoni teknika li għandha tiġi pprovduta għall-valutazzjoni tal-konformità hija stipulata fil punt (1) tal-Parti 5 tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għandhom isiru kontrolli ta’ sorveljanza skont il-proċedura ta’ verifika definita fl-Anness III.

Artikolu 6

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni lill-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn,

Artikolu 7

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

L-Anness I, il-punt (3) għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandu jinbidel bit-test stipulat fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati fil-punt (1) tal-Parti 1, il-Parti 3, il-Parti 4 u l-punt (2) tal-Parti 5 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-20 ta' Awwissu 2010.

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati fil-punt (2), il-Parti 1 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ April 2012.

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati fil-punti (1)(a) sa (1)(e) tal-Parti 2 tal-Anness I għandhom japplikaw mis-7 ta’ Jannar 2010.

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati fil-punti (2)(a) sa (2)(e) tal-Parti 2 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-20 ta' Awwissu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

(3)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(5)  ĠU L 82, 28.3.2009, p. 3.

(6)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45.

(7)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24.


ANNESS I

REKWIŻITI TAL-EKODISINN

1.   KONSUM TAL-ENERĠIJA BIL-MODALITÀ MIXGĦUL

(1)

[daħħal data fissa: Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]:

Il-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul ta’ televixin b’erja viżibbli tal-iskrin A espressa f’dm2 m’għandhiex taqbeż il-limiti li ġejjin:

 

Riżoluzzjoni HD sħiħa

Ir-riżoluzzjonijiet l-oħra kollha

Settijiet tat-televxin

20 Watts + A · 1,12 · 4,3224 Watts/dm2

20 Watts + A · 4,3224 Watts/dm2

Moniters tat-televixin

15 Watts + A · 1,12 · 4,3224 Watts/dm2

15 Watts + A · 4,3224 Watts/dm2

(2)

Mill-1 ta’ April 2012:

Il-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul ta’ televixin b’erja viżibbli tal-iskrin A espressa f’dm2 m’għandhiex taqbeż il-limiti li ġejjin:

 

Ir-riżoluzzjonijiet kollha

Settijiet tat-televxin

16 Watts + A · 3,4579 Watts/dm2

Moniters tat-televixin

12 Watts + A · 3,4579 Watts/dm2

2.   Konsum tal-enerġija bil-modalità Stennija/Mitfi

(1)

Mis-7 ta’ Jannar 2010:

(a)

Konsum tal-enerġija bil-“modalità Mitfi”

Il-konsum tal-enerġija tat-televixins fi kwalunkwe modalità Mitfi ma għandux jaqbeż 1.00 Watt.

(b)

Konsum f’ “modalità/ajiet Stennija”:

Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċi indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni li ġiet attivata, ma għandux jaqbez 1,00 Watt.

Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss wirja ta’ informazzjoni jew status, jew li tipprovdi taqgħqida ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni u wirja ta’ informazzjoni jew status, ma għandux jaqbez 2,00 Watts.

(c)

Disponibbiltà tal-modalità Mitfi u/jew Stennija

It-televixins għandu jkollhom modalità Mitfi u/jew modalità Stennija, u/jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità Mitfi u/jew modalità Stennija meta t-televixin ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl.

(d)

Għal settijiet ta’ televixins li jikkonsistu minn unità tal-wiri, u tjuner/riċevitur wieħed jew aktar u funzjonijiet fakultattivi addizzjonali għall-ħżin tad-dejta u/jew il-wiri bħal diska diġitali versatili (DVD), drajv tal-hard disk (HDD) jew reġistratur tal-vidjokasetts (VCR) f’unità separata jew aktar, japplikaw il-punti a sa c għall-unità tal-wiri u għall-għall-unità/ajiet separata/i individwalment.

(2)

Mill-20 ta' Awwissu 2011:

(a)

Konsum tal-enerġija bil-“modalità Mitfi”

Il-konsum tal-enerġija tat-televixins fi kwalunkwe modalità Mitfi ma għandux jaqbeż 0.30 Watt, sakemm ma tintlaħaqx il-kundizzjoni fil-paragrafu li jmiss

Għat-televixins bi swiċċ faċilment viżbbli, li t-televixin iqiegħdu f’kundizzjoni b’konsum tal-elettriku li ma jaqbiżx 0,01 Watts meta jitpoġġa fil-pożizzjoni tat-tifi, il-konsum tal-enerġija ta’ kwalunkwe kundizzjoni oħra tal-modalità Mitfi tat-televixin ma għandhiex taqbeż 0,50 Watts.

(b)

Konsum f’ “modalità/ajiet Stennija”:

Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċi indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni li ġiet attivata, ma għandux jaqbez 0,50 Watt.

Il-konsum tal-enerġija ta’ televixins fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss turija ta’ informazzjoni jew status, jew li tipprovdi biss taqgħqida ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni u turija ta’ informazzjoni jew status, ma għandux jaqbez 1,00 Watts.

(c)

Disponibbiltà tal-modalità Mitfi u/jew Stennija

It-televixins għandu jkollhom modalità Mitfi u/jew modalità Stennija, u/jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità Mitfi u/jew modalità Stennija meta t-televixin ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl.

(d)

Tifi awtomatiku

It-televixins għandhom jipprovdu funzjoni bil-karatteristiċi li ġejjin:

(i)

Wara mhux aktar minn 4 sigħat f’modalità Mixgħul wara l-aħħar interazzjoni mal-utent u/jew bdil tal-kanal, it-televixin għandu jintefa awtomatikament minn Mixgħul għal

modalità Stennija; jew

modalità Mitfi; jew

kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità Mitfi u/jew il-modalità Stennija.

(ii)

It-televixins għandhom juru messaġġ li javża qabel ma sseħħ il-bidla awtomatika mill-modalità Mixgħul għall-kundizzjoni/modalitajiet applikabbli.

Din il-funzjoni għandha tkun issettjata bħala n-norma.

(e)

Għal settijiet ta’ televixins li jikkonsistu minn unità tal-wiri, u tjuner/riċevitur wieħed jew aktar u funzjonijiet fakultattivi addizzjonali għall-ħżin tad-dejta u/jew il-wiri bħal diska diġitali versatili (DVD), drajv tal-hard disk (HDD) jew reġistratur tal-vidjokasetts (VCR) f’unità separata, il-punti (a)-(d) japplikaw għall-unità tal-wiri u għall-unità separata individwalment.

3.   “MODALITÀ DAR” GĦAL TELEVIXINS LI JASLU B’MENU OBBLIGATORJU

Mill-20 ta' Awwissu 2010:

Televixins li jitlagħlhom menu obbligatorju malli jinxtgħelu għall-ewwel Darba għandhom jipprovdu “modalità Dar” fil-menu obbligatorju, li għandu jkun l-għażla awtomatika malli t-televixin jinxtgħel għall-ewwel Darba. Jekk l-utent jagħżel modalità differenti mill-“modalità tad-Dar” malli t-televixin jinxtegħel għall-ewwel Darba, għandu jkun hemm proċess ta’ għażla ieħor li jikkonferma din il-preferenza.

4.   LUMINANZA MASSIMA

Mill-20 ta' Awwissu 2010:

Televixins mingħajr menu obbligatorju: il-luminanza massima tal-modalità Mitfi tat-televixin kif maħruġ mill-manifattur ma għandhiex tkun inqas minn 65 % tal-luminanza massima tal-iktar kundizzjoni luminuża bil-modalità Mixgħul mogħtija mit-televixin.

Televixins b’menu obbligatorju: Il-luminanza massima tal-modalità Dar ma għandhiex tkun inqas minn 65 % tal-luminanza massima tal-iktar kundizzjoni luminuża bil-modalità Mixgħul mogħtija mit-televixin.

5.   INFORMAZZJONI LI TRID TINGĦATA MILL-MANIFATTURI

(1)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 5, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dawn l-elementi:

(a)

parametri tal-ittestjar għall-kejl

Temperatura ambjentali

Vultaġġ tal-ittestjar f’V u frekwenza f’Hz

Distorsjoni armonika totali mis-sistema ta’ forniment tal-elettriku

it-terminal tad-dħul għas-sinjali tat-test awdjo u vidjo

informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-istrumentazzjoni, is-sistema u ċ-ċirkwiti li jintużaw għall-ittestjar elettriku

(b)

modalità Mitfi;

id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts imqarrba sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali għal-kejl tal-qawwa sa 100 Watt, u sal-ewwel numru sħiħ għall-kejl tal-qawwa ’l fuq minn 100 Watt

il-karatteristiċi tas-sinjal vidjo dinamiku tal-kontenut imxandar li jirrappreżenta kontenut tipiku ta’ xandir televiżiv

is-sekwenza tal-passi biex tintlaħaq kundizzjoni stabbli fir-rigward tal-konsum tal-enerġija

barra minn hekk, għat-televixins b’menu obbligatorju, il-proporzjon tal-luminanza massima tal-modalità tad-Dar u l-luminanza massima tal-iktar kundizzjoni luminuża bil-modalità Mixgħul mogħtija mit-televixin, espressa f’perċentwal

barra minn hekk, għall-moniters tat-televixin, deskrizzjoni tal-karatteristiċi rilevanti ta' tjuner użat għall-kejl.

(c)

għal kull modalità Stennija u/jew modalità Mitfi

id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, imqarrba sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali

il-metodu tal-kejl użat

id-deskrizzjoni ta’ kif intgħażlet jew ġiet ipprogrammata l-modalità tal-apparat

is-sekwenza tal-avvenimenti biex tintlaħaq il-modalità li biha l-apparat awtomatikament jibdel il-modalitajiet

(d)

tifi awtomatiku

id-dewmien tal-kundizzjoni Mixgħul qabel mat-televixin awtomatikament jilħaq ill-modalità Stennija jew Mitfi, jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità Mitfi u/jew modalità Stennija.

(e)

sustanzi perikolużi

jekk it-televixin fihx merkurju jew ċomb: il-kontenut tal-merkurju bħala X,X mg, u l-preżenza taċ-ċomb

(2)

Mill-20 ta' Awwissu 2010:

L-informazzjoni li ġejja trid tkun disponibbli pubblikament fuq websajts b’aċċess ħieles:

id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija fil-modalità Mixgħul f’Watts imqarrba sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali għal-kejl tal-qawwa sa 100 Watt, u sal-ewwel numru sħiħ għall-kejl tal-qawwa ’l fuq minn 100 Watt

għal kull modalità Stennija u/jew Mitfi, id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, imqarrba sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali

għat-televixins mingħajr menu obbligatorju: il-proporzjon tal-luminanza massima tal-modalità Mitfi tat-televixin kif maħruġ mill-manifattur u l-luminanza massima tal-iktar kundizzjoni luminuża bil-modalità Mixgħul mogħtija mit-televixin, espressa f’perċwentali, imqarrba sal-eqreb numru sħiħ;

għat-televixins b’menu obbligatorju: il-proporzjon tal-luminanza massima tal-modalità Dar u l-luminanza massima tal-iktar kundizzjoni luminuża bil-modalità Mixgħul mogħtija mit-televixin, espressa f’perċentwal, imqarrba sal-eqreb numru sħiħ;

jekk it-televixin fihx merkurju jew ċomb: il-kontenut bħala X,X mg, u l-preżenza taċ-ċomb


ANNESS II

KEJL

(1)   Kejl tal-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul

Il-kejl tal-konsum tal-enerġija msemmi fl-Anness I, il-Parti 1 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

Il-kejl għandu jsir billi tintuża proċedura ta’ kejl li tkun affidabbli, akkurata u riproduċibbli, li tqis l-avvanzi u l-aġġornamenti ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam tal-metodi tal-kejl.

(b)

Il-kundizzjonijiet tat-televixins għall-kejl tal-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul

Settijiet tat-televixin mingħajr menu obbligatorju: Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 1 u 2 għandu jitkejjel fil-kundizzjoni tal-modalità Mixgħul tat-televixin kif maħruġ mill-manifattur, jiġifieri l-kontrolli tal-luminożità tat-televixin għandhom ikunu fil-pożizzjoni aġġustata mill-manifattur għall-utent aħħari.

Settijiet tat-televixin b’menu obbligatorju: il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 1 u 2 għandu jitkejjel fil-kundizzjoni tal-“modalità Dar”.

Moniters tat-televixin mingħajr menu obbligatorju: Il-moniter tat-televixin għandu jkun imqabbad ma’ tjuner apposta. Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 1 u 2 għandu jitkejjel fil-kundizzjoni tal-modalità Mixgħul tat-televixin kif maħruġ mill-manifattur, jiġifieri l-kontrolli tal-luminożità tal-moniter tat-televixin għandhom ikunu fil-pożizzjoni aġġustata mill-manifattur għall-utent aħħari. Il-konsum tal-enerġija tat-tjuner mhuwiex rilevanti għall-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità Mixgħul tal-moniter tat-televixin.

Moniters tat-televixin b’menu obbligatorju: Il-moniter tat-televixin għandu jkun imqabbad ma’ tjuner apposta. Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 1 u 2 għandu jiġi stabbilit fil-kundizzjoni tal-“modalità Dar”.

(c)

Kundizzjonijiet ġenerali

Il-kejl għandu jsir f’temperatura ambjentali ta’ 23 °C +/– 5 °C.

Il-kejl għandu jsir bl-użu ta’ sinjal vidjo dinamiku b’kontenut ta’ xandir li jirrappreżenta kontenut tipiku tax-xandir televiżiv. Il-kejl għandu jkun il-konsum medju tal-enerġija fuq 10 minuti konsekuttivi.

Il-kejl għandu jsir wara li t-televixin ikun fil-modalità Mitfi għal minimu ta’ siegħa segwit minnufih minn minimu ta’ siegħa fil-modalità Mixgħul u għandu jitlesta qabel massimu ta’ tliet sigħat fil-modalità Mixgħul. Is-sinjal vidjo rilevanti għandu jintwera tul il-ħin kollu li ddum il-modalità Mixgħul. Għat-televixins li magħrufin li jistabilizzaw fi żmien siegħa, dan it-tul ta’ ħin jista’ jitnaqqas jekk il-kejl li jirriżulta jista’ jintwera li qiegħed fi ħdan 2 % tar-riżultati li kieku jintlħaqu bit-tul ta’ ħin deskritt hawn.

Il-kejl għandu jsir b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas fil-livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

Il-kejl għandu jsir billi tiġi diżattivata l-funzjoni tal-Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità, jekk teżisti funzjoni bħal din. Jekk tkun teżizti l-funzjoni tal-Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità u ma tistax tiġi diżattivata, mela l-kejl għandu jseħħ bid-dawl dieħel direttament fis-sonda tad-dawl ambjentali b’livell ta’ 300 lux jew aktar.

(2)   Kejl tal-konsum tal-enerġija bil-modalità Stennija/Mitfi

Il-kejl tal-konsum tal-enerġija msemmi fl-Anness I, il-Parti 2 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-punti 1(a), 1(b), 2(a) u 2(b) għandu jitkejjel permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, akkurata u riproduċibbli, li tqis l-aħħar avvanzi disponibbli ġeneralment rikonoxxuti fil-metodi tal-kejl.

(b)

Il-kejl ta’ enerġija ta’ 0,50 W jew aktar għandu jsir b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas fil-livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Il-kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0,50 W għandu jsir b’inċertezza ta’ 0,01 W jew inqas fil-livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

(3)   Kejl tal-luminanza massima

Il-kejl tal-konsum tal-enerġija msemmi fl-Anness I, il-Parti 4 għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

Il-kejl għandu jsir billi tintuża proċedura ta’ kejl li tkun affidabbli, akkurata u riproduċibbli, li tqis l-avvanzi u l-aġġornamenti ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam tal-metodi tal-kejl.

(b)

Il-kejl tal-luminożità massima għandu jsir b’miter tal-luminanza, li jagħraf dik il-biċċa tal-iskrin li turi xbiha bajda sħiħa (100 %), li hija parti minn immaġni tat-test tat-tip “test sħiħ tal-iskrin” li ma taqbiżx il-punt tal-livell medju tal-istampa (APL) meta jseħħ kwalunkwe limitar tal-qawwa elettrika fis-sistema tad-drajv tal-luminanza murija.

(c)

Il-kejl tal-luminanza massima għandu jsir mingħajr ma jiċċaqlaq il-punt ta’ rilevament tal-miter tal-luminanza fuq l-unità tal-wiri waqt li jseħħ il-qlib minn kundizzjoni għall-oħra kif imsemmi fl-Anness I, il-Parti 4.


ANNESS III

PROĊEDURA TA’ VERIFIKA

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3 (2) tad-Direttiva 2005/32/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

(1)

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità tat-televixin waħdanija.

(2)

Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness I, jekk:

(a)

ir-riżultat għall-konsum tal-enerġija fil-modalità Mixgħul ma jaqbiżx b’aktar minn 7 % l-valur limitu applikabbli stipulat fl-Anness I, il-punti 1 u 2 tal-Parti 1; kif ukoll

(b)

ir-riżultat għall-konsum tal-enerġija fil-kundizzjonijiet Mitfi/Stennija, kif applikabbli, ma gma jaqbiżx b’aktar minn 0,10 Watt il-valuri limitu applikabbli stipulati fl-Anness I, il-punti (1)(a), 1(b), 2(a) u 2(b) tal-Parti 2; kif ukoll

(c)

ir-riżultat għall-proporzjon tal-luminanza massima stipulat fl-Anness I, il-Parti 3 ma jaqax taħt is-60 %;

(3)

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punt 2(a) jew (b) jew (c) ma jintlaħqux, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell.

(4)

Wara li jkunu ġew ittestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell, il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I, jekk:

(a)

il-medja tar-riżultati għat-tliet unitajiet tal-aħħar għall-konsum tal-enerġija fil-modalità Mixgħul ma taqbiżx il-valur limitu applikabbli stipulat fl-Anness I, il-punti 1 u 2 tal-Parti 1 b’aktar minn 7 %; kif ukoll

(b)

il-medja tar-riżultati għat-tliet unitajiet tal-aħħar għall-kundizzjonijiet Mitfi/Stennija, kif applikabbli, ma taqbiżx il-valuri limitu applikabbli stipulati fl-Anness I, il-punti 1(a), 1(b), 2(a) u 2(b) tal-Parti 2 b’aktar minn 0.10 Watt; kif ukoll

(c)

il-medja tar-riżultati għat-tliet unitajiet tal-aħħar għal-luminanza massima stipulata fl-Anness I, il-Parti 3 ma jaqax taħt is-60 %.

(5)

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4(a) u (b) u (c) ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi mar-rekwiżiti.

(6)

Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura stipulata fl-Anness II u proċeduri ta’ kejl affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-avvanzi ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam, inklużi metodi stipulati f’dokumenti li n-numru ta’ referenza tagħhom ġie ppubblikat għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


ANNESS IV

Lista ta’ prodotti li jużaw l-enerġija koperti mill-Anness I, il-punt (3) tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

 

Settijiet tar-radju

 

Vidjo kameras

 

Vidjo rikorders

 

Rikorders Hi-fi

 

Amplifikaturi tal-awdjo

 

Sistemi tat-tip “home theatre”

 

Strumenti mużikali

U tagħmir ieħor biex jirrekordja jew jirriproduċi l-ħoss jew l-istampa, inklużi s-sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u l-istampa għajr permezz tat-telekomunikazzjoni, iżda esklużi t-televixins kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009.


Top