Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0546

Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

OJ L 167, 29.6.2009, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 003 P. 190 - 193

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1309

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/546/oj

29.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/26


REGOLAMENT (KE) Nru 546/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 (4) stabbilixxa l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (“EGF”) biex jippermetti lill-Komunità tipprovdi sostenn u turi solidarjetà mal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol bħala riżultat tal-bidliet strutturali maġġuri fis-sistemi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat, taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-ewwel rapport annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa kunsiljabbli li ssaħħaħ mill-ġdid l-impatt tal-EGF fuq il-ħolqien ta’ impjiegi u l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Ewropa.

(3)

Kemm il-“Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà” endorsjati mill-Kunsill Ewropew fl-14 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda: L-antiċipazzjoni u l-kollokazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-kapaċitajiet” jenfasizzaw l-għanijiet ta’ trawwim tal-adattabilità u l-impjegabilità kontinwa tal-ħaddiema permezz ta’ opportunitajiet aqwa ta’ tagħlim fil-livelli kollha u permezz ta’ strateġiji ta’ żvilupp ta’ ħiliet li kapaċi jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija inklużi, pereżempju, il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell ta’ karbonju baxx u bbażata fuq il-konoxxenza.

(4)

Fis-26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku bbażat fuq il-prinċipji fundamentali ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali. Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, ir-regoli tal-EGF jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex tiġi prevista deroga li permezz tagħha temporanjament jitwessa’ l-ambitu tal-EGF u sabiex ikun kapaċi jirreaġixxi b’mod aktar effikaċi. L-Istati Membri li japplikaw għal kontribuzzjoni tal-EGF taħt din id-deroga għandhom jistabbilixxu rabta diretta u li tista’ tintwera bejn it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-kriterji ta’ intervent japplikaw b’mod trasparenti, għandha tiġi introdotta definizzjoni tal-okkorrenza li tikkostitwixxi telfa ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol. Bl-għan li tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri li jippreżentaw l-applikazzjonijiet u biex jiġi sodisfatt aħjar l-għan ta’ solidarjetà, għandu jonqos il-limitu massimu ta’ telf ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol.

(6)

Konformement mal-għan ta’ trattament ġust u mhux diskriminatorju l-ħaddiema kollha li t-telf ta’ impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol jista’ jiġi konness b’mod evidenti mal-istess okkorrenza ta’ telf ta’ impjieg għandhom ikunu intitolati biex jibbenefikaw mill-pakkett ta’ servizzi personalizzati preżentati għal kontribuzzjoni tal-EGF.

(7)

Għandha tintuża għajnuna teknika b’inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-EGF.

(8)

Sabiex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali mill-EGF matul il-perijodu tal-kriżi finanzjarju u ekonomika, ir-rata ta’ ko-finanzjament għandha tiżdied temporanjament.

(9)

Biex tittejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet u jitħalla biżżejjed żmien biex il-miżuri jkunu effettivi fir-riintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli, il-perjodu li fih iridu jsiru l-azzjonijiet eliġibbli għandu jiġi estiż u ċċarat.

(10)

Huwa xieraq li jiġi rivedut il-funzjonament tal-EGF, inkluża d-deroga temporanja għall-appoġġ tal-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 għalhekk għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-EGF għandu wkoll jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, sakemm l-applikazzjonijiet jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(a), (b) jew (c). L-Istati Membri li japplikaw għal kontribuzzjoni tal-EGF taħt din id-deroga għandhom jistabbilixxu rabta diretta u li tista’ tintwera bejn it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Din id-deroga għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha ppreżentati qabel il-31 ta’ Diċembru 2011.”;

2.

l-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-kriterji ta’ intervent

Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF meta bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija jwasslu għal disturb ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, id-deklin rapidu tas-sehem mis-suq tal-UE f’settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw:

(a)

f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol fil-fornituri tagħha jew fil-produtturi downstream, jew

(b)

f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ disa’ xhur, b’mod partikolari f’intrapriżi ta’ daqs żgħir jew medju, f’diviżjoni NACE 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II.

(ċ)

Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn debitament motivati mill-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista’ tiġi kkunsidrata ammissibbli wkoll jekk il-kriterji ta’ intervjent stabbiliti fil-punti (a) jew (b) ma jiġux sodisfatti kompletament, meta it-telf ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol jkollu impatt serju fuq l-impjieg u l-ekonomija lokali. L-Istat Membru għandu jispeċifika li l-applikazzjoni tiegħu ma tissodisfax kompletament il-kriterji ta’ intervent stabbiliti fil-punt (a) jew (b). L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet f’ċirkustanzi eċċezzjonali ma jistax jaqbeż il-15 % tal-ammont massimu tal-EGF kull sena.

Sabiex jiġi kkalkulat in-numru ta’ impjiegi mitlufa minħabba nuqqas ta’ xogħol kif hemm previst fil-punti (a), (b) u (c) hawn fuq, telfa ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol għandha tingħadd

mid-data tan-notifika individwali ta’ min iħaddem ta’ twaqqif mix-xogħol jew ta’ tmiem tal-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem,

mid-data ta’ meta jintemm de facto l-kuntratt tax-xogħol qabel l-għeluq taż-żmien tiegħu, jew

mid-data ta’ meta min iħaddem, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/59/KE, tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-sensji kollettivi (*), jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar is-sensji kollettivi ppjanati; f’dan il-każ, l-Istat(i) Membru(i) applikant(i) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar in-numru preċiż ta’ telf ta’ impjiegi li jsir taħt il-punti (a), (b) jew (c) hawn fuq, u l-ispejjeż stmati tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati, qabel ma titlesta l-evalwazzjoni stipulata fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.

Għal kull intrapriża konċernata, l-Istat(i) Membru(i) għandhom jispeċifikaw fl-applikazzjoni kif qed jingħaddu t-telfiet ta’ impjiegi minħabba nuqqas ta’ xogħol.

(*)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.”;"

3.

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Persuni eliġibbli

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu servizzi personalizzati ko-finanzjati mill-EGF lill-ħaddiema affettwati, li jistgħu jinkludu:

(a)

ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol fi ħdan il-perjodu previst fl-Artikoli 2(a), (b) jew (c) u

(b)

il-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol qabel jew wara l-perjodu stipulat fl-Artikolu 2(a) jew fl-Artikolu 2(c) fil-każ li applikazzjoni li taqa’ taħt dan imsemmi l-aħħar tidderoga mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 (a), sakemm it-telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol ġraw wara t-tħabbira ġenerali tat-telfiet ippjanati ta’ impjieg u tkun tista’ tiġi stabbilita konnessjoni kawżali ċara mal-avveniment li wassal għat-telfiet ta’ impjieg matul il-perjodu ta’ riferenza.”;

4.

l-Artikolu 5(2)(a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

analiżi motivata tal-konnessjoni bejn it-telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol u l-bidliet strutturali maġġuri fis-sistemi kummerċjali dinjija jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika, prova tal-għadd ta’ telfiet ta’ impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol, u spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk it-telfiet ta’ impjieg.”;

5.

l-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8

L-għajnuna teknika b’inizjattiva tal-Kummissjoni

1.

Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, suġġett għal limitu massimu ta’ 0,35 % tal-ammont massimu annwali tal-EGF, l-EGF jista’ jintuża biex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-kreazzjoni ta’ bażi ta’ konoxxenza rilevanti għall-implimentazzjoni tal-EGF. Huwa jista’ jintuża wkoll sabiex jiffinanzja l-appoġġ amministrattiv u tekniku, kif ukoll l-attivitajiet ta’ verifika, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex ikun implimentat dan ir-Regolament.

2.

Suġġett għal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1, l-awtorità baġitarja għandha tagħmel ammont disponibbli għall-għajnuna teknika fil-bidu ta’ kull sena fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

3.

Il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jsiru skont ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll ir-regoli ta’ implimentazzjoni applikabbli għal din il-forma ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

4.

L-għajnuna teknika tal-Kummissjoni għandha tinkludi l-provvista ta’ informazzjoni u gwida għall-Istati Membri fl-użu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-EGF. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-użu tal-EGF lill-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali.”;

6.

l-Artikolu 10(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5(5), b’mod partikolari wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ ħaddiema li jridu jingħataw sostenn, l-azzjonijiet proposti u l-istima tal-ispejjeż, tivvaluta u tipproponi malajr kemm jista’ jkun l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jekk teżisti, li tista’ ssir fi ħdan il-limiti tar-riżorsi disponibbli. L-ammont ma jistax jaqbeż il-50 % tat-total tal-prezz stmat imsemmi fl-Artikolu 5(2)(d). Għal applikazzjonijiet imressqa qabel id-data msemmija fl-Artikolu 1(1a), l-ammont ma jistax jaqbeż il-65 %.”;

7.

fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“F’każ ta’ għotjiet, l-ispejjeż indiretti, iddikjarati fuq bażi ta’ rata fissa, għandhom ikunu nfiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-EGF sa 20 % tal-ispejjeż diretti ta’ operazzjoni, sakemm l-ispejjeż indiretti jsiru b’konformità mar-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabilità.”;

8.

l-Artikolu 13(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom iwettqu l-azzjonijiet eliġibbli kollha inklużi fil-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 5, jew wara d-data tal-bidu ta’ dawn il-miżuri sakemm din id-data tal-aħħar ma tkunx aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni.”;

9.

fl-Artikolu 20, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:

“Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrevedu dan ir-Regolament, inkluża d-deroga temporanja prevista fl-Artikolu 1(1a).”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna mill-EGF mogħtija mill-1 ta’ Mejju 2009. Rigward l-applikazzjonijiet imressqa qabel dik id-data, ir-regoli fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni għandhom jibqgħu japplikaw matul iż-żmien kollu li fih tingħata l-għajnuna tal-EGF.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell 18 ta’ Ġunju 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  Opinjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 2009

(4)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82.


Top