Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0392

Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 131, 28.5.2009, p. 24–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 006 P. 121 - 143

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/392/oj

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/24


REGOLAMENT (KE) Nru 392/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-3 ta' Frar 2009.

Billi:

(1)

Fi ħdan il-qafas tal-politika komuni tat-trasport, iridu jkunu adottati aktar miżuri sabiex titjieb is-sikurezza fit-trasport marittimu. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu r-regoli ta’ responsabbiltà għal ħsara kkawżata lil passiġġieri; minħabba li hu importanti li jkun żgurat livell xieraq ta’ kumpens għal passiġġieri involuti f’aċċidenti marittimi.

(2)

Il-Protokoll tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 kien adottat fl-1 ta' Novembru 2002 taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha jinsabu fil-proċess li jiddeċiedu jekk għandhomx jiffirmaw jew jirratifikaw dak il-Protokoll. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tiegħu inkorporati b'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-Kommunità mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012.

(3)

Il-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, kif emendata mill-Protokoll tal-2002 (“Il-Kovenzjoni ta' Ateni”), tapplika biss għat-trasport internazzjonali. Id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali fis-suq intern għas-servizzi ta' trasport marittimu tneħħiet u għalhekk jixraq li jkun hemm l-istess livell u tip ta’ responsabbiltà kemm fit-trasport internazzjonali kif ukoll f’dak nazzjonali ġewwa l-Komunità

(4)

L-arranġamenti tal-assigurazzjoni rikjesti skont il-Konvenzjoni ta' Ateni għandhom jieħdu kont tal-kapaċitajiet finanzjarji tas-sidien tal-vapuri u tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Is-sidien tal-vapuri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jimmaniġġjaw l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tagħhom b'mod ekonomikament aċċettabbli u, b'mod partikulari fil-każ ta' kumpanniji tat-tbaħħir żgħar li joperaw servizzi nazzjonali ta' trasport, għandu jittieħed kont tan-natura staġunali tal-operazzjonijiet tagħhom. Fl-istabbiliment tal-arranġamenti tal-assikurazzjoni taħt dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tal-klassijiet differenti tal-vapuri.

(5)

Huwa xieraq li t-trasportatur ikun obbligat li jagħmel ħlas bil-quddiem fil-każ ta’ mewt jew korriment ta’ passiġġier, fejn il-ħlas bil-quddiem ma jikkostitwixxix rikonoxximent ta' responsabilità.

(6)

Informazzjoni xierqa, dwar id-drittijiet mogħtija lill-passiġġieri għandha tingħata lil dawk il-passiġġieri qabel il-vjaġġ tagħhom jew, fejn dan ma jkunxpossibbli, mhux aktar tard mit-tluq.

(7)

Il-Kumitat Legali tal-IMO fid-19 ta' Ottubru 2006 adotta Riżerva u Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni (“il-Linji Gwida tal-IMO”) biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet fil-Konvenzjoni ta' Ateni, b'mod partikolari, il-kumpens għal dannu relatat mat-terroriżmu. Għalhekk, il-Linji Gwida tal-IMO jistgħu jkunu kkunsidrati bħala lex specialis.

(8)

Dan ir-Regolament jinkorpora u jrendi vinkolanti partijiet tal-Linji Gwida tal-IMO. Għal dak il-għan, kull fejn jinstab fid-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-IMO, b'mod partikolari, il-verb “should” (għandu) għandu jiftiehem bħala “shall” (għandu).

(9)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ateni (Anness I) u tal-Linji Gwida tal-IMO (Anness II) għandhom jiftiehmu, mutatis mutandis, fil-kuntest tal-leġislazzjoni Komunitarja.

(10)

Is-sistema ta' responsabbiltà prevista f'dan ir-Regolament għanda tiġi estiża ftit ftit għall-klassijiet differenti ta' vapuri kif stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/18/KE tas-17 ta' Marzu 1998 dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (4) Għandu jittieħed kont tal-konsegwenzi fuq in-nolijiet u l-ħila tas-suq li jikiseb kopertura ta' assikurazzjoni bi prezz li jista' jintlaħaq fil-livell meħtieġ fl-isfond tal-politika ta' tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, kif ukoll tan-natura staġonali ta' ftit mit-traffiku.

(11)

Il-kwistjonijiet koperti mill-Artikoli 17 u 17bis tal-Konvenzjoni ta' Ateni jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità sa fejn dawk l-Artikoli jaffettwaw ir-regoli stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (5). Għal dan il-għan, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ser jiffurmaw parti mill-ordni legali Komunitarja meta l-Komunità tiffirma l-Konvenzjoni ta' Ateni.

(12)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-espressjoni “jew hu rreġistrat fi Stat Membru” għandha tiġi meqjusa li tfisser li l-istat tal-bandiera għar-raġunijiet ta' reġistrazzjoni ta' basitimenti mogħtija b' kiri bla ekwipaġġ, jkun jew Stat Membru jew parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Ateni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jistiednu lill-IMO biex jiżviluppa linji gwida dwar il-kunċett ta' reġistrazzjoni ta' bastimenti mogħtija b' kiri bla ekwipaġġ.

(13)

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament l-espressjoni “tagħmir għall-mobbiltà” għandha titqies la bħala bagolli u lanqas bħala vetturi fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Ateni.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (6).

(15)

B'mod partikolari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda dan ir-Regolament sabiex jiġu inkorporati l-emendi sussegwenti għall-konvenzjonijiet internazzjonali, il-protokolli, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet relatati magħha. Peress li dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(16)

L-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà, stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandha tassisti l-Kummissjoni fit-tħejjija u fl-abbuzzar ta' rapport ta' progress dwar il-funzjonament tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-port, għandhom parti fundamentali u vitali fl-identifikazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji varji għas-sikurezza marittima.

(18)

L-Istat Membri ħadu l-impenn sod fl-Istqarrija tagħhom dwar is-Sikurezza Marittima tad-9 ta' Ottubru 2008 li jesprimu, mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2012, il-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1976 dwar il-Limitazzjoni tar-Responsabbiltà għal Pretensjonijiet Marittimi, kif emendata bil-Protokoll tal-1996. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 15(3bis) ta' dik il-Konvenzjoni sabiex jirregolaw, permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi ta' dan ir-Regolament, is-sistema ta' limitazzjoni tar-responsabbiltà li għandha tiġi applikata għall-passiġġieri.

(19)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jinħoloq sett wieħed ta' regoli li jirregolaw id-drittijiet tat-trasportaturi bil-baħar u tal-passiġġieri tagħhom f'każ ta' aċċident, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabilixxi r-reġim Komunitarju dwar ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni għall-ġarr bil-baħar ta' passiġġieri kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta':

(a)

il-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, kif emendata mill-protokoll tal-2002 (“il-Konvenzjoni ta’ Ateni”) li t-test tagħha jinsab fl-Anness I; u

(b)

ir-Riżerva u l-Linji Gwida tal- IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni adottata mill-Kumitat Legali tal-IMO fid-19 ta' Ottubru 2006 (“il-Linji Gwida tal-IMO”), li t-test tagħhom jinsab fl-Anness II.

2.   Barra minn hekk, dan ir-Regolament jestendi l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għall-ġarr ta' passiġġieri bil-baħar fi Stat Membru wieħed abbord vapuri tal-Klassi A skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE , u jistabbilixxi ċerti rekwiżiti supplimentari.

3.   Mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva, sabiex, inter alia, testendi il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal vapuri tal-Klassijiet C u D skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull ġarr internazzjonali fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 1tal-Konvenzjoni ta' Ateni u għal ġarr bil-baħar fi Stat Membru wieħed abbord vapuri tal-Klassi A u B skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE, jekk:

(a)

il-vapur ikun qed itajjar il-bandiera ta' Stat Membru jew ikun reġistrat fi Stat Membru;

(b)

il-kuntratt ta' ġarr ikun sar fi Stat Membru; jew

(ċ)

il-post tat-tluq jew destinazzjoni, skont il-kuntratt tal-ġarr, ikun fi Stat Membru.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għall-vjaġġi bil-baħar domestiċi kollha.

Artikolu 3

Responsabbiltà u Assigurazzjoni

1.   Ir-reġim tar-responsabbiltà fir-rigward tal-passiġġieri, il-bagalji tagħhom u l-vetturi tagħhom u r-regoli dwar l-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra għandu jkun regolat minn dan ir-Regolament u mill-Artikoli 1 u 1bis, l-Artikolu 2(2), l-Artikoli 3 sa 16 u l-Artikoli18, 20 u 21 tal-Konvenzjoni ta' Ateni li t-test tagħha jinsab fl-Anness I u mid-dispożizzjonijet tal-Linji Gwida tal-IMO li t-test tagħhom jinsab fl-Anness II.

2.   Il-Linji Gwida tal-IMO li t-test tagħhom jinsab fl-Anness II għandhom ikunu jorbtu.

Artikolu 4

Kumpens marbut mat-tagħmir għall-mobbiltà jew tagħmir speċifiku ieħor

Fil-każ ta’ telf ta' tagħmir għall-mobbiltà jew tagħmir speċifiku ieħor użat minn passiġġier b'mobbiltà mnaqqsa, jew ta' ħsara għal tali tagħmir, ir-responsabbiltà tat-trasportatur għandha tkun irregolata mill-Artikolu 3 (3) tal-Konvenzjoni ta' Ateni. Il-kumpens għandu jikkorrispondi għall-valur ta' sostituzzjoni tat-tagħmir ikkonċernat jew, fejn applikabbli, għall-ispejjeż relatati mat-tiswijiet.

Artikolu 5

Limitazzjoni globali tar-responsabbiltà

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jimmodifika d-drittijiet jew l-obbligi tat-trasportatur, jew tat-trasportatur prestanti, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Limitazzjoni tar-Responsabbiltà għal Pretensjonijiet Marittimi, 1976, kif emendata bil-Protokoll tal-1996, inkluża kwalunkwe emenda futura għall-Konvenzjoni.

Fin-nuqqas ta' tali leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ir-responsabbiltà tat-trasportatur jew tat-trasportatur prestanti għandha tiġi irregolata biss mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

2.   Fir-rigward ta' pretensjonijiet għal telf ta' ħajja jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġier ikkawżat minn kwalunkwe riskju msemmi fil-paragrafu 2.2 tal-Linji Gwida tal-IMO t-trasportatur u t-trasportatur prestanti jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Ħlas bil-quddiem

1.   Fejn il-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta’ passiġġier kienu kkawżati minn inċident tat-tbaħħir , it-trasportatur li fil-fatt wettaq il-ġarr kollu jew parti mill-ġarr meta seħħ l-inċident tat-tbaħħir għandu jagħmel ħlas bil-quddiem biżżejjed biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fuq bażi proporzjonali għall-ħsara mġarrba, fi żmien 15-il ġurnata minn meta tkun identifikata l-persuna intitolata għad-danni. F’każ ta' mewt, il-ħlas m'għandux ikun inqas minn EUR 21 000.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll meta t-trasportatur ikun stabbilit fil-Komunità.

2.   Ħlas bil-quddiem ma għandux jikkostitwixxi rikonoxximent ta' responsabbiltà u jista' jitpaċċa kontra kwalunkwe somom sussegwenti mħallsa abbażi ta' dan ir-Regolament. Ma jistax jiġi rifuż, ħlief fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 (1) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Ateni jew l-Appendiċi A tal-Linji Gwida tal-IMO jew fejn il-persuna li rċevietu ma kinitx il-persuna intitolata għad-danni.

Artikolu 7

Informazzjoni għall-passiġġieri

Bla ħsara għall-obbligazzjonijiet tal-operaturi ta' tours stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (8), it-trasportatur jew it-trasportatur prestanti għandhom jiżguraw li l-passiġġieri jingħatalhom tagħrif xieraq u li tiftiehem fir-rigward tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

Fejn il-kuntratt tal-ġarr isir fi Stat Membru dak it-tagħrif għandu jingħata fil-punti kollha tal-bejgħ, inklużi bejgħ bit-telephone u bl-Internet. Fejn l-post tat-tluq ikun fi Stat Membru dak it-tagħrif għandu jingħata qabel it-tluq. Fil-każijiet l-oħra kollha għandu jingħata mhux aktar tard mit-tluq. Jekk l-obbligu ta' tagħrif rikjest minn dan l-Artikolu jkun ġie fornit jew mit-trasportatur jew mit-trasportatur prestanti, l-ieħor ma għandux ikun obbligat li jforni dan. Dak it-tagħrif għandu jingħata fl-aktar format xieraq.

Sabiex ikunu konformi ma' dan ir-rekwiżit ta' tagħrif skont dan l-Artikolu, it-trasportatur jew it-trasportatur prestanti għandhom jipprovdu lill-passiġġieri mill-inqas it-tagħrif li jkun jinsab f' taqsira tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ippreparata u ppubblikata mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Rapportar

Sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li għandu, inter alia, iqis l-iżviluppi ekonomiċi u l-iżviluppi f’fora internazzjonali.

Dak ir-rapport jista’ jkollu miegħu proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament, jew proposta biex isiru sottomissjonijiet mill-Komunita' quddiem il-fora internazzjonali relevanti.

Artikolu 9

Emendi

1.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u relatati mal-inkorporazzjoni tal-emendi għal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 (1), l-Artikolu 4bis (1), l-Artikolu 7 (1) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Ateni biex jieħdu kont tad-deċiżjonijiet meħudin skont l-Artikolu 23 ta' dik il-Konvenzjoni, kif ukoll l-aġġornamenti korrispondenti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2) ta' dan ir-Regolament.

B'kont meħud tal-konsegwenzi fuq in-nolijiet u l-ħila tas-suq li jukseb kopertura ta' assikurazzjoni bi prezz li jista' jintlaħaq fil-livell meħtieġ fl-isfond tal-politika ta' tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, kif ukoll tan-natura staġonali ta' parti mit-traffiku, il-Kummissjoni għandha sal-31 ta' Diċembru 2016, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-impatt xierqa, tadotta, miżura li jkollha x'taqsam mal-limiti stabbiliti fl-Anness I għal vapuri tal-Klassi B skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE . Dik il-miżura mfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2) ta' dan ir-Regolament..

2.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u relatati mal-inkorporazzjoni tal-emendi għad-dispożizzjonijet tal-Linji Gwida tal-IMO, speċifikati fl-Anness II, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 10

Proċeduta tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġiż minn Bastimenti (COSS), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Fir-rigward tal-ġarr bil-baħar fi Stat Membru wieħed abbord vapuri tal-Klassi A skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiddifferixxu l-applikazzjoni tar-Regolament sa erba' snin mid-data tal-applikazzjoni tiegħu.

2.   Fir-rigward tal-ġarr bil-baħar fi Stat Membru wieħed abbord vapuri tal-Klassi B skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/18/KE, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jiddifferixxu l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Ateni għall-Komunità, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill,

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 (ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 562), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2008 (ĠU C 190 E, 29.7.2008, p. 17). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2009 u r-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 144, 15.5.1998, p. 1.

(5)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(8)  ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(9)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.


ANNESS I

DISPOŻIZZJONIJIET TAL-KONVENZJONI TA' ATENI DWAR IL-ĠARR BIL-BAĦAR TA' PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM RILEVANTI GĦALL-APPLIKAZZJONI TA' DAN IR-REGOLAMENT

(Test konsolidat tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, u l-Protokoll tal-2002 għall-Konvenzjoni)

Artikolu 1

Definizzjonijiet

F’din il-Konvenzjoni l-espressjonijiet li ġejjin għandhom it-tifsira li qiegħda hawnhekk tingħatalhom:

1)

(a)

“trasportatur” tfisser persuna li minnha jew f’isimha ġie ffirmat kuntratt ta' ġarr, sew jekk il-ġarr attwalment isir minn dik il-persuna jew minn trasportatur prestanti;

(b)

“trasportatur prestanti” tfisser persuna minbarra it-trasportatur, sew jekk is-sid, il-kerrej jew l-operatur ta' vapur, li fil-fatt iwettaq il-ġarr kollu jew parti mill-ġarr; u

(ċ)

“trasportatur li fil-fatt iwettaq il-ġarr kollu jew parti mill-ġarr” tfisser it-trasportatur prestanti, jew, sakemm it-trasportatur fil-fatt iwettaq il-ġarr, it-trasportatur;

2)

“kuntratt ta’ ġarr” tfisser kuntratt magħmul minn jew f’isem trasportatur għall-ġarr bil-baħar ta’ passiġġier jew ta’ passiġġier u l-bagalji tiegħu, skont kif ikun il-każ;

3)

“vapur” tfisser bastiment li jbaħħar, u teskludi vettura li taħdem fuq kuxxinetti tal-arja;

4)

“passiġġier” tfisser kull persuna li tinġarr fuq vapur:

(a)

taħt kuntratt ta' ġarr; jew

(b)

li, bil-kunsens tat-trasportatur, tkun qed takkumpanja vettura jew annimali ħajjin li jkunu koperti b' kuntratt tal-ġarr ta’ merkanzija mhux rregolata minn din il-Konvenzjoni;

5)

“bagalji” tfisser kwalunkwe oġġett jew vettura li tinġarr mit-trasportatur taħt kuntratt tal-ġarr, ħlief:

(a)

oġġetti u vetturi li jiġu trasportati taħt kuntratt ta' noleġġ, polza tat-tgħabija jew xi kuntratt ieħor li għandu x’jaqsam primarjament mal-ġarr ta’ merkanzija; u

(b)

annimali ħajjin;

6)

“bagalji tal-kabina” tfisser bagalji li l-passiġġier ikollu fil-kabina tiegħu jew inkella li għandu fil-pussess, kustodja jew kontroll tiegħu. Ħlief għall-applikazzjoni tal-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 8, bagalji tal-kabina jinkludu bagalji li l-passiġġier għandu fil-vettura tiegħu jew fuqha;

7)

“telf ta’ jew ħsara lill-bagalji” tinkludi telf fi flus minħabba li l-bagalji ma ġewx imwassla lura lill-passiġġier fi żmien raġonevoli wara li wasal il-vapur li fuqu kien hemm jew kellu jkun hemm il-bagalji, iżda ma tinkludix dewmien minħabba tilwim ta' xogħol;

8)

“ġarr” tkopri l-perijodi li ġejjin:

(a)

fil-każ tal-passiġġier u l-bagalji tal-kabina tiegħu, il-perijodu li matulu l-passiġġier u/jew il-bagalji tal-kabina tiegħu ikunu abbord il-vapur jew waqt l-imbarkazzjoni jew l-iżbark, u l-perijodu li fih il-passiġġier u l-bagalji tal-kabina tiegħu jinġarru bl-ilma mill-art sal-vapur jew viċi-versa, jekk l-ispiża ta' tali ġarr hi inkluża fin-noll jew jekk l-opra użata għal dan l-iskop ta' trasport awżiljari tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-passiġġier mit-trasportatur. Iżda, fir-rigward tal-passiġġier, il-ġarr ma jinkludix il-perijodu li fih hu jkun f’terminal jew stazzjon marittimu jew fuq moll jew fi kwalunkwe installazzjoni oħra tal-port jew fuq tali installazzjoni;

(b)

fejn jidħlu l-bagalji tal-kabina, anki l-perijodu li fih il-passiġġier ikun f’terminal jew stazzjon marittimu jew fuq moll jew fi kwalunkwe installazzjoni oħra tal-port jew fuq tali installazzjoni jekk dawk il-bagalji ttieħdu mit-trasportatur jew minn xi ħaddiem jew aġent tiegħu u ma ngħatawx lura lill-passiġġier;

(ċ)

fejn jidħlu bagalji oħra li mhumiex bagalji tal-kabina, il-perijodu minn meta dawn jittieħdu mit-trasportatur jew minn xi ħaddiem jew aġent tiegħu fuq ix-xatt jew abbord sakemm jingħataw lura mit-trasportatur jew minn xiħaddiem jew aġent tiegħu;

9)

“ġarr internazzjonali” tfisser kull ġarr li fih, skont il-kuntratt tal-ġarr, il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni jinsabu f’żewġ Stati differenti, jew fi Stat wieħed jekk, skont il-kuntratt tal-ġarr jew l-itinerarju skedat, hemm port ta’ waqfien intermedjarju fi Stat ieħor;

10)

“Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

11)

“Segretarju Ġenerali” tfisser is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni.

Artikolu 1bis

Anness

L-Anness għal din il-Konvenzjoni għandu jifforma parti integrali mill-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Applikazzjoni

1.   […] (*)

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika meta l-ġarr ikun soġġett, taħt kwalunkwe konvenzjoni oħra internazzjonali li tolqot il-ġarr ta’ passiġġieri jew il-bagalji tagħhom b’xi mezz ta’ trasport ieħor, għal reġim ta’ responsabbiltà ċivili taħt id-dispożizzjonijiet ta’ tali konvenzjoni, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ikollhom applikazzjoni obbligatorja fuq il-ġarr bil-baħar.

Artikolu 3

Responsabbiltà tat-trasportatur

1.   Għat-telf li ġarrab passiġġier minħabba mewt jew korriment fuq il-persuna ikkawżat minn inċident tat-tbaħħir, it-trasportatur għandu jkun responsabbli sa tali punt li dak it-telf li ġarrab il-passiġġier f’kull okkażjoni distinta ma jkunx aktar minn 250 000 unità ta’ kontabbiltà, sakemm it-trasportatur ma jġibx provi li l-inċident:

(a)

kien riżultat ta’ att ta’ gwerra, ġlied, gwerra ċivili, insurrezzjoni jew fenominu naturali ta’ natura eċċezzjonali, inevitabbli u irreżistibbli; jew

(b)

kien ikkawżat għal kollox minn att jew ommissjoni li ssir bil-ħsieb li l-inċident jiġi kkawżat minn terza parti.

Jekk u sal-punt li t-telf jeċċedi l-ogħla limitu, it-trasportatur għandu jkun responsabbli ulterjorment ħlief jekk it-trasportatur iġib provi li l-inċident li kkawża t-telf ġara mingħajr tort jew negliġenza tat-trasportatur.

2.   Għat-telf li jġarrab passiġġier minħabba l-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta' passiġġier li ma jkunux mhux ikkaġunati minn inċident tat-tbaħħir, it-trasportatur għandu jkun responsabbli jekk l-inċident li wassal għat-telf kien tort jew minħabba negliġenza tat-trasportatur. Il-piż tal-prova tat-tort jew tan-negliġenza għandhu jkun fuq min għamel it-talba.

3.   Għat-telf imġarrab minħabba telf ta' jew ħsara lill-bagalji tal-kabina, it-trasportatur għandu jkun responsabbli jekk l-inċident li wassal għat-telf kien tort jew minħabba negliġenza tat-trasportatur. It-tort jew in-negliġenza tat-trasportatur għandhom ikunu preżunti għal telf ikkawżat minn inċident tat-tbaħħir.

4.   Għat-telf li jiġġarrab minħabba telf jew ħsara għal bagalji ħlief bagalji tal-kabina, it-trasportatur għandu jkun responsabbli ħlief jekk it-trasportatur iġib provi li l-inċident li wassal għat-telf ġara mingħajr ma kellu tort jew mhux minħabba negliġenza min-naħa tiegħu.

5.   Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu:

(a)

“inċident tat-tbaħħir” tfisser meta vapur jegħreq, jinqaleb, jaħbat jew jinkalja, ikun hemm splużjoni jew nar fuq il-vapur, jew difett fil-vapur;

(b)

“tort jew negliġenza tat-trasportatur” tinkludi t-tort jew negliġenza tal-ħaddiema tat-trasportatur, li jaġixxu fl-ambitu tal-impjieg tagħhom;

(ċ)

“difett fil-vapur” tfisser kull ħsara, nuqqas jew nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti applikabbli dwar is-sigurtà fir-rigward ta’ xi parti mill-vapur jew it-tagħmir tiegħu meta jkunu użati biex jaħarbu, jiġu evakwati, jimbarkaw u jiżbarkaw il-passiġġieri, jew meta jkunu użati biex jagħtu propulsjoni, idawru, ibaħħru b'mod sigur, jitqiegħed l-irmiġġ, jankraw, jaslu mal-moll jew mal-ankoraġġ jew jħallu l-moll jew ankoraġġ, jew għall-kontroll tal-ħsara wara li jimtela bl-ilma; jew meta jkunu użati biex jitniżżel apparat ta' salvataġġ; u

(d)

“it-telf” m’għandux jinkludi ħsarat punittivi jew eżemplari.

6.   Ir-responsabbiltà tat-trasportatur taħt dan l-Artiklu tirrigwarda biss it-telf li jinqala' minħabba inċidenti li saru waqt il-ġarr. Il-piż tal-prova li l-inċident li wassal għat-telf ġara waqt il-ġarr, u l-kobor tat-telf, għandhom jaqgħu fuq min għamel it-talba.

7.   Xejn f’din il-Konvenzjoni ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt ta’ rikors mit-trasportatur kontra kwalunkwe terza parti, jew id-difiża ta' negliġenza kontributorja taħt l-Artikolu 6 ta’ din il-Konvenzjoni. Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt ta’ limitazzjoni taħt l-Artikoli 7 jew 8 ta’ din il-Konvenzjoni.

8.   Il-preżunzjonijiet ta' tort jew negliġenza ta’ parti jew l-allokazzjoni tal-piż tal-prova fuq xi parti m’għandhomx iżommu milli titqies evidenza favur dik il-parti.

Artikolu 4

Trasportatur prestanti

1.   Jekk l-att tal-ġarr jew parti minnu ġie fdat f'idejn trasportatur prestanti, it-trasportatur għandu xorta waħda jibqa' responsabbli għall-ġarr kollu skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, it-trasportatur prestanti għandu jkun soġġett u intitolat għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għal dik il-parti tal-ġarr imwettqa minnu.

2.   It-trasportatur għandu, fir-rigward tal-ġarr imwettaq mit-trasportatur prestanti, ikun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet tat-trasportatur prestanti u l-ħaddiema u l-aġenti tiegħu li jaġixxu fl-ambitu tal-impjieg tagħhom.

3.   Kull ftehim speċjali li permezz tiegħu t-trasportatur jassumi obbligi li mhumiex imposti b’din il-Konvenzjoni jew kull tneħħija ta’ drittijiet mogħtijin b’din il-Konvenzjoni għandha taffettwa biss lit-trasportatur prestanti unikament jekk hu jkun qabel magħhom espliċitament u bil-miktub.

4.   Meta u safejn huma responsabbli kemm it-trasportatur kif ukoll it-trasportatur prestanti, ir-responsabbiltà tagħhom għandha tkun in solidum.

5.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jippreġudika kwalunkwe dritt għal rikors bejn it-trasportatur u t-trasportatur prestanti.

Artikolu 4bis

Assigurazzjoni obbligatorja

1.   Meta passiġġieri jinġarru abbord vapur reġistrat fi Stat Parti li jkun reġistrat biex iġorr aktar minn tnax-il passiġġier, u din il-Konvenzjoni tapplika, kull trasportatur li fil-fatt iwettaq il-ġarr kollu jew parti minnu għandu jżomm assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra, bħal garanzija ta’ bank jew istituzzjoni finanzjarja simili, biex ikopri r-responsabbiltà taħt din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' mewt u korriment fuq il-persuna ta' passiġġieri. Il-limitu tal-assigurazzjoni obbligatorja jew ta' sigurta' finanzjarja oħra ma għandux ikun inqas minn 250 000 unità ta’ kontabbiltà għal kull passiġġier f’kull okkażjoni distinta.

2.   Ċertifikat li jiddikjara li dik l-assigurazzjoni jew sigurta' finanzjarja oħra tkun fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandu jinħareġ lil kull vapur wara li l-awtorita' xierqa ta’ Stat Parti tkun iddeterminat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 intlaħqu. Fir-rigward ta' vapur irreġistrat fi Stat Parti, dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ jew jiġi ċċertifikat mill-awtorità xierqa tal-Istat tar-reġistrazzjoni tal-vapur; fir-rigward ta' vapur li ma jjkunx irreġistrat fi Stat Parti dan jista' jinħareġ jew jiġi ċċertifikat mill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Parti. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun fil-forma tal-mudell li hemm fl-anness għal din il-Konvenzjoni u għandu jkun fih id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem tal-vapur, numru jew ittri distintivi u l-port tar-reġistru;

(b)

l-isem u l-post prinċipali tan-negozju tat-trasportatur li fil-fatt iwettaq il-vjaġġ kollu jew parti minnu;

(ċ)

in-numru ta’ identifikazzjoni IMO tal-vapur;

(d)

tip u kemm iddum il-garanzija;

(e)

l-isem u l-post prinċipali tan-negozju tal-assiguratur jew persuna oħra li tipprovdi garanzija finanzjarja u, fejn xieraq, il-post tan-negozju fejn hi stabbilita l-assigurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra; u

(f)

il-perijodu ta' validità taċ-ċertifikat, li m’għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ validità tal-assigurazzjoni jew ta' sigurta' finanzjarja oħra.

3.

(a)

Stat Parti jista’ jawtorizza lil xi istituzzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta minnu biex toħroġ iċ-ċertifikat. Tali istituzzjoni jew organizzazzjoni għandha tinforma lil dak l-Istat bil-ħruġ ta’ kull ċertifikat. Fil-każijiet kollha, l-Istat Parti għandu jiggarantixxi bis-sħiħ li ċ-ċertifikat hekk maħruġ ikun komplut u eżatt, u għandu jagħmel minn kollox biex jiżgura l-arranġamenti meħtieġa biex jiġi sodisfatt dan l-obbligu.

(b)

Stat Parti għandu jgħarraf lis-Segretarju Ġenerali dwar:

(i)

ir-responsabbiltajiet speċifiċi u l-kundizzjonijiet tal-awtorità delegata lil xi istituzzjoni jew organizzazzjoni rikonoxxuta minnu;

(ii)

l-irtirar ta' din l-awtorità; u

(iii)

id-data li fiha jkunu seħħew l-għoti ta' din l-awtorità jew l-irtirar tagħha.

Awtorità ddelegata m’għandhiex tibda sseħħ qabel ma jgħaddu tliet xhur mid-data li fiha n-notifika għal dak il-għan tkun ingħatat lis-Segretarju Ġenerali.

(ċ)

L-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni awtorizzata biex toħroġ ċertifikati skont dan il-paragrafu għandha, minn tal-inqas, tkun awtorizzata tirtira dawn iċ-ċertifikati jekk ma jinżammux il-kundizzjonijiet li taħthom ikunu inħarġu. Fil-każijiet kollha l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni għandha tirrapporta tali irtirar lill-Istat li f'ismu nħareġ iċ-ċertifikat.

4.   Iċ-ċertifikat għandu jkun fl-ilsien jew fl-ilsna uffiċjali tal-Istat li joħorġu. Jekk il-lingwa użata ma tkunx l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol, it-test għandu jkun fih traduzzjoni f'waħda minn dawn il-lingwi, u, fejn l-Istat jiddeċiedi hekk, l-ilsien uffiċjali tal-Istat jista’ jitneħħa.

5.   Iċ-ċertifikat għandu jinġarr abbord il-vapur, u kopja tiegħu għandha titħalla mal-awtoritajiet li jżommu rekord tar-reġistru tal-vapur jew, jekk il-vapur ma jkunx reġistrat fi Stat Parti, mal-awtorita' tal-Istat li ħareġ jew iċċertifika ċ-ċertifikat.

6.   Assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra m’għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu jekk tista' tieqaf, għal raġunijiet oħra għajr li jiskadi l-perijodu ta’ validità tal-assigurazzjoni jew garanzija speċifikata fiċ-ċertifikat, qabel ma jgħaddu tliet xhur mid-data li fiha jingħata avviż tat-tmiem tagħha lill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 5, ħlief jekk iċ-ċertifikat ikun ingħata lura lil dawn l-awtoritajiet jew ikun inħareġ ċertifikat ġdid fil-perijodu msemmi. Id-dispożizzjonijiet imsemmijin qabel għandhom bl-istess mod japplikaw għal kull modifika li twassal biex l-assigurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

7.   L-Istat tar-reġistru tal-vapur għandu, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, jiddetermina l-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-validità taċ-ċertifikat.

8.   Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jkun interpretat li qed iżomm Stat Parti milli jserraħ fuq informazzjoni miksuba minn Stati oħra jew mill-Organizzazzjoni jew minn xi organizzazzjonijiet oħra internazzjonali marbuta mal-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawk li jipprovdu l-assigurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni. F’tali każijiet, l-Istat Parti li jserraħ fuq tali informazzjoni mhux eżentat mir-responsabbiltà tiegħu bħala Stat li joħroġ iċ-ċertifikat.

9.   Ċertifikati maħruġa jew iċċertifikati taħt l-awtorita' ta’ Stat Parti għandhom ikunu aċċettati minn Stati Partijiet oħra għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni u għandhom jitqiesu minn Stati Partijiet oħra li għandhom l-istess saħħa bħaċ-ċertifikati maħruġa jew iċċertifikati minnhom, anki jekk maħruġa jew iċċertifikati fir-rigward ta’ vapur mhux reġistrat fi Stat Parti. Stat Parti jista’ fi kwalunkwe ħin jitlob li jikkonsulta mal-Istat emittenti jew li jiċċertifika jekk hu jidhirlu li l-assiguratur jew il-garanti msemmi fiċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni mhux finanzjarjament kapaċi li jilħaq l-obbligi imposti b'din il-Konvenzjoni.

10.   Kull talba għal kumpens koperta b’assigurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra skont dan l-Artikolu tista’ titressaq direttament kontra l-assiguratur jew xi persuna oħra li tipprovdi garanzija finanzjarja. F’dak il-każ, l-ammont stipulat fil-paragrafu 1 japplika bħala l-limitu tar-responsabbiltà tal-assiguratur jew xi persuna oħra li tipprovdi garanzija finanzjarja, anki jekk it-trasportatur jew it-trasportatur prestanti ma jkunx intitolat għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà. Il-konvenut jista’ barra minn hekk jagħmel użu mill-mezzi ta' difiża (barra minn falliment jew stralċ) li t-trasportatur imsemmi fil-paragrafu 1 kien ikun intitolat juża skont din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-konvenut jista’ juża d-difiża li l-ħsara ġrat minħabba l-imġiba ħażina konxja tal-assigurat, iżda l-konvenut m’għandux juża xi difiża oħra li hu seta’ kien intitolat juża waqt proċedimenti mibdijin mill-assigurat kontra l-konvenut. Il-konvenut għandu fi kwalunkwe każ ikollu d-dritt jitlob lit-trasportatur u lit-trasportatur prestanti biex jintervjenu fil-proċedimenti.

11.   Kwalunkwe somom mogħtija mill-assigurazzjoni jew minn xi garanzija finanzjarja oħra miżmuma skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli esklużivament għas-sodisfazzjon ta' pretensjonijiet taħt din il-Konvenzjoni, u kull ħlas li jsir ta' tali somom għandu jneħħi kull responsabbiltà li toħroġ taħt din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-ammonti mħallsa.

12.   Stat Parti m’għandux iħalli vapur bil-bandiera tiegħu li għalih japplika dan l-Artikolu li jopera f'ebda ħin ħlief jekk ikun inħareġ ċertifikat taħt il-paragrafi 2 jew 15.

13.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Parti għandu jiżgura, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, li tkun fis-seħħ assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra, sal-punt speċifikat fil-paragrafu 1, fir-rigward ta’ kull vapur li jkun liċenzjat biex iġorr aktar minn tnax-il passiġġier, ikun fejn ikun reġistrat, li jidħol jew iħalli port fit-territorju tiegħu safejn tapplika din il-Konvenzjoni.

14.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5, Stat Parti jista’ jgħarraf lis-Segretarju Ġenerali li, għall-finijiet tal-paragrafu 13, il-vapuri mhumiex meħtieġa jġorru abbord jew jipproduċu ċ-ċertifikat meħtieġ mill-paragrafu 2 meta jidħlu jew jitilqu minn portijiet fit-territorju tiegħu, kemm-il darba l-Istat Parti li joħroġ iċ-ċertifikat ikun għarraf lis-Segretarju Ġenerali li hu jżomm rekords f’format elettroniku, aċċessibbli għall-Istati Partijiet kollha, li jaffermaw l-eżistenza taċ-ċertifikat u li jippermettu lill-Istati Partijiet iwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 13.

15.   Jekk ma tinżammx assigurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra għal vapur li hu l-proprjetà ta' Stat Parti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu rilevanti għalihom m’għandhomx japplikaw għal dak il-vapur, iżda l-vapur għandu jġorr ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet xierqa tal-Istat tar-reġistru tal-vapur, li jgħid li l-vapur huwa ta' proprjetà ta' dak l-Istat u li r-responsabbiltà hi koperta bl-ammont preskritt skont il-paragrafu 1. Tali ċertifikat għandu jsegwi kemm jista' jkun mill-qrib il-mudell preskritt mill-paragrafu 2.

Artikolu 5

Oġġetti ta' valur

It-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għal telf ta' jew ħsara lil flus, sigurtajiet negozjabbli, deheb, fidda, ġojjellerija, ornamenti, xogħlijiet tal-arti, jew oġġetti oħra ta’ valur, ħlief meta tali oġġetti ta’ valur ikunu ġew iddepożitati mat-trasportatur bil-għan miftiehem li jinżammu f’post sigur f’liema każ it-trasportatur għandu jkun responsabbli sal-limitu previst fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 8 ħlief jekk ikun miftiehem limitu ogħla skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 10.

Artikolu 6

Tort kontributorju

Jekk it-trasportatur iġib provi li l-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta’ passiġġier jew it-telf jew ħsara lill-bagalji tiegħu kienet kkawżata minn jew ġraw minħabba tort jew negliġenza tal-passiġġier, il-Qorti li qed tismal-każ tista’ teżonera lit-trasportatur għal kollox jew parzjalment mir-responsabbiltà tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dik il-qorti.

Artikolu 7

Limitu ta' responsabbiltà għal mewt u korriment fuq il-persuna

1.   Ir-responsabbiltà tat-trasportatur għall-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta' xi passiġġier taħt l-Artikolu 3 m'għandha f'ebda każ taqbeż l-400 000 unità ta' kontabbiltà għal kull passiġġier f'kull okkażjoni distinta. Meta, skont il-liġi tal-qorti li qed tismal-każ, il-ħsarat jitħallsu f’forma ta’ pagamenti ta' dħul perjodiċi, il-valur tal-kapital ekwivalenti ta’ dawk il-pagamenti m’għandux jaqbeż il-limitu msemmi.

2.   Stat Parti jista' jirregola permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali l-limitu ta' responsabbiltà preskritt fil-paragrafu 1, kemm-il darba l-limitu nazzjonali ta' responsabbiltà, jekk ikun hemm, ma jkunx aktar baxx minn dak preskritt fil-paragrafu 1. Stat Parti, li jagħmel użu mill-possibbiltà prevista f'dan il-paragrafu, għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali bil-limitu ta' responsabbiltà adottat jew bil-fatt li m'hemmx wieħed.

Artikolu 8

Limitu ta’ responsabbiltà għal telf ta’ jew ħsara lil bagalji u vetturi

1.   Ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal telf ta’ jew ħsara lill-bagalji tal-kabina m’għandha fl-ebda każ tkun aktar minn 2 250 unità ta' kontabbiltà għal kull passiġġier, għal kull vjaġġ.

2.   Ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal telf ta’ jew ħsara lil vetturi inkluż il-bagalji kollha li jinġarru fil-vettura jew fuqha m’għandha fl-ebda każ tkun aktar minn 12 700 unità ta' kontabbiltà għal kull vettura, għal kull vjaġġ.

3.   Ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal telf ta’ jew ħsara lil bagalji barra dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 m’għandha fl-ebda każ tisboq 3 375 unità ta' kontabbiltà għal kull passiġġier, għal kull vjaġġ.

4.   It-trasportatur u l-passiġġier jistgħu jaqblu li r-responsabbiltà tat-trasportatur għandha tkun soġġetta għal tnaqqis li ma jisboqx 330 unità ta’ kontabbiltà fil-każ ta’ ħsara lil xi vettura u li ma jisboqx 149 unità ta’ kontabbiltà għal kull passiġġier fil-każ ta’ telf ta’ jew ħsara lil xi bagalji oħra, liema somma trid titnaqqas mit-telf jew mill-ħsara.

Artikolu 9

Unità ta’ kontabbiltà u konverżjoni

1.   Il-Unità ta’ Kontabbiltà imsemmija f’din il-Konvenzjoni hija d-Dritt Speċjali ta' Ġbid kif definit mil-Fond Monetarju Internazzjonali. L-ammonti msemmijin fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1, u l-Artikolu 8 għandhom jissarrfu fil-valuta nazzjonali tal-Istat tal-qorti li qed tismal-każ abbażi tal-valur ta’ dik il-valuta b’referenza għad-Dritt Speċjali ta' Ġbid fid-data tas-sentenza jew id-data miftiehma mill-partijiet. Il-valur tal-valuta nazzjonali, f'termini tad-Dritt Speċjali ta' Ġbid, ta’ Stat Parti li hu membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun kalkulat skont il-metodu ta’ valutazzjoni applikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali fis-seħħ fid-data msemmija għall-operat u t-tranżazzjonijiet tiegħu. Il-valur tal-valuta nazzjonali, f'termini tad-Dritt Speċjali ta' Ġbid, ta’ Stat Parti li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun ikkalkulat b’mod determinat minn dak l-Istat Parti.

2.   Madankollu, Stat li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali u li l-liġi tiegħu ma tippermettix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jista’, meta ssir ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni ta' jew l-adeżjoni ma' din il-Konvenzjoni jew fi kwalunkwe ħin wara, jiddikjara li l-Unità ta’ Kontabbiltà imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ugwali għal 15-il frank tad-deheb. Il-frank tad-deheb imsemmi f’dan il-paragrafu jikkorrispondi għal ħamsa u sittin milligramma u nofs ta’ deheb ta’ finezza milleżima ta’ disa’ mija. Il-konverżjoni tal-frank tad-deheb għall-valuta nazzjonali għandha ssir skont il-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Il-kalkolu msemmi fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 1, u l-konverżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom isiru b'tali mod li jkunu jesprimu fil-valuta nazzjonali tal-Istati Partiijiet, sa fejn possibbli, l-istess valur reali għall-ammonti fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1, u l-Artikolu 8 kif ikun jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel tliet sentenzi tal-paragrafu 1. L-Istati għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali l-mod tal-kalkolu skont il-paragrafu 1, jew ir-riżultat tal-konverżjoni fil-paragrafu 2, skont il-każ, meta jkunu qed jiddepożitaw strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni ta' jew adeżjoni għal din il-Konvenzjoni u kull meta jkun hemm xi tibdil f'xi waħda minnhom.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-limiti ta’ responsabbiltà

1.   It-trasportatur u l-passiġġier jistgħu jaqblu, espliċitament u bil-miktub, dwar limiti ta' responsabbiltà ogħla minn dawk preskritti fl-Artikoli 7 u 8.

2.   L-interessi fuq il-ħsarat u l-ispejjeż legali m’għandhomx jiddaħħlu fil-limiti ta’ responsabbiltà preskritti fl-Artikoli 7 u 8.

Artikolu 11

Difiżi u limiti għall-ħaddiema tat-trasportaturi

Jekk tittieħed azzjoni kontra ħaddiem jew aġent tat-trasportatur jew tat-trasportatur prestanti li tinqala’ minħabba ħsara koperta b’din il-Konvenzjoni, dak il-ħaddiem jew l-aġent, jekk iġib provi li hu aġixxa fl-ambitu tal-impjieg tiegħu, għandu jkun intitolat juża d-difiżi u l-limiti ta’ responsabbiltà li t-trasportatur jew it-trasportatur prestanti hu intitolat jinvoka taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 12

Aggregazzjoni ta' pretensjonijiet

1.   Fejn il-limiti ta’ responsabbiltà preskritti fl-Artikoli 7 u 8 jidħlu fis-seħħ, huma għandhom japplikaw għall-aggregat tal-ammonti irkuprati fil-pretensjonijiet kollha minħabba mewt jew korriment fuq il-persuna ta’ xi wieħed mill-passiġġieri jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji tiegħu.

2.   Fil-każ tal-ġarr li jitwettaq mit-trasportatur prestanti, l-aggregat tal-ammonti rkuprabbli mit-trasportatur u mit-trasportatur prestanti u mill-ħaddiema u l-aġenti tagħhom li jaġixxu fl-ambitu tal-impjieg tagħhom m'għandux jaqbeż l-ogħla ammont li kieku jingħata kontra t-trasportatur jew it-trasportatur prestanti taħt din il-Konvenzjoni, iżda ħadd minn dawk imsemmijin ma għandu jkun responsabbli għal somma li taqbeż il-limitu applikabbli għalih.

3.   Fi kwalunkwe każ meta ħaddiem jew aġent tat-trasportatur jew tat-trasportatur prestanti ikun intitolat taħt l-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni li jagħmel użu mil-limiti ta’ responsabbiltà preskritti fl-Artikoli 7 u 8, l-aggregat tal-ammonti irkuprabbli mit-trasportatur, jew mit-trasportatur prestanti skont il-każ, u minn dak il-ħaddiem jew l-aġent, m’għandhomx jaqbżu dawk il-limiti.

Artikolu 13

Telf tad-dritt biex tiġi limitata r-responsabbiltà

1.   It-trasportatur m’għandux ikun intitolat għall-benefiċċju tal-limiti ta’ responsabbiltà preskritti fl-Artikoli 7 u 8 u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 10, jekk jiġi pprovat li l-ħsara saret minħabba xi att jew ommissjoni mit-trasportatur bl-intenzjoni li jikkawża tali ħsara, jew bi traskuraġni u b'konsapevolezza li tali ħsara x'aktarx tirriżulta.

2.   Il-ħaddiem jew l-aġent tat-trasportatur jew tat-trasportatur prestanti m’għandux ikun intitolat għall-benefiċċju ta’ dawk il-limiti jekk ikun pruvat li l-ħsara saret minħabba att jew ommissjoni minn dak il-ħaddiem jew l-aġent bl-iskop li jikkawża tali ħsara, jew bi traskuraġni u b'konsapevolezza li tali ħsara x’aktarx tirriżulta.

Artikolu 14

Bażi għal pretensjonijiet

L-ebda azzjoni għall-ħsarat għall-mewt jew korriment fuq il-persuna ta’ xi passiġġier, jew telf ta’ jew ħsara lil bagalji, m’għandha tittieħed kontra t-trasportatur jew it-trasportatur prestanti ħlief f'konformità ma' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 15

Avviż dwar telf ta’ jew ħsara lil bagalji

1.   Il-passiġġier għandu javża bil-miktub lit-trasportatur jew lill-aġent tiegħu:

(a)

fil-każ ta’ ħsara li tidher lil bagalji:

(i)

għal bagalji tal-kabina, qabel jew waqt l-iżbark tal-passiġġier;

(ii)

għall-bagalji l-oħra kollha, qabel jew waqt li jerġgħu jitwasslu;

(b)

fil-każ ta’ ħsara lil bagalji li ma tkunx tidher, jew telf ta’ bagalji, fi żmien ħmistax-il ġurnata mid-data tal-iżbark jew ta' meta twasslu lura jew minn meta suppost kellhom jitwasslu lura.

2.   Jekk il-passiġġier jonqos milli jikkonforma ma’ dan l-Artikolu, huwa għandu jitqies, kemm-il darba ma jkunx pruvat mod ieħor, li rċieva l-bagalji f'kundizzjoni tajba.

3.   L-avviż bil-miktub m’għandux għalfejn jingħata jekk il-kundizzjoni tal-bagalji meta ġew irċevuti kienet is-suġġett ta’ perizja jew spezzjoni konġunti.

Artikolu 16

Preskrizzjoni għal azzjonijiet

1.   Kull azzjoni għal ħsarat li jinqalgħu minħabba mewt jew korriment fuq il-persuna ta' xi passiġġier jew minħabba telf ta' jew ħsara lil bagalji għandha taqa' bil-preskrizzjoni wara perijodu ta' sentejn.

2.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun ikkalkulat kif ġej:

(a)

fil-każ ta’ korriment fuq il-persuna, mid-data meta jiżbarka l-passiġġier;

(b)

fil-każ ta’ mewt li tiġri waqt il-vjaġġ, mid-data meta l-passiġġier suppost kellu jiżbarka, u fil-każ ta’ korriment fuq il-persuna li jiġri waqt il-vjaġġ u jwassal għall-mewt ta’ passiġġier wara l-iżbark, mid-data tal-mewt, kemm-il darba dan il-perijodu ma jaqbiżx it-tliet snin mid-data tal-iżbark;

(ċ)

fil-każ ta’ telf ta’ jew ħsara lil bagalji, mid-data tal-iżbark jew mid-data meta suppost kellu jsir l-iżbark, liema minnhom ikun l-aktar tard.

3.   Il-liġi tal-Qorti li qed tismal-każ għandha tirregola r-raġunijiet għal sospensjoni u interruzzjoni tal-perijodi ta' limitazzjoni, iżda fl-ebda każ m’għandha tittieħed azzjoni taħt din il-Konvenzjoni wara li jiskadi xi wieħed minn dawn il-perijodi ta’ żmien li ġejjin:

(a)

Perijodu ta’ ħames snin li jibda bid-data tal-iżbark tal-passiġġier jew mid-data meta suppost kellu jsir l-iżbark, liema minnhom ikun l-aktar tard; jew, jekk aktar kmieni

(b)

perijodu ta’ tliet snin li jibda mid-data meta l-pretendent kien jaf jew suppost kellu jkun jaf bil-korriment, telf jew ħsara kkawżati bl-inċident.

4.   Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-perjodu ta’ limitazzjoni jista' jkun estiż permezz ta' dikjarazzjoni tat-trasportatur jew bi ftehim tal-partijiet wara li tkun inqalgħet il-kawża tal-azzjoni. Id-dikjarazzjoni jew il-ftehim għandu jsir bil-miktub.

Artikolu 17

Ġurisdizzjoni Kompetenti (**)

Artikolu 17a

Rikonoxximent u Infurzar (**)

Artikolu 18

Invalidità ta' dispożizzjonijiet kuntrattwali

Kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali konkluża qabel ma jseħħ inċident li kkawża l-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta’ passiġġier jew it-telf jew il-ħsara lill-bagalji ta’ passiġġier, intiża biex teħles kwalunkwe persuna responsabbli taħt din il-Konvenzjoni mir-responsabbiltà lejn il-passiġġier jew biex tippreskrivi limitu aktar baxx ta’ responsabbiltà minn dak iffissat f'din il-Konvenzjoni ħlief kif previst fl-Artikolu 8, paragrafu 4, u kull dispożizzjoni simili bil-għan li tneħħi r-responsabbiltà tal-prova minn fuq it-trasportatur jew mit-trasportatur prestanti, jew li jkollha l-effett li tnaqqas l-għażliet speċifikati fl-Artikolu 17, paragrafi 1 jew 2, għandha tkun nulla u bla effett, iżda n-nullità ta' dik id-dispożizzjoni m'għandhiex tagħmel bla effett il-kuntratt tal-ġarr li għandu jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 20

Dannu nukleari

L-ebda responsabbiltà m’għandha tinħoloq taħt din il-Konvenzjoni għal ħsara kkawżata minħabba inċident nukleari:

(a)

jekk l-operatur ta’ installazzjoni nukleari ikun responsabbli għal tali ħsara taħt il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tad-29 ta’ Lulju 1960 dwar Responsabbiltà ta’ Parti Terza fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari kif emendata bil-Protokoll Addizzjonali tagħha tat-28 ta' Jannar 1964, jew taħt il-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-21 ta' Mejju 1963 dwar Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara Nukleari, jew kwalunkwe emenda jew Protokoll marbut magħha li jkun fis-seħħ; jew

(b)

jekk l-operatur ta' installazzjoni nukleari ikun responsabbli għal tali ħsara bis-saħħa ta' liġi nazzjonali li tirregola r-responsabbiltà għal tali ħsara, kemm-il darba tali liġi tkun fl-aspetti kollha favorevoli għal persuni li jistgħu jġarrbu ħsara daqs il-Konvenzjoni ta' Pariġi jew dik ta' Vjenna jew kwalunkwe emenda jew Protokoll marbut magħha li jkun fis-seħħ.

Artikolu 21

Ġarr kummerċjali minn awtoritajiet pubbliċi

Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-ġarr kummerċjali li jsir minn Stati jew Awtoritajiet Pubbliċi permezz ta' kuntratt ta' ġarr skont it-tifsira tal-Artikolu 1.

[Artikoli 22 u 23 tal- Protokoll tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974]

Artikolu 22

Reviżjoni u Emendi (***)

Artikolu 23

Emendi tal-limiti

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22, il-proċedura speċjali f’dan l-Artikolu għandha tapplika biss għall-finijiet li jiġu emendati l-limiti stipulati fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1 u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni kif riveduta b'dan il-Protokoll.

2.   Fuq talba ta’ mill-inqas nofs, iżda fl-ebda każ inqas minn sitta, tal-Istati Partijiet għal dan il-Protokoll, kull proposta biex ikunu emendati l-limiti, inkluż it-tnaqqis, speċifikat fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1, u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll għandha tkun ċċirkolata mis-Segretarju Ġenerali lill-Membri kollha tal-Organizzazzjoni u lill-Istati Partijiet kollha.

3.   Kwalunkwe emenda proposta u ċċirkolata kif imsemmi hawn fuq għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “l-Kumitat Legali”) għall-kunsiderazzjoni f’data ta’ mhux inqas minn sitt xhur wara d-data taċ-ċirkolazzjoni tagħha.

4.   L-Istati Partijiet kollha għall-Konvenzjoni kif riveduta b'dan il-Protokoll, sew jekk ikunu Membri tal-Organizzazzjoni jew ma jkunux, għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat Legali fir-rigward tal-konsiderazzjoni u l-adozzjoni ta’ emendi.

5.   L-emendi għandhom jiġu adottati b'maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni kif riveduta b'dan il-Protokoll preżenti u l-votazzjoni fil-Kumitat Legali mwassgħa kif previst fil-paragrafu 4, bil-kondizzjoni li mhux inqas min nofs l-Istati Partijiet għal din il-Konvenzjoni kif riveduta b'dan il-Protokoll għandhom ikunu preżenti meta ssir il-votazzjoni.

6.   Meta jkun qed jaġixxi fuq proposta biex jemenda l-limiti, il-Kumitat Legali għandu jqis l-esperjenza ta’ inċidenti u, partikolarment, l-ammont ta’ dannu li jirriżulta minhom, bdil fil-valuri monetarji u l-effett tal-emenda proposta fuq l-ispiża tal-assigurazzjoni.

7.

(a)

L-ebda emenda tal-limiti taħt dan l-Artikolu ma tista’ titqies inqas minn ħames snin mid-data li fiha dan il-Protokoll infetaħ għall-iffirmar jew inqas minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ emenda preċedenti taħt dan l-Artikolu.

(b)

L-ebda limitu ma jista’ jiżdied sabiex jaqbeż ammont li jikkorrispondi mal-limitu stipulat fil-Konvenzjoni kif riveduta b'dan il-Protokoll miżjud b'sitta fil-mija kull sena kkalkulat fuq bażi ta' interessi akkumulati mid-data li fiha dan il-Protokoll infetaħ għall-iffirmar.

(ċ)

L-ebda limitu ma jista’ jiżdied sabiex jinqabeż ammont li jikkorrispondi għal-limitu stipulat fil-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll immultiplikat bi tlieta.

8.   Kwalunkwe emenda adottata skont il-paragrafu 5 għandha tiġi notifikata mill-Organizzazzjoni lill-Istati Partijiet. L-emenda għandha titqies li ġiet aċċettata fl-aħħar tal-perijodu ta’ tmintax-il xahar wara d-data tan-notifika, ħlief jekk f’dak il-perijodu mhux inqas minn kwart tal-Istati li kienu Stati Partijiet meta l-emenda ġiet adottata jkunu għarrfu lis-Segretarju Ġenerali li huma ma jaċċettawx l-emenda, f’liema każ l-emenda ma tiġix aċċettata u m’għandux ikollha effett.

9.   Emenda li titqies li ġiet aċċettata skont il-paragrafu 8 għandha tidħol fis-seħħ tmintax-il xahar wara li tiġi aċċettata.

10.   L-Istati Partiijiet kollha għandhom ikunu marbuta bl-emenda, ħlief jekk huma jiddenunzjaw dan il-Protokoll skont l-Artikolu 21, paragrafi 1 u 2 mhux inqas minn sitt xhur qabel ma l-emenda tidħol fis-seħħ. Tali denunzja għandu jkollha effett meta l-emenda tidħol fis-seħħ.

11.   Meta tiġi adottata emenda iżda l-perijodu ta’ tmintax-il xahar biex tkun aċċettata jkun għadu ma skadiex, Stat li jsir Stat Parti waqt dak il-perijodu għandu jkun marbut bl-emenda jekk din tidħol fis-seħħ. Stat li jsir Stat Parti wara dak il-perijodu għandu jkun marbut b'emenda li tkun ġiet aċċettata b'mod konformi mal-paragrafu 8. Fil-każijiet imsemmijin f'dan il-paragrafu, Stat jintrabat b'emenda meta dik l-emenda tidħol fis-seħħ, jew meta dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ għal dak l-Istat, jekk din id-data tkun aktar tard.

ANNESS GĦALL-KONVENZJONI TA’ ATENI

ĊERTIFIKAT TA’ ASSIGURAZZJONI JEW GARANZIJA FINANZJARJA OĦRA FIR-RIGWARD TAR-RESPONSABBILTÀ GĦAL MEWT U KORRIMENT FUQ IL-PERSUNA TA’ PASSIĠĠIERI

Maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002

Isem tal-Vapur

In-numru jew l-ittri distintivi

Numru ta’ Identifikazzjoni IMO tal-Vapur:

Port ta' Reġistrazzjoni

Isem u indirizz komplut tal-post prinċipali ta' negozju tat-trasportatur prestanti

 

 

 

 

 

Dan jiċċertifika li fir-rigward tal-vapur imsemmi hawn fuq hemm fis-seħħ polza tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002.

Tip ta' Garanzija …

Perijodu ta' Garanzija …

Isem u indirizz tal-assiguratur(i) u/jew il-garanti

Isem …

Indirizz …

Dan iċ-ċertifikat huwa validu sa …

Maħruġ jew iċċertifikat mill-Gvern ta' …

(Denominazzjoni kompluta tal-Istat)

JEW

It-test li ġej għandu jintuża meta Stat Parti jagħmel użu mill-Artikolu 4bis, paragrafu 3:

Iċ-ċertifikat preżenti huwa maħruġ taħt l-awtorità tal-Gvern ta' … (denominazzjoni kompluta tal-Istat) minn … (isem tal-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni)

Fi …Fi …

(Post) (Data)

(Firma u Titolu tal-uffiċjal tal-ħruġ jew taċ-ċertifikazzjoni)

Noti ta' spjegazzjoni:

1.

Jekk mixtieq, id-denominazzjoni tal-Istat tista' tinkludi referenza għall-awtorità pubblika kompetenti tal-pajjiż fejn jinħareġ iċ-ċertifikat.

2.

Jekk l-ammont totali ta' garanzija jkun ingħata minn aktar minn sors wieħed, l-ammont ta' kull wieħed minnhom għandu jiġi indikat.

3.

Jekk garanzija tingħata f'diversi forom, dawn għandhom jiġu enumerati.

4.

Ir-reġistrazzjoni “Perijodu ta' Garanzija” trid tistipula d-data ta' meta tali garanzija tibda sseħħ.

5.

Id-daħla “Indirizz” tal-assiguratur(i) u/jew garanti trid tindika l-post prinċipali tan-negozju tal-assiguratur(i) u/jew garanti. Jekk ikun il-każ, għandu jiġi indikat il-post tan-negozju fejn hi stabbilita l-assigurazzjoni jew garanzija oħra.


(*)  Mhux riprodott.

(**)  Mhix riprodott.

(***)  Mhux riprodott.


ANNESS II

Estratt mir-riżerva u l-linji gwida tal-imo għall-implimentazzjoni tal-konvenzjoni ta' ateni, adottati mill-Kumitat legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fid-19 ta' Ottubru 2006

RIŻERVA U LINJI GWIDA TAL-IMO GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KONVENZJONI TA' ATENI

Riżerva

1.

Il-Konvenzjoni ta' Ateni għandha tiġi ratifikata bir-riżerva li ġejja jew dikjarazzjoni bl-istess effett:

“[1.1.]

Riżerva fir-rigward tar-ratifika mill-Gvern ta' … tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002 (‘il-Konvenzjoni’)

Limitazzjoni tar-responsabbiltà tat-trasportaturi, eċċ.

[1.2.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li jillimita r-responsabbiltà skont il-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, jekk ikun hemm, fir-rigward ta' mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġier ikkawżat minn kwalunkwe mir-riskji msemmijin fil-paragrafu 2.2 tal-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni għall-ammont l-aktar baxx tal-ammonti li ġejjin:

250 000 unità ta' kontabbiltà fir-rigward ta' kull passiġġier f'kull okkażjoni distinta;

jew

340 miljun unità ta' kontabbiltà globali għal kull vapur f'kull okkażjoni distinta.

[1.3.]

Barra minn hekk, il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li japplika l-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-paragrafi 2.1.1 u 2.2.2 tal-Konvenzjoni ta' Ateni mutatis mutandis, għal tali responsabbiltajiet.

[1.4.]

Ir-responsabbiltà tat-trasportatur prestanti skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, ir-responsabbiltà tal-ħaddiema u l-aġenti tat-trasportatur jew tat-trasportatur prestanti skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni u l-limitu tal-aggregat tal-ammonti irkuprabbli skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni għandhom ikunu limitati bl-istess mod.

[1.5.]

Ir-riżerva u l-impenn fil-paragrafu 1.2 għandhom japplikaw tkun xi tkun il-bażi tar-responsabbiltà taħt il-paragrafu 1 jew 2 tal-Artikolu 3 u minkejja kwalunkwe ħaġa għall-kuntrarju fl-Artikolu 4 jew 7 tal-Konvenzjoni; iżda din ir-riżerva u l-impenn ma jaffettwawx il-funzjoni tal-Artikoli 10 u 13.

Assigurazzjoni obbligatorja u limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-assiguraturi

[1.6.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li jillimita l-ħtieġa taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4bis sabiex tinżamm assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra fir-rigward ta' mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġier ikkawżat minn kwalunkwe mir-riskji msemmijin fil-paragrafu 2.2 tal-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni għall-ammont l-aktar baxx mill-ammonti li ġejjin:

250 000 unità ta' kontabbiltà fir-rigward ta' kull passiġġier f'kull okkażjoni distinta;

jew

340 miljun unità ta' kontabbiltà globali għal kull vapur f'kull okkażjoni distinta.

[1.7.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva wkoll id-dritt u jimpenja ruħu li jillimita r-responsabbiltà tal-assiguratur jew xi persuna oħra li tipprovdi garanzija finanzjarja taħt il-paragrafu 10 tal-Artikolu 4bis, fir-rigward ta' mewt jew korriment fuq il-persuna ta' passiġġier ikkawżat minn kwalunkwe mir-riskji msemmijin fil-paragrafu 2.2 tal-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni, għal ammont massimu tal-ammont tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li t-trasportatur huwa meħtieġ li jżomm taħt il-paragrafu 1.6 ta' din ir-riżerva.

[1.8.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva wkoll id-dritt u jimpenja ruħu li japplika l-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni inkluż l-applikazzjoni tal-klawsoli msemmijin fil-paragrafi 2.1 u 2.2 tal-Linji Gwida fir-rigward ta' kull assigurazzjoni obbligatorja taħt il-Konvenzjoni.

[1.9.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li jeżenta lill-fornitur tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4bis minn kwalunkwe responsabbiltà li għaliha huwa ma jkunx daħal responsabbli.

Ċertifikazzjoni

[1.10.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li joħroġ ċertifikati ta' assigurazzjoni taħt il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni sabiex:

ikunu riflessi l-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà u r-rekwiżiti għall-kopertura tal-assigurazzjoni msemmijin fil-paragrafi 1.2, 1.6, 1.7 u 1.9; u

jiġu inklużi tali limitazzjonijiet, rekwiżiti u eżenzjonijiet oħrajn skont kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet tas-suq tal-assigurazzjoni fil-ħin tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

[1.11.]

Il-Gvern ta' … jirriżerva d-dritt u jimpenja ruħu li jaċċetta ċertifikati ta' assigurazzjoni maħruġin minn Stati Parti oħra skont riżerva simili.

[1.12.]

It-tali limitazzjonijiet, rekwiżiti u eżenzjonijiet kollha ser jiġu riflessi b'mod ċar fiċ-Ċertifikat maħruġ jew iċċertifikat skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni.

Relazzjoni bejn din ir-Riżerva u l-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni

[1.13.]

Id-drittijiet miżmumin minn din ir-riżerva għandhom ikunu eżerċitati b'kont debitament meħud tal-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni, jew ta' kwalunkwe emenda tagħhom, bil-għan li tkun żgurata l-konformità. Jekk proposta biex jiġu emendati l-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ateni, inklużi l-limiti, tkun ġiet approvata mill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, dawk l-emendi għamdhom japplikaw sa miż-żmien kif determinat mill-Kumitat. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi internazzjonali rigward id-dritt ta' Stat li jirtira jew jemenda r-riżerva tiegħu.”

Linji ta’ gwida

2.

Fl-istat preżenti tas-suq tal-assigurazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom joħorġu ċertifikati ta' assigurazzjoni abbażi ta' impriża waħda minn assiguratur li jkopri riskji tal-gwerra, u assiguratur ieħor li jkopri riskji mhux tal-gwerra. Kull assiguratur għandu jkun responsabbli biss għall-parti tiegħu. Għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin (il-klawsoli msemmijin huma mniżżlin fl-Appendiċi A):

2.1.

L-assigurazzjoni tal-gwerra u dik mhux tal-gwerra jistgħu jkunu soġġetti għall-klawsoli li ġejjin:

2.1.1.

Klawsola ta' Istituzzjoni għall-Esklużjoni tal-Armi ta' Kontaminazzjoni Radjoattiva, dawk Kimiċi, Bijoloġiċi, Bijo-kemiċi u Elettromanjetiċi (Klawsola ta' Istituzzjoni nru 370);

2.1.2.

Klawsola ta' Istituzzjoni għall-Esklużjoni minn Attakki Ċibernetiċi (Klawsola ta' Istituzzjoni nru 380);

2.1.3.

Id-difiżi u l-limitazzjonijiet ta' fornitur ta' garanzija finanzjarja obbligatorja taħt il-Konvenzjoni kif immodifikata minn dawn il-linji gwida, b'mod partikolari l-limitu ta' 250 000 unità ta' kontabbiltà għal kull passiġġier f'kull okkażjoni distinta;

2.1.4.

Id-dispożizzjoni li l-assigurazzjoni għandha tkopri biss responsabbiltajiet soġġett għall-Konvenzjoni kif modifikata b'dawn il-linji gwida; u

2.1.5.

Id-dispożizzjoni li kwalunkwe ammont imħallas taħt il-Konvenzjoni għandu jservi biex inaqqas ir-responsabbiltà li fadal tat-trasportatur u/jew l-assiguratur taħt l-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni anke jekk dan ma jitħallasx jew ma jintalabx mill-assiguraturi rispettivi tal-gwerra jew mhux tal-gwerra.

2.2.

L-assigurazzjoni tal-gwerra għandha tkopri ir-responsabbiltà, jekk ikun hemm, għat-telf imġarrab bħala riżultat tal-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta' passiġġieri ikkawżat minn:

gwerra, gwerra ċivili, rivoluzzjoni, ribelljoni, insurrezzjoni, jew konflitti ċivili li jirriżultaw minnhom, jew kwalunkwe att ostili minn qawwa fil-gwerra jew kontriha;

ħtif, qbid, arrest, trażżin jew priġunerija, u l-konsegwenzi ta' dawn jew kwalunkwe attentat għal dan;

mini, torpidows, bombi abbandunati jew armi tal-gwerra oħra abbandunati;

att ta' kwalunkwe terrorist jew kwalunkwe persuna li taġixxi b'mod malizzjuż jew b'motiv politiku u kwalunkwe att li jittieħed bħala prevenzjoni ta' kwalunkwe riskju tali jew bħala ġlieda kontrih;

konfiska u esproprjazzjoni;

u tista' tkun soġġetta għall-eżenzjonijiet, il-limitazzjonijiet u r-rekwiżiti li ġejjin:

2.2.1.

Klawsola għat-Tmiem u għall-Esklużjoni Awtomatiċi tal-Gwerra

2.2.2.

Fil-każ li l-pretensjonijiet ta' passiġġieri individwali jeċċedu fl-aggregat is-somma ta' 340 miljun unità ta' kontabbiltà globali għal kull vapur fi kwalunkwe okkażjoni distinta, it-trasportatur għandu jkun intitolat jinvoka limitazzjoni tar-responsabbiltà tiegħu fl-ammont ta' 340 miljun unità ta' kontabbiltà, dejjem kemm-il darba:

dan l-ammont għandu jiġi distribwit fost il-pretendenti fi proporzjon għall-pretensjonijiet stabbiliti tagħhom;

id-distribuzzjoni ta' dan l-ammont tista' ssir f'porzjon wieħed jew aktar lill-pretendenti magħrufa fil-ħin tad-distribuzzjoni; u

id-distribuzzjoni ta' dan l-ammont tista' ssir mill-assiguratur, jew mill-Qorti jew awtorità kompetenti oħra meta titressaq quddiemha kwistjoni mill-assiguratur fi kwalunkwe Stat Parti li fih jiddaħħlu proċedimenti legali fir-rigward ta' pretensjonijiet allegatament koperti mill-assigurazzjoni.

2.2.3.

Klawsola ta' avviż ta' 30 ġurnata f'każijiet li mhumiex koperti minn 2.2.1.

2.3.

L-assigurazzjoni mhux tal-gwerra għandha tkopri l-perikli kollha soġġetti għal assigurazzjoni obbligatorja minbarra dawk ir-riskji elenkati fi 2.2, kemm jekk dawn ikunu jew ma jkunux soġġetti għall-eżenzjonijiet, il-limitazzjonijiet jew il- iet fi 2.1 u 2.2.

3.

Eżempju ta' sett ta' obbligi tal-assigurazzjoni (Blue Cards) u ċertifikat tal-assigurazzjoni, li kollha jirriflettu dawn il-linji gwida, huma inklużi fl-Appendiċi B.

APPENDIĊI A

Klawsoli msemmijin fil-linji gwida 2.1.1, 2.1.2 u 2.2.1

Klawsola ta' Istituzzjoni għall-Esklużjoni tal-Armi ta' Kontaminazzjoni Radjoattiva, dawk Kimċi, Bijoloġiċi, Bijo-kemiċi u Elettromanjetiċi (Kl. 370, 10/11/2003)

Din il-klawsola għandha tkun tal-akbar importanza u għandha tipprevali fuq dak kollu li jinsab f'din l-assigurazzjoni li jkun inkonsistenti għaliha

1.

Din l-assigurazzjoni m'għandha fl-ebda każ tkopri responsabbiltà jew spiża ta' telf u ħsara kkawżati direttament jew indirettament minn jew li ġew ikkontribwiti minn jew li joħorġu minn:

1.1.

radjazzjonijiet jonizzanti minn jew kontaminazzjoni permezz ta' radjoattività minn kwalunkwe karburant nukleari jew minn kwalunkwe skart nukleari jew mill-kombustjoni ta' karburant nukleari.

1.2.

il-proprjetajiet radjoattivi, tossiċi, splussivi jew proprjetajiet ta' periklu jew li jikkontaminaw oħrajn ta' kwalunkwe installazzjoni, reattur jew immuntar nukleari jew komponent nukleari tiegħu

1.3.

kwalunkwe arma jew apparat ta' fissjoni atomika jew nukleari u/jew fużjoni jew forza jew sustanza reattiva jew radjoattiva oħra simili.

1.4.

il-proprjetajiet radjoattivi, tossiċi, splussivi jew proprjetajiet perikolużi jew li jikkontaminaw ta' kwalunkwe sustanza radjoattiva. L-esklużjoni f'din is-sub-klawsola ma testendix għal isotopi radjoattivi, minbarra karburant nukleari, meta tali isotopi jkunu qed jiġu ppreparati, jinġarru, jinħażnu, jew jintużaw għal finijiet kummerċjali, agrikoli, mediċi, xjentifiċi jew finijiet paċifiċi oħra.

1.5.

kwalunkwe arma kimika, bijoloġika, bijo-kimika, jew elettromanjetika.

Klawsola ta' Istituzzjoni ta' Attakk Ċibernetiku (Kl. 380, 10/11/03)

1.

Soġġett għall-paragrafu 2 hawn taħt, din l-assigurazzjoni m'għandha fl-ebda każ tkopri r-responsabbiltà jew l-ispiża għal ħsara u telf ikkawżata direttament jew indirettament minn jew ikkontribwita minn jew li toħroġ mill-użu jew l-operat, bħala mezz li jwassal għal ħsara, ta' kwalunkwe kompjuter, sistema ta' kompjuter, programm ta' software ta' kompjuter, kodiċi malizzjuż, virus jew proċess ta' kompjuter jew kwalunkwe sistema elettronika.

2.

Fejn din il-klawsola hi endorsjata f'poloz li jkopru riskji ta' gwerra, gwerra ċivili, rivoluzzjoni, ribelljoni, insurrezzjoni, jew konflitti ċivili li joħorġu minnhom, jew kwalunkwe att ostili minn qawwa fil-gwerra jew kontriha, jew terroriżmu jew kwalunkwe persuna li taġixxi b'motiv politiku, il-paragrafu 1 m'għandux jopera biex jeskludi telf (li kieku kien ikun kopert) li jirriżulta mill-użu ta' kwalunkwe kompjuter, sistema ta' kompjuter jew programm ta' software ta' kompjuter jew kwalunkwe sistema elettronika oħra fis-sistema ta' llanċjar u/jew ta' gwida u/jew mekkaniżmu ta' sparar ta' kwalunkwe arma jew missila.

Tmiem u Esklużjoni Awtomatiċi tal-Gwerra

1.1.   Tmiem Awtomatiku ta' Kopertura

Kemm jekk tali avviż ta' kanċellazzjoni ngħata u kemm jekk ma ngħatax il-kopertura ta' hawn taħt għandha TASAL FI TMIEMHA AWTOMATIKAMENT

1.1.1.

malli tfaqqa′ gwerra (kemm jekk kien hemm dikjarazzjoni ta' gwerra u kemm jekk ma kienx hemm) bejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin: ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika, Franza, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

1.1.2.

fir-rigward ta' kwalunkwe bastiment, li f'konnessjoni miegħu tingħata kopertura hawn taħt, fil-każ li tali bastiment jiġi rekwiżizzjonat jew għat-titolu jew għall-użu.

1.2.   Gwerra tal-Ħames Potenzi

Din l-assigurazzjoni teskludi

1.2.1.

responsabbiltà jew spiża ta' telf u ħsara li toħroġ minn malli tfaqqa′ gwerra (kemm jekk kien hemm dikjarazzjoni ta' gwerra u kemm jekk ma kienx hemm) bejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin: ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika, Franza, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

1.2.2.

rekwiżizzjoni jew għat-titolu jew għall-użu.

APPENDIĊI B

I.   Eżempji ta' obbligi tal-assigurazzjoni (Blue Cards) imsemmijin fil-linja gwida 3

Blue Card maħruġa minn Assiguratur tal-Gwerra

Ċertifikat maħruġ bħala evidenza tal-assigurazzjoni skont l-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002.

Isem tal-Vapur:

Numru ta’ Identifikazzjoni IMO tal-Vapur:

Port tar-reġistrazzjoni:

Isem u Indirizz tas-sid:

Dan jiċċertifika li hemm fis-seħħ fir-rigward tal-vapur imsemmi hawn fuq waqt li hu l-proprjetà ta' min hu msemmi hawn fuq polza ta' assigurazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002, soġġetta għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha permessi għall-assigurazzjoni obbligatorja tal-gwerra taħt il-Konvenzjoni u l-linji gwida ta' implimentazzjoni adottati mill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f'Ottubru 2006, inklużi b'mod partikolari l-klawsoli li ġejjin: [Hawnhekk it-test tal-Konvenzjoni u l-linji gwida bl-appendiċi jistgħu jiddaħħlu sal-punt mixtieq]

Perijodu ta' assigurazzjoni minn: it-20 ta’ Frar 2007

sa: 20 ta’ Frar 2008

Dejjem dment li l-assiguratur jista' jikkanċella dan iċ-ċertifikat billi jagħti 30 ġurnata ta' avviż bil-miktub lill-Awtorità msemmija hawn fuq f'liema każ ir-responsabbiltà tal-assiguratur imsemmi hawn taħt għandha tieqaf mid-data tal-iskadenza ta' dan l-istess perijodu ta' avviż iżda biss fir-rigward ta' inċidenti li jinqalgħu wara dan.

Data:

Dan iċ-ċertifikat inħareġ minn:

War Risks, Inc

[Indirizz]

Firma tal-assiguratur

Bħala aġent għal War Risks, Inc. biss

Blue Card maħruġa minn Assiguratur mhux tal-Gwerra

Ċertifikat maħruġ bħala evidenza tal-assigurazzjoni skont l-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002

Isem tal-Vapur:

Numru ta’ Identifikazzjoni IMO tal-Vapur:

Port tar-reġistrazzjoni:

Isem u Indirizz tas-sid:

Dan jiċċertifika li hemm fis-seħħ fir-rigward tal-vapur imsemmi hawn fuq waqt li hu l-proprjetà ta' min hu msemmi hawn fuq polza ta' assigurazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom bil-Baħar, 2002, soġġetta għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha permessi għall-assigurazzjoni mhux tal-gwerra taħt il-Konvenzjoni u l-linji gwida ta' implimentazzjoni adottati mill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f'Ottubru 2006, inklużi b'mod partikolari l-klawsoli li ġejjin: [Hawnhekk it-test tal-Konvenzjoni u l-linji gwida bl-appendiċi jistgħu jiddaħħlu sal-punt mixtieq]

Perijodu ta' assigurazzjoni minn: it-20 ta’ Frar 2007

sa: 20 ta’ Frar 2008

Dejjem dment li l-assiguratur jista' jikkanċella dan iċ-ċertifikat billi jagħti tliet xhur ta' avviż bil-miktub lill-Awtorità msemmija hawn fuq f'liema każ ir-responsabbiltà tal-assiguratur imsemmi hawn taħt tieqaf mid-data tal-iskadenza ta' dan il-perijodu ta' avviż iżda biss fir-rigward ta' inċidenti li jinqalgħu wara dan.

Data:

Dan iċ-ċertifikat inħareġ minn:

PANDI P&I

[Indirizz]

Firma tal-assiguratur

Bħala aġenti għal PANDI P&I biss

II.   Mudell ta' ċertifikat ta' assigurazzjoni msemmi fil-linja gwida 3

ĊERTIFIKAT TA’ ASSIGURAZZJONI JEW GARANZIJA FINANZJARJA OĦRA FIR-RIGWARD TAR-RESPONSABBILTÀ GĦAL MEWT U KORRIMENT FUQ IL-PERSUNA TA’ PASSIĠĠIERI

Maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002

Isem tal-Vapur

Numru jew ittra distinti

Numru tal-identifikazzjoni tal-IMO tal-vapur

Port ta' Reġistrazzjoni

Isem u indirizz komplut tal-post prinċipali ta' negozju tat-trasportatur prestanti

 

 

 

 

 

Dan jiċċertifika li fir-rigward tal-vapur imsemmi hawn fuq hemm fis-seħħ polza tal-assigurazzjoni jew garanzija finanzjarja oħra li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002.

Tip ta' Garanzija …

Perijodu ta' Garanzija …

Isem u indirizz tal-assiguratur(i) u/jew il-garanti

Il-kopertura tal-assigurazzjoni hawnhekk iċċertifikata hija maqsuma f'parti waħda ta' assigurazzjoni tal-gwerra u parti waħda ta' assigurazzjoni mhux tal-gwerra, skont il-linji gwida ta' implimentazzjoni adottati mill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f'Ottubru 2006. Kull waħda minn dawn il-partijiet tal-kopertura tal-assigurazzjoni hija soġġetta għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet kollha permessi taħt il-Konvenzjoni u l-linji gwida ta' implimentazzjoni. L-assiguraturi m'humiex responsabbli in solidum. L-assiguraturi huma:

Għal riskji tal-gwerra: War Risks, Inc., [indirizz]

Għal riskji mhux tal-gwerra: Pandi P&I, [indirizz]

Dan iċ-ċertifikat huwa validu sa. …

Maħruġ jew iċċertifikat mill-Gvern ta' …

(Denominazzjoni kompluta tal-Istat)

JEW

It-test li ġej għandu jintuża meta Stat Parti jagħmel użu mill-Artikolu 4bis, paragrafu 3:

Iċ-ċertifikat preżenti huwa maħruġ taħt l-awtorità tal-Gvern ta' … (denominazzjoni kompluta tal-Istat) minn … (isem tal-istituzzjoni jew organizzazzjoni)

Fi …

Fi …

(Post)

(Data)

(Firma u titolu tal-uffiċjal tal-ħruġ jew taċ-ċertifikazzjoni)

Noti ta' spjegazzjoni:

1.

Jekk mixtieq, id-denominazzjoni tal-Istat tista' tinkludi referenza għall-awtorità pubblika kompetenti tal-pajjiż fejn jinħareġ iċ-ċertifikat.

2.

Jekk l-ammont totali ta' garanzija jkun ingħata minn aktar minn sors wieħed, l-ammont ta' kull wieħed minnhom għandu jiġi indikat.

3.

Jekk garanzija tingħata f'diversi forom, dawn għandhom jiġu enumerati.

4.

Ir-reġistrazzjoni “Perijodu ta' Garanzija” trid tistipula d-data ta' meta tali garanzija tibda sseħħ.

5.

Id-daħla “Indirizz” tal-assiguratur(i) u/jew garanti trid tindika l-post prinċipali tan-negozju tal-assiguratur(i) u/jew garanti. Jekk ikun il-każ, għandu jiġi indikat il-post tan-negozju fejn hi stabbilita l-assigurazzjoni jew garanzija oħra.


Top