EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0109

Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE, 78/855/KEE u 82/891/KEE, u d-Direttiva 2005/56/KE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-għaqda u d-diviżjoni ta’ kumpaniji

OJ L 259, 2.10.2009, p. 14–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 17 Volume 001 P. 284 - 291

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2017; Impliċitament imħassar minn 32017L1132

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/109/oj

2.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/14


DIRETTIVA 2009/109/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE, 78/855/KEE u 82/891/KEE, u d-Direttiva 2005/56/KE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-għaqda u d-diviżjoni ta’ kumpaniji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (g) tal-Artikolu 44(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, qabel li l-piżijiet aministrattivi fuq il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu b’25 % sas-sena 2012 biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji fil-Komunità.

(2)

Il-liġi tal-kumpaniji kienet identifikata bħala qasam li jimponi fuq il-kumpaniji ħafna obbligi ta’ informazzjoni, li xi wħud minnhom jidhru skaduti jew eċċessivi. Għalhekk huwa xieraq li dawk l-obbligi ta’ informazzjoni jiġu riveduti u, fejn xieraq, li l-piżijiet amministrattivi li qegħdin itaqqlu l-kumpaniji fil-Komunità jitnaqqsu għall-minimu meħtieġ biex ikunu mħarsa l-interessi tal-persuni interessati l-oħra.

(3)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (3), u tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpaniji b’responsabbiltà pubblika limitata (4), għandu jiġi adottat sabiex jirrifletti t-tibdiliet li saru fil-liġi dwar il-kumpaniji Finlandiża.

(4)

Il-websajts ta’ kumpaniji jew websajts oħrajn, f’xi każijiet, joffru alternattiva oħra għall-pubblikazzjoni permezz tar-reġistri tal-kumpaniji. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jindikaw lil dawk il-websajts l-oħra li l-kumpaniji jistgħu jużaw bla ħlas għal tali pubblikazzjoni, bħal websajts ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali jew kmamar tal-kummerċ jew il-bażi elettronika ċentrali msemmija fl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-kordinazzjoni tas-salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (5). Fejn ikun hemm il-possibbiltà li jintużaw il-websajts ta’ kumpaniji jew websajts oħra għall-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-għaqda u/jew tad-diviżjonijiet ta’ kumpaniji u ta’ dokumenti oħra li jridu jkunu disponibbli għall-azzjonisti u l-kredituri fil-proċess, għandhom ikunu sodisfatti l-garanziji relatati mas-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti.

(5)

Ir-rekwiżiti dwar l-iżvelar tal-abbozz ta’ termini ta’ għaqda f’għaqdiet transkonfinali skont id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata (6) għandhom ikunu simili għal dawk applikabbli għal għaqdiet u diviżjonijiet domestiċi skont id-Direttiva 78/855/KEE u s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażati fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, rigward id-diviżjoni tal-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (7).

(6)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li m’hemmx il-ħtieġa ta’ konformità mar-rekwiżiti estensivi ta’ rappurtar jew informazzjoni relatati mal-għaqda jew id-diviżjoni tal-kumpaniji, stabbiliti fil-Artikolu 9 u fil-punt (c) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 78/855/KEE u fl-Artikolu 7 u fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 82/891/KEE, jekk l-azzjonisti kollha tal-kumpaniji involuti fl-għaqda jew fid-diviżjoni jaqblu li tali konformità tista’ titwarrab.

(7)

Kwalunkwe modifika tad-Direttivi 78/855/KEE u 82/891/KEE li tippermetti dan it-tip ta’ ftehima mill-azzjonisti għandha tkun mingħajr preġudizzju għas-sistemi tal-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpaniji involuti u tar-regoli mmirati li jiżguraw il-forniment tal-informazzjoni neċessarja lill-impjegati ta’ dawk il-kumpaniji u lill-awtoritajiet pubbliċi, bħall-awtoritajiet tat-taxxa, li jkunu qed jikkontrollaw l-għaqda jew id-diviżjoni skont il-liġi Komunitarja eżistenti.

(8)

Mhux neċessarju li jiġi impost ir-rekwiżit li titħejja dikjarazzoni ta’ kontabbilità fejn emmittent li t-titoli tiegħu huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jippubblika rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur, skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emmittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (8).

(9)

Ħafna drabi ma jkunx hemm meħtieġ rapport ta’ espert indipendenti kif previst fid-Direttiva 77/91/KEE fejn rapport ta’ espert indipendenti li jkun iħares l-interessi tal-azzjonisti jew tal-kredituri jkollu jitħejja ukoll fil-kuntest tal-għaqda jew tad-diviżjoni. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà f’tali każijiet li jeżentaw kumpaniji mir-rekwiżit ta’ rappurtar taħt id-Direttiva 77/91/KEE jew li jipprovdu li dawn iż-żewġ rapporti jistgħu jitħejjew mill-istess espert.

(10)

L-għaqdiet bejn kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom għandhom impatt ekonomiku iżgħar fuq l-azzjonisti u l-kredituri meta l-investiment tal-kumpanija prinċipali fis-sussidjarja jkun ta’ 90 % jew aktar mill-ishma u titoli oħra li jagħtu d-dritt għall-vot. L-istess japplika għal ċerti diviżjonijiet, b’mod partikolari meta kumpaniji jinqasmu f’kumpaniji ġodda li huma l-proprjetà tal-azzjonisti bl-istess proporzjon tad-drittijiet li dawn l-azzjonisti kellhom fil-kumpanija li tkun tiġi diviża. F’dawk il-każijiet, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fid-Direttivi 78/855/KEE u 82/891/KEE għandhom għalhekk jiġu mnaqqsa.

(11)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi relatati b’mod partikolari mal-obbligi ta’ pubblikazzjoni u dokumentazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fil-Komunità, ma jistax jintlaħaq b’mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri u jista’, għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(12)

Għalhekk id-Direttivi 77/91/KEE, 78/855/KEE, 82/891/KEE u 2005/56/KEE għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

(13)

Skont il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (9), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasposizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva Nru 77/91/KEE

Id-Direttiva 77/91/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), l-erbatax-il inċiż huwa mibdul b’dan li ġej:

“—

fil-Finlandja: julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag”;

(2)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan l-Artikolu fil-każ li titfassal kumpanija ġdida permezz ta’ għaqda jew diviżjoni meta rapport ta’ espert indipendenti huwa mfassal dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dan l-Artikolu fil-każijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, huma jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport tal-espert indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni jista’ jitfassal mill-istess espert jew esperti.”;

(3)

l-Artikolu 27(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fil-każ ta’ żieda fil-kapital sottoskritt magħmul sabiex tagħti effett lil xi għaqda, diviżjoni jew offerta pubblika għax-xiri jew l-iskambju ta’ ishma u biex jitħallsu l-azzjonisti tal-kumpanija li qiegħda tiġi assorbita jew diviża jew li hija s-suġġett tal-offerta pubblika għax-xiri jew l-iskambju ta’ ishma.

Fil-każ ta’ għaqda jew diviżjoni, madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-ewwel paragrafu biss fejn ikun tħejja rapport ta’ espert indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni.

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2 fil-każ ta’ għaqda jew diviżjoni, huma jistgħu jipprovdu li r-rapport taħt dan l-Artikolu u r-rapport tal-espert indipendenti dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda jew tad-diviżjoni, jitħejjew mill-istess espert jew esperti.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva Nru 78/855/KEE

Id-Direttiva 78/855/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), l-erbatax-il inċiż huwa mibdul b’dan li ġej:

“—

Finlandja: julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag”;

(2)

fl-Artikolu 6, il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“Kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li qed jingħaqdu għandha tkun eżentata mr-rekwiżit tal-pubblikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE jekk, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz ta’ termini tal-għaqda u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tal-għaqda bħal din fuq il-websajt tagħha mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżiti jew restrizzjonijiet minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti, u jistgħu jimponu rekwiżiti jew restrizzjonijiet bħal dawn biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

B’deroga mit-tieni paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-bażi elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE. L-Istati Membri jistgħu b’mod alternattiv jeħtieġu li din il-pubblikazzjoni ssir fuq kwalunkwe websajt oħra magħżula minnhom għal dan il-għan. Meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn waħda minn dawk il-possibilitajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Meta tintuża websajt oħra minbarra l-bażi elettronika ċentrali, referenza li tagħti aċċess għal dik il-websajt għandha tiġi ppubblikata fuq il-bażi elettronika ċentrali mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-għaqda fuq il-websajt u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-Kumpaniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpaniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilità fit-tielet u r-raba’ paragrafu, m’għandhiex taffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpaniji l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-bażi elettronika ċentrali.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpaniji jżommu l-informazzjoni għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fil-websajt tagħhom jew, fejn ikun applikabbli, fil-bażi elettronika ċentrali jew il-websajt l-ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja tal-aċċess għall-websajt jew għall-bażi elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.”;

(3)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.”;

(4)

l-Artikolu 9 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpaniji li qegħdin jinagħaqdu għandhom ifasslu rapport dettaljat bil-miktub li jispjega l-abbozz tat-termini tal-għaqda u jagħti r-raġunijiet legali u ekonomiċi tagħhom, b’ mod partikolari l-proporzjon tal-bdil tal-ishma.

Dak ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta’ valutazzjoni li jkunu nqalgħu.

2.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpaniji involuti għandhom jinfurmaw lil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija tagħhom u lill-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpaniji l-oħra involuti biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinfurmaw il-laqgħat ġenerali rispettivi tagħhom b’kwalunkwe bidla materjali fl-attiv u l-passiv bejn id-data ta’ preparazzjoni tal-abbozz ta’ termini tal-għaqda u d-data tal-laqgħat ġenerali li għandhom jiddeċiedu l-abbozz ta’ termini tal-għaqda.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rapport msemmi fil-paragrafu 1 u/jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull kumpanija involuta fl-għaqda hekk ftiehmu.”

(5)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

fejn hu applikabbli, dikjarazzjoni ta’ kontijiet mfassla f’data li ma tistax tkun aktar kmieni mill-ewwel jum tat-tielet xahar li jippreċedi d-data tal-abbozz tat-termini tal-għaqda, jekk l-aħħar kontijiet annwali jirrelataw għal sena finanzjarja li tkun intemmet aktar minn sitt xhur qabel dik id-data;

(d)

fejn hu applikabbli, ir-rapporti tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpaniji li qegħdin jingħaqdu previsti fl-Artikolu 9;”;

(ii)

is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-fini ta’ punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-kumpanija tippubblika rapport finanzjarju ta’ kull sitt xhur skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE u tagħmlu disponibbli għall-azzjonijsti b’konformità ma’ dan il-paragrafu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull waħda mill-kumpaniji involuti fl-għaqda jkunu hekk ftiehmu.”;

(b)

fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Fejn azzjonista jkun ta l-kunsens tiegħu li tħalli lill-kumpanija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, tali kopji ta’ din l-informazzjoni jistgħu jiġu fornuti permezz tal-posta elettronika.”;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“4.   Kumpanija għandha tkun eżentata mill-ħtieġa li tagħmel id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 disponibbli fl-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-għaqda u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tagħha. L-Istati Membri m’għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għall-ebda rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun assigurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Il-paragrafu 3 m’għandux japplika kemm-il darba l-websajt joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltà, matul il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jniżżlu elettronikament u jistampaw id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Madankollu, f’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija għandha tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli fl-uffiċċju reġistrat tagħha biex jiġu kkonsultati mill-azzjonisti.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpaniji jżommu l-informazzjoni fil-websajt tagħhom għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja ta’ aċċess għall-websajt ikkawżata minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.”;

(6)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għal dak il-għan, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jipprevedu li dawn il-kredituri għandhom ikunu intitolati jiksbu salvagwardji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji li qegħdin jingħaqdu tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m’għandhomx diġà dawn is-salvagwardji.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni prevista fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jkunu awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba fl-għaqda qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom u li ma nkisbu ebda salvagwardji adegwati mill-kumpanija.”;

(7)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(8)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Operazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II.”;

(b)

is-sentenza li ġejja hija mdaħħla:

“Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(2), l-Artikoli 9 u 10, il-punti (d) u (e) tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikoli 20 u 21.”;

(9)

l-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri m’għandhomx japplikaw l-Artikolu 7 għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjoniet li ġejjin:”;

(b)

fil-punt (b), it-tieni sentenza hija mħassra;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.”;

(10)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fejn issir għaqda b’akkwist minn kumpanija li jkollha 90 % jew aktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra li jagtħu d-dritt għall-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpanija jew kumpaniji akkwistati, l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu l-approvazzjoni tal-għaqda mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwerenti jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tal-anqas xahar qabel id-data speċifikata fil-punt (a), l-azzjonisti kollha tal-kumpanija akkwerenti jridu jkunu intitolati li jispezzjonaw id-dokumenti speċifikati fil-punti (a), (b) u, fejn hu applikabbli, (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija;”;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.”;

(11)

l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 fil-każ ta’ għaqda fit-tifsira tal-Artikolu 27 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

fil-punt (c), il-kliem li ġejjin huma miżjuda:

“jew minn awtorità amministrattiva maħtura mill-Istat Membru għal dak il-għan.”;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Stat Membru m’għandux għalfejn japplika l-ewwel paragrafu jekk il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru jintitolaw lill-kumpanija akkwerenti, mingħajr offerta preċedenti ta’ akkwiżizzjoni pubblika, li teħtieġ li d-detenturi kollha tal-bqija tat-titoli tal-kumpanija jew kumpaniji li se jkunu akkwistati jbigħulha dawk it-titoli qabel l-għaqda bi prezz ġust.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 82/891/KEE

Id-Direttiva 82/891/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“Kwalnukwe waħda mill-kumpaniji involuti fid-diviżjoni għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE jekk, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-ġurnata stabbilita għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni fil-websajt tagħha mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżiti jew restrizzjonijiet minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonali sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

B’deroga mit-tieni paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE. L-Istati Membri jistgħu alternattivament jeħtieġu li tali pubblikazzjoni ssir fuq kwalunkwe websajt ieħor magħżul minnhom għal dan il-għan. Fejn l-Istati Membri jagħmlu użu minn waħda minn dawk il-possibilitajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Fejn jintuża websajt ieħor li ma jkunx il-pjattaforma elettronika ċentrali, referenza li tagħti aċċess għal dak il-websajt tal-Internet għandha tiġi ppubblikata fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali tal-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni fuq il-websajt u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-Kumpaniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpaniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilita fit-tielet u r-raba’ paragrafu, m’għandhiex taffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpaniji l-ispejjeż rigward il-pjattaforma elettronika ċentrali.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-kumpaniji li jżommu l-informazzjoni għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fuq il-websajt tagħhom jew, fejn applikabbli, fil-pjattaforma elettronika ċentrali jew fuq il-websajt ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporanja ta’ aċċess għall-websajt jew għall-pjattaforma elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.”;

(2)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 9(2), (3) u (4) għandhom japplikaw.”;

(3)

fl-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn applikabbli, għandu juri l-preparazzjoni tar-rapport dwar il-konsiderazzjoni għajr dik fi flus kif imsemmi fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/91/KEE għal kumpaniji reċipjenti u r-reġistru fejn dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat.”;

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa mħassar.

(5)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

fejn ikun applikabbli, dikjarazzjoni ta’ kontijiet imfassla f’data li ma tistax tkun aktar kmieni mill-ewwel jum tat-tielet xahar li jippreċedi d-data tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni, jekk l-aħħar kontijiet annwali jirrelataw għal sena finanzjarja li tkun intemmet aktar minn sitt xhur qabel dik id-data;

(d)

fejn ikun applikabbli, ir-rapporti tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpaniji involuti fid-diviżjoni previsti fl-Artikolu 7(1);”;

(ii)

is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-fini ta’ punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dikjarazzjoni tal-kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-kumpanija tippubblika rapport finazjarju ta’ kull sitt xhur, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE u tagħmlu disponibbli għall-azzjonisti b’konformità ma’ dan il-paragrafu.”;

(b)

fil-paragrafu 3 is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Fejn azzjonista jkun ta l-kunsens tiegħu li tħalli l-kumpanija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, kopji jistgħu jiġu fornuti permezz tal-posta elettronika.”;

(c)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“4.   Kumpanija għandha tkun eżentata mir-rekwiżiti li d-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 isiru disponibbli fl-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għall perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda tal-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni u li ma jintemmx qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tagħha. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal rekwiżiti jew restrizzjonijiet minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti, u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonali sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Il-paragrafu 3 m’għandux japplika kemm-il darba l-websajt joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltà, matul il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jniżżlu elettronikament u jistampaw id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Madankollu, f’dak il-każ l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija għandha tagħmel dawk id-dokumenti disponibbli fl-uffiċċju reġistrat tagħha għall-konsultazzjoni mill-azzjonisti.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpaniji jżommu fuq il-websajt tagħhom l-informazzjoni għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporanja tal-aċċess għall-websajt ikkawżata minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.”;

(6)

il-paragrafu 2 tal-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għal dak il-għan, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jipprevedu li dawn il-kredituri għandhom ikunu intitolati jiksbu salvagwardji adegwati meta l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża u dik tal-kumpanija li lilha ser tkun trasferita l-obbligazzjoni skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni jagħmlu din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri ma jkollhomx diġà dawn is-salvagwardji.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni prevista fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jkunu awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba fid-diviżjoni qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom u li ma nkisbu ebda salvagwardji adegwati mill-kumpanija.”;

(7)

l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Bla ħsara ghall-Artikolu 6, L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu l-approvazzjoni tad-diviżjoni mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li qed tiġi diviża kemm-il darba l-kumpaniji reċipjenti flimkien iżommu l-ishma kollha tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża u t-titoli l-oħra kollha li jagħtu d-dritt tal-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpanija li qiegħda tinfired, u jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

fil-punt (b) it-tieni sentenza tħassret;

(c)

il-punt (c) huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 għandhom japplikaw.”;

(8)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 u fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 9(1) meta l-ishma f’ kull waħda mill-kumpaniji l-ġodda huma allokati lill-azzjonisti tal-kumpanija li qiegħda tiġi diviża proporzjonatament għad-drittijiet tagħhom fil-kapital ta’ dik il-kumpanija.”.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 2005/56/KE

Id-Direttiva 2005/56/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6 (1), i s-subparagrafi li ġejjin huma miżjuda:

“Kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li qed jingħaqdu għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tal-publikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE jekk, għal-perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini komuni tal-għaqda transkonfinali u li tispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini komuni ta’ din l-għaqda fuq il-websajt tagħha, mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għall-ebda rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-pjattaforma elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KE. L-Istati Membri jistgħu alternattivament jitolbu li din il-pubblikazzjoni ssir fuq xi websajt ieħor magħżul minnhom għal dan il-għan. Fejn Stati Membri jagħmel użu minn waħda minn dawk il-possibbiltajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Fejn tkun użata websajt li mhijiex il-pjattaforma elettronika ċentrali, għandha tiġi ppubblikata referenza li tagħti aċċess għal dak il-websajt fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-għaqda transkonfinali fuq il-websajt u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-kumpaniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpaniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilita fit-tielet u r-raba’ paragrafu, m’għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpaniji l-ispejjeż rigward il-pjattaforma elettronika ċentrali.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-Kumpaniji li jżommu l-informazzjoni għal perijodu ta’ żmien speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fuq il-websajt tagħhom jew, fejn applikabbli, fil-pjattaforma elettronika ċentrali jew fuq xi websajt ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja ta’ aċċess għall-websajt jew għall-pjattaforma elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.”;

(2)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn issir għaqda b’akkwist transkonfinali minn kumpanija li jkollha 90 % jew aktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra li jagħtu d-dritt għall-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpanija jew kumpaniji akkwistati, rapporti minn espert jew esperti indipendenti u d-dokumenti meħtieġa għall-iskrutinju għandhom ikunu meħtieġa biss safejn dik il-liġi nazzjonali li tirregola jew il-kumpanija akkwirenti jew il kumpaniji jew il-kumpanniji li qed jiġu akkwistati hekk jeħtieġu, b’konformità mad-Direttiva 78/855/KEE.”.

Artikolu 5

Reviżjoni

Ħames snin wara d-data stabbilita fl-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/91/KEE, 78/855/KEE, 82/891/KEE u 2005/56/KE li huma emendati jew miżjuda b’din id-Direttiva, u b’mod partikolari l-effetti tagħhom fuq it-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi fuq kumpaniji, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat jekk ikun meħtieġ minn proposti għal aktar emendi ta’ dawk id-direttivi.

Artikolu 6

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2011. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni, bit-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  L-Opinjoni tal-25 ta’ Frar 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

(4)  ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.

(5)  ĠU L 65, 25.11.2005, p. 8.

(6)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

(8)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(9)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top