Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0107

Direttiva 2009/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali fir-rigward tal-estensjoni ta’ ċerti perjodi ta’ żmien (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 262, 6.10.2009, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 065 P. 131 - 133

No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/107/oj

6.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/40


DIRETTIVA 2009/107/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

li temenda d-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali fir-rigward tal-estensjoni ta’ ċerti perjodi ta’ żmien

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura kif stabilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 98/8/KE (3) jipprovdi għal perjodu tranżizzjonali ta’ 10 snin, li jibda mill-14 ta’ Mejju 2000, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva, u li fih l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli jew prattiċi nazzjonali tagħhom għat-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq, u b’mod partikolari, jistgħu jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali li jkun fihom sustanzi attivi u li għadhom mhumiex inklużi fil-lista pożittiva ta’ dik id-Direttiva, jiġifieri, fl-Annessi I, IA jew IB għaliha.

(2)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE jistabbilixxi programm ta’ ħidma ta’ 10 snin, li jibda wkoll mill-14 ta’ Mejju 2000 ukoll, u li matulu s-sustanzi attivi kollha li huma inklużi fi prodotti bijoċidali li kienu fis-suq minn qabel dik id-data iridu jiġu eżaminati b’mod sistematiku u, jekk jirriżultaw aċċettabbli mil-lat tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mil-lat tal-ambjent, dawn iridu jiġu inklużi fil-lista pożittiva stabbilita f’dik id-Direttiva.

(3)

Il-paragrafi 1(c)(i) u 2(c)(i) tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/8/KE jipprovdu għall-protezzjoni tal-informazzjoni kollha li tingħata għall-iskopijiet ta’ dik id-Direttiva għal perjodu ta’ 10 snin, li jibda’ wkoll mill-14 ta’ Mejju 2000 ukoll, għajr jekk f’xi Stat Membru partikolari jkun ingħata perjodu ta’ protezzjoni iqsar, f’liema każ, dak il-perijodu ta’ protezzjoni iqas japplika fit-territorju tiegħu. Din il-protezzjoni tikkonċerna biss l-informazzjoni li tingħata biex tissostanzja l-inklużjoni, fil-lista pożittiva stabbilita fid-Direttiva 98/8/KE, ta’ sustanzi attivi li jintużaw fi prodotti bijoċidali li kienu fis-suq minn qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 98/8/KE(is-sustanzi attivi “eżistenti”).

(4)

Hekk kif sustanza attiva eżistenti tkun ġiet evalwata u inkluża fil-lista pożittiva stabbilita fid-Direttiva 98/8/KE, is-suq tagħha jitqies li ġie armonizzat, u r-regoli tranżitorji għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom dik is-sustanza attiva jinbidlu bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE, il-Kummissjoni ressqet rapport dwar il-progress li nkiseb fil-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin, sentejn qabel it-tlestija tiegħu. Skont il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport huwa mistenni li sal-14 ta’ Mejju 2010, ir-reviżjoni ta’ għadd sostanzjali ta’ sustanzi attivi tkun għadha ma tlestietx. Barra minn hekk, anke għas-sustanzi attivi li għalihom, sal-14 ta’ Mejju 2010, tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar l-inklużjoni tagħhom fil-lista pożittiva stabbilita fid-Direttiva 98/8/KE, l-Istati Membri jeħtieġu perjodu ta’ żmien suffiċjenti biex jittrasponu l-atti rilevanti u biex jagħtu, jikkanċellaw jew jimmodifikaw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti rilevanti, sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet armonizzati tad-Direttiva 98/8/KE. Hemm possibbiltà kbira li, hekk kif jintemm il-perjodu tranżizzjonali fl-14 ta’ Mejju 2010, ir-regoli nazzjonali ma jibqgħux applikabbli, filwaqt li r-regoli armonizzati rilevanti jkunu għadhom ma ġewx adottati. Għaldaqstant, l-estensjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin hija meqjusa bħala neċessarja sabiex tkun tista’ titlesta r-reviżjoni tas-sustanzi attivi kollha nnotifikati għall-evalwazzjoni.

(6)

Jeħtieġ ukoll li t-tmiem tal-programm tar-reviżjoni jikkoinċidi ma’ dak tal-perjodu tranżizzjonali, b’tali mod li s-sistemi jew prattiċi nazzjonali jkunu jistgħu jirregolaw it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq, saż-żmien li fih dawn ir-regoli u prattiċi jiġu mibdulin bid-dispożizzjonijiet armonizzati.

(7)

Barra minn hekk, biex ikun hemm aktar konsistenza u biex tinżamm il-protezzjoni tad-dejta waqt l-evalwazzjoni ta’ ċerti sustanzi attivi, il-perijodu ta’ protezzjoni tad-dejta mressqa għall-iskopijiet tad-Direttiva 98/8/KE għandha tiġi estiża biex tikkoinċidi mat-tmiem tal-programm tar-reviżjoni,

(8)

L-estensjoni proposta tal-programm tar-reviżjoni għandha mnejn ma tkunx biżżejjed biex titlesta l-evalwazzjoni ta’ għadd ta’ sustanzi attivi. Min-naħa l-oħra, jekk tingħata estensjoni sinifikament itwal, dan jista’ jmur kontra ż-żieda fl-isforzi biex il-programm tar-reviżjoni jitlesta fiż-żmien xieraq. Kull estensjoni tal-programm tar-reviżjoni u tal-perjodu tranżizzjonali korrispondenti għal kull sustanza attiva li jifdal wara l-14 ta’ Mejju 2014 għandha tkun limitata għal massimu ta’ sentejn u għandha sseħħ biss jekk ikun hemm indikazzjonijiet ċari li l-att legali li għandu jieħu post id-Direttiva 98/8/KE mhuwiex se jidħol fis-seħħ qabel l-14 ta’ Mejju 2014.

(9)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE għandhom ikunu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(10)

B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex testendi l-perjodu tar-reviżjoni u l-perjodu tranżizzjonali korrispondenti għal dawk is-sustanzi attivi li jkun fadal għal mhux aktar minn sentejn. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 98/8/KE, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(11)

B’konformità mal-punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta’ liġijiet (5), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru, safejn possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, kif ukoll li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 98/8/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1(c)(i) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(i)

sal-14 ta’ Mejju 2014 għal kwalunkwe informazzjoni li tingħata għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għajr għal meta t-tali informazzjoni tkun diġà protetta permezz tar-regoli nazzjonali eżistenti li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali. F’dawn il-każijiet, l-informazzjoni għandha tibqa’ tiġi protetta f’dak l-Istat Membru sat-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu li jkun fadal għall-protezzjoni tad-dejta kif previst mir-regoli nazzjonali, iżda mhux wara l-14 ta’ Mejju 2014 jew, jekk applikabbli, mhux wara d-data sa meta ġie estiż il-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 16(1) b’konformità mal-Artikolu 16(2);”;

(b)

il-paragrafu 2(c) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(i)

sal-14 ta’ Mejju 2014 għal kwalunkwe informazzjoni li tingħata għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għajr għal meta d-dejta tkun diġà protetta permezz tar-regoli nazzjonali eżistenti li jirrigwardaw il-prodotti bijoċidali, f’liema każ it-tali dejta għandha tibqa’ tiġi protetta f’dak l-Istat Membru sat-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu li jkun fadal għall-protezzjoni tad-dejta kif previst mir-regoli nazzjonali, iżda mhux wara l-14 ta’ Mejju 2014 jew, jekk applikabbli, mhux wara d-data sa meta ġie estiż il-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 16(1) b’konformità mal-Artikolu 16(2),”;

(2)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   B’deroga oħra mill-Artikoli 3(1), 5(1), 8(2) u 8(4), u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’, sal-14 ta’ Mejju 2014, ikompli japplika s-sistema jew il-prattika attwali tiegħu li jqiegħed fis-suq il-prodotti bijoċidali. Jekk deċiżjoni sabiex sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew IA tistabbilixxi data iktar tard mill-14 ta’ Mejju 2014 għall-konformità mal-Artikolu 16(3), din id-deroga għandha tibqa’ tapplika għall-prodotti li fihom dik is-sustanza attiva sad-data stabbilita fid-deċiżjoni. Stat Membru jista’, b’mod partikolari, skont r-regoli nazzjonali tiegħu, jawtorizza t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu prodott bijoċidali li jkun fih sustanzi attivi li mhux elenkati fl-Annessi I jew IA għal dan it-tip ta’ prodott. Dawn is-sustanzi attivi jridu jkunu fis-suq fid-data riferita fl-Artikolu 34(1) bħala sustanzi attivi ta’ prodott bijoċidali għal finijiet oħra għajr dawk iddefiniti fl-Artikolu 2(2)(c) u (d).”

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibda programm ta’ ħidma ta’ 14-il sena għall-eżaminazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi kollha li diġà qegħdin fis-suq fid-data msemmija fl-Artikolu 34(1) bħala sustanzi attivi ta’ prodott bijoċidali għal skopijiet oħra differenti minn dawk definiti fl-Artikolu 2(2)(c) u (d). Regolamenti għandhom jipprovdu għat-twaqqif u għall-implimentazzjoni tal-programm inkluż l-istabbiliment tal-prijoritajiet għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi differenti u ta’ skeda ta’ żmien. Dawk ir-regolamenti, imfasslin sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Mhux aktar tard minn sentejn qabel it-tlestija tal-programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-progress miksub permezz tal-programm. Skont ma jkunu l-konklużjonijiet tar-rapport, jista’ jiġi deċiż, li l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-ewwel paragrafu u l-perjodu tal-14-il sena tal-programm ta’ ħidma jkunu estiżi għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn. Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandha tkun adottata b’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4).”;

(ii)

fit-tieni subparagrafu il-kliem “Matul dan il-perjodu ta’ żmien ta’ 10 snin” huma mibdula bil-kliem “Matul dan il-perjodu ta’ 14-il sena”.

Artikolu 2

It-traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-14 ta’ Mejju 2010. Huma għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kumissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 75.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew, tal-24 Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top