EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0070

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/70/KE tal- 25 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tad-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala sustanzi attivi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 164, 26.6.2009, p. 59–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/70/oj

26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/59


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/70/KE

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tad-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi d-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit.

(2)

Għal dawk is-sustanzi attivi l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skont id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 1112/2002 u (KE) Nru 2229/2004 għal ġabra ta’ użi proposti min-notifikanti. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri Relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (EFSA) skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Għad-difenacoum, l-Istat Membru relatur kienet il-Finlandja u kull informazzjoni rilevanti ġiet ippreżentata fis-16 ta’ Lulju 2007. Għad-didecyldimethylammonium chloride, l-Istat Membru relatur kienet l-Olanda u t-tagħrif kollu rilevanti tressaq fit-28 ta’ Novembru 2007. Għall-kubrit, l-Istat Membru relatur kienet Franza u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fit-18 ta’ Ottubru 2007.

(3)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni ġew riveduti f’kollaborazzjoni, mill-Istati Membri u mill-EFSA u ġew ppreżentati lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2008 fil-format tar-Rapport Xjentifiku EFSA għad-difenacoum (4), għad-didecyldimethylammonium chloride (5) u għall-kubrit (6). Dawn ir-rapporti ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fis-26 ta’ Frar 2009 fil-format ta’ rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għad-difenacoum, u fit-12 ta’ Marzu 2009 għad-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit.

(4)

Mill-eżamijiet varji li saru, deher li jista’ jiġi mistenni li l-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit, jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li dawn is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(5)

Bla ħsara għal dik il-konklużjoni, huwa xieraq li jinkiseb iktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għal xi kundizzjonijiet. Għalhekk, għad-difenacoum, jixraq li n-notifikant ikun obbligat jibgħat iktar informazzjoni dwar il-metodi għad-determinazzjoni tar-residwi fil-fluwidi tal-ġisem u dwar l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva kif immanifatturata. Barra minn hekk, għad-didecyldimethylammonium chloride jixraq li n-notifikant jiġi obbligat jibgħat iktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni kimika u dwar l-evalwazzjoni tar-riskju għall-organiżmi akkwatiċi. Fl-aħħar nett, jixraq li għall-kubrit in-notifikant jiġi obbligat jibgħat iktar informazzjoni biex jikkonferma l-evalwazzjoni tar-riskju għal organiżmi mhux fil-mira, partikolarment għasafar, mammali, organiżmi li jgħixu fis-sediment u artropodi mhux fil-mira.

(6)

Għandu jgħaddi perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jingħatalhom iż-żmien iħejju ruħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Mingħajr ħsara għall-obbligi ddefiniti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet attwali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, skont kif ikun xieraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. Permezz ta’ deroga mill-iskadenza stabbilita hawn fuq, għandu jingħata perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-fajl komplut tal-Anness III ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi eżaminati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti fir-rigward tal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni jkun jista’ juri li għandu aċċess għall-fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ din id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix xi obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sal-lum li jemendaw l-Anness I.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Direttiva 91/414/KEE skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala sustanzi attivi sat-30 ta’ Ġunju 2010.

Sa dik id-data huma għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li l-kundizzjonijiet fl-Anness I għal dik id-Direttiva dwar id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit jiġu ssodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tirrigwarda dik is-sustanza attiva, u li d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet ikollhom, jew ikollhom aċċess għal, fajls li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness II għal dik id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kemm huma ġew elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u l-kunsiderazzjoni tal-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I tat-tali Direttiva dwar id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala l-unika sustanza attiva, fejn ikun hemm bżonn, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih id-difenacoum, id-didecyldimethylammonium chloride u l-kubrit bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn ikun meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2014 jew sad-data ffissata għal tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li inkludew is-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skont liema waħda minnhom seħħet l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

(3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(4)  Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 218, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva“difenacoum” (iffinalizzat fid-19 ta’ Diċembru 2008).

(5)  Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 214, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva“didecyldimethylammonium chloride” (iffinalizzat fid-19 ta’ Diċembru 2008).

(6)  Ir-Rapport Xjentifiku EFSA (2008) 221, Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva“kubrit” (iffinalizzat fid-19 ta’ Diċembru 2008).


ANNESS

It-tabella li ġejja għandha tiżdied fit-tarf tat-tabella tal-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“295

Difenacoum

Nru CAS 56073-07-5

Nru CIPAC 514

3-[(1RS,3RS;1RS,3SR)-3-biphenyl-4-yl-1,2,3,4-tetrahydro-1-naphthyl]-4-hydroxycoumarin

≥ 905 g/kg

L-1 ta’ Jannar 2010

It-30 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

Huma awtorizzati biss l-użi biss bħala rodentiċida fl-għamla ta’ lixka preparata minn qabel f’nases mibnija apposta, reżistenti għat-tbagħbis u sikuri.

Il-konċentrazzjoni nominali tas-sustanza attiva fil-prodotti ma għandhiex taqbeż il-50 g/kg.

L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu limitati għal utenti professjonali.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-difenacoum, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-26 ta’ Frar 2009. F’din l-evalwazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-għasafar u mammali mhux fil-mira minn ivvelenar primarju u sekondarju. Miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju għandhom ikunu applikati fejn ikun xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta aktar informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-metodi għad-determinazzjoni tar-residwi tad-difenacoum fil-fluwidi tal-ġisem.

Għandhom jiżguraw li n-notifikant jipprovdi l-Kummissjoni b’din l-informazzjoni sat-30 ta’ Novembru 2011.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni aktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva kif immanifatturata.

Għandhom jiżguraw li n-notifikant jipprovdi lill-Kummissjoni b’din l-informazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009.

296

Didecyldimethylammonium chloride

CAS: mhux assenjat

CIPAC: mhux assenjat

Didecyldimethylammonium chloride huwa taħlita ta’ alkyl-quaternary ammonium salts b’katini alkili ta’ tul tipiku ta’ C8, C10 u C12, b’iktar minn 90 % ta’ C10

≥ 70 % (Konċentrat tekniku)

L-1 ta’ Jannar 2010

Il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

Jista’ jkun awtorizzat biss l-użu intern għall-pjanti ornamentali bħala batteriċida, funġiċida, erbiċida u algeċida.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-didecyldimethylammonium chloride, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-12 ta’ Marzu 2009.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

lill-ħarsien tas-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema. Kundizzjonijiet awtorizzati tal-użu għandhom jippreskrivu l-applikazzjoni ta’ tagħmir protettiv personali xieraq u miżuri għat-tnaqqis tar-riskju sabiex titnaqqas l-espożizzjoni;

lill-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju, fejn ikun xieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva kif immanifatturata sal-1 ta’ Jannar 2010 u dwar ir-riskju lill-organiżmi akkwatiċi sal-31 ta’ Diċembru 2011.

297

Kubrit

Nru CAS 7704-34-9

Nru CIPAC 18

Kubrit

≥ 990 g/kg

L-1 ta’ Jannar 2010

Il-31 ta’ Diċembru 2019

PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala funġiċida u akariċida.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-kubrit, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-12 ta’ Marzu 2009.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti:

għall-protezzjoni ta’ għasafar, mammali, organiżmi akkwatiċi, u artropodi mhux fil-mira. Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju, fejn ikunxieraq.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni biex tikkonferma l-evalwazzjoni tar-riskju għall-għasafar, il-mammali, l-organiżmi li jgħixu fis-sediment u l-artropodi mhux fil-mira. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant, li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-kubrit f’dan l-Anness, jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni qabel it-30 ta’ Ġunju 2011.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.


Top