EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0017

Direttiva 2009/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 131, 28.5.2009, p. 101–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 014 P. 127 - 139

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/17/oj

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/101


DIRETTIVA 2009/17/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

li temenda d-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fit-3 ta’ Frar 2009,

Billi:

(1)

Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Unjoni Ewropea saħħet il-kapaċità tagħha għall-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li huma ta’ theddida għas-sigurtà tal-ħajja tal-bniedem fil-baħar u għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

(2)

Ladarba din id-Direttiva tikkonċerna l-emenda tad-Direttiva 2002/59/KE, il-biċċa l-kbira tal-obbligi li jinsabu fiha mhux ser ikunu applikabbli għall-Istati Membri mingħajr xtut tal-baħar u portijiet tal-baħar. Konsegwentement, l-uniċi obbligi li ser ikunu applikabbli għall-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Lussemburgu jew is-Slovakkja huma dawk l-obbligi li jikkonċernaw vapuri li jtajru l-bandiera ta’ dawk l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri biex jiżguraw kontinwità bejn servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ traffiku marittimu u ta’ traffiku modali ieħor, b'mod partikolari servizzi ta’ informazzjoni dwar ix-xmajjar.

(3)

Taħt din id-Direttiva, l-Istati Membri li huma, Stati kostali għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni, li jiġbru matul missjonijiet ta’ monitoraġġ tat-traffiku marittimu, li huma jwettqu fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Is-sistema Komunitarja msejħa “SafeSeaNet” għall-iskambju ta’ informazzjoni, żviluppata mill-Kummissjoni bi qbil ma’ l-Istati Membri, tinkludi min-naħa l-waħda, network ta’ skambju ta’ data u, min-naħa l-oħra, standardizzazzjoni tal-informazzjoni ewlenija disponibbli dwar vapuri u t-tagħbija tagħhom (preavviż u rappurtar). Din b'hekk tippermetti li tkun lokalizzata f'ras il-għajn u li tkun ikkomunikata lil kwalunkwe awtorità informazzjoni preċiża u aġġornata dwar vapuri f'ibħra Ewropej, il-movimenti tagħhom u t-tagħbijiet perikolużi jew li jniġġsu tagħhom, kif ukoll dwar inċidenti fil-baħar.

(4)

Għaldaqstant, sabiex ikun garantit l-użu operattiv tal-informazzjoni miġbura b'dan il-mod, huwa essenzjali li l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir u l-iskambju tad-data msemmija f'din id-Direttiva u implimentata mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tkun integrata fis-SafeSeaNet.

(5)

Fost l-informazzjoni notifikata u skambjata taħt id-Direttiva 2002/59/KE, dik li tikkonċerna l-karatteristiċi preċiżi ta’ merkanzija perikoluża jew li tniġġes trasportata bil-baħar hija partikolarment importanti. Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ inċidenti marittimi riċenti, l-awtoritajiet kostali għandhom ikunu permessi aċċess aktar faċli għall-karatteristiċi tal-idrokarburi li jkunu qed jiġu trasportati bil-baħar, fattur essenzjali fl-għażla tal-aktar teknika ta’ kontroll adatta, u, f'emerġenza, għandhom ikunu provduti b'kuntatt dirett ma’ dawk l-operaturi li għandhom l-aħjar għarfien tal-merkanzija trasportata.

(6)

Is-sistemi awtomatiċi tal-identifikazzjoni tal-vapuri (AIS – Sistema Awtomatika ta’ Identifikazzjoni) imsemmija fil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta’ Novembru 1974 (“il-Konvenzjoni SOLAS”) jippermettu mhux biss li jiġu mtejba l-possibbiltajiet tal-monitoraġġ ta’ dawn il-vapuri, iżda fuq kollox li jsiru aktar siguri f'sitwazzjonijiet ta’ tbaħħir fil-qrib. Għaldaqstant l-AIS ġew integrati fid-dispożizzjonijiet normattivi tad-Direttiva 2002/59/KE. Meta jitqies in-numru kbir ta’ ħabtiet li jinvolvu l-bastimenti tas-sajd li b'mod evidenti l-vapuri kummerċjali ma jkunux rawhom jew li huma ma jkunux raw il-vapuri kummerċjali madwarhom, l-estensjoni ta’ dik il-miżura għal bastimenti tas-sajd itwal minn 15-il metru hija mixtieqa ħafna. Fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd, tista' tingħata assistenza finanzjarja għat-twaħħil abbord tal-bastimenti tas-sajd ta’ tagħmir ta’ sikurezza bħall-AIS. L-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) irrikonoxxiet li l-pubblikazzjoni għal skopijiet kummerċjali fuq l-internet jew x'imkien ieħor ta’ data AIS trażmessa minn bastimenti tista' tkun ta’ detriment għas-sikurezza u s-sigurtà ta’ bastimenti u ta’ faċilitajiet tal-portijiet u ħeġġet lill-gvernijiet membri tagħha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali tagħhom, biex jiskoraġġixxu lil dawk li jqiegħdu data AIS għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn biex jippubblikawha fuq l-internet, jew x'imkien ieħor, milli jagħmlu dan. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut lill-Istati Membri taħt din id-Direttiva u l-Istati Membri għandhom jużaw dak it-tagħrif konformement ma’ din id-Direttiva.

(7)

L-obbligu tat-twaħħil ta’ AIS għandu jinftiehem ukoll li jinħtieġ li AIS tinżamm operattiva f'kull ħin ħlief fejn regoli jew standards internazzjonali jipprevedu l-protezzjoni ta’ informazzjoni dwar in-navigazzjoni.

(8)

Stat Membru, fuq talba tiegħu, għandu jkun intitolat li jitlob tagħrif minn Stat Membru ieħor rigward xi vapur u l-oġġetti perikolużi jew niġġiesa li jkunu qed jinġarru minnu. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli permezz tas-SafeSeaNet u għandu jintalab biss għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima jew ta’ sigurtà marittima jew ta’ protezzjoni tal-ambjent marittimu. Huwa għaldaqstant essenzjali li l-Kummissjoni tinvestiga problemi possibbli tas-sigurtà tan-networks u tal-informazzjoni.

(9)

Id-Direttiva 2002/59/KE tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri speċjali fir-rigward ta’ vapuri li huma ta’ perikolu potenzjali minħabba l-aġir jew il-kondizzjoni tagħhom. Għalhekk jidher mixtieq li mal-lista ta’ dawn il-vapuri jiżdiedu dawk li m'għandhomx kopertura ta’ assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji sodisfaċenti jew li ġew irrappurtati minn piloti jew awtoritajiet tal-port bħala li għandhom anomaliji li jidhru li jistgħu jippreġudikaw it-tbaħħir sigur tagħhom jew joħolqu riskju għall-ambjent.

(10)

Taħt id-Direttiva 2002/59/KE jidher li huwa meħtieġ, relattivament għalr-riskji maħluqa minn temp eċċezzjonalment ħażin, li jittieħed kont tal-perikolu potenzjali għat-tbaħħir mill-formazzjoni ta’ silġ. Għalhekk, meta awtorità kompetenti maħtura minn Stat Membru tikkunsidra, abbażi ta’ previżjonijiet dwar silġ provduti minn servizz kwalifikat ta’ tagħrif metereoloġiku, li l-kondizzjonijiet tat-tbaħħir qed joħolqu theddida serja għas-sikurezza tal-ħajja tal-bniedem jew theddida serja ta’ tniġġis, hija għandha tavża b'dan lill-kaptani tal-vapuri preżenti fiż-żona ta’ kompetenza tagħha jew li jkunu bi ħsiebhom jidħlu jew joħorġu fil-/mill-port jew portijiet fiż-żona konċernata. L-awtorità konċernata għandha tkun tista' tieħu l-passi xierqa biex tiżgura s-sikurezzża tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar u l-protezzjoni tal-ambjent. L-Istati Membri għandhom ikollhom ukoll il-possibbiltà li jivverifikaw li d-dokumentazzjoni meħtieġa abbord tagħti prova li l-vapur jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ saħħa u qawwa li jkunu fi proporzjon mas-sitwazzjoni tas-silġ fiż-żona konċernata.

(11)

Id-Direttiva 2002/59/KE tipprevedi li l-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet biex jakkomodaw, jekk is-sitwazzjoni hekk teħtieġ, lil vapuri fil-periklu fil-portijiet tagħhom jew fi kwalunkwe post protett ieħor fl-aħjar kondizzjonijiet possibbli, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ inċidenti fuq il-baħar. Madankollu, b'kont meħud tal-Linji Gwida dwar Postijiet ta’ Kenn għall-Vapuri li jeħtieġu Assistenza annessi mar-Riżoluzzjoni A. 949(23) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tat-13 ta’ Diċembru 2003 (ir-“Riżoluzzjoni A. 949(23) tal-IMO”), li ġew adottati sussegwentament għad-Direttiva 2002/59/KE u li jirriferu għal vapuri li jeħtieġu assistenza, u mhux għal vapuri fil-periklu, dik id-Direttiva għandha tiġi emendata kif ikun jeħtieġ il-każ. Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli applikabbli għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ bħal dawk stipulati mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ Marittimu, meta s-sikurezza tal-ħajja tal-bniedem tkun fil-periklu.

(12)

Sabiex ikun hemm dispożizzjonijiet għal vapuri li jeħtieġu l-assistenza kif jingħad fir-Riżoluzzjoni tal-IMO A.949(23), għandhom jiġu nominati awtorita kompetenti waħda jew aktar sabiex jieħdu deċiżjonijiet bil-għan li jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji għall-ħajjiet tal-bniedem u għall-ambjent.

(13)

Abbażi tar-Riżoluzzjoni A. 949(23) tal-IMO u wara l-ħidma mwettqa flimkien mal-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”) u l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet bażiċi li għandhom jkun fihom il-pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata u effettiva ta’ din il-miżura u jiġi ċċarat l-ambitu tal-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri.

(14)

Ir-Riżoluzzjoni A. 949(23) tal-IMO għandha tiffurma il-bażi ta’ kwalunkwe pjan imħejji mill-Istati Membri sabiex jirrispondi b'mod effettiv għal theddid maħluq minn vapuri li jeħtieġu assistenza. Madankollu, meta ssir valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ tali theddid, l-Istati Membri jistgħu, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom, jieħdu kont ta’ fatturi oħrajn, bħall-użu ta’ ilma baħar għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-elettriku.

(15)

Il-baħħara huma magħrufa bħala kategorija speċjali ta’ ħaddiema u, fid-dawl tan-natura dinjija tal-industrija tat-tbaħħir u l-ġurisdizzjonijiet differenti li huma jistgħu jiddaħħlu f'kuntatt magħhom, jeħtieġu protezzjoni speċjali b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma’ kuntatti ma’ awtoritajiet pubbliċi. Fl-interessi ta’ iżjed sikurezza marittima il-baħħara għandhom ikunu jistgħu iserrħu fuq trattament ġust fil-każ ta’ aċċident marittimu. Id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjita tagħhom għandhom ikunu ppreservati l-ħin kollu u l-investigazzjonijiet kollha ta’ sikurezza għandhom jitwettqu b'mod ġust u bil-ħeffa. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom, konformement mal-legiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, iqisu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu.

(16)

Meta vapur ikun jeħtieġ assistenza, jista' jkun hemm il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni rigward l-akkomodazzjoni ta’ dak il-vapur f'post ta’ kenn. Dan huwa partikolarment importanti fl-eventwalità ta’ sitwazzjoni li tista' twassal għat-telf ta’ bastiment jew għal periklu ambjentali jew ta’ navigazzjoni. F' każ bħal dan huwa meħtieġ li wieħed ikun jista' jitlob l-għajnuna ta’ awtorità fi Stat Membru, abbażi tal-istruttura interna ta’ dak l-Istat Membru, li jkollha l-ħila esperta u s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet indipendenti, f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-akkomodazzjoni ta’ vapur f'post ta’ kenn. Huwa importanti wkoll li d-deċiżjoni tittieħed wara evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni abbażi tat-tagħrif li jkun hemm fil-pjan rilevanti għall-akkomodazzjoni tal-vapuri f'post ta’ kenn. Huwa mixtieq li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ta’ xorta permanenti.

(17)

Il-pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza għandhom jiddeskrivu b'mod preċiż il-katina ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward is-sejħa ta’ allert u kif għandhom ikunu trattati s-sitwazzjonijiet in kwistjoni. L-awtoritajiet konċernati u s-setgħat tagħhom għandhom ikunu deskritti b'mod ċar, kif għandhom ikunu wkoll il-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti. Il-proċeduri applikabbli għandhom jiżguraw li tkun tista' tittieħed deċiżjoni xierqa malajr abbażi ta’ ħila marittima esperta li tkun speċifika u tagħrif adegwat disponibbli għall-awtorità kompetenti.

(18)

Il-portijiet li jakkomodaw vapur għandhom ikunu jistgħu iserrħu fuq kumpens minnufih f'dak li għandu x'jaqsam ma spejjeż u kwalunkwe ħsara li jqumu mill-operazzjoni. Għal dak il-għan huwa importanti li jkunu applikati l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex idaħħlu fis-seħħ qafas legali li taħtu huma jkunu jistgħu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali u konformement mal-liġi tal-Komunità, jikkumpensaw lil xi port jew xi entità oħra għal spejjeż u telf ekonomiku mġarrab b'riżultat ta’ akkomodazzjoni ta’ xi vapur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżamina l-mekkaniżmi eżistenti fl-Istati Membri għall-kumpens ta’ telf ekonomiku potenzjali mġarrab minn xi port jew korp u għandha, fuq il-bażi ta’ dan l-eżami, tressaq u tivvaluta għażliet ta’ politika differenti.

(19)

Waqt it-tfassil tal-pjanijiet, l-Istati Membri għandhom jiġbru informazzjoni dwar postijiet potenzjali ta’ kenn mal-kosta sabiex, f'każ ta’ aċċident jew inċident fuq il-baħar, l-awtorità kompetenti tkun tista' tidentifika b'mod ċar u malajr l-aktar żoni adatti għall-akkomodazzjoni tal-vapuri li jeħtieġu assistenza. Din l-informazzjoni rilevanti għandu jkun fiha deskrizzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tas-siti taħt kunsiderazzjoni u t-tagħmir u l-installazzjonijiet disponibbli sabiex tiffaċilita l-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza jew li jiġu trattati l-konsegwenzi ta’ aċċidenti jew tniġġis.

(20)

Huwa importanti li l-lista tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mid-deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni ta’ vapur f'post ta’ kenn, u l-lista tal-awtoritajiet responsabbli li jilqgħu u jieħdu ħsieb is-sejħiet ta’ allert, ikunu pubblikati b'mod xieraq. Jista' jkun siewi wkoll għall-partijiet involuti f'operazzjoni ta’ assistenza marittima, inkluż għall-kumpanniji ta’ assistenza u ta’ rmunkar, u għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri ġirien li x'aktarx jintlaqtu minn emerġenza fil-baħar, li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti.

(21)

In-nuqqas tal-assigurazzjoni finanzjarja ma jeżonerax Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jwettaq evalwazzjoni preliminari u li jiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni tal-vapur f'post ta’ kenn. Minkejja li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw jekk il-vapur hux kopert b’assigurazzjoni jew b’xi forma oħra effettiva ta’ garanzija finanzjarja li tippermetti kumpens adattat għall-ispejjeż u l-ħsarat marbuta ma’ l-akkomodazzjoni tiegħu f'post ta’ kenn, l-att li permezz tiegħu tintalab din l-informazzjoni ma jridx idewwem l-operazzjoni ta’ salvataġġ.

(22)

Il-funzjoni speċifika tal-miżuri ta’ monitoraġġ dwar it-traffiku tal-bastimenti u tar-rotot tal-vapuri hija li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu għarfien veru tal-vapuri li jkunu qed jużaw l-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jieħdu azzjoni aktar effettiva kontra riskji potenzjali jekk meħtieġ. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni miġbura tgħin fit-titjib tal-kwalità tagħha u tiffaċilità l-ipproċessar tagħha.

(23)

Konformement mad-Direttiva 2002/59/KE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu progress sostanzjali lejn l-armonizzazzjoni tal-iskambju ta’ data permezz ta’ mezzi elettroniċi, b'mod partikolari rigward it-trasport ta’ merkanzija perikoluża jew li tniġġes. Is-SafeSeaNet, fi żvilupp mill-2002, għandu jkun issa stabbilit bħala n-network ta’ referenza fil-livell Komunitarju. Is-SafeSeaNet għandu jimmira li jnaqqas il-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi għall-industrija u l-Istati Membri. Għandu wkoll jimmira li jiffaċilita implimentazzjoni uniformi, fejn ikun xieraq, tar-rappurtaġġ internazzjonali u tar-regoli ta’ notifika.

(24)

Il-progress magħmul fit-teknoloġiji l-ġodda u b'mod partikolari fl-implimentazzjoni spazjali tagħhom, bħas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-vapuri permezz ta’ bagi, is-sistemi tal-immaġni jew is-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita(GNSS), illum jippermettu li l-monitoraġġ tat-traffiku marittimu jestendi lejn il-baħar miftuħ u b'hekk jiżguraw kopertura aħjar tal-ibħra Ewropej, inkluż permezz ta’ Sistemi ta’ Identifikazzjoni u Sejbien mill-Bogħod (LRIT). Għandu jkun hemm kooperazzjoni sħiħa fi ħdan il-Komunità dwar din il-ħidma jekk dawn l-għodod għandhom isiru parti integrali tas-sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti stabbilita mid-Direttiva 2002/59/KE.

(25)

Sabiex tkun possibbli l-ekonomija fir-rigward ta’ spejjeż u jiġi evitat li jitwaħħal tagħmir bla bżonn fuq vapuri li jbaħħru f'żoni marittimi li jinsabu f'meded koperti minn stazzjonijiet AIS b'bażi fissa, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jiddeterminaw ir-rekwiżiti dwar it-twaħħil ta’ tagħmir għat-trażmissjoni ta’ tagħrif LRIT u għandhom jippreżentaw lill-IMO kwalunkwe miżuri xierqa.

(26)

Il-pubblikazzjoni ta’ data AIS u LRIT mibgħuta minn vapuri m'għandhiex toħloq riskju għas-sikurezza marittima, għas-sigurtà marittima u għall-protezzjoni tal-ambjent.

(27)

Sabiex ikun garantit l-aħjar użu possibbli, armonizzat fil-livell Komunitarju, ta’ tagħrif miġbur taħt id-Direttiva 2002/59/KE dwar is-siurezza marittima, il-Kummissjoni għandha tkun tista', jekk meħtieġ, tipproċessa u tuża dak it-tagħrif u tiddisseminah mal-awtoritajiet nominati mill-Istati Membri.

(28)

F'dan il-kuntest, l-iżvilupp tas-sistema “Equasis” wera kemm huwa importanti li tkun inkoraġġuta kultura favur “ibħra siguri”, speċjalment fost operaturi ta’ trasport marittimu. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tikkontribwixxi għad-disseminazzjoni, partikolarment permezz ta’ din is-sistema, ta’ kwalunkwe informazzjoni relatata mas-sigurtà marittima.

(29)

Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (5) jiċċentralizza l-kompiti tal-kumitati stabbiliti taħt il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni ta’ tniġġis minn vapuri u l-protezzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ għejxien u xogħol abbord. Il-kumitat eżistenti għandu għalhekk jiġi sostitwit mill-COSS.

(30)

Għandu jittieħed ukoll kont tal-emendi għall-istrumenti internazzjonali msemmijin.

(31)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (6).

(32)

B'mod partikolari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda d-Direttiva 2002/59/KE sabiex jiġu applikati emendi sussegwenti relattivi għall-konvenzjonijet internazzjonali, protokolli, kodiċijiet u riżoluzzjonijet relatati. Ġaladarba dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dik id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(33)

Konformement mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi l-Aġenzia Ewropea għas-Sigurtà Marittima (7), l-Aġenzija tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-appoġġ neċessarju fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE.

(34)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta’ liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru, safejn possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasposizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(35)

Għalhekk id-Direttiva 2002/59/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2002/59/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2(2) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-kliem ta’ introduzzjoni għandhom jiġu sostitwiti b’ dan li ġej:

“Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:”;

(b)

il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

bunkers fuq vapuri taħt tunnellaġġ gross ta’ 1 000 u l-ħażniet u t-tagħmir għall-użu abbord il-vapuri kollha.”;

(2)

l-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-kliem ta’ introduzzjoni għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“‘Strumenti internazzjonali relevanti’ tfisser l-istrumenti li ġejjin fil-verżjoni aġġornata tagħhom:”;

(ii)

għandhom jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

‘ir-Riżoluzzjoni A.917(22) tal-IMO’ tfisser ir-Riżoluzzjoni A.917(22) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata ‘Linji Gwida għall-użu abbord tal-AIS’, kif emendata mir-Riżoluzzjoni A.956(23) tal-IMO;

‘ir-Riżoluzzjoni A.949(23) tal-IMO’ tfisser ir-Riżoluzzjoni 949(23) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata ‘Linji Gwida dwar il-postijiet ta’ kenn għall-vapuri li jeħtieġu assistenza’;

‘ir-Riżoluzzjoni A.950(23) tal-IMO’ tfisser ir-Riżoluzzjoni 950(23) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali intitolata ‘Servizzi għall-assistenza marittima (MAS)’;

‘Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu’ tfisser il-linji gwida annessi mar-Riżoluzzjoni LEG.3(91) tal-Kumitat Legali tal-IMO tas-27 ta’ April 2006 u kif approvati mill-Korp ta’ Tmexxija tal-ILO fil-296 sessjoni tagħha bejn it-12 u s-16 ta’ Ġunju 2006.”;

(b)

il-punt (k) għandu jiġi jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(k)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet maħturin mill-Istati Membri biex iwettqu funzjonijiet taħt din id-Direttiva.”;

(c)

għandhom jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“(s)

‘SafeSeaNet’ tfisser is-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ informazzjoni marittima żviluppata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja;

(t)

‘servizz skedat’ tfisser sensiela ta’ qsim bil-vapur operati biex iservu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iktar, jew abbażi ta’ skeda ta’ żmien pubblikata jew bi qsim tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxi sensiela sistematika li tingħaraf;

(u)

‘bastiment tas-sajd’ tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin;

(v)

‘vapur li jeħtieġ assistenza’ tfisser, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni SAR dwar is-salvataġġ ta’ persuni, vapur f'sitwazzjoni, li tista' twassal għat-telf tiegħu jew għal perikolu ambjentali jew ta’ navigazzjoni;

(w)

‘LRIT’ tfisser sistema dwar l-identifikazzjoni u l-ittraċċar mill-bogħod ta’ vapuri konformement mar-Regolament SOLAS V/19-1.”;

(3)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

L-użu ta’ sistemi awtomatiċi ta’ identifikazzjoni (AIS) mill-bastimenti tas-sajd

Kwalunkwe bastiment tas-sajd li huwa itwal minn 15-il metru b'kollox u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u hu reġistrat fil-Komunità, jew jopera fl-ilmijiet interni jew il-baħar territorjali ta’ Stat Membru, jew li jħott il-qbid tiegħu fil-port ta’ Stat Membru għandu, abbażi tal-iskeda ta’ żmien stabbilita fl-Anness II, parti I(3), ikun mgħammar b'AIS (Klassi A) li tissodisfa l-istandards ta’ prestazzjoni mfassla mill-IMO.

Il-bastimenti tas-sajd mgħammra b'AIS għandhom iżommuha operattiva l-ħin kollu. F'każijiet eċċezzjonali, l-AIS tista' tintefa meta l-kaptan iqis li dan ikun meħtieġ fl-interess tas-sigurtà jew tas-sikurezza tal-bastiment tiegħu.

Artikolu 6b

Użu ta’ sistemi għall-identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ vapuri (LRIT)

1.   Vapuri li għalihom japplikaw ir-regolament SOLAS V/19-1 u l-istandards ta’ prestazzjoni u r-rekwiżiti funzjonali adottati mill-IMO, għandhom iġorru tagħmir LRIT li jkun konformi ma’ dak ir-regolament meta jidħlu f'port ta’ Stat Membru.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti dwar it-twaħħil ta’ tagħmir għat-trażmissjoni ta’ tagħrif LRIT abbord vapuri li jbaħħru f'ibħra li jkunu koperti mill-istazzjonijiet AIS b'bażi fissa tal-Istati Membri, u għandhom jippreżentaw lill-IMO kwalunkwe miżuri xierqa.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-Istati Membri sabiex iwaqqfu Ċentru Ewropew tad-Data LRIT li jkun inkarigat li jipproċessa t-tagħrif dwar l-identifikazzjoni u l-ittraċċar mill-bogħod.”;

(4)

l-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Rekwiżiti ta’ tagħrif dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża

1.   Ebda merkanzija perikoluża jew li tniġġes ma tista' tinġieb għat-trasport jew titgħabba fuq vapur, ikun xi jkun id-daqs tiegħu, f'port ta’ Stat Membru, ħlief jekk il-kaptan jew l-operatur ikunu irċievew, qabel il-merkanzija tittella' abbord, dikjarazzjoni li jkun fiha it-tagħrif li ġej:

(a)

l-informazzjoni elenkata fl-Anness I(2);

(b)

għas-sustanzi msemmija fl-Anness I għall-Konvenzjoni MARPOL, id-dokument bid-data ta’ sikurezza bil-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti, inkluż, fejn japplika, l-viskożità tagħhom espressa f’cSt mal-50 °C u d-densità tagħhom mal-15 °C u d-data l-oħra li qiegħda fid-dokument bid-data ta’ sikurezza konformement mar-Riżoluzzjoni tal-IMO MSC. 150-(77);

(c)

in-numri ta’ emerġenza tax-shipper jew ta’ kull persuna jew korp ieħor fil-pussess ta’ tagħrif fuq il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi tal-prodotti u dwar l-azzjoni li għandha tittieħed f'emerġenza.

2.   Il-bastimenti li jkunu ġejjin minn port barra l-Komunità u li jkunu se jidħlu f'port ta’ Stat membru u li jkollhom abbord merkanzija perikoluża jew niġġiesa għandhom ikollhom dikjarazzjoni, kif maħruġa mix-shipper, li jkun fiha it-tagħrif meħtieġ taħt il-paragrafu 1(a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu.

3.   Għandu jkun d-dmir u r-responsabbiltà tax-shipper li jagħti lill-kaptan jew lill-operatur tali dikjarazzjoni, u biex jiżgura li t-tagħbija miġjuba għat-trasport hija tassew dik iddikjarata taħt il-paragrafu 1.”;

(5)

it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14, il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fuq talba, permezz tas-SafeSeaNet, u jekk meħtieġ għall-finijiet ta’ sikurezza jew sigurtà marittima, jew għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-ħila li jibgħatu tagħrif fuq il-vapur u fuq il-merkanzija perikoluża jew niġġiesa abbord lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dewmien.”;

(6)

l-Artikolu 15 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Eżenzjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw servizzi skedati li jsiru bejn portijiet fit-territorju tagħhom mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 13, kemm-il darba jiġu ssodisfati dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kumpanija li topera dawk is-servizzi skedati iżżomm u taġġorna lista tal-vapuri konċernati u tibgħatha lill-awtorità kompetenti konċernata;

(b)

għal kull vjaġġ li jsir, it-tagħrif indikat fil-Partijiet 1 jew 3, kif ikun jeħtieġ il-każ, tal-Anness I jinżamm disponibbli għall-awtorità kompetenti kull meta din titlobha. Il-kumpanija għandha tistabbilixxi sistema interna sabiex tiżgura li meta tintalab l-informazzjoni, 24 siegħa kuljum u mingħajr dewmien, dik l-informazzjoni tkun tista' tintbagħat elettronikament lill-awtorità kompetenti, taħt l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 13(4), kif ikun jeħtieġ il-każ;

(c)

kull varjazzjoni fil-ħin stmat tal-wasla fil-port tad-destinazzjoni jew stazzjon pilota li tkun ta’ tliet siegħat jew aktar tkun notifikata lill-port tal-wasla jew lill-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 13, kif ikun jeħtieġ il-każ;

(d)

eżenzjonijiet jingħataw biss lil bastimenti individwali fir-rigward ta’ servizz speċifiku;

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-Servizz m'għandhux jitqies bħala servizz skedat ħlief jekk ikun maħsub li jopera għal mhux anqas minn xahar;

Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 13 għandhom ikunu limitati għal vjaġġi sa tul skedat sa 12-il siegħa.

2.   Meta servizz internazzjonali skedat jitħaddem bejn żewġ Stati jew aktar, li talanqas wieħed minnhom ikun Stat Membru, kwalunkwe mill-Istati Membri involuti jistgħu jitolbu lill-Istati Membri l-oħra biex tingħata eżenzjoni għal dak is-servizz. L-Istati Membri kollha involuti, inklużi l-Istati kostali, għandhom jikkollaboraw fl-għoti ta’ eżenzjoni għas-servizz ikkonċernat konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw regolarment li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 qed jiġu ssodisfati. Fil-każijiet fejn mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet m'għadhiex qed tiġi ssodisfatta, l-Istati Membri għandhom jirtiraw minnufih il-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-kumpanija kkonċernata.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ kumpaniji u vapuri li ngħataw eżenzjoni taħt dan l-Artikolu, kif ukoll kwalunkwe aġġornament ta’ dik il-lista.”;

(7)

fl-Artikolu 16(1) għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

vapuri li ma nnotifikawx, jew li m'għandhomx, ċertifikati ta’ assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji taħt kwalunkwe leġislazzjoni Komunitarja u regoli internazzjonali;

(e)

vapuri li ġew rappurtati minn piloti jew awtoritajiet tal-port bħala li għandhom anomaliji li jidhru li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sigura tagħhom jew joħolqu riskju għall-ambjent.”;

(8)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18 a

Miżuri f'każ ta’ riskji maħluqa minħabba kondizzjonijiet ta’ silġ

1.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw, minħabba kondizzjonijiet ta’ silġ, li hemm theddida serja għas-sigurtà tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar jew għall-protezzjoni taż-żoni marittimi jew tal-kosta tagħhom jew taż-żoni marittimi jew tal-kosta ta’ Stati oħra:

(a)

għandhom ifornu lill-kaptani tal-vapuri, li jkunu fiż-żoni ta’ kompetenza tagħhom, jew li huma bi ħsiebhom jidħlu jew joħorġu minn wieħed mill-portijiet tagħhom, l-informazzjoni xierqa dwar il-kondizzjonijiet tas-silġ, ir-rotot irrikkmandati u s-servizzi ta’ vapuri li jkissru s-silġ fiż-żona ta’ kompetenza tagħhom;

(b)

huma jistgħu, mingħajr preġudizzju għad-dmir ta’ assistenza lil vapuri li jeħtieġu assistenza u għal obbligi oħra derivati minn regoli internazzjonali rilevanti, jitolbu li vapur li jkun fiż-żona kkonċernata u li bi ħsiebu jidħol jew joħroġ minn port jew terminal jew jitlaq minn żona ta’ ankraġġ jiddokumenta li jkun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ saħħa u qawwa proporzjonati mas-sitwazzjoni tas-silġ fiż-żona kkonċernata.

2.   Il-miżuri meħuda taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati, fir-rigward tad-data dwar il-kondizzjonijiet tas-silġ, fuq previżjonijiet tas-silġ u tat-temp ipprovduti minn servizz kwalifikat ta’ tagħrif meteoroloġiku rikonoxxut mill-Istat Membru.”;

(9)

l-Artikolu 19 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

is-subparagarfu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 2:

“Għal dan il-għan huma għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta mitluba, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12.”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Konformement mal-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu, f’ibħra li jiġu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.”;

(10)

l-Artikolu 20 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 20

Awtorità kompetenti għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza […]

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda jew aktar li jkollhom il-ħila esperta u s-setgħa, fiż-żmien tal-operazzjoni, li jieħdu deċiżjonijiet indipendenti fuq inizjattiva tagħhom stess dwar l-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza.

2.   L-awtorità jew l-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, kif ikun xieraq u b'mod partikolari fil-każ ta’ tħeddida għas-sikurezza marittima jew għall-ambjent, jieħdu kwalunkwe mill-miżuri inklużi fil-lista mhux eżawstiva tal-Anness IV.

3.   L-awtorità jew l-awtoritajiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw it-tagħrif espert u jtejbu l-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu. Huma jistgħu jiltaqgħu fi kwalunkwe ħin, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi.”;

(11)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 20a

Pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri li jeħtieġu assistenza

1.   L-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet għall-akkomodazzjoni ta’ vapuri sabiex iwieġbu għal theddid maħluq minn vapuri li jeħtieġu assistenza fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, inklużi, fejn ikun applikabbli tħeddidiet għall-ħajja tal-bniedem u għall-ambjent. L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) għandhom jipparteċipaw fit-tfassil u t-twettiq ta’ dawk il-pjanijiet.

2.   Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħejjew wara konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, abbażi tar-Riżoluzzjonijiet A.949(23) u A.950(23) tal-IMO, u għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-identità tal-awtorità jew tal-awtoritajiet responsabbli li jirċievu u li jieħdu ħsieb is-sejħiet tal-allert;

(b)

l-identità tal-awtorità kompetenti li għandha r-responsabbiltà li tivvaluta s-sitwazzjoni, u li tieħu deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ vapur li jeħtieġ assistenza fil-post ta’ kenn magħżul;

(c)

tagħrif fuq il-kosta tal-Istati Membri u l-elementi kollha li jiffaċilitaw valutazzjoni minn qabel u deċiżjoni mgħaġġla dwar l-għażla ta’ post ta’ kenn għal vapur, inkluża d-deskrizzjoni tal-fatturi ambjentali, ekonomiċi u soċjali u tal-kondizzjonijiet naturali;;

(d)

il-proċeduri ta’ valutazzjoni għall-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ vapur li jeħtieġ assistenza f'post ta’ kenn;

(e)

ir-riżorsi u l-installazzjonijiet adatti għall-assistenza, is-salvataġġ u l-ġlieda kontra ttniġġis;

(f)

proċeduri għall-koordinazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet internazzjonali;

(g)

il-proċeduri ta’ garanziji finanzjarji u ta’ responsabbiltà eżistenti fir-rigward tal-vapuri milqugħa f'post ta’ kenn.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-isem u l-indirizz tal-kuntatt tal-awtorita' msemmija fl-Artikolu 20(1) u tal-awtoritajiet maħtura biex jirċievu u jieħdu ħsieb l-allerti.

L-Istati Membri, meta mitluba, għandhom jgħaddu t-tagħrif rilevanti fir-rigward tal-pjanijiet lill-Istati Membri ġirien.

Fl-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmijin fil-pjanijiet għall-akkomodazzjoni tal-vapuri li jeħtieġu assistenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli għall-partijiet involuti fl-operazzjonijiet.

Jekk mitluba mill-Istati Membri, dawk li jirċievu informazzjoni taħt it-tieni u t-tielet subparagrafi għandhom ikunu marbuta minn obbligu ta’ kunfidenzjalità.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-30 ta’ Novembru 2010 dwar il-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 20b

Deċiżjoni dwar l-akkomodazzjoni ta’ vapuri

L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) għandhom jiddeċiedu dwar l-aċċettazzjoni ta’ vapur f'post ta’ kenn wara evalwazzjoni minn qabel tas-sitwazzjoni mwettqa abbażi tal-pjanijiet msemmijin fl-Artikolu 20a. L-awtorità jew l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-vapuri jiddaħħlu f'post ta’ kenn jekk iqisu li tali akkomodazzjoni tkun l-aħjar azzjoni li tista' tittieħed għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent.

Artikolu 20c

Garanzija finanzjarja u kumpens

1.   In-nuqqas ta’ ċertifikat ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-assikurazzjoni tas-sidien tal-bastimenti għal pretensjonijiet marittimi (*) m'għandux jeżonera Stat Membru mill-evalwazzjoni preliminari u d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20b u m'għandux fih innifsu jitqies bħala raġuni biżżejjed sabiex Stat Membru jirrifjuta li jakkomoda vapur f'post ta’ kenn.

2.   Mingħajr ħsara għal paragrafu 1, meta jkunu qed jakkomodaw vapur f’post ta’ kenn, l-Istati Membri jisthħu jitolbu lill-operatur, l-aġent jew il-kaptan tal-vapur biex jippreżenta ċertifikat ta’ assigurazzjoni fis-sens ta’ Artikolu 6 ta’ Direttiva 2009/20/KE. L-att tat-talba taċ-ċertifikat m’għandux iwassal biex vapur idum ma jiġi akkomodat.

Artikolu 20d

Eżami mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-mekkaniżmi eżistenti fl-Istati Membri għall-kumpens ta’ telf ekonomiku potenzjali mġarrab minn xi port jew korp b'riżultat ta’ deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 20(1). Hija għandha fuq il-bażi ta’ dak l-eżami, tressaq u tivvaluta għażliet ta’ politika differenti. Sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropoew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-eżami.

(*)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128.”;"

(12)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

SafeSeaNet

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ amministrazzjoni għat-tagħrif marittimu, fuq livell nazzjonali jew lokali sabiex jiżguraw l-ipproċessar tat-tagħrif imsemmi f'din id-Direttiva.

2.   Is-sistemi stabbiliti taħt il-paragrafu 1 għandhom jippermettu li t-tagħrif miġbur ikun użat b'mod operattiv u jkun jissodisfa, b'mod partikolari, il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.

3.   Sabiex ikun garantit skambju effettiv tat-tagħrif imsemmi f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi nazzjonali jew lokali stabbiliti biex jiġbru, jipproċessaw u jippreservaw dak it-tagħrif, ikunu jistgħu jkunu interkonnessi mas-SafeSeaNet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-SafeSeaNet titħaddem 24 siegħa kuljum. Id-deskrizzjoni u l-prinċipji tas-SafeSeaNet huma stipulati fl-Anness III.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, meta jkunu qegħdin joperaw taħt ftehimiet intra-Kommunitarji jew fil-qafas ta’ proġetti interreġjonali transkonfinali jew transnazzjonali fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi jew in-networks ta’ tagħrif żviluppati jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u jkunu kompatibbli u marbuta mas-SafeSeaNet.”;

(13)

l-Artikolu 23 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

jestendu l-kopertura tas-sistema Komunitarja ta’ monitoraġġ u ta’ tagħrif dwar it-traffiku tal-bastimenti u/jew jaġġornawha bil-ħsieb li jtejjbu l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-vapuri, b'kont meħud tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu flimkien biex, fejn meħtieġ, jistabbilixxu sistemi obbligatorji ta’ rappurtar, servizzi obbligatorji tat-traffiku marittimu u s-sistemi adatti għar-rotot tal-vapuri, bil-għan li jiġu ppreżentati lill-IMO għall-approvazzjoni. Huma għandhom jikkollaboraw ukoll, fi ħdan il-korpi reġjonali jew internazzjonali konċernati, għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni u sejbien mill-bogħod;”;

(b)

għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

jiżguraw l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali użati għall-amministrazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Anness I, u jiżviluppaw u jaġġornaw is-SafeSeaNet;”;

(14)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 23a

Ipproċessar u amministrazzjoni ta’ informazzjoni ta’ sigurtà marittima

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura, fejn meħtieġ, l-ipproċessar, l-użu u d-disseminazzjoni lill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri, tal-informazzjoni miġbura taħt din id-Direttiva.

2.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-operat ta’ sistemi ta’ ġbir u ta’ disseminazzjoni tad-data relatati mas-sigurtà marittima, b'mod partikolari permezz tas-sistema ‘Equasis’ jew ta’ kwalunkwe sistema pubblika oħra ekwivalenti.”;

(15)

l-Artikolu 24 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Kunfidenzjalità tat-tagħrif

1.   L-Istati Membri għandhom, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità jew dik nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut lilhom taħt din id-Direttiva u għandhom jużaw dan it-tagħrif konformement ma’ din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinvestiga il-problemi possibbli ta’ sikurezza tan-network u tat-tagħrif u tipproponi kwalunkwe emendi xierqa għall-Anness III sabiex tittejjeb is-sikurezza tan-network.”;

(16)

l-Artikoli 27 u 28 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Emendi

1.   Ir-referenzi għall-istrumenti tal-Komunità u tal-IMO f'din id-Direttiva, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 u l-Annessi jistgħu jiġu emendati sabiex isiru konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi internazzjonali li jkunu ġew adottati jew emendati jew li jkunu daħlu fis-seħħ, sa fejn emendi bħal dawn ma jwessgħux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-artikolu 28(2).

2.   L-Annessi I, III u IV jistgħu jkunu emendati fid-dawl tal-esperjenza miksuba b'din id-Direttiva, sa fejn emendi bħal dawn ma jwessgħux il-kamp tal-applikazzjoni tagħha.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-artikolu 28(2).

Artikolu 28

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis mill-Vapuri (COSS), stabbilit permezz ta'Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

(**)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.”;"

(17)

fil-parti 4 tal-Anness I, l-inċiż X għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“—

X.

Tagħrif varju:

il-karatteristiċi u l-istima tal-kwantità ta’ karburant tal-bunker għal vapuri ta’ iżjed minn tunnellaġġ gross ta’ 1 000,

l-istatus tan-navigazzjoni.”;

(18)

Il-punt li ġej għandu jiżdied fil-Parti I tal-Anness II:

“3.   Bastimenti tas-sajd

Bastimenti tas-sajd itwal minn 15-il metru b'kollox huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-ġarr stabbiliti fl-Artikolu 6a abbażi tal-iskeda ta’ żmien li ġejja:

bastimenti tas-sajd li t-tul b'kollox tagħhom huwa 24 metru jew aktar iżda inqas minn 45 metru: sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2012;

bastimenti tas-sajd li t-tul b'kollox tagħhom huwa 18 metru jew aktar iżda inqas minn 24 metru: sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2013;

bastimenti tas-sajd li t-tul b'kollox tagħhom huwa aktar minn 15-il metru iżda inqas minn 18-il metru: sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2014.

Bastimenti tas-sajd ġodda li huma itwal minn 15-il metru b'kollox huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-ġarr stabbiliti fl-Artikolu 6a mit-30 ta’ Novembru 2010”:

(19)

l-Anness III għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2010. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill–Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2007 (ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 533), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 184 E, 22.7.2008, p. 1.), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 u Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(4)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(5)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS

“ANNESS III

MESSAĠĠI ELETTRONIĊI U S-SAFESEANET

1.   Il-kunċett ġenerali u l-arkitettura

Is-sistema marittima Komunitarja ta’ skambju u ta’ tagħrif, is-SafeSeaNet, għandha tippermetti ir-riċeviment, il-ħażna, l-irkupru u l-iskambju ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ sikurezza marittima, sigurtà tal-ibħra u tal-portijiet, protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u effiċjenza tat-traffiku marittimu u t-trasport marittimu.

Is-SafeSeaNet hija sistema speċjalizzata li twaqqfet biex tiffaċilita l-iskambju ta’ tagħrif f'format elettroniku bejn l-Istati Membri u biex tipprovdi lill-Kumissjoni bit-tagħrif rilevanti konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Hija magħmula minn network ta’ sistemi nazzjonali ta’ SafeSeaNet li jinsabu fl-Istati Membri u sistema ċentrali tas-SafeSeaNet li taġixxi bħala pern.

In-network SafeSeaNet għandu jgħaqqad is-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha u jinkludi s-sistema ċentrali tas-SafeSeaNet.

2.   L-immaniġġar, l-operat, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-SafeSeaNet

2.1.   Responsabilitajiet

2.1.1.   Is-sistemi nazzjonali tas-SafeSeaNet

L-Istati Membri għandhom jistabilixxu u jżommu sistema nazzjonali tas-SafeSeaNet li tippermetti l-iskambju ta’ tagħrif marittimu bejn l-utenti awtorizzati taħt ir-responsabilità ta’ awtorità kompetenti nazzjonali (NCA).

L-NCA għandha tkun responsabbli mill-immaniġġar tas-sistema nazzjonali, li għandu jinkludi l-koordinazzjoni nazzjonali bejn l-utenti tad-data u l-fornituri tad-data kif ukoll mill-iżgurar li l-UN LOCODES ikunu stabbiliti u li l-infrastruttura nazzjonali tal-IT meħtieġa u l-proċeduri deskritti fid-dokument ta’ kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 ikunu stabbiliti u miżmuma.

Is-sistema SafeSeaNet nazzjonali għandha tippermetti l-interkonnessjoni tal-utenti awtorizzati taħt ir-responsabbiltà ta’ NCA u tista' ssir aċċessibbli għal parteċipanti fit-tbaħħir identifikati (sidien tal-vapuri, aġenti, kaptani, shippers u oħrajn) meta jkunu awtorizzati minn xi NCA, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni elettronika ta’ rapporti konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità.

2.1.2.   Is-sistema ċentrali tas-SafeSeaNet

Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-immanniġġar u l-iżvilupp fil-livell ta’ politika tas-sistema tas-SafeSeaNet ċentrali u għas-sorveljanza tas-sistema tas-SafeSeaNet, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, filwaqt li taħt ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (KE) Nru 1406/2002 (1), l-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, hija responsabbli mill-implimentazzjoni teknika.

Is-sistema ċentrali tas-SafeSeaNet, li taġixxi bħala pern, għandha tikkollega is-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha u għandha tistabilixxi l-infrastruttura tal-IT meħtieġa u l-proċeduri kif deskritt fid-“dokument ta’ kontrol tal-interface u tal-funzjonalitajiet” imsemmi fil-punt 2.3.

2.2.   Prinċipji ta’ mmaniġġar

Il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta’ tmexxija ta’ livell għoli, li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, sabiex:

jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex tittejjeb l-effettività u s-sigurtà tas-SafeSeaNet,

jagħti direzzjoni xierqa għall- iżvilupp tas- SafeSeaNet,

jgħin lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tal-prestazzjoni tas- SafeSeaNet,

japprova d-dokument ta’ kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 u kwalunkwe emendi għalih.

2.3.   Id-Dokument ta’ kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet u d-dokumentazzjoni teknika tas-SafeSeaNet

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u żżomm, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, “Dokument ta’ kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet” (IFCD).

L-IFCD għandu jiddeskrivi fid-dettal r-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-proċeduri applikabbli għall-elementi nazzjonali u ċentrali tas-SafeSeaNet maħsuba sabiex jiżguraw konformita' mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.

L-IFCD għandu jinkludi r-regoli għal

d-drittijiet tal-aċċess, gwida għall-immaniġġar tal-kwalità tad-data;

specifikazzjonijiet tas-sigurtà għat-trażmissjoni u l-iskambju tad-data; u għal

l-arkivjar tat-tagħrif fuq livelli nazzjonali u ċentrali.

L-IFCD għandu jindika l-mezzi tal-ħażna u d-disponibilità tat-tagħrif dwar merkanzija perikoluża jew li tniġġes rigward servizzi skedati li jkunu ġew eżentati taħt l-Artikolu 15.

Id-dokumentazzjoni teknika relatata mas-SafeSeaNet, bħall-istandards tal-format għall-iskambju tad-data, il-manwali tal-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet għas-sigurtà tan-network, għandha tkun żviluppata u miżmuma mill-Aġenzija f'koperazzjoni mal-Istati Membri.

3.   L-iskambju tad-data permezz tas-SafeSeaNet

Is-sistema għandha tuża standards tal-industrija u tkun tista' tinteraġixxi mas-sistemi pubbliċi u privati użati biex joħolqu, jipprovdu jew jirċievu t-tagħrif fis-SafeSeaNet.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jeżaminaw il-fattibiltà u l-iżvilupp ta’ funzjonalitajiet li sa fejn ikun possibbli jiżguraw li l-fornituri tad-data, fosthom il-kaptani, is-sidien, l-aġenti, l-operaturi, ix-shippers u l-awtoritajiet rilevanti ikunu meħtieġa li jippreżentaw it-tagħrif darba biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif mibgħut ikun disponibbli għall-użu fis-sistemi rilevanti kollha ta’ rappurtaġġ, ta’ notifikazzjoni u tal-VTMIS.

Il-messaġġi elettroniċi skambjati taħt din id-Direttiva u taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti għandhom jitqassmu permezz tas-SafeSeaNet. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu l-interfaces meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika tad-data b'mezzi elettroniċi lis-SafeSeaNet.

Fejn ir-regoli adottati b'mod internazzjonali jippermettu r-routing ta’ tagħrif LRIT dwar bastimenti ta’ pajjiżi terzi, għandhom jintużaw in-networks tas-SafeSeaNet biex jitqassam fost l-Istati Membri, b'livell ta’ sigurtà xieraq, it-tagħrif LRIT li jkun irċevut taħt l-Artikolu 6b ta’ din id-Direttiva.

4.   Sigurtà u drittijiet għall-aċċess

Is-sistemi ċentrali u nazzjonali tas-SafeSeaNet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kif ukoll mal-prinċipji tas-sigurtà u mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fl-IFCD, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma’ drittijiet ta’ aċċess.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-utenti kollha li għalihom hemm attribwit kemm rwol kif ukoll sett ta’ drittijiet għall-aċċess konformement mal-IFCD.”.


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.


Top