EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0012

Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 70, 14.3.2009, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 025 P. 57 - 62

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/12/oj

14.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/11


DIRETTIVA 2009/12/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2009

dwar l-imposti tal-ajruporti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-kompitu u l-attività kummerċjali prinċipali tal-ajruporti hu li jiġi żgurat it-trattament tal-inġenji tal-ajru, mill-inżul sat-tlugħ, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex l-operaturi tal-ajru jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru. Għal dan il-għan, l-ajruporti joffru għadd ta’ faċilitajiet u servizzi relatati mal-operat tal-inġenji tal-ajru u l-ipproċessar tal-passiġġieri u l-merkanzija, li l-ispejjeż tagħhom ġeneralment jirkuprawhom permezz ta’ imposti tal-ajruporti. Il-korpi li jmexxu l-ajruporti li jipprovdu faċilitajiet u servizzi li għalihom jitħallsu imposti tal-ajruport għandhom jippruvaw joperaw fuq bażi ta’ effiċjenza meta mqabbla man-nefqa.

(2)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal-imposti tal-ajruport u l-mod li bih dawn jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta’ tali qafas, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti jistgħu ma jintlaħqux. Tali qafas għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal Stat Membru li jiddetermina jekk għandux u safejn għandu jittieħed kont tad-dħul mill-attivitajiet kummerċjali tal-ajruport meta jiġu stabbiliti l-imposti tal-ajruport.

(3)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal ajruporti li jinsabu fil-Komunità, li jkunu ikbar minn daqs minimu, billi l-ġestjoni u l-finanzjament ta’ ajruporti żgħar ma jeħtieġux l-applikazzjoni ta’ qafas Komunitarju.

(4)

Minbarra dan, fi Stat Membru fejn l-ebda ajruport ma jilħaq id-daqs minimu għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-ajruport bl-akbar movimenti ta’ passiġġieri jgawdi minn tali pożizzjoni privileġġata bħala punt ta’ dħul f’dak l-Istat Membru li huwa meħtieġ li tiġi applikata, għal dak l-ajruport, din id-Direttiva sabiex ikun garantit ir-rispett ta’ ċerti prinċipji bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korp tat-tmexxija u l-utenti tal-ajruport, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-imposti u tan-non diskriminazzjoni fost l-utenti tal-ajruport.

(5)

Sabiex jippromwovu koeżjoni territorjali, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li japplikaw sistema komuni ta’ ġbir ta’ imposti biex tkopri network ta’ ajruporti. It-trasferimenti ekonomiċi bejn l-ajruporti f’networks bħal dawn għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja.

(6)

Għar-raġunijiet tad-distribuzzjoni tat-traffiku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu korp ta’ tmexxija tal-ajruporti għall-ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni biex japplikaw sistema komuni u trasparenti ta’ imposti. It-trasferimenti ekonomiċi bejn dawn l-ajruporti għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja rilevanti.

(7)

L-inċentivi biex jinfetħu rotot ġodda, bħal biex jiġi promoss, inter alia, l-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati u l-aktar ‘il bogħod għandhom biss jingħataw konformement mal-liġi Komunitarja.

(8)

Il-ġbir tal-imposti fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u ta’ servizzi ta’ groundhandling diġà ġie indirizzat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 tas-6 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (4) u mid-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (5), rispettivament. L-imposti applikati għall-finanzjament ta’ għajnuna għal passiġġieri b’diżabbiltà u passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa huma regolati mir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (6).

(9)

Fl-2004, il-Kunsill tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (il-Kunsill tal-ICAO) adotta linji politiċi dwar imposti għall-ajruporti li kienu jinkludu, inter alia, il-prinċipji tar-relazzjoni tal-imposti mal-ispejjeż, in-non-diskriminazzjoni u mekkaniżmu indipendenti għar-regolamentazzjoni ekonomika tal-ajruporti.

(10)

Il-Kunsill tal-ICAO kkunsidra li imposta ta’ ajruport hija impożizzjoni ta’ ħlas li tkun imfassla u applikata speċifikament għall-irkupru tal-ispiża għall-forniment ta’ faċilitajiet u servizzi għall-avjazzjoni ċivili, filwaqt li taxxa hija impożizzjoni ta’ ħlas li tkun imfassla biex tgħolli d-dħul tal-gvern nazzjonali jew lokali li ġeneralment ma jiġux applikati għall-avjazzjoni ċivili kollha kemm huma jew fuq bażi speċifika abbażi tan-nefqa.

(11)

L-imposti tal-ajruporti għandhom ikunu non-diskriminatorji. Għandha tiġi attwata proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruport bil-possibbiltà li kull parti jkollha rikors għal awtorità ta’ superviżjoni indipendenti kull meta l-utenti tal-ajruport jikkontestaw deċiżjoni dwar l-imposti tal-ajruport jew il-modifika tas-sistema ta’ ġbir tal-imposti.

(12)

Sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet imparzjali u l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta’ din id-Direttiva għandha tiġi stabbilita awtorità ta’ superviżjoni indipendenti f’kull Stat Membru. L-awtorità għandha jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa relattivament għall-persunal, kompetenza esperta, u mezzi finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

(13)

Għall-utenti tal-ajruport huwa vitali li fuq bażi regolari jingħataw, mingħand il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, informazzjoni dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti tal-ajruport. Tali trasparenza toffri lit-trasportaturi bl-ajru tagħrif dwar l-ispejjeż li jkun ġarrab l-ajruport u l-produttività tal-investimenti ta’ ajruport. Sabiex korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ikun jista’ jivvaluta sewwa r-rekwiżiti fir-rigward ta’ investimenti futuri, l-utenti tal-ajruport għandhom ikunu meħtieġa jikkondividu, fil-mument opportun, mal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, il-previżjonijiet operattivi, il-proġetti ta’ żvilupp u t-talbiet u s-suġġerimenti speċifiċi kollha tagħhom.

(14)

Il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom jinfurmaw lill-utenti tal-ajruport dwar proġetti infrastrutturali maġġuri billi dawn ikollhom impatt sinifikanti fuq is-sistema jew il-livell tal-imposti tal-ajruporti. Tali informazzjoni għandha tingħata sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-ispejjeż infrastrutturali u bil-ħsieb li jiġu pprovduti faċilitajiet adegwati u effettivi meta mqabbla man-nefqa fl-ajruport konċernat.

(15)

Il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom ikunu jistgħu japplikaw imposti tal-ajruporti li jikkorrispondu għall-infrastruttura u/jew il-livell ta’ servizz provdut billi t-trasportaturi bl-ajru għandhom interess leġittimu li jirrikjedu servizzi minn korp ta’ tmexxija ta’ ajruport li jikkorrispondu għall-proporzjon tal-prezz meta mqabbel mal-kwalità. Madankollu, l-aċċess għal livell differenzjat ta’ infrastruttura jew ta’ servizzi għandu jkun miftuħ għall-operaturi kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnu, fuq bażi non-diskriminatorja. Jekk id-domanda tkun ogħla mill-provvista, l-aċċess għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji li għandhom jiġu żviluppati minn korp ta’ tmexxija ta’ ajruport. Kwalunkwe differenzjazzjoni fl-imposti tal-ajruporti għandha tkun trasparenti, oġġettiva u bbażata fuq kriterji ċari.

(16)

L-utenti ta’ ajruport u l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandhom ikunu jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-livell ta’ servizz fir-rigward tal-kwalità tas-servizz provdut b’kumpens għall-imposti tal-ajruporti. In-negozjati dwar il-kwalità tas-servizz provdut b’kumpens għall-imposti tal-ajruporti jistgħu jsiru bħala parti mill-konsultazzjoni regolari.

(17)

Jeżistu sistemi differenti fi Stati Membri differenti dwar il-prefinanzjament tal-investimenti fir-rigward tal-ajruporti. Fi Stati Membri fejn isir prefinanzjament, l-Istati Membri jew il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom jirriferu għal-linji politiċi tal-ICAO u/jew jistabbilixxu s-salvagwardji tagħhom stess.

(18)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b’mod partikolari għall-Artikoli 81 sa 89 tiegħu.

(19)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-istabbiliment ta’ imposti tal-ajruporti fir-rigward tal-ajruporti Komunitarji, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri billi fil-livell nazzjonali ma jistgħux jiġu stabbiliti sistemi ta’ imposti tal-ajruporti b’uniformità fil-Komunità kollha, u għalhekk jista, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji komuni għall-ġbir ta’ imposti tal-ajruporti Komunitarji.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ajruport li jinsab f’territorju suġġett għat-Trattat u miftuħ għat-traffiku kummerċjali li t-traffiku annwali tiegħu jkun aktar minn 5 miljun moviment ta’ passiġġieri u għall-ajruport bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista tal-ajruporti fit-territorju tagħhom li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din il-lista għandha tkun ibbażata fuq id-data mill-Kummissjoni (Eurostat) u għandha tiġi aġġornata kull sena.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-imposti miġbura għar-rimunerazzjoni ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru tul it-titjira u fit-terminals taħt ir-Regolament (KE) Nru 1794/2006, jew għall-imposti miġbura għar-rimunerazzjoni tas-servizzi ta’ groundhandling imsemmija fl-Anness għad-Direttiva 96/67/KE, jew għall-imposti miġbura għall-finanzjament ta’ assistenza lil passiġġieri b’diżabbiltà u passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa msemmijin fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

5.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li japplika miżuri regolatorji addizzjonali li ma jkunux inkompatibbli ma’ din id-Direttiva jew ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ kwalunkwe korp ta’ tmexxija ta’ ajruport li jinsab fit-territorju tiegħu. Dan jista’ jinkludi miżuri ta’ sorveljanza ekonomika, bħall-approvazzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir tal-imposti u/jew il-livell ta’ imposti inklużi metodi ta’ ġbir tal-imposti bbażati fuq inċentivi jew ir-regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)

“ajruport” tfisser kull medda ta’ art speċifikament adattata għall-inżul, it-tlugħ u l-manuvrar ta’ inġenji tal-ajru, inklużi l-installazzjonijiet anċillarji li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għar-rekwiżiti tat-traffiku u servizzi tal-inġenji tal-ajru inklużi l-installazzjonijiet meħtieġa għall-assistenza tas-servizzi kummerċjali tal-ajru;

(2)

“korp ta’ tmexxija tal-ajruport” tfisser korp li, konġuntement ma’ attivitajiet oħrajn, jew mingħajr dawn l-attivitajiet, kif ikun jeħtieġ il-każ, ikollu bħala l-objettiv tiegħu, taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew tan-network ta’ ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitjiet tal-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network ta’ ajruporti konċernati;

(3)

“utent tal-ajruport” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport konċernat;

(4)

“imposta tal-ajruport” tfisser levy miġbura għall-benefiċċju tal-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u mħallsa mill-utenti tal-ajruport għall-użu ta’ faċiltajiet u servizzi, li jiġu provduti esklussivament mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u li jkunu relatati mal-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta’ inġenji tal-ajru, u l-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija;

(5)

“network ta’ ajruporti” tfisser grupp ta’ ajruporti debitament indikat bħala tali mill-Istat Membru u operat mill-istess korp ta’ tmexxija ta’ ajruport.

Artikolu 3

Non-diskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imposti tal-ajruport ma jiddiskriminawx bejn l-utenti tal-ajruport, konformement mal-liġi Komunitarja. Dan ma jimpedixxix il-modulazzjoni ta’ imposti tal-ajruporti għal kwistjonijiet ta’ interess pubbliku u ġenerali, inklużi kwistjonijiet ambjentali. Il-kriterji applikati għal tali modulazzjoni għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi u trasparenti.

Artikolu 4

Network ta’ ajruporti

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ta’ network ta’ ajruporti li jintroduċi sistema komuni u trasparenti ta’ ġbir ta’ imposti tal-ajruport biex tkopri n-network ta’ ajruporti.

Artikolu 5

Sistemi ta’ imposti komuni

Wara li jkunu għarrfu lill-Kummissjoni u konformement mal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li korp ta’ tmexxija ta’ ajruport japplika sistema ta’ imposti komuni u trasparenti f’ajruporti li jaqdu lill-istess belt jew konurbazzjoni, sakemm kull ajruport jikkonforma kompletament mar-rekwiżiti dwar it-trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 7.

Artikolu 6

Konsultazzjoni u rimedju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-utenti tal-ajruport jew ir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport fir-rigward tal-operat tas-sistema ta’ imposti tal-ajruport, il-livell ta’ imposti tal-ajruport u, kif ikun jeħtieg il-każ, il-kwalità tas-servizz provdut. Tali konsultazzjoni għandha sseħħ għall-anqas darba fis-sena, ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor fl-aħħar konsultazzjoni. Fejn jeżisti ftehim pluriennali bejn il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-utenti tal-ajruport, il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu kif previst f’tali ftehim. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jitolbu konsultazzjonijiet aktar frekwenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn ikun possibbli, it-tibdil fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport isir bi ftehim bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport. Għal dak l-għan, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jippreżenta kwalunkwe proposta għal modifika fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport lill-utenti tal-ajruport, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdil propost mhux aktar tard minn erba’ xhur qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, ħlief jekk ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu li jiġu ġġustifikati mal-utenti tal-ajruport. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jkollu konsultazzjonijiet dwar il-bidliet proposti mal-utenti tal-ajruport u jieħu kont tal-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu normalment jippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-fehmiet tal-utenti tal-ajruport fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-bidliet proposti bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar imposti tal-ajruport li tittieħed mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, kwalunkwe parti tista’ titlob l-intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti msemmija fl-Artikolu 11, li għandha teżamina l-ġustifikazzjonijiet għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta’ imposti tal-ajruport.

4.   Il-modifika fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport li tkun ġiet deċiża mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, jekk tiġi mressqa quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, m’għandhiex ikollha effett sakemm dik l-awtorità tkun għadha ma eżaminatx il-kwistjoni. L-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandha, fi żmien erba’ ġimgħat minn meta l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha, tieħu deċiżjoni temporanja dwar id-dħul fis-seħħ tal-modifika tal-imposti tal-ajruport, ħlief jekk id-deċiżjoni final tkun tista’ tittieħed fl-istess skadenza.

5.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafi 3 u 4 fir-rigward tat-tibdil fil-livell jew fl-istruttura ta’ imposti tal-ajruporti f’dawk l-ajruporti li għalihom:

(a)

ikun hemm proċedura obbligatorja taħt il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l-imposti tal-ajruporti, jew il-livell massimu tagħhom, għandhom jiġu determinati jew approvati mill- awtorità ta’ superviżjoni indipendenti; jew

(b)

ikun hemm proċedura obbligatorja taħt il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l- awtorità ta’ superviżjoni indipendenti teżamina, regolarment jew fuq talba mill-partijiet interessati, jekk dawn l-ajruporti humiex suġġetti għal kompetizzjoni effettiva. Meta dan ikun ġustifikat fuq il-bażi ta’ eżami bħal dan, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi li l-imposti tal-ajruporti, jew il-livell massimu tagħhom, għandhom ikunu determinati jew approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. Din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ fuq il-bażi tal-eżami mwettaq minn dik l-awtorità.

Il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-kriterji applikati għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu mill-Istat Membru għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, non-diskriminatorji u trasparenti.

Artikolu 7

Trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull darba li jsiru l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport jipprovdi lil kull utent tal-ajruport, jew lir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport b’informazzjoni dwar il-komponenti li jkunu l-bażi li fuqha jiġu ddeterminati s-sistema jew il-livell tal-imposti kollha applikati f’kull ajruport mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport. L-informazzjoni għandha tinkludi għall-anqas:

(a)

lista tal-bosta servizzi u infrastruttura provduti b’kumpens għall-imposta tal-ajruport applikata;

(b)

il-metodoloġija użata sabiex jiġu stabbiliti l-imposti tal-ajruport;

(ċ)

l-istruttura ġenerali tal-ispejjeż fir-rigward tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom ikunu relatati l-imposti tal-ajruport;

(d)

id-dħul mill-imposti differenti u l-ispiża totali tas-servizzi li dawn ikopru;

(e)

kwalunkwe finanzjament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom ikunu relatati l-imposti tal-ajruport;

(f)

previżjonijiet tas-sitwazzjoni fl-ajruport fir-rigward tal-imposti, taż-żieda fit-traffiku u tal-investimenti proposti;

(g)

l-użu attwali tal-infrastruttura u t-tagħmir tal-ajruport matul perijodu speċifiku; u

(h)

ir-riżultat previst ta’ kwalunkwe investimenti kbar proposti f’termini tal-effetti tagħhom fuq il-kapaċità ta’ ajruport.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-ajruporti jippreżentaw informazzjoni lill-korp tat-tmexxija tal-ajruport qabel kull konsultazzjoni, kif previst fl-Artikolu 6(1), partikolarment dwar:

(a)

previżjonijiet dwar it-traffiku;

(b)

previżjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-użu maħsub tal-flotta tagħhom;

(ċ)

il-proġetti ta’ żvilupp tagħhom fl-ajruport konċernat; u

(d)

ir-rekwiżiti tagħhom fl-ajruport konċernat.

3.   Suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-informazzjoni pprovduta abbażi ta’ dan l-Artikolu għandha titqies bħala kunfidenzjali jew ekonomikament sensittiva u ttrattata f’dan is-sens. Fil-każ ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ ajruport li jkunu kkwotati fil-borża, għandu jkun hemm konformità b’mod partikolari mar-regolamenti tal-borża.

Artikolu 8

Infrastruttura ġdida

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport jikkonsulta mal-utenti tal-ajruport qabel ma jiġu ffinalizzati pjani għal proġetti infrastrutturali ġodda.

Artikolu 9

Standards ta’ kwalità

1.   Sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet bla xkiel u effiċjenti f’ajruport, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u lir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport li jidħlu f’negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim dwar il-livell ta’ servizz fir-rigward tal-kwalità tas-servizz provdut fl-ajruport. Dawn in-negozjati dwar il-kwalità tas-servizz jistgħu jseħħu bħala parti mill-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1).

2.   Kwalunkwe ftehim bħal dan dwar il-livell ta’ servizz għandu jiddetermina l-livell ta’ servizz li għandu jiġi pprovdut mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport li jkun iqis is-sistema jew tal-livell attwali tal-imposti tal-ajruport u l-livell ta’ servizz li għalih ikunu intitolati l-utenti tal-ajruport b’kumpens għall-imposti tal-ajruport.

Artikolu 10

Differenzjazzjoni ta’ servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-korp tat-tmexxija ta’ ajruport li jvarja l-kwalità u l-ambitu ta’ servizzi partikolari tal-ajruport, ta’ terminals partikolari jew ta’ partijiet partikolari mit-terminals, bil-għan li jipprovdu servizzi speċjalizzati jew terminal dedikat jew parti minn terminal dedikata. Il-livell ta’ imposti tal-ajruport jista’ jiġi differenzjat abbażi tal-kwalità u l-ambitu ta’ tali servizzi u abbażi tal-ispejjeż għalihom jew kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva u trasparenti oħra. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom jibqgħu liberi li jistabbilixxu kwalunkwe imposta differenzjata bħal dawn.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lil kwalunkwe utent tal-ajruport li jkun jixtieq jagħmel użu mis-servizzi speċjalizzati jew mit-terminal dedikat jew minn parti dedikata minn terminal, li jkollu aċċess għal dawn is-servizzi u t-terminal jew għal parti minn terminal.

Fil-każ li jkun hemm aktar utenti tal-ajruport li jixtiequ li jkollhom aċċess għas-servizzi speċjalizzati u/jew għat-terminal dedikat jew parti dedikata ta’ terminal milli jkun possibbli minħabba restrizzjonijiet ta’ kapaċità, l-aċċess għandu jkun determinat abbażi ta’ kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji. Dawn il-kriterji jistgħu jiġu stabbiliti mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawn il-kriterji jiġu approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.

Artikolu 11

Awtorità ta’ superviżjoni indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu awtorità indipendenti bħala l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti nazzjonali tagħhom sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-miżuri meħuda għall-finijiet ta’ konformità ma’ din id-Direttiva u sabiex tieħu f’idejha, għall-anqas, il-kompiti assenjati taħt l-Artikolu 6. Tali awtorità tista’ tkun l-istess bħall-entità li l-Istat Membru jinkariga sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-miżuri regolatorji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(5), inkluża l-approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti u/jew tal-livell tal-imposti tal-ajruport, kemm-il darba din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Konformement mal-liġi nazzjonali, din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti milli tiddelega, taħt is-superviżjoni u r-responsabbiltà sħiħa tagħha, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lil awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti oħra, sakemm dik l-implimentazzjoni ssir konformement mal-istess standards.

3.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti billi jiżguraw li din tkun ġuridikament distinta minn u funzjonalment indipendenti minn kwalunke korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u trasportatur bl-ajru. L-Istati Membri li jkollhom proprjetà ta’ ajruporti, ta’ korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jew ta’ trasportaturi bl-ajru jew li jkollhom il-kontroll ta’ korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jew ta’ trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet relatati ma’ tali dritt ta’ proprjetà jew kontroll ma jingħatawx lill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti teżerċita s-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, bil-kompiti u r-responsabilitajiet assenjati lilha, u bil-miżuri meħuda biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafu 3.

5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, li jista’ jinkludi l-ġbir ta’ imposta mingħand l-utenti tal-ajruporti u l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ qbil kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), jittieħdu miżuri sabiex:

(a)

tiġi stabbilita proċedura għar-riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-utenti tal-ajruport;

(b)

jiġu ddeterminati l-kondizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jitressaq xi nuqqas ta’ qbil quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. L-awtorità għandha, b’mod partikolari, ma tilqax ilmenti li hija tqis li ma jkunux ġustifikati kif xieraq jew ma jkunux dokumentati b’mod adegwat; u

(ċ)

jiġu ddeterminati l-kriterji li fuqhom jiġi vvalutat in-nuqqas ta’ qbil sabiex jiġi riżolt.

Dawn il-proċeduri, kondizzjonijiet u kriterji għandhom ikunu non-diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi.

7.   Meta tkun qed tagħmel investigazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta’ imposti ta’ ajruport kif stabbilit fl-Artikolu 6, l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandha jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa mill-partijiet konċernati u għandha tkun meħtieġa li tikkonsulta lill-partijiet konċernati sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4), hija għandha tagħti deċiżjoni finali malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien erba’ xhur minn meta l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati. Id-deċiżjoniet tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandhom ikollhom effett li jorbot, mingħajr preġudizzju għal reviżjoni parlamentari jew ġudizzjarja, kif ikun applikabbli fl-Istati Membri.

8.   L-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandha tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha.

Artikolu 12

Rapport u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport sal-15 ta’ Marzu 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li jivvaluta l-progress imwettaq fil-kisba tal-objettivi tagħha, kif ukoll, fejn ikun il-każ, kwalunkwe proposta adatta.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Marzu 2011. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strażburgu, 11 ta’ Marzu 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 35.

(2)  ĠU C 305, 15.12.2007, p. 11.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 254 E, 7.10.2008, p. 18) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2009.

(4)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(5)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.

(6)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.


Top