Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0133

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/133/PESK tas- 16 ta' Frar 2009 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar

OJ L 46, 17.2.2009, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2009/133/oj

17.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/53


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/133/PESK

tas-16 ta' Frar 2009

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/121/PESK (1) sabiex jaħtar lis-Sur Peter SEMNEBY bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar.

(2)

Fit-18 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/132/PESK (2) li emendat u estendiet il-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2009.

(3)

Abbażi ta’ reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/132/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Peter SEMNEBY bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar huwa b’dan estiż sat-28 ta’ Frar 2010.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

li l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja jkunu assistiti fit-twettiq ta’ riformi politiċi u ekonomiċi, l-aktar fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar;

(b)

konformement ma’ mekkaniżmi eżistenti, biex ikunu evitati konflitti fir-reġjun, biex jikkontribwixxi għal riżoluzzjoni paċifika ta’ konflitti, inkluż permezz tal-promozzjoni tar-ritorn ta’ refuġjati u persuni spostati internament;

(ċ)

biex jimpenja ruħu b’mod kostruttiv ma’ atturi ewlenin interessati dwar ir-reġjun;

(d)

biex jinkoraġġixxi u jappoġġa kooperazzjoni ulterjuri bejn l-Istati tar-reġjun, b’mod partikolari bejn l-Istati tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, inkluż dwar kwistjonijiet ekonomiċi, ta’ enerġija u ta’ trasport;

(e)

biex itejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, il-parlamenti, is-soċjetà ġudizzjarja u ċivili fir-reġjun;

(b)

jinkoraġġixxi lill-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja jikkooperaw dwar temi reġjonali ta’ interess komuni, bħal theddid komuni dwar is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar u l-kriminalità organizzata;

(ċ)

jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-konflitti u biex jassisti fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal progress dwar ir-riżoluzzjoni ta’ konflitti, inkluż permezz ta’ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni relatata mas-soċjetà ċivili u r-rijabilitazzjoni tat-territorji mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni taħt it-Trattat tal-KE;

(d)

jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni ta’ konflitti u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ tali soluzzjoni f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Rappreżentant Speċjali tiegħu għall-Ġeorġja, il-Grupp ta’ Ħbieb tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġeorġja, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Grupp Minsk tagħha, u l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tal-konflitti għall-Ossetja tan-Nofsinhar;

(e)

jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) bi gwida politika lokali;

(f)

jintensifika d-djalogu tal-Unjoni Ewropea mal-atturi interessati ewlenin dwar ir-reġjun;

(g)

jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(h)

permezz ta’ Grupp ta’ Appoġġ:

jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’rappurtar u valutazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni fil-fruntieri;

jiffaċilita l-bini ta’ fiduċja bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa, biex b’hekk jiġu żgurati kooperazzjoni u kollegament effiċjenti mal-atturi rilevanti kollha;

jistabbilixxi kuntatti rilevanti fir-reġjuni tal-konflitti, biex b’hekk il-grupp ikun jista’ jikkontribwixxi għall-bini ta’ fiducja u jivvaluta kwistjonijiet relatati mal-fruntieri f’dawk ir-reġjuni, wara li ikunu ġew miftiehma termini ta’ referenza mal-Gvern Ġeorġjan u jkunu saru konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha kkonċernati (esklużi attivitajiet operattivi fuq il-post fl-Abkhazia u l-Ossetia tan-Nofsinhar);

jassisti lill-Pulizija tal-Fruntiera Ġeorġjani u lil istituzzjonijiet governattivi rilevanti oħra f’Tbilisi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata u komprensiva ta’ ġestjoni tal-fruntieri;

jaħdem mal-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex tiżdied il-komunikazzjoni bejn Tbilisi u l-fruntiera, inkluż l-iggwidar. Dan għandu jsir b’kollegament u b’ħidma mill-qrib mal-livelli kollha tal-katina ta’ kmand Tbilisi u l-fruntiera (esklużi attivitajiet operattivi fuq il-post fl-Abkhazia u l-Ossetia tan-Nofsinhar);

(i)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f’żoni affettwati minn konflitt, speċjalment billi jkunu sorveljati u ndirizzati żviluppi f’dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u d-direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2009 sat-28 ta’ Frar 2010 għandu jkun EUR 2 510 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta’ Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f’konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/jiet ospitanti kif ikun jeħtieġ il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 9

Aċċess għall- informazzjoni u sostenn loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, l-immaniġġar tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ riskju mogħtija liż-żona ta’ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b’rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fuq il-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun, u partikolarment ma’ dawk tar-RSUE għall-kriżi fil-Ġeorġja, b’kont meħud tal-objettivi speċifiċi tal-mandat ta’ dan tal-aħħar. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja (EUMM Georgia) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2009 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2009. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

O. LIŠKA


(1)  ĠU L 49, 21.2.2006, p. 14.

(2)  ĠU L 43, 19.2.2008, p. 30.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.


Top