EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0979

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Diċembru 2009 li tapprova l-programm nazzjonali ppreżentat mill-Bulgarija għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport ta’ annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas u l-kontribut finanzjarju mill-Unjoni għall-2010 (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10004)

OJ L 336, 18.12.2009, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/979/oj

18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/52


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2009

li tapprova l-programm nazzjonali ppreżentat mill-Bulgarija għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport ta’ annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas u l-kontribut finanzjarju mill-Unjoni għall-2010

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10004)

(It-test Bulgaru biss huwa awtentiku)

(2009/979/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-kamp veterinarju.

(2)

B’mod partikolari, l-Artikolu 37(1) tad-Deċiżjoni 2009/470 jipprovdi li fil-każ li Stat Membru jesperjenza, mil-lat strutturali jew geografiku, problemi ta’ persunal jew infrastrutturali sabiex jimplimenta l-istrateġija ta’ kontroll li jġib miegħu il-funzjonament tas-suq intern għal annimali ħajjin, hu jista’, għal perjodu ta’ tranżizzjoni, jikseb assistenza finanzjarja Komunitarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 37(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-Kummissjoni programm nazzjonali flimkien mal-informazzjoni finanzjarja kollha xierqa, imfassal bl-iskop li jtejjeb is-sistema ta’ kontroll tiegħu.

(3)

It-tħaddim tas-suq intern jirrikjedi sistema ta’ kontroll armonizzata għall-annimali ħajjin inkluż dawk li qed jiġu esportati lejn pajjiżi terzi. Huwa xieraq li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija billi tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 tad-9 ta’ April 2003 li jistabbilixxi regoli ddettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-għoti tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni relatati mal benessri tal-annimali bovini ħajjin waqt it-trasport (4) jipprevedi li l-ħruġ tal-annimali mit-territorju doganali tal-Unjoni jista’ jsir permezz ta’ punt ta’ ħruġ fejn il-veterinarju uffiċjali jista’ jivverifika għal dawk l-annimali li għalihom hija aċċettata dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (5) ġewx issodisfatti min-naħa tat-tluq sal-punt tal-ħruġ u li l-kundizzjonijiet tat-trasport għall-bqija tal-vjaġġ jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 jipprevedi li meta l-annimali huma ppreżentati fil-punti tal-ħruġ, il-veterinarji uffiċjali tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-annimali jiġu ttrasportati skont dan ir-Regolament. Fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-annimali mhumiex f’kondizzjoni li jkomplu l-vjaġġ tagħhom, dawn għandhom jitħattew, mogħtija l-ilma, mitmugħa u mistrieħa f’post ta’ kontroll.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (6) jistipula l-kriterji applikabbli madwar il-Komunità li jridu jintlaħqu mill-postijiet ta’ kontroll sabiex jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet tal-benessri għall-annimali li jkunu qed jgħaddu minnhom u biex jipprovdu wkoll għal ċerti kwistjonijiet inċidentali tas-saħħa tal-annimali.

(7)

Il-Bulgarija esperjenzat problemi ta’ persunal u infrastrutturali fil-punt tal-ħruġ tal-port ta’ Bourgas waqt li kienu qed jimpimentaw kontrolli veterinarju, meħtieġa ġewwa l-Komunità permezz tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Artikolu 2 tar-Regoalment (KE) Nru 639/2003, dwar annimali bovini ħajjin esportati via dan il-port. B’mod partikolari, la ma hemmx faċilitajiet għal veterinarji uffiċjali biex jispezzjonaw l-annimali bovini ħajjin u lanqas post ta’ kontroll skont ir-Regolament (KE) Nru 1255/97 fil-viċinanza immedjata tal-port fejn wieħed jista’ jħott, jitma’, jisqi u jserraħ l-annimali jekk ma jkunux tajbin biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom jew jekk ma jistgħux jiġu ttrasportati fil-ħinijiet ta’ vjaġġ stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1/2005.

(8)

Fis-17 ta’ Settembru 2009, il-Bulgarija ressqet programm lill-Kummissjoni għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport ta’ annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas għall-2010 li għalih il-Bulgarija tixtieq tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni evalwat dan il-programm ippreżentat mill-Bulgarija għall-2010 kemm mil-lat veterinarju kif ukoll mil-lat finanzjarju. Dan il-programm instab li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1255/97.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programm nazzjonali, ippreżentat mill-Bulgarija fis-17 ta’ Settembru 2009 għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ trasport tal-annimali bovini ħajjin esportati mill-Unjoni via l-port ta’ Bourgas għall-2010 huwa b’dan approvat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni se tkun bir-rata ta’ 80 % tal-ispejjeż ta’ disinn u kostruzzjoni li jridu jiġġarrbu mill-Bulgarija għall-bini ta’ faċilitajiet ta’ spezzjoni u post ta’ kontroll bil-kapaċità ta’ 120 sa 140 annimali bovini fil-port ta’ Bourgas.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja ma għandhiex taqbeż l-EUR 152 000 li jridu jiġu ffinanzjati mil-Linja Baġitarja tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010, sakemm din tiġi adottata:

Il-Linja tal-Baġit nru 17 04 02.

Artikolu 3

1.   In-nefqa ppreżentata mill-Bulgarija għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tiġi espressa f’euro u għandha teskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra.

2.   Fejn in-nefqa tal-Bulgarija hija f’munita li mhijiex l-euro, il-Bulgarija għandha taqlibha għall-euro billi tapplika l-aktar rata ta’ skambju riċenti mfassla mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-Bulgarija.

Artikolu 4

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandha tingħata sakemm il-Bulgarija:

(a)

Timplimenta l-programmi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, inklużi regoli tal-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

(b)

Tibgħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2010 r-rapporti tekniċi u finanzjarji intermedji għall-programmi msemmija fl-Artikolu 1, skont l-Artikolu 27(7)(a) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE;

(c)

Tibgħat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(7)(b) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011 rapport tekniku finali ddettaljat li jinkludi l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba u verifika ddettaljata tan-nefqa mġarrba mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

(d)

Tibgħat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 27(8) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011, l-applikazzjoni tal-ħlas marbuta mal-ispiża mġarrba fir-rigward tal-programm imressaq fis-17 ta’ Settembru 2009.

(e)

Ma tippreżentax, għall-programm imsemmi fl-Artikolu 1, aktar talbiet għal kontribuzzjonijiet tal-Unjoni għal dawn il-miżuri, u preċedentement ma ppreżentatx talbiet bħal dawn.

2.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jaslu tard, it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja previst fl-Artikolu 27(8) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE huwa applikabbli.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 93, 10.4.2003, p. 10.

(5)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1.


Top