EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0364

2009/364/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Ottubru 2008 dwar il-miżura (C 33/07 (ex N 339/06 u N 729/06)) li l-Ġermanja bi ħsiebha timplimenta permezz ta’ IBG Beteiligungsgesellschaft Sachsen-Anhalt mbH (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5581) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 111, 5.5.2009, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/364/oj

5.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Ottubru 2008

dwar il-miżura (C 33/07 (ex N 339/06 u N 729/06)) li l-Ġermanja bi ħsiebha timplimenta permezz ta’ IBG Beteiligungsgesellschaft Sachsen-Anhalt mbH

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5581)

(It-test Ġermaniż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/364/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet (1),

Wara li kkunsidrat dawk il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Mejju 2006, irċevuta mill-Kummissjoni fl-istess ġurnata, l-awtoritajiet Ġermanizi avżaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE tal-ewwel parti tal-miżura, li l-Kummissjoni rreġistrat bħala għajnuna mill-Istat każ Nru 339/2006.

(2)

Permezz tal-ittra tat-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni. L-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tat-13 ta’ Lulju 2006. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni permezz tal-ittra tal-31 ta’ Awwissu 2006 u l-awtoritajiet Ġermaniżu wieġbu bl-ittra tat-22 ta’ Settembru 2006. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fil-11 ta’ Ottubru 2006 u l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tas-6 ta’ Novembru 2006.

(3)

Permezz tal-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006, irċevuta mill-Kummissjoni fl-istess ġurnata, l-awtoritajiet Ġermaniżi avżaw it-tieni parti tal-miżura, li l-Kummissjoni rreġistrat bħala għajnuna mill-Istat Każ Nru 729/06. Minħabba li dawn iż-żewġ notifiki jikkoinċidu (N 339/06 u N 729/06), fl-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2006 il-Kummissjoni pproponiet li tgħaqqad il-każijiet u li titratta l-korrispondenza kollha bħala marbuta bejn it-tnejn li huma, u talbet ukoll iktar informazzjoni relatata maż-żewġ każijiet. L-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tat-23 ta’ Jannar 2007.

(4)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fit-28 ta’ Frar 2007. Wara estensjoni tad-data tal-għeluq, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tal-11 ta’ April 2007. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fl-4 ta’ Mejju 2007. Wara estensjoni tad-data tal-għeluq, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2007.

(5)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni infurmat il-Ġermanja li hi ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni ta’ ftuħ”) Id-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet Ġermaniżi u l-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(6)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettu l-kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ permezz tal-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007. Wara estensjoni tad-data tal-għeluq, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn parti interessata, IBG Beteiligungsgesellschaft Sachsen-Anhalt mbH (minn hawn ‘il quddiem “il-Fond IBG”) bl-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2007. Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Bi tweġiba għall-osservazzjonijiet, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu bl-ittra tal-14 ta’ Frar 2008.

(7)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni bl-ittra tat-18 ta’ April 2008 u bl-e-Mails tat-28 ta’ April 2008 u tal-11 ta’ Ġunju 2008. L-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew iktar informazzjoni bl-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2008 u bl-e-Mail tat-13 ta’ Ġunju 2008.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(8)

Il-Fond IBG hu fond pubbliku ta’ kapital ta’ riskju, stabbilit u ffinanzjat mil-Land ta’ Saxony-Anhalt. L-għan tal-Fond IBG hu li jipprovdi kapital ta’ riskju lill-SMEs innovattivi u orjentati lejn it-teknoloġija fis-Saxony-Anhalt fl-istadji tal-bidu u tat-tkabbir tal-iżvilupp. Saxony-Anhalt hu reġjun eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE (3).

(9)

Mill-1 ta’ Lulju 2007, il-Fond IBG kien amministrat mill-kumpanija ta’ ġestjoni GOODVENT Beteiligungsmanagement GmbH & Co. KG (minn hawn ‘il quddiem “il-maniġer tal-Fond”), magħżula fi proċedura ta’ tender pubblika miftuħa u mhux diskriminatorja. Id-daqs totali tal-finanzjament pubbliku hu ta’ madwar EUR 130 miljun. Din il-miżura hi applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(10)

Il-Fond IBG jipprovdi dawn l-investimenti li ġejjin:

(a)

Parteċipazzjonijiet f’ekwità ordinarja sa EUR 1.5 miljun għal kull SME għall-perjodu ta’ tnax-il xahar, b’tal-inqas 30 % tal-finanzjament provdut minn investituri indipendenti privati fuq l-istess termini tal-Fond IBG;

(b)

Parteċipazzjonijiet f’ekwità ordinarja (offene Beteiligungen) sa EUR 10 miljuni għal kull SME, inkluż għażliet ta’ konverżjoni, bħal bonds konvertibbli (Wandelanleihen) u bonds b’warrants (Optionsanleihen), effettwati ma’ investituri privati f’ammonti ugwali, fuq l-istess termini u bl-istess riskji (“pari passu”);

(c)

Parteċipazzjonijiet passivi (stille Beteiligungen) (minn hawn ‘il quddiem ‘il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG) sa EUR 5 miljuni għal kull impriża, effettwati mill-Fond IBG waħdu, indipendentement mill-investituri privati, u miżmuma sa 10 snin;

(d)

konverżjoni ta’ parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG f’parteċipazzjonijiet ordinarji f’ekwità effettwati pari passu ma’ investituri privati.

(11)

F’konformità mal-parteċipazzjonijiet ordinarji f’ekwità u l-miżuri ta’ konverżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ li ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE kemm għall-investituri (4) kif ukoll għall-ġestjoni tal-Fond IBG (5). Jista’ jkun hemm għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għall-Fond IBG (6) jew għall-impriżi mmirati. Madankollu, il-Kummissjoni sabet il-miżura konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat biex jippromwovu l-investimenti tal-kapital f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju (7) (minn hawn ‘il quddiem il-Linji gwida) u kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(12)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG kienu vvalutati separatement għaliex l-awtoritajiet Ġermaniżi kkunsidrawhom bħala strumenti ta’ dejn f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq, li għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, filwaqt li l-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk it-termini ekonomiċi għandhomx ikunu kklasifikati bħala strumenti ta’ dejn jew bħala strumenti ta’ ekwità.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(13)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għandhomx, f’termini ekonomiċi, ikunu kkunsidrati bħala strumenti ta’ dejn, kif mistqarr mill-awtoritajiet Ġermanizi, jew bħala strumenti ta’ ekwità. F’każ li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG jikkwalifikaw bħala strumenti ta’ dejn, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-metodu għat-twaqqif tar-rati ta’ referenzi u ta’ skont (8) (minn hawn ‘il quddiem l-Avviż tal-1997), li għandu jintuża bħala indikatur tar-rata tas-suq, għandu jkun applikat biex ikun iddeterminat jekk jinvolvux għajnuna mill-Istat għall-impriżi mmirati skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE (9).

(14)

Fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li, jekk il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma kklassifikati bħala strumenti ta’ dejn, huma ma jikkostitwixxux vantaġġ għall-kumpaniji benefiċjarji skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE peress li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq skont l-Avviż tal-1997. Min-naħa l-oħra, jekk il-parteċipazzjonijiet passivi tal-IBG ikunu klassifikati bħala ekwità, l-għajnuna mill-Istat ma tistax titneħħa, peress li l-miżura tista’ tkun qed tindirizza falliment tas-suq fis-suq ta’ kapital ta’ riskju.

(15)

Biex ikun stabbilit jekk il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għandhomx ikunu kklassifikati bħala strumenti ta’ dejn jew strumenti ta’ ekwità, id-deċiżjoni ta’ ftuħ eżaminat is-sustanza ekonomika tal-istrumenti li huma konformi mal-punt 4.3.3 tal-Linji gwida, b’kunsiderazzjoni tal-grad ta’ riskju u telf potenzjali mħallsa mill-investitur, jekk ir-remunerazzjoni marbuta mal-profitt jew remunerazzjoni fissa kienet predominanti, il-livell ta’ subordinazzjoni fil-każ ta’ falliment u t-trattament tal-istrument ta’ investiment skont ir-regoli applikabbli domestiċi legali, regolatorji, finanzjarji u ta’ kontabbiltà.

(16)

Wara li eżaminat in-natura ekonomika tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG, il-Kummissjoni identifikat dawn id-differenzi possibbli bejn l-istrumenti standard ta’ dejn u l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG:

(a)   Subordinazzjoni: Fil-każ ta’ falliment ta’ impriża fil-mira, il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG ikunu ta’ prijorità fuq l-ekwità iżda huma subordinati għal self u obbligazzjonijiet oħrajn.

(b)   Garanzija: Il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma parzjalment garantiti (minimu 10 %), madankollu din il-garanzija hi ferm inqas mill-livell li jkun meħtieġ għall-finanzjament ta’ dejn.

(c)   Ħlas lura: Il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond tal-IBG huma mħallsa lura darbtejn fis-sena, filwaqt li fuq strumenti standard ta’ dejn il-prinċipal u l-interess huma normalment imħallsa lura kull xahar.

(d)   Drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ kontroll: Deher li kien hemm differenzi bejn il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG u l-istrumenti standard ta’ dejn f’termini ta’ drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ kontroll, minkejja li l-klawżoli ta’ proprjetà u bidla ta’ kontroll huma xi drabi inklużi f’kuntratti standard ta’ kreditu.

(e)   Terminazzjoni ta’ kuntratt: Deher li kien hemm differenzi bejn il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG u l-istrumenti standard ta’ dejn fir-rigward tat-tmiem tal-kuntratti.

(f)   Remunerazzjoni: Minħabba li l-komponent tar-remunerazzjoni ta’ ħruġ ta’ darba marbut mal-profitt (Exitvergütung), ma setax ikun stabbilit b’ċertezza ta’ 100 % li r-remunerazzjoni fissa kienet il-komponent predominanti tar-remunerazzjoni.

(17)

Għalhekk il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għandhomx ikunu kklassifikati bħala strumenti ta’ dejn, u saqsiet il-patrijiet interessati biex jipprovdu kummenti dwar dawn il-punti.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(18)

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (10) u bi tweġiba għall-avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali  (11), il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti waħda interessata, jiġifieri l-Fond IBG, li pprovda argumenti dettaljati biex juri li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għandhom jiġu klassifikati bħala strumenti ta’ dejn.

(a)   Subordinazzjoni:

(19)

Il-Fond IBG spjega l-istatus subordinat tal-parteċipazzjonijiet passivi. Hu qal li s-subordinazzjoni hi miftiehma fuq bażi volontarja u mhix meħtieġa b’mod legali. Mhuwiex rari li l-istrumenti ta’ dejn jitpoġġew fi klassifiki differenti. Pereżempju fil-qasam tal-finanzjament tal-akkwist, hu kważi dejjem il-każ li d-dejn ikun miġbur f’dejn ta’ prijorità u dejn subordinat. Fil-kummenti tiegħu, il-Fond IBG enfasizza li filwaqt li l-parteċipazzjonijiet passivi jistgħu jkunu subordinati għal dejn u obbligazzjonijiet oħrajn, huma dejjem ta’ prijorità fuq l-ekwità u qatt ma jipparteċipaw fit-telf tal-impriżi mmirati.

(b)   Garanzija

(20)

Il-Fond IBG spjega li bejn 10 % u 30 % tal-valur tal-parteċipazzjonijiet passivi huma koperti b’garanziji mogħtija mill-azzjonisti tal-impriżi mmirati. L-ammont preċiż tal-kollateral jiddependi fuq il-każ individwali, u b’mod partikolari fuq l-assi li l-azzjonisti kienu trasferew qabel lill-impriża, pereżempju, fil-forma ta’ ekwità jew drittijiet ta’ proprjetà intelletwali. Skont il-Fond IBG, l-istrumenti ta’ dejn jistgħu jieħdu forom differenti, skont il-każ individwali. Fil-prattika, hemm saħansitra 0 % kollateral, u s-self mhux garantit; u dan ma jbiddilx awtomatikament strument ta’ dejn fi strument ta’ ekwità.

(c)   Ħlas lura

(21)

Skont il-Fond IBG, il-proċeduri ta’ ħlas lura għall-parteċipazzjonijiet passivi tiegħu huma simili ta’ dawk tal-istrumenti ta’ dejn. Fil-każ ta’ self standard, skont il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-kumpanija, il-prinċipal u l-imgħax mhumiex neċessarjament mħallsa (lura) kull xahar. Ħlas lura kull sitt xhur jew kull tliet xhur huma wkoll komuni bħal pagamanenti ta’ kull xahar. Il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż jipprovdi għall-ħlasijiet ta’ mgħax fl-aħħar ta’ kull sena, iżda jistgħu jkunu miftiehma arranġamenti oħra.

(22)

Fir-rigward tal-ħlas lura tal-prinċipal, il-Fond IBG jinnota li l-Kodiċi Ċivili Ġermaniż jistipula li l-prinċipal isir dovut meta l-kuntratt tas-self jintemm ħlief jekk il-kuntratt jipprovdi mod ieħor. Skont il-Fond IBG, il-parteċipazzjonijiet passivi huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż u ma jipprevedux dispożizzjonijiet kuntrattwali differenti mir-regola ġenerali.

(d)   Drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ kontroll:

(23)

Il-Fond IBG jippreżenta iktar argumenti biex juri s-similaritajiet bejn il-klawżoli ta’ informazzjoni u tas-sjieda u tal-bidla fil-kontroll tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG u dawk tal-istrumenti ta’ dejn. Skont il-Fond IBG, huwa normali li tkun miftiehma s-sjieda dwar il-klawżoli ta’ bidla tal-kontroll għall-istrumenti ta’ dejn. Il-kredituri jinsistu fuqhom b’mod partikolari fil-każ ta’ self kummerċjali u finanzjament tal-proġetti u tal-akkwist. Il-punt komuni bejn dawn it-tip ta’ krediti u l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG hu s-self ta’ terminu twil li jitħallsu lura biss mat-tmiem tagħhom. B’kumpens, il-kredituri jitolbu patti estensivi li permezz tagħhom ikunu intitolati li jwaqqfu l-kuntratt ta’ kreditu qabel fil-każ ta’ ksur tal-patt mid-debitur.

(24)

Fir-rigward tas-self kummerċjali, l-organizzazzjoni ġenerali tal-banek privati Ġermaniżi, il-Bundesverband Deutscher Banken, iddisinjat kuntratt mudell speċjali li għandu sjieda estensiva u klawżola tal-bidla tal-kontroll. Fir-rigward tal-finanzjament tal-proġetti u tal-akkwist, il-Fond IBG jirreferi għal diversi kummenti Ġermaniżi rilevanti li jiddiskutu u jgħarrfu klawżoli ta’ kontrol estensivi għall-benefiċċju tal-kreditur.

(e)   Tmiem tal-kuntratt:

(25)

Il-Fond IBG jipprovdi iktar argumenti biex juri similaritajiet bejn il-parteċipazzjonijiet passivi u s-self fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-kuntratt. Fil-każ ta’ ksur tal-kuntratt, nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma, informazzjoni mhux korretta jew bdil tal-kontroll, kemm l-impriża mmirata kif ukoll il-Fond IBG huma intitolati biex itemmu l-kuntratt. Fejn it-terminoloġija speċifika tat-tmiem tal-kuntratt tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG hi differenti minn dak tas-self standard, dan juri biss in-natura speċifika tal-istrument ikkumparat ma’ self standard.

(f)   Remunerazzjoni

(26)

Il-Fond IBG jispjega l-istruttura tar-remunerazzjoni tal-parteċipazzjonijiet passivi tiegħu, sabiex juri li remunerazzjoni fissa hi l-komponent dominanti tar-remunerazzjoni annwali totali ta’ 13 %. Ir-remunerazzjoni totali hi magħmula minn komponent ta’ rata ta’ mgħax fissa, iddeterminata fuq il-bażi ta’ kreditu ta’ riskju ta’ kull impriża mmirata u hi mħallsa irrispettivament mill-profittabilità tal-ivestiment, u l-komponent marbut mal-profitt, imħallas jekk ċerti limiti ta’ profittabilità jinqabżu. Skont il-Fond IBG, il-komponent marbut mal-profitt hu dejjem ta’ mill-inqas 250 punt ta’ bażi inqas mir-rata ta’ mgħax fissa. Remunerazzjoni fissa ta’ ħruġ ta’ darba hi mħallsa aparti t-total ta’ 13 % remunerazzjoni annwali. Dan hu kkalkulat bħala persentaġġ tal-ammont nominali tal-parteċipazzjoni passiva u ma jiddependiex fuq il-profittabilità tal-investiment.

(g)   Kontabbiltà u trattament tat-taxxa

(27)

Il-Fond IBG jipprovdi informazzjoni dettaljata biex juri li skont il-liġi Ġermaniża (liġi ċivili, liġi tal-kontabbiltà u liġi tat-taxxa) u regoli internazzjonali tal-kontabbiltà (IFRS u IAS) il-parteċipazzjonijiet passivi tiegħu huma kkunsidrati li huma parteċipazzjonijiet passivi tipiċi u b’hekk strumenti ta’ dejn.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

5.1.   Kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ

(28)

Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u bi tweġiba għall-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali  (12), il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-awtoritajiet Ġermaniżi. L-awtoritajiet Ġermaniżi argumentaw li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma parteċipazzjonijiet passivi tipiċi u ghalhekk għandhom ikunu kklassifikati bħala strumenti ta’ dejn, għal dawn ir-raġunijiet:

(a)

Taħt il-liġi ċivili, il-liġi tal-kontabbiltà u l-liġi tat-taxxa, dawn l-istrumenti ta’ investiment huma trattati bħala kapital misluf (Fremdkapital).

(b)

Id-drittijiet tal-informazzjoni u tal-kontroll, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tal-investimenti, huma simili għal dawk tal-istrumenti ta’ self.

(c)

Bħal każ tal-istrumenti ta’ dejn, ħlas lura sħiħ tal-prinċipal u l-imgħax hu meħtieġ fl-aħħar tal-parteċipazzjoni.

(d)

Il-komponent ta’ mgħax fiss hu l-komponent predominanti tar-remunerazzjoni, li jindika li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għandhom ikunu trattati bħala strumenti ta’ dejn.

(e)

Is-subordinazzjoni tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għas-self u l-obbligazzjonijiet oħrajn hi meħtieġa biex tkun evitata l-insolvenza tal-kontabbiltà immedjata minħabba l-pożizzjoni dgħajfa ta’ kreditu ta’ min jissellef.

(f)

Il-banek u l-istituzzjonijiet tal-kreditu tipikament jitrattaw il-kapital mezzanin bħala strument ta’ dejn anke meta ma jkunx garantit.

5.2.   Osservazzjonijiet dwar il-kummenti tal-parti interessata

(29)

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-parti interessata, l-awtoritajiet Ġermanizi esprimew il-qbil tagħhom, u tennew il-konklużjonijiet ppreżentati fil-kummenti oriġinali tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi enfasizzaw li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma mogħtija fuq termini tas-suq u ma jinvolvux għajnuna mill-Istat peress li huma konformi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għat-twaqqif ta’ rati ta’ referenza u ta’ skont (13) (minn hawn ‘il quddiem il-Komunikazzjoni tal-2008).

(30)

Fil-korrispondenza suċċessiva mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw is-sistema tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Fond IBG, li kienet eżaminata minn Price Waterhouse Coopers u tikklassifika l-impriża mmirata bejn “tajjeb ħafna” (AAA) u “ħażin/diffikultajiet finanzjarji” (CCC); Il-kumpaniji CCC huma esklużi milli jirċievu finanzjament. Il-kollateralizzazzjoni baxxa u l-klassifikazzjoni tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma kkunsidrati meta jkun ivvalutat il-kreditu ta’ riskju tal-impriżi mmirati.

(31)

Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tipprovdi l-bażi għall-istabbiliment tar-rati ta’ mgħax b’riskju aġġustat. Il-parteċipazzjonijiet passivi huma dejjem remunerati fuq bażi ta’ rata ta’ mgħax fissa magħmula minn IBOR kif ukoll marġini xieraq. Dan tal-aħħar jista’ jvarja bejn 100 u 650 punt ta’ bażi, skont il-klassifika tal-impriża. Fil-każ ta’ impriżi fil-mira li ma jistgħux ikunu klassifikati bl-użu tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-Fond IBG, hu applikat marġinu ta’ mill-inqas 400 punt ta’ bażi, li qatt ma jista’ jkun inqas minn dak li jkun applikabbli għall-kumpanija possedenti.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   Legalità

(32)

L-awtoritajiet Ġermaniżi ssodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE billi nnotifikaw il-miżura qabel l-implimentazzjoni tagħha. Id-dħul fis-seħħ tal-miżura hu soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

6.2.   Il-bażi legali għall-valutazzjoni

6.2.1.   Il-klassifikazzjoni ekonomika tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG

(33)

Sabiex il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG ikunu klassifikati bħala strumenti ta’ dejn jew strumenti ta’ ekwità f’termini ekonomiċi, huma kellhom ikunu vvalutati skont il-Linji gwida. Punt 2.2 tal-Linji gwida jipprovdi dawn id-definizzjonijiet ta’ kważi-ekwità u ta’ strumenti ta’ investiment ta’ dejn:

“Strumenti ta’ investiment fi kważi-ekwità” tfisser strumenti li r-ritorn tagħhom għad-detentur (investitur/min isellef) hu bbażat il-biċċa l-kbira fuq il-profitti jew telf tal-kumpanija sottostanti mmirata, u li mhumiex garantiti fil-każ ta’ telf. Din id-definizzjoni hi bbażata fuq approċċ li jagħti prijorità lis-sustanza fuq il-forma.

“Strumenti ta’ investiment ta’ dejn” tfisser self u strumenti ta’ finanzjament oħrajn li jipprovdu lil min isellef/investitur b’komponent predominanti ta’ remunerazzjoni minima fissa u huma tal-inqas parzjalment garantiti. Din id-definizzjoni hi bbażata fuq approċċ li jagħti prijorità lis-sustanza fuq il-forma.

(34)

Punt 4.3.3 tal-Linji gwida jistipula li “l-Kummissjoni ser tagħti prijorità lis-sustanza ekonomika tal-istrument pjuttost milli l-isem u l-kwalifika li huma attribwiti mill-investituri… b’kunsiderazzjoni tal-livell ta’ riskju fl-impriża tal-kumpanija mmirata mħallsa mill-investitur, it-telf potenzjali imħallas mill-investitur, il-predominanza tar-remunerazzjoni marbuta mal-profitt kontra remunerazzjoni fissa, u l-livell ta’ subordinazzjoni tal-investitur fil-każ tal-falliment tal-kumpanija… [u] it-trattament applikabbli għall-istrument ta’ investiment taħt ir-regoli prevalenti domestiċi, regolatorji, finanzjarji u tal-kontabbiltà, jekk dawn huma konsistenti u relevanti għall-kwalifika.”

(35)

Wara eżaminazzjoni tal-argumenti mill-awtoritajiet Ġermaniżi u l-informazzjoni rċevuta mill-parti interessata (il-Fond IBG) bi tweġiba għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, intlaħqu dawn il-konklużjonijiet:

(a)   Riskju tal-investitur

(36)

F’konformità mal-Linji-gwida, il-Kummissjoni vvalutat il-livell ta’ riskju u telf possibbli mħallas mill-Fond IBG. Kien ikkunsidrat il-fatt li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG, bħal fil-każ tal-istrumenti ta’ dejn, ma jġorrux ir-riskju sħiħ ta’ ħruġ bħal ma jġorru l-investituri fl-ekwità (14). Il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG qatt ma jipparteċipaw fit-telf tal-impriżi mmirati, kif jiġri fl-investimenti tal-ekwità; Dan il-kriterju għad-distinzjoni bejn ekwità u dejn hu msemmi b’mod espliċitu fil-punt 4.3.3 tal-Linji-Gwida. L-istess bħal l-istrumenti ta’ dejn, it-termini kuntrattwali tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG jeħtieġu l-prinċipal u l-imgħax, inkluż l-komponent marbut mal-profitt, li jrid jitħallas lura mill-fluss tal-likwidità tal-kumpanija. Fir-rigward tal-livell ta’ riskju u telf potenzjali imħallas mill-investitur, il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG għalhekk jistgħu jkunu klassifikati bħala strumenti ta’ investiment ta’ dejn.

(b)   Subordinazzjoni:

(37)

Skont il-Linji-Gwida għandu jiġi kkunsidrat il-livell ta’ subordinazzjoni fil-każ ta’ falliment. Il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma subordinati għal self u obbligazzjonijiet oħrajn, iżda huma ta’ prijorità fuq l-ekwità u qatt ma jipparteċipaw fit-telf tal-impriżi fil-mira; din hi karatteristika tipika tal-istrumenti ta’ dejn. Subordinazzjoni ta’ dejn mhux garantit jew parzjalment garantiti għall-pretensjonijiet ta’ kredituri ta’ prijorità hu normali. Filwaqt li l-parteċipazzjonijiet passivi subordinati tal-Fond IBG huma tabilħaqq iktar riskjużi minn dejn mhux subordinat, dan hu muri fir-rata ta’ mgħax b’riskju aġġustat. Għal dawn ir-raġunijiet is-subordinazzjoni għall-kredituri oħrajn ma jwassalx fih innifsu għall-klassifikazzjoni tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG bħala strumenti ta’ kważi-ekwità

(c)   Garanzija

(38)

Il-Linji-gwida jeħtieġu li strument ta’ dejn, sabiex jikkwalifika bħala tali, irid ikun tal-inqas parzjalment garantit. Il-fatt li bejn 10 % u 30 % tal-valur tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG hu garantit mill-azzjonisti tal-impriżi mmirata jrid jiġi kkunsidrat. Ir-rekwiżiti baxxi ta’ kollateralizzazzjoni huma l-biċċa l-kbira mfissra mill-fatt li SMEs teknoloġiċi li qed jikbru malajr m’għandhomx biżżejjed kollateral ta’ valur għoli. Barra minn hekk, il-garanzija parzjali tidher li hi adegwata, minħabba l-klassifikazzjoni baxxa tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG. In-natura subordinata u parzjalment garantita tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG tidher b’mod xieraq fil-livell ta’ remunerazzjoni. Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma parzjalment garantiti, kif meħtieġ mil-Linji-gwida.

(d)   Remunerazzjoni

(39)

Il-Linji-gwida jeħtieġu li strument ta’ dejn, sabiex jikkwalifika bħala tali, irid ikollu element predominanti ta’ remunerazzjoni fissa. Il-komponent marbut mal-profitt tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG hu dejjem ta’ mill-inqas 250 punt ta’ bażi inqas mill-komponent tar-rata ta’ mgħax fissa. Barra minn hekk, il-fatt li remunerazzjoni fissa ta’ ħruġ ta’ darba addizzjonali tista’ tkun miżjuda mar-remunerazzjoni totali ta’ 13 % iżżid il-predominanza tar-remunerazzjoni fissa fir-remunerazzjoni totali. L-element tar-rata ta’ mgħax fissa tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-IBG hu għalhekk il-komponent predominanti ta’ remunerazzjoni, kif meħtieġ mil-Linji-gwida.

(e)   Sjieda tal-klawżoli tal-bidla tal-kontroll

(40)

Wara li vvalutat l-informazzjoni ddettaljata produta mill-parti interessata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni u l-klawżoli tas-sjieda u tal-bidla tal-kontroll tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG jidhru li huma simili ta’ dawk tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti jew parzjalment garantiti, li normalment jeħtieġu monitoraġġ intensiv u informazzjoni ddetaljata u immedjata dwar il-progress ekonomiku tal-kumpaniji, u d-definizzjoni ta’ indikaturi finanzjarji speċifiċi jew patti li l-kumpanija trid tosserva. Għalhekk, fit-termini tal-informazzjoni u tal-klawżoli ta’ sjieda u bidla tal-kontroll tal-paertċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG, dawn l-istrumenti jistgħu jkunu klassifikati bħala strumenti ta’ dejn.

(f)   Tmiem tal-kuntratt

(41)

Fid-Deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni għarrfet li l-kundizzjonijiet tal-Fond IBG għat-tmiem ta’ kuntratt ta’ parteċipazzjoni passiva jidhru li huma simili ta’ dawk tal-istrumenti ta’ dejn għaliex l-investimenti jistgħu jintemmu f’każ ta’ ksur tal-kuntratt, nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma, informazzjoni żbaljata u bidla tal-kontroll. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenzi fit-terminoloġija jirreflettu biss in-natura speċfika tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG b’paragun mal-istrumenti ta’ dejn standard. Għalhekk, minbarra d-differenzi fit-terminoloġija, id-dispożizzjonijiet ta’ tmiem tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma fil-prinċipju simili ta’ dawk tal-istrumenti ta’ dejn standard.

(g)   Trattament legali, tal-kontabbiltà u tat-taxxa

(42)

Il-Kummissjoni ssib li l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Fond IBG urew li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG huma parteċipazzjonijiet passivi tipiċi u għalhekk huma kkunsidrati li huma strumenti ta’ dejn skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża relevanti (liġi ċivili, liġi tal-kontabbiltà u liġi tat-taxxa) u skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)

(h)   Konklużjoni

(43)

Wara eżaminazzjoni tan-natura ekonomika tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG, u b’kunsiderazzjoni tat-trattament legali, tal-kontabbiltà u tat-taxxa ta’ dawn l-istrumenti, il-Kummissjoni ssib li f’termini ekonomiċi, il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG jistgħu jkunu kklasifikati bħala strumenti ta’ dejn.

6.2.2.   L-Istatus tal-għajnuna mill-Istat tal-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG

(44)

Il-Kummissjoni eżaminat il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG fid-dawl tal-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jistipula li “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li toħloq tfixkil jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sakemm tkun taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, mhux ser tkun kompatibbli mas-suq komuni.” Sabiex miżura tkun tista’ taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, iridu jintlaħqu erba’ kriterji:

(a)

il-miżura trid tinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat;

(b)

il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju;

(c)

il-vantaġġ irid ikun selettiv għaliex hu limitat għal ċerti impriżi jew setturi;

(d)

Il-miżura trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(45)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sakemm il-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG jistgħu jkunu kklassifikati bħala strumenti ta’ dejn, huma jkunu kkunsidrati bħala strumenti ta’ dejn konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq skont l-Avviż tal-1997. L-istrument hu wkoll konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq skont il-Komunikazzjoni tal-2008, peress li l-Fond IBG jivvaluta r-riskji ta’ kreditu ta’ kull impriża, inkluż il-livell ta’ subordinazzjoni u kollateralizzazzjoni, u japplika rati ta’ mgħax b’riskju aġġustat.

(46)

Għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-parteċipazzjonijiet passivi tal-Fond IBG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lill-impriżi mmirati skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE,

ADDOTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li l-Ġermanja bi ħsiebha timplimenta permezz ta’ IBG Beteiligungsgesellschaft Sachsen-Anhalt mbH, mhijiex, fir-rigward tal-parteċipazzjonijiet passivi, għajnuna skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Brussell, 8 ta’ Ottubru 2008

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 246, 20.10.2007, p. 20.

(2)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  N 459/06 – Linji ta’ Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 – il-mappa tal-għajnuna nazzjonali bi skop reġjonali mill-Istat: il-Ġermanja, (ĠU C 295, 5.12.2006, p. 6).

(4)  Il-Kummissjoni spjegat li dan kien minħabba li l-Fond IBG u l-investituri privati jaqsmu l-istess riskji pożittivi u negattivi u benefiċċji u għandhom l-istess livell ta’ subordinazzjoni; Fil-każ ta’ konverżjoni f’ekwità ordinarja, il-parteċipazzjonijiet f’ekwità tal-IBG ser ikunu valutati b’mod xieraq billi r-remunerazzjoni totali tkun konvertita (il-valur nominali, l-imgħax fiss u varjabbli dovut u r-remunerazzjoni ta’ ħruġ) f’parteċipazzjoni f’ekwità ordinarja.

(5)  Il-Kummissjoni spjegat li dan kien minħabba li kumpanija separata ta’ ġestjoni ġiet magħżula permezz ta’ proċedura miftuħa ta’ tender.

(6)  Il-Kummissjoni tikkonsidra l-Fond IBG bħala impriża proprjetà tal-Istat, li x’aktarx tiġbor il-kapital tagħha fuq termini li ma jkunux disponibbli fis-suq privat.

(7)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(8)  ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(9)  Dan ir-raġunament kien applikat ukoll f’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni: Għajnuna mill-Istat N 344/2006 – il-Ġermanja (ĠU C 157, 10.7.2007, p. 8); Għajnuna mill-Istat N 104/2005 – il-Ġermanja: Regio MIT Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Hessen (ĠU C 295, 26.11.2005, p. 8); Għajnuna mill-Istat N 212/2004 – il-Ġermanja: ERDF Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Berlin (ĠU C 95, 20.4.2005, p. 8); Għajnuna mill-Istat N 213/2004 – il-Ġermanja: ERDF Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Fund Schleswig-Holstein, ĠU C 72 24.3.2006, p. 2; Għajnuna mill-Istat N 266/2004 – il-Ġermanja: ERDF Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Thüringen (ĠU C 95, 20.4.2005, p. 9); Għajnuna mill-Istat N 310/2004 – il-Ġermanja: ERDF Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Brandenburg (ĠU C 79, 1.4.2006, p. 25);

(10)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(11)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(13)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(14)  Il-fornituri tal-ekwità normalment jagħmlu l-kapital disponibbli għal terminu twil, mingħajr dritt għal ħlas lura u mingħajr garanzija. B’kumpens, huma jirċievu sehem tal-ekwità u jiksbu r-ritorn tagħhom billi joħorġu mill-investiment fl-aħħar tal-perjodu tal-investiment


Top