EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1355

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008 tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

OJ L 350, 30.12.2008, p. 35–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 082 P. 61 - 71

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1355/oj

30.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 350/35


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1355/2008

tat-18 ta’ Diċembru 2008

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Fl-20 ta’ Ottubru 2007 il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-bidu ta’ proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjoni fil-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat u ppriżervat (principalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) (2). Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 642/2008 (3) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina mir-RPĊ.

(2)

Il-proċedura nbdiet b’riżultat ta’ ilment imressaq fis-6 ta’ Settembru 2007 mill-Federazzjoni Nazzjonali Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet tal-Frott u l-Ħaxix Ipproċessat (FNACV) (“l-entità li għamlet l-ilment”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw 100 % tat-total tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin eċċ.). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping tal-prodott konċernat u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, u li tqieset biżżejjed biex tkun iġġustifikata l-bidu ta’ proċedura.

(3)

Kif ġie stabbilit fil-premessa 12 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“PI”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ћsara kopriet il-perjodu mill-1 ta Ottubru 2002 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

(4)

Fid-9 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjoni tal-istess prodott li joriġina fir-RPĊ suġġetta għal reġistrazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 1295/2007 (4).

(5)

Qed jiġi mfakkar li miżuri ta’ salvagwardja kienu fis-seħħ kontra l-istess prodott sat-8 ta’ Novembru 2007. Il-Kummissjoni imponiet miżuri provviżorji ta’ salvagwardja kontra importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) bir-Regolament (KE) Nru 1964/2003 (5). Il-miżuri definittivi ta’ salvagwardja ġew segwiti bir-Regolament (KE) Nru 658/2004 (ir-“Regolament tas-Salvagwardji”) (6). Kemm il-miżuri provviżorji kif ukoll definittivi ta’ salvagwardja kienu jikkonsistu minn kwota ta’ rata ta’ tariffa jiġifieri dazju kien dovut meta l-volum tal-importazzjonijiet mingħajr dazju jkun ġie eżawrit.

B.   PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(6)

Wara l-impożizzjonijiet ta’ dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina mir-RPĊ, diversi partijiet interessati ressqu kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(7)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni spiċċat l-investigazzjoni fejn qieset l-aspetti ta’ interess Komunitarju. F’dan ir-rigward, saru spezzjonijiet ta’ verifika fil-bini tal-importaturi indipendenti fil-Komunità li ġejjin:

Wünsche Handelsgesellschaft International (GmbH & Co KG), Hamburg, il-Ġermanja –,

Hüpeden & Co (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja –,

I. Schroeder KG. (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja –,

Zumdieck GmbH, Paderborn, il-Ġermanja –

Gaston spol. s r.o., Zlin, ir-Repubblika Ċeka –

(8)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina fil-PRĊ u l-ġbir definittiv ta’ ammonti miġbura bħala dazju provviżorju. Ingħataw wkoll perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(9)

Ċerti importaturi pproponew laqgħa flimkien mal-partijiet interessati, skond l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Bażiku; madankollu t-talba ma ġietx aċċettata minn wieħed minnhom.

(10)

Il-kummenti verbali u bil-miktub imressqa mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, ittieħed rendikont tagħhom.

C.   PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(11)

Żewġ importaturi indipendenti tal-KE qalu li ċerti tipi ta’ mandolin għandhom jiġu eżentati mid-definizzjoni tal-prodott konċernat kemm minħabba l-livell tal-ħlewwa tagħhom jew minħabba l-ippakkjar tagħhom meta esportati. F’dan ir-rigward, hu nnotat li dawn it-talbiet ma kellhomx magħhom xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata u dejta li tipprova li dawn it-tipi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom differenti mill-prodott konċernat. Hu nnotat ukoll li d-differenzi fl-ippakkjar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala element kritiku meta jiġi ddefinit il-prodott konċernat, speċjalment meta l-formati tal-ippakkjar kienu diġà kkunsidrati meta ġie ddefinit il-prodott konċernat kif stiplulat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju. Dawn l-argumenti huma għalhekk rrifjutati.

D.   TEĦID TA’ KAMPJUNI

1.   Teħid ta’ kampjuni għal produtturi li jesportaw fir-RPĊ

(12)

Żewġ importaturi indipendenti tal-KE argumentaw li l-produtturi esportaturi Ċiniżi magħżula għall-kampjun irrappreżentaw 60 % tal-esportazzjonijiet totali lejn il-Komunità. Madankollu, ma kinux kapaċi jipprovdu informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata li setgħet timmina l-preċiżjoni tal-informazzjoni tat-teħid tal-kampjuni ppreżentata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoperaw u b’mod wiesa’ kkonfermata matul aktar investigazzjoni. Dan l-argument hu għalhekk miċħud.

(13)

Tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoperaw li ppreżentaw rappreżentazzjonijiet qalu li l-kumpaniji relatati tagħhom kienu produtturi esportaturi tal-prodott konċernat u għalhekk kellhom jiġu inklużi fl-Anness tal-produtturi esportaturi li qed jikkoperaw. Dawn it-talbiet kienu kkunsidrati ġġustifikati u kien deċiż li jiġi rivedut l-Anness rilevanti skond dan. Importatur indipendenti tal-KE argumenta li l-esportazzjonijiet lejn il-KE permezz ta’ negozjanti kellhom awtomatikament jitħallew jibbenefikaw mill-miżuri applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. F’dan ir-rigward, hu nnotat li l-miżuri anti-dumping huma imposti fuq prodotti mmanifatturati minn produtturi esportaturi fil-pajjiż li qed ikun investigat li qed jesportaw lejn il-KE (irrispettivament mil-liema kumpanija tikkommerċjalizzahom) u mhux fuq entitajiet kummerċjali involuti biss f’attivitajiet kummerċjali. Il-pretensjoni kienet għalhekk miċħuda.

E.   DUMPING

1.   It-trattament ta’ ekonomija tas-suq (MET)

(14)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, ebda kumment ma kien ippreżentat mill-produttur esportatur Ċiniż li kkopera fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-MET. Fin-nuqqas ta’ kummenti rilevanti, il-premessi (29) sa (33) tar-Regolament provviżorju huma hawn hekk konfermati.

2.   It-trattament individwali

(15)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti rilevanti, il-premessi (34) sa (37) tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw it-trattament individwali huma b’dan konfermati.

3.   Il-valur normali

(16)

Qed jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tal-valur normali kienet ibbażata fuq dejta pprovduta mill-Industrija Komunitarja. Din id-dejta ġiet ivverifikata fil-bini tal-kumpaniji tal-produtturi Komunitarji li kkoperaw.

(17)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi kollha li kkoperaw u ż-żewġ importaturi indipendenti tal-KE kellhom dubju dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-Industrija Komunitarja għall-kalkolu tal-valur normali. Kien ippreżentat li l-valur normali missu ġie kkalkulat abbażi tar-rendikont tal-ispejjes tal-produzzjoni tar-RPĊ meħud għal kull aġġustament xieraq relatat mad-differenzi bejn is-swieq tal-KE u tar-RPĊ. F’dan ir-rigward hu nnotat li l-użu ta’ informazzjoni minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u b’mod partikolari minn kumpaniji li ma ngħatawx il-MET imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Intqal ukoll li d-dejta dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi l-oħra kollha jew l-informazzjoni rilevanti ppubblikata setgħet intużat bħala rendikont raġonevoli tas-soluzzjoni meħud min-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ pajjiż analogu. Madankollu, informazzjoni ġenerali ta’ din ix-xorta, meta mqabbla mad-dejta użata mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi vverifikata u ċċekkjata b’mod inkroċċjat fir-rigward tal-eżattezza skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument hu għalhekk miċħud. Ebda argument ieħor ma kien ippreżentat li seta’ tefa’ dubju fuq il-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, b’mod partikolari, il-fatt li din tikkostitwixxi f’dan il-każ partikolari l-unika bażi raġjonevoli li baqa’ biex jiġi kkalkulat il-valur nominali.

(18)

Minħabba li m’hemm ebda kummenti oħra, il-premessi (38) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

4.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(19)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkopera li ntuża fil-kampjun issottometta li l-prezz tiegħu għall-esportazzjoni kellu jiġi aġġustat biex jiġu kkunsidrati ċerti elementi ta’ spejjeż (b’mod partikolari it-trasport oċean tal-merkanzija). F’dan ir-rigward hu nnotat li din il-kwistjoni ġiet ittrattata matul il-verifika fuq il-post kemm fir-rigward ta’ din il-kumpanija kif ukoll fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra f’dan il-kampjun. F’din l-okkażjoni, kull kumpanija ppreżentat informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż in kwistjoni. L-ammont li attwalment qed jintalab mill-kumpanija hu konsiderevolment ogħla mill-ammont oriġinarjament irrapportat. Hu nnotat li din it-talba l-ġdida hi bbażata sempliċiment fuq dikjarazzjoni minn wieħed li jgħaddi t-trasport tal-merkanzija u ma tirriflettix id-dejta relatata ma’ transazzjoni vera. Ebda wieħed mill-produtturi esportaturi l-oħra li ntużaw fil-kampjun ma ddubita ċ-ċifri użati fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija fl-oċean. Madankollu, minħabba li l-preżentazzjoni ngħatat tard, din it-talba ma’ tista’ tiġi vverifikata. B’mod partikolari, l-aġġustament mitlub ma għandux x’jaqsam ma’ dejta li diġà tinsab fil-fajl. Wara din it-talba l-Kummissjoni madankollu analizzat mill-ġdid l-ammont tal-ispiża in kwistjoni tar-rendikont meħud tal-importanza ta’ din l-ispiża partikolari għat-transazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-KE irrapportati mill-kumpanija. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien aktar xieraq li tintuża l-ispiża medja tat-trasport oċean tal-merkanżija vverifikat fil-post għall-kumpaniji kollha Ċiniżi li ntużaw fil-kampjun. Konsegwentement, il-prezz ta’ esportazzjoni tal-kumpanija kien aġġustat skond dan.

(20)

Produttur esportatur Ċiniż ieħor li kkopera li ntuża fil-kampjun enfasizza żewġ żbalji ta’ komputazzjoni dwar il-kalkolu tal-prezz tiegħu ta’ esportazzjoni relatat mal-listi ppreżentati ta’ esportazzjoni. It-talba tqieset li kienet iġġustifikata u l-prezz rilevanti ta’ esportazzjoni tal-produttur ġie rrivedut skond dan.

(21)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessa (46) tar-Regolament provviżorju hija b’dan konfermata.

5.   Paragun

(22)

Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (47) u (48) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

6.   Il-marġni tad-dumping

(23)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-marġini tad-dumping definittivi riveduti, espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 139,4 %

Huangyan No.1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang,86,5 %

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat magħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province 136,3 %

Il-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun 131 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 139,4 %.

F.   ĦSARA

1.   Il-produzzjoni Komunitarja u l-industrija Komunitarja

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ssostanzjati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (52) sa (54) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

2.   Il-konsum Komunitarju

(25)

Waħda mill-partijiet esportaturi qalet li kien hemm diskrepanza bejn il-livell tal-konsum stabbilit fir-Regolament ta’ salvagwardja Nru 658/2004 u l-livell stabbilit fir-Regolament provviżorju. Qed jiġi enfasizzat li d-differenza fil-livell tal-konsum seħħet bażikament minħabba l-iskop differenti tal-prodott fl-investigazzjoni korrenti u minħabba l-għadd differenti ta’ Stati Membri f’dawn iż-żewġ investigazzjonijiet. Ebda informazzjoni ssostanzjata ġdida ma waslet f’dan ir-rigward. Il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (55) u (57) tar-Regolament provviżorju hu għaldaqstant konfermat. B’mod korollarju, il-partijiet sussegwenti tal-analiżi li straħet fuq il-konsum huma wkoll konfermati f’dan ir-rigward.

3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat

(a)   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-prodott konċernat;

(26)

Fir-rigward tas-sehem mis-suq ċerti partijiet interessati opponew l-istqarrija tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessa (58) li indikat żieda tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati. Huma qalu li għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu. Il-valutazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ bħala volum u bħala sehem mis-suq kienet ivverifikata. Kif iddefinit fil-premessa (58) tar-Regolament provviżorju kien hemm sena waħda biss fejn is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu. Għall-bqija tal-perjodu eżaminat is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina baqa’ konsistentament għoli. Għalhekk il-konklużjonijiet ippreżentati fl-istadju provviżorju huma kkonfermati.

(27)

Xi partijiet qalu li l-volumi li saru wara l-PI għandhom jiġu wkoll eżaminati biex jiġi vvalutat jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi humiex qed jiżdiedu. Għandu jiġi nnotat li kienu vvalutati t-tendenzi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għall-perjodu 2002/2003 sa 2006/2007 u kienet osservata żieda ċara. Skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, il-fatti ta’ wara l-PI ma jitqisux, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Fi kwalunkwe każ, kif iddikjarat hawn taħt fil-premessa (48) kien eżaminat il-livell tal-importazzjonijiet ta’ wara l-PI u nsab li kien sinifikanti.

(b)   Undercutting fil-prezz

(28)

Tliet produtturi esportaturi li kkoperaw ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-undercutting. Wieħed minnhom ikkontesta l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-undercutting u talab aġġustament biex jiġu riflessi l-ispejjeż li saru min-negozjanti għall-bejgħ indirett tagħhom. Fejn iġġustifikat, il-kalkoli kienu addattati. It-tqabbil irrivedut wera li, waqt il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat inbiegħu fil-Komunità bi prezzijiet li jitbaxxew taħt il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja f’firxa ta’ 18,4 % sa 35,2 % bbażata fuq id-dejta li ġiet sottomessa mill-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkoperaw.

4.   Il-qagħda tal-industrija Komunitarja

(29)

Żewġ importaturi u l-assoċjazzjoni tal-importaturi kkontestaw id-dewmien tal-istaġun tal-ippakkjar indikat fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju. Huma qalu li l-istaġun tal-ippakkjar fi Spanja jdum biss tliet xhur minflok erba’ sa ħames xhur kif indikat fir-Regolament provviżorju. Madankollu din l-allegazzjoni hi marbuta mal-prodott (varjabbli min-natura) u mal-kwantità prodotta u fi kwalunkwe każ ma għandhiex impatt fuq il-fatturi ta’ ħsara kif analizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(30)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument ssostanzjat ieħor rigward is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja, il-premessi (63) sa (86) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

5.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(31)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, ċerti importaturi u ċerti produtturi esportaturi qalu, b’referenza għall-premessi (83) sa (86) tar-Regolament provviżorju, li d-dejta użata mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit il-livell tal-ħsara ma kinitx la korretta u lanqas ivvalutata b’mod oġġettiv. Huma qalu li kważi l-indikaturi kollha relatati mal-ħsara wrew tendenzi pożittivi u li għalhekk ma tista’ tinstab ebda evidenza ta’ ħsara.

(32)

F’dan ir-rigward, hu nnotat li anke jekk ċerti indikaturi juru xi titjib żgħir, is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja kellha tkun ivvalutata b’mod sħiħ u billi jitqies il-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja kienu fis-seħħ sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni. Din il-kwistjoni kienet studjata fit-tul fil-premessi (51) sa (86) tar-regolament provviżorju. Il-proċess profond ta’ ristrutturazzjoni li ppermettew dawn il-miżuri, li rriżulta fi tnaqqis kbir fil-produzzjoni u l-kapaċità, f’ċirkostanzi normali kien iwassal għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ġenerali tal-produtturi Komunitarji, inklużi l-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ, id-divrenzjalitajiet bejn il-prezz u l-ispiża. Minflok, l-indikaturi tal-volum baqgħu dgħajfa, l-ħażniet żdiedu b’mod sostanzjali u l-indikaturi finanzjarji komplew li juru kellhom jagħtu aktar milli jieħdu - b’xi wħud anki jiħżienu.

(33)

Abbażi ta’ dan, il-konklużjonijiet rigward il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argumenti oħra ssostanzjati, dawn hu għalhekk definitivvament konfermati.

G.   KAWŻALITÀ

1.   L-effett tal-importazzjonijiet iddampjati

(34)

Ċerti partijiet qalu li l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien stabbli mill-1982 u li għalhekk dawn ma setgħux ikkawżaw ħsara kif spjegat fir-Regolament provviżorju (ara premessa 58). Fil-fatt, kif spjegat hawn fuq fil-premessa (26), l-importazzjonijiet miċ-Ċina matul il-perjodu eżaminat żdiedu b’mod sinifikanti għad-detriment tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-UE. Barra minn hekk, l-argument jirreferi għat-tendenza fl-importazzjonijiet li jaqbżu ferm aktar mill-perjodu in kwistjoni għalhekk l-argument qed jiġi miċħud.

(35)

Kif issemma fil-premessa (28) hawn fuq, hu definittivament konkluż li matul il-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun li kkoperaw raħħsu l-prezzijiet Komunitarji medji b’perċentwali b’firxa bejn 18,4 % sa 35,2 %. Ir-reviżjoni tal-marġni tal-undercutting ma taffettwax il-konklużjonijiet tal-effett tal-importazzjonijiet iddampjati stipulati fil-premessi (100) u (101) tar-Regolament provviżorju.

2.   Iċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju

(36)

Wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżjorji ċerti importaturi komplew jisħqu dwar l-influwenza negattiva tar-rata tal-kambju fuq il-livell tal-prezzijiet. Huma qalu li l-livell tar-rata tal-kambju hu l-fattur prinċipali li kkawża l-ħsara. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi biss għal differenza bejn il-livelli tal-prezzijiet bla ebda ħtieġa li jiġu analizzati l-fatturi li jaffettwaw il-livell ta’ dawn il-prezzijiet. Konsegwentement instabet konnessjoni ċara ta’ kkawżar bejn il-livell għoli ta’ dumping u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja u għalhekk jista’ jkunu kkonfermati l-premessi (95) tar-Regolament provviżorju.

3.   Il-provvista u l-prezz tal-materja prima

(37)

Ċerti partijiet interessati qalu li l-ħsara mhix ikkawżata mill-importazzjonijiet iddampjati iżda pjuttost bil-provvista skarsa ta’ frott frisk jiġifieri l-materja prima għall-mandolin tal-bott.

(38)

Madankollu, id-dejta uffiċjali mill-Ministeru tal-Agrikultura Spanjol tikkonferma li l-kwantità disponibbli għall-industrija tat-tqegħid fil-bottijiet hi aktar mill-suffiċjenti biex tiġi koperta l-kapaċità kollha tal-produzzjoni tal-produtturi Spanjoli.

(39)

Il-produtturi jikkompetu sa ċertu punt għal frott frisk mas-suq dirett ta’ prodott frisk għall-konsumaturi. Madankollu, din il-kompetizzjoni ma tiksirx din il-konnessjoni ta’ kkawżar. Raġuni ċara, sinifikanti għall-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem mis-suq relattivament baxxa tal-industrija Komunitarja pjuttost hi l-pressjoni ta’ importazzjonijiet massivi miċ-Ċina bi prezzijiet ferm baxxi. F’din is-sitwazzjoni, u meta jitqies li l-prezz tas-suq hu ddettat mill-importazzjonijet li jkopru aktar minn 70 % tas-suq, li jipparteċipaw fl-undercutting tal-prezzijiet, soppressjoni u depressjoni, ma jkunx ekonomiku li jkun ipproduċut aktar mingħajr aspettattivi raġonevoli għal bejgħ tal-prodott bi prezzijiet li jippermettu profitt normali. Għalhekk l-industrija Spanjola tista’ raġonevolament tipprovdi kwantitajiet b’mod sinifikanti ogħla bil-kundizzjoni li l-prezz tas-suq ma jippenalizzax ir-riżultati ekonomiċi tagħhom.

(40)

Fatt ieħor li jikkonferma din l-analiżi hu l-eżistenza konsistenti ta’ ammont sinifikanti ta’ ħażniet mill-produtturi tal-Komunità, li jenfasizzaw li s-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja seħħet mhux biss minħabba produzzjoni insuffiċjenti, iżda minħabba produzzjoni li ma tistax tinbiegħ minħabba l-pressjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(41)

Bħala prodott agrikolu, il-prezz tal-materja prima hu soġġett għal varjazzjonijiet staġunali minħabba n-natura agrikola tiegħu. Madankollu, fil-perjodu ta’ ħames snin analizzati, li inkludew ħsad bi prezzijiet aktar baxxi u ogħla, il-Kummissjoni tosserva li l-ħsara (jiġifieri b’forma ta’ telf finanzjarju) isseħħ irrispettivament minn dawn il-varjazzjonijiet u għalhekk ir-riżultati ekonomiċi tal-industrija Komunitarja mhumiex direttament korrelatati ma’ varjazzjonijiet staġjonali ta’ din ix-xorta.

4.   Id-differenzi fil-kwalità

(42)

Ċerti partijiet qalu li l-prodott Ċiniż kien ta’ kwalità ogħla mill-produzzjoni Komunitarja. Madankollu, kull differenza fil-prezz li tirriżulta minn dan ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti, u ma kienx hemm evidenza li l-preferenza allegata tal-konsumatur għal prodotti Ċiniżi kellha tkun tant intensiva li tkun il-kawża tas-sitwazzjoni ddeterjorata tal-industrija Komunitarja. Fi kwalunkwe każ differenzi allegati ta’ prezzijiet bħal dawn kellhom jiffavorixxu lill-prodott Ċiniż, iżidu l-livell ta’ undercutting/underselling. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument ssostanzjat ġdid, il-premessa (99) tar-Regolament provviżorju hi b’dan konfermata.

5.   Iż-żidiet tal-ispejjeż

(43)

Ċerti partijiet qalu li ż-żidiet tal-ispejjeż ta’ ċerti produtturi kienu l-kawża tal-ħsara. Dawn l-allegazzjonijiet ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx fatti bħal dawn li setgħu jibdlu l-valutazzjoni tal-kawżalità jew jaffettwaw il-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara.

(44)

Ċerti partijiet ippreżentaw kummenti dwar l-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni u l-inabbiltà tal-industrija Komunitarja li tnaqqashom. Ċerti punti ta’ spejjeż (bħalma hi l-enerġija) żdiedu, iżda l-impatt tagħhom mhux tant li jkisser il-konnessjoni tal-ikkawżar f’kuntest fejn ammont tassew sinifikanti ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi ddampjati qed jitfa’ lura l-bejgħ u l-produzzjoni (biex b’hekk jikbru l-unitajiet tal-ispejjeż Komunitarji) u jissopprimaw u jiddeprimaw il-prezzijiet tal-industrija Komunitarja.

6.   L-iskemi ta’ għajnuna

(45)

Kien allegat li l-iskemi ta’ għajnuna tal-KE kkawżaw tkabbir artifiċjali ta’ pproċessar fl-KE u mbagħad inkoraġġixxew livelli mnaqqsa ta’ provvista ta’ materja prima għall-prodott konċernat. Din l-allegazzjoni kienet ta’ natura ġenerali u ma kinitx issostanzjata b’mod suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, l-iskemi in kwistjoni kienu mmodifikati fl-1996 meta l-għajnuna ngħatat lill-bdiewa minflok lil dawk li jipproċessaw il-prodott konċernat. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx effetti residwali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li setgħet tkisser il-konnessjoni tal-ikkawżar. Fir-rigward tal-provvista, qed issir referenza għal premessi (40) u (41) hawn fuq.

7.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(46)

Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni jew argumenti ssostanzjati ġodda, il-premessi (87) sa (101) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

(47)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejba provviżorja ta’ eżistenza ta’ konnessjoni kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet Ċiniżi ddampjati hija kkonfermata.

H.   INTERESS KOMUNITARJU

1.   L-iżviluppi wara l-perjodu ta’ investigazzjoni

(48)

Mid-9 ta’ Novembru 2007 l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu soġġetti għar-reġistrazzjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1295/2007 tal-5 ta’ Novembru 2007 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni (“ir-Regolament tar-Reġistrazzjoni”) (7). Dan sar bl-għan ta’ impożizzjoni retroattiva possibbli ta’ dazji anti-dumping. Konsegwentement u eċċezzjonalment, l-iżviluppi wara l-PI ġew ukoll analizzati. Id-dejta tal-Eurostat tikkonferma li l-importazzjonijiet miċ-Ċina għandhom sinifikanti u din kienet ikkorroborata minn ċerti importaturi. Il-volum għall-aħħar 10 xhur wara l-PI laħaq livell ta’ 74 000 tunnellata fi prezzijiet baxxi stabbli.

2.   L-abbiltà tal-produtturi Komunitarji biex jiġi fornut is-suq Komunitarju

(49)

Għadd ta’ partijiet ikkummentaw dwar il-livell baxx tal-produzzjoni Spanjola, li huma qalu mhix kapaċi li tforni b’mod sħiħ is-suq Komunitarju. Filwaqt li hu korrett li jiġi ddikjarat li fis-sitwazzjoni preżenti l-industrija Komunitarja ma tfornix is-suq ġenerali tal-UE, għandu jkun innotat li dan il-fatt hu konness mall-effett tal-importazzjonijiet ta’ ħsara, kif spjegat hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, l-effett maħsub tal-miżuri mhux li jingħalaq is-suq Komunitarju għall-importazzjonijiet Ċiniżi, iżda biex jitneħħew l-effetti ta’ dumping dannuż. Minħabba fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ żewġ sorsi biss ta’ provvista ta’ dawn il-prodotti, hu meqjus li f’każ li jiġu imposti miżuri definittivi, il-prodotti Ċiniżi se jkomplu jgawdu minn talba sinifikanti fil-Komunità.

3.   L-interess tal-industrija u l-fornituri Komunitarji

(50)

Waħda mill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi allegat li miżuri anti-dumping mingħajr limitazzjonijiet ta’ kwantitajiet ma kinux se jgħinu biex tiġi protetta l-industrija Spanjola iżda kienu se joħolqu b’mod awtomatiku attivitajiet illegali ta’ kummerċ. Dan hu argument li jindika pjuttost il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jiżguraw monitoraġġ xieraq għall-inforzar tal-miżuri, pjuttost milli kontra l-benefiċċji li l-miżuri jista’ jkollhom għall-produtturi Komunitarji.

(51)

Importatur ieħor qal li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma kinitx se ttejjeb is-sitwazzjoni tal-produtturi Spanjoli, minħabba l-eżistenza ta’ ħażniet kbar akkumulati mill-importarturi fl-UE, li jistgħu jissodisfaw id-domanda tas-suq fil-futur ġejjieni. Id-daqs tal-ħażniet u tal-fenomenu tal-akkumulazzjoni tal-ħażniet kienu appoġġati minn importatur ieħor. Dawn il-kummenti jikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju u fi bnadi oħra f’dan ir-Regolament. Madankollu, qed jitfakkar li l-miżuri maħsuba biex jipprovdu serħan minn dumping dannuż matul perjodu ta’ ħames snin – mhux waħda biss.

(52)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument issostanzjat ġdid f’dan ir-rigward, il-konklużjoni meħuda fil-premessi (103) sa (106) u (115) tar-Regolament provviżorju dwar l-interess tal-industrija Komunitarja huma b’dan konfermati.

4.   L-interess ta’ importaturi/negozjanti indipendenti fil-Komunità

(53)

Importaturi li kkoperaw esprimew interess ġenerali fiż-żamma ta’ żewġ sorsi ta’ provvista tal-prodott konċernat, prinċipalment Spanja u ċ-Ċina, biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista bi prezzijiet kompetittivi.

(54)

Madankollu l-maġġoranza tal-importaturi, li kieku kellhom jiġu imposti miżuri definittivi, kienu jippreferu miżura li jkollha wkoll elementi kwantitattivi. Din mhix meqjusa adegwata, kif spjegat hawn taħt fil-premessa (68).

(55)

Id-dejta mill-importaturi fil-kampjun li kkoperaw kienet ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin tal-bottijiet jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-fatturat totali u li dawn iwettqu, bħala medja, livell ta’ profittabilità li taqbeż l-10 % matul kemm il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu tal-2004-2008.

(56)

Dak li ntqal hawn fuq jenfasizza li, wara li jitqies kollox, l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq l-importaturi/negozjanti ma kellux ikun disproporzjonat għall-effetti pożittivi li joriġinaw minnhom.

5.   L-interess tal-utenti/il-bejjiegħa bl-imnut

(57)

Utent, li jirrappreżenta anqas minn 1 % tal-konsum, ippreżenta kummenti ġeneriċi dwar id-disponibilità mnaqqsa tal-mandolin fl-UE u dwar il-kwalità superjuri tal-prodott Ċiniż. Hu kien mistieden biex jikkopera aktar billi jipprovdi dejta individwali iżda ma aċċettax u ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet tiegħu. Bejjiegħ bl-imnut ieħor, membru tal-assoċjazzjoni prinċipali tal-importaturi, oppona b’mod ġenerali żieda fil-prezz. Ebda preżentazzjoni oħra li tikkonċerna l-interess tal-utenti/bejjiegħ bl-imnut ma twasslet matul l-investigazzjoni. F’din is-sitwazzjoni u fin-nuqqas ta’ kummenti ssostanzjati minn utenti/bejjiegħa bl-imnut, il-konklużjonijiet meħuda fil-premessi (109) sa (112) tar-Regolament provviżorju huma b’dan konfermati.

6.   L-interess tal-konsumaturi

(58)

Għall-kuntrarju ta’ dak li kien intqal minn wieħed mill-importaturi, tqies l-interess tal-konsumaturi f’dan l-istadju provviżorju. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni nġabru fil-qosor fil-premessi (113) u (114) tar-Regolament provviżorju. Partijiet oħra ssuġġerixxew li l-impatt fuq il-konsumaturi kellu jkun sinifikanti. Madankollu, ebda informazzjoni ma kienet ipprovduta u dan seta’ jitfa’ dubju fuq il-konklużjonijiet fil-premessi msemmija hawn fuq. Anki jekk dazji kellhom iwasslu għal żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur, ebda parti ma ħaditha kontra l-fatt li dan il-prodott kien parti ferm żgħira tan-nefqa għall-ikel domestiku. Għalhekk fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kummenti mill-konsumaturi u ta’ aktar informazzjoni ġdida u ssostanzjata dawn il-premessi huma kkonfermati.

7.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(59)

L-analiżi addizzjonali ta’ hawn fuq dwar l-interess inkwistjoni ma bidlitx il-konklużjonijiet provviżorji f’dan ir-rigward. Id-dejta tal-importaturi fil-kampjun li kkoperaw kient ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin tal-bottijiet jirrappreżentalhom anqas minn 6 % tal-fatturat totali u li huma wettqu, b’termini medji riżultat komdu matul kemm il-perjodu ta’ investigazzjoni kif ukoll matul il-perjodu eżaminat tal-2004-2008, għalhekk l-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi kien se jkun minimu. Kien ukoll aċċertat li l-impatt finanzjarju fuq il-konsumatur finali kellu jkun neġliġibbli, meta jitqies li jinxtraw kwantitajiet marġinali per capita fil-pajjiżi konsumaturi. Jitqies li l-konklużjonijiet rigward l-interess Komunitarju kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, dawn il-konklużjonijiet iddefiniti fir-Regolament provviżorju huma għalhekk konfermati b’mod definittiv.

I.   MIŻURI DEFINITTIVI

1.   Il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara

(60)

Importatur wieħed qal li l-marġni ta’ profitt fil-livell ta’ 6,8 % użat bħala referenza fl-istadju provviżorju kien ikkalkulat aktar milli kien. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-istess livell intuża u kien aċċettat għal miżuri ta’ salvagwardja bħala l-profitt attwali mwettaq mill-industrija Komunitarja fil-perjodu 1998/99 sa 2001/02. Dan jirreferi għall-profitti tal-produtturi Komunitarji f’sitwazzjoni normali ta’ kummerċ qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet li wasslu għall-ħsara fl-industrija. Għaldaqstant l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

(61)

Il-produtturi Komunitarji qalu li d-dazji provviżorji ma kkunsidrawx is-sitwazzjoni irregolari tas-suq tal-mandolin tal-bottijiet, fejn il-produzzjoni hi kkonċentrata f’pajjiż wieħed biss u l-parti l-kbira tal-bejgħ u tal-importazzjonijiet huma kkonċentrati f’pajjiż Ewropew ieħor. Minħabba dan intalab li l-kalkoli finali jikkunsidraw l-ispiża tat-trasport mill-pajjiż produttur lejn il-pajjiż konsumatur. Din it-talba kienet iġġustifikata u raġonevoli u kienu adattati kalkoli skond dan biex tiġi riflessa l-konċentrazzjoni tal-bejgħ fiż-żoni rilevanti tal-Komunità.

(62)

Parti waħda għamlet kummenti dwar il-kalkolu tal-undercutting u l-underselling. Fejn kien raġonevoli saru aġġustamenti fi stadju definittiv.

(63)

Il-marġni li rriżultaw tal-ħsara, li qiesu, meta raġonevoli, it-talbiet mill-partijiet interessati, espressi bħala perċentwali tal-valur totali tal-KAT (kost, asssigurazzjoni, tagħbija) waqt l-importazzjoni ta’ kull esportatur Ċiniż fil-kampjun kienu anqas mill-marġni ddampjati misjuba, kif ġej:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 100,1 %

Huangyan No. 1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang 48,4 %

Zhejiang Xinshiji Food Co., Ltd, u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshji Foods Co.,Ltd., Sanmen 92,0 %

Il-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun 90,6 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 100,1 %

2.   Ir-retroattività

(64)

Kif speċifikat fil-premessa (4), fid-9 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni ġiegħlet lill-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li joriġina mir-RPĊ ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni abbażi tat-talba tal-industrija Komunitarja. Din it-talba ġiet irtirata u għalhekk il-kwistjoni ma tkomplitx tiġi eżaminata.

3.   Il-miżuri definittivi

(65)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, u b’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell tal-marġnijiet l-aktar baxxi ta’ dumping u ta’ ħsara misjuba, skond ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tkun stabbilita skond dan fil-livell tal-ħsara misjuba

(66)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq u skond il-corrigendum ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali L 258 (8) id-dazju definittiv għandu jammonta kif ġej:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang 531,2 EUR/tunnellata

Huangyan No.1 Canned Food Factory Huangyan, Zhejiang, 361,4 EUR/tunnellata

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha HubeiXinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province 490,7 EUR/tunnellata

Produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun 499,6 EUR/tunnellata

Il-kumpaniji l-oħra kollha 531,2 EUR/tunnellata

4.   Il-forma tal-miżuri

(67)

Għadd ta’ partijiet talbu miżuri li ġabru flimkien elementi ta’ prezzijiet u ta’ kwantità, filwaqt li għal volum inizjali ta’ importazzjoni ma jitħallas ebda dazju jew tnaqqis ta’ dazju. F’ċerti każijiet, dan kien konness mas-sistema tal-liċenzji.

(68)

Din l-għażla tqieset iżda ma kinitx aċċettata, b’mod partikolari, għar-raġunijiet li ġejjin. Dazji anti-dumping kienu imposti għax il-prezz tal-esportazzjoni hu aktar baxx mill-valur normali. L-ammonti esportati lill-Komunità huma rilevanti għall-analiżi jekk importazzjonijiet iddampjati jikkawżaw ħsara. Madankollu, dawn l-ammonti huma, normalment, irrilevanti għal-livell tad-dazju li kellu jiġi impost. Fi kliem ieħor, jekk jinsab li importazzjonijiet iddampjati jikkawżaw ħsara, id-dumping jista’ jkun ikkumpensat b’dazju li japplika mill-ewwel kunsinna importata wara d-dħul fis-seħħ tad-dazju. Finalment, safejn jinsab li hu fl-interess tal-Komunità li matul ċertu perjodu, il-prodotti jistgħu jiġu importati mingħajr ma jiġu imposti dazji anti-dumping, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku jippermetti sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

(69)

Ċerti partijiet allegaw li kull forma ta’ miżuri mingħajr limitazzjoni kwantitattiva se jwasslu għall-ħrib mid-dazju. Il-partijiet irreferew għal darb’oħra għall-akkumulazzjoni tal-ħażniet li seħħew wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. L-analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermat li dan kien tentattiv ċar biex jiġu evitati d-dazji. Minħabba dawn l-istqarrijiet u minħabba l-fatti deskritti fir-regolament provviżorju fil-premessi (123) u (125), il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżviluppi biex tieħu l-azzjonijiet neċessarju ħalli tiżgura l-infurzar xieraq tal-miżuri.

(70)

Partijiet oħra argumentaw li l-miżuri kellhom jeskludu l-volumi li huma diġà soġġetti għall-kuntratti eżistenti ta’ bejgħ. Fil-prattika dan kellu jammonta għal eżenzjoni mid-dazji li setgħu jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri, u għalhekk dan ma kienx aċċettat. Qed issir ukoll referenza għal premessi (51) u (52) hawn fuq.

(71)

Ir-Regolament provviżorju impona dazju anti-dumping b’forma ta’ dazju speċifiku għal kull kumpanija li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara lill-prezzijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tad-dumping matul il-PI. Din il-metodoloġija hi kkonfermata fil-livell tal-miżuri definittivi.

5.   L-impenji

(72)

Fi stadju tard tal-investigazzjoni diversi produtturi esportaturi fir-RPĊ offrew impenji ta’ prezzijiet. Dawn ma tqisux li kienu aċċettabbli minħabba l-volatilità sinifikanti tal-prezzijiet ta’ dan il-prodott, ir-riskju ta’ evitar u ħrib ta’ dazju għal dan il-prodott (ara l-premessi (124) u (125) tar-regolament provviżorju), u l-fatt li, ma kien hemm ebda garanziji fl-offerti mill-parti tal-awtoritajiet Ċiniżibiex jippermettu monitoraġġ adegwat fil-kuntest ta’ kumpaniji li ma kinux mogħtija trattament ta’ ekonomija tas-suq

J.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(73)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġni tad-dumping misjub u minħabba l-livell tal-ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, jitqies meħtieġ li l-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju ta’ anti-dumping impost mir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-limitu tal-ammont ta’ dazji provviżorji imposti. Fil-każ tal-produtturi esportaturi li għalihom id-dazju definittiv hu kemm kemm ogħla mid-dazju provviżorju, l-ammonti provviżorji assigurati għandhom jinġabru fil-livell iddeterminat fir-Regolament provviżorju, skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament bażiku.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa b’dan impost dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin ippreparat u ppriżervat (inklużi t-tanġerin u s-satsumas), il-klementina, il-wilkings u frott taċ-ċitru ibridu ieħor simili, li mhux miżjud b’alkoħol, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra u kemm jekk le, u kif iddefinit fl-intestatura tan-NM 2008, li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jaqa’ fil-parametri tal-kodiċi tan-NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċi TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067, 2008309069).

2.   L-ammont tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

EUR/tunnellata

prodott b’piżnett

TARIC kodiċiaddizzjonali

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang

531,2

A886

Huangyan No.1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang,

361,4

A887

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province

490,7

A888

Il-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun kif imfassal fl-Anness

499,6

A889

Il-kumpaniji l-oħra kollha

531,2

A999

Artikolu 2

1.   F’każijiet fejn il-merkanziji ġarrbu ħsara qabel ma ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u għalhekk, il-prezz li tħallas attwalment jew li għandu jitħallas hu mqassam għad-determinazzjoni tal-valur tad-dazju skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (9), l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-Artikolu 1 hawn fuq, irid jitnaqqas b’perċentwali li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas.

2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 3

1.   L-ammonti assigurati permezz ta’ dazju provviżorju ta’ anti-dumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008 għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata ta’ dazju provviżorju.

2.   Għall-produtturi esportaturi li kkoperaw li skorrettament ma kinux elenkati fl-Anness ta’ produtturi esportaturi li kkoperaw għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008, prinċipalment Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd, Xiangshan, Ningbo, Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd, Ningbo, Zhejiang u Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd, Yidu, Hubei, l-ammonti assigurati li huma aktar mid-dazju provviżorju applikabbli għall-produtturi li kkoperaw li mhumiex inklużi mal-kampjun għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU C 246, 20.10.2007, p. 15.

(3)  ĠU L 178, 5.7.2008, p. 19

(4)  ĠU L 288,, 6.11.2007, p. 22.

(5)  ĠU L 290, 8.11.2003, p. 3.

(6)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67.

(7)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 22.

(8)  ĠU L 258, 26.9.2008, p. 74

(9)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun (TARIC kodiċi addizzjonali A889)

 

Hunan Pointer Foods Co., Ltd, Yongzhou, Hunan

 

Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd, Xiangshan, Ningbo

 

Yichang Jiayuan Foodstuffs Co., Ltd, Yichang, Hubei

 

Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd, Ningbo, Zhejiang

 

Huangyan No.2 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang

 

Zhejiang Xinchang Best Foods Co., Ltd, Xinchang, Zhejiang

 

Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd, Yidu, Hubei

 

Guangxi Guiguo Food Co., Ltd, Guilin, Guangxi

 

Zhejiang Juda Industry Co., Ltd, Quzhou, Zhejiang

 

Zhejiang Iceman Group Co., Ltd, Jinhua, Zhejiang

 

Ningbo Guosheng Foods Co., Ltd, Ninghai

 

Yi Chang Yin He Food Co., Ltd, Yidu, Hubei

 

Yongzhou Quanhui Canned Food Co., Ltd, Yongzhou, Hunan

 

Ningbo Orient Jiuzhou Food Trade & Industry Co., Ltd, Yinzhou, Ningbo

 

Guangxi Guilin Huangguan Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

 

Ningbo Wuzhouxing Group Co., Ltd, Mingzhou, Ningbo


Top