EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1336

Regolament (KE) Nru 1336/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 biex jadattah għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 354, 31.12.2008, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 053 P. 149 - 150

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1336/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/60


REGOLAMENT (KE) Nru 1336/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 biex jadattah għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (3) jipprovdi għall–armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u it-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet fi ħdan il-Komunità. Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta' sustanzi perikolużi (4) kif ukoll id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (5).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jibni fuq l-esperjenza mad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE u jinkorpora l-kriterji għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet previsti mis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar ta' Sustanzi Kimiċi (GHS) li ġiet adottata fil-livell internazzjonali, fi ħdan l-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Ċerti dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar stabbiliti fid-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE iservu wkoll għall-għan ta' l-applikazzjoni ta' leġislazzjoni Komunitarja oħra, bħar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar id-deterġenti (6).

(4)

Analiżi ta' l-effetti potenzjali tas-sostituzzjoni tad-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE u l-introduzzjoni tal-kriterji GHS wasslu għall-konklużjoni li billi jiġu adattati r-referenzi għal dawk id-Direttivi fir-Regolament (KE) Nru 648/2004, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-att għandu jinżamm.

(5)

It-tranżizzjoni mill-kriterji għall-klassifikazzjoni li jinsabu fid-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE għandha titlesta għal kollox fl-1 ta' Ġunju 2015. Il-manifatturi tad-deterġenti huma manifatturi, importaturi jew utenti “downstream” fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għandhom għalhekk jingħataw il-possibbiltà taħt dan ir-Regolament biex jadattaw ruħhom għal dik it-tranżizzjoni f'perijodu ta' żmien simili għal dak previst fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (KE) Nru 648/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

il-kelma “preparazzjoni” jew “preparazzjonijiet” fit-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fil-verżjoni tiegħu tat-30 ta' Diċembru 2006, għandha tiġi sostitwita bi “taħlita” jew “taħlitiet” rispettivament tul it-test kollu;

(2)

fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 9, il-frażi introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Bla ħsara għall-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (*), il-manifatturi li jqiegħdu fis-suq is-sustanzi u/jew it-taħlitiet koperti b'dan ir-Regolament għandhom iżommu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri:

(*)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.”"

(3)

l-Artikolu 11(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-paragrafi 2 sa 6 huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet fir-Regolament (KE) Nru 1272.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-Punti (2) u (3) ta' l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 50.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008.

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(5)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 104, 30. 12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Verżjoni kkorreġuta bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.


Top