Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1275

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas- 17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 339, 18.12.2008, p. 45–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 054 P. 144 - 151

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1275/oj

18.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 339/45


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1275/2008

tas-17 ta’ Diċembru 2008

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti ta’ ekodisinn għal prodotti li jaħdmu bl-elettriku u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li li kkonsultat mal-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2005/32/KE ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom jiġu ffissati mill-Kummissjoni għal prodotti li jaħdmu bl-elettriku li jirrappreżentaw volumi kbar ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali qawwi u li jippreżentaw potenzjal kbir għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 16(2), it-tieni inċiż tad-Direttiva 2005/32/KE, jipprovdi li skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara li kkonsultat mal-Forum ta’ Konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tintroduċi, kif jidhrilha li huwa xieraq, miżura ta’ implimentazzjoni separata biex titnaqqas il-ħela mill-konsum bil-modalità standby għal grupp ta’ prodotti.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju preparatorju li analizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-ħela mill-konsum bil-modalità standby u l-modalità mitfija. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-UE u pajjiżi terzi, u r-riżultati saru disponibbli għall-pubbliku.

(4)

Fl-istudju preparatorju, ġie ddikjarat li l-ħela mill-konsum bil-funzjonalitajiet standby u bil-modalità mitfija sseħħ fil-każ tal-maġġoranza tal-prodotti tal-elettriku u elettroniċi tad-dar u tal-uffiċċju li jinbiegħu fil-Komunità, filwaqt li l-konsum tal-elettriku annwali marbut mal-ħela mill-konsum bil-funzjonalitajiet standby u l-modalità mitfija ġie stmat li fl-2005 laħħaq 47 TWh, li jikkorrespondu għal 19 Mt CO2 ta’ emissjonijiet. Jekk ma jittieħdux miżuri speċifiċi, huwa mbassar li sal-2020, il-konsum sejjer jiżdied għal 49 TWh. Ġie konkluż li l-konsum tal-elettriku dovut għall-ħela ta’ enerġija mill-funzjonalitajiet standby u l-modalità mitfija jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti.

(5)

It-titjib fil-konsum tal-elettriku dovut għall-ħela ta’ enerġija mill-funzjonalitajiet standby u l-modalità mitfija għandu jinkiseb billi jiġu applikati teknoloġiji eżistenti li huma effikaċi mil-lat finanzjarju u li ma jappartjenux għal ebda proprjetarju partikolari, li jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż għax-xiri tat-tagħmir u l-ispejjeż għat-tħaddim tiegħu flimkien.

(6)

Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għall-konsum tal-elettriku fil-modalità standby u l-modalità mitfija ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju għandhom jiġu ffissati bil-għan li jiġu armonizzati r-rekwiżiti ta’ ekodisinn għall-modalità standby u l-modalità mitfija madwar il-Komunità kollha u li jkunu ta’ kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti affettwati.

(7)

Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn ma għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-funzjonalità tal-prodott u ma għandhomx jaffettwaw lis-saħħa, lis-sikurezza u lill-ambjent b’mod negattiv. B’mod partikolari, il-benefiċċji mit-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku matul il-fażi tal-użu għandhom jikkumpensaw tajjeb ħafna l-impatti ambjentali potenzjali addizzjonali matul il-fażi ta’ produzzjoni ta’ tagħmir li għandu l-funzjonalitajiet standby u/jew il-modalità mitfija.

(8)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun limitata għall-prodotti ta’ tagħmir tad-dar u tal-uffiċċji maħsuba għal użu f’ambjent domestiku, li, fil-każ ta’ tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni, jikkorrespondi għat-tagħmir tal-klassi B kif stabbilit fl-EN 55022:2006. L-iskop għandu jkun definit b’tali mod li tagħmir li ma jkunx għadu disponibbli fis-suq, iżda li jkollu funzjonalitajiet simili għal dawk il-prodotti msemmija espliċitament f’dan ir-Regolament ikun iddisinjat b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti. Meta jkun xieraq, emenda għal dan ir-Regolament tista’ tikkomplimenta l-lista ta’ prodotti.

(9)

Modalitajiet ta’ tħaddim mhux koperti b’dan ir-Regolament, bħall-modalità ACPI S3 tal-kompjuters, għandhom jiġu kkunsidrati f’miżuri implimentattivi speċifiċi għall-prodott skond id-Direttiva 2005/32/KE.

(10)

Bħala regola ġenerali, rekwiżiti dwar il-modalità standby u mitfija stabbiliti f’miżuri implimentattivi speċifiċi għall-prodott skond id-Direttiva 2005/32/KE ma għandhomx ikunu inqas ambizzjużi minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex jimpedixxu telf ta’ enerġija bla bżonn, idealment il-prodotti għandhom jidħlu fi stat ta’ konsum “0-Watt” meta ma jkunu qegħdin jaqdu ebda funzjoni. Il-fattibbiltà teknika u kemm dan ikun xieraq għandhom jiġu kkunsidrati fuq il-bażi ta’ “prodott, prodott,” fil-miżura implimentattiva rilevanti skond id-Direttiva 2005/32/KE.

(12)

Id-dħul fis-seħħ f’żewġ stadji tar-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandu jipprovdi lill-manifatturi bi skadenzi xierqa biex jiddisinjaw il-prodotti mill-ġdid fejn għandha x’taqsam il-ħela tal-elettriku mill-funzjonalitajiet standby u l-modalità mitfija. Il-waqt meta ż-żewġ fażijiet jidħlu fis-seħħ għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jiġu evitati l-impatti negattivi marbuta mal-funzjonalitajiet tat-tagħmir fis-suq u għandhom ukoll jitqiesu l-ispejjeż involuti għall-manifatturi, speċjalment għall-SMEs filwaqt li jiġi żgurat l-ilħuq f’waqtu tal-għanijiet tal-politika. Il-kejl tal-konsum tal-elettriku għandu jsir waqt li tiġi kkunsidrata l-aħħar u l-aħjar teknoloġija li tkun rikonoxxuta b’mod ġenerali; il-manifatturi jistgħu japplikaw l-istandards armonizzati b’mod konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/32/KE.

(13)

Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq tat-teknoloġiji li jipproduċu effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija fir-rigward tal-ħela tal-elettriku mill-funzjonalitajiet standby u l-modalità mitfija, li huwa stmat li jsarraf fi ffrankar ta’ elettriku li jlaħħaq 35 TWh sal-2020 meta mqabbel ma’ xenarju ta’ “operat bħas-soltu”.

(14)

Skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika li l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli huma s-sistema ta’ kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV u s-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE.

(15)

Sabiex jiffaċilitaw il-kontroll tal-konformità, il-manifatturi għandhom jintalbu jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2005/32/KE dwar il-kundizzjonijiet operattivi soġġetti għad-definizzjonijiet tal-modalità standby u l-modalità mitfija, u l-livelli ta’ konsum ta’ elettriku li jikkorrispondu magħhom.

(16)

Għandhom jiġu identifikati termini ta’ riferiment għat-teknoloġiji attwalment disponibbli b’konsum ta’ elettriku baxx fil-modalità standby u l-modalità nitfija. Dan jgħin biex jiġu żgurati kemm disponibbiltà kbira kif ukoll aċċess faċli għall-informazzjoni, speċjalment għall-SMEs u d-ditti li huma żgħar ħafna. Dan ikompli jiffaċilita l-integrazzjoni tat-teknoloġiji tal-aħjar disinn għat-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku fil-każ tal-modalità standby u l-modalità mitfija.

(17)

Il-kejl previst f’dan ir-Regolament sar skond l-opinjoni tal-Kumitat maħluq mill-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE.

ADOTTAT IR-REGOLAMENT LI ĠEJ:

Artikolu 1

Materja u skop tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti ta’ ekodisinn marbuta mal-konsum tal-elettriku fil-modalità standby u l-modalità mitfija. Dan ir-Regolament japplika għat-tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/32/KE. Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju” (minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalih bħala “tagħmir”), ifisser kwalunkwe prodott li jaħdem bl-elettriku li

(a)

huwa disponibbli kummerċjalment bħala unità funzjonali unika u huwa maħsub għall-utent aħħari;

(b)

jaqa’ taħt il-lista ta’ prodotti li jaħdmu bl-elettriku li tidher fl-Anness I;

(c)

huwa dipendenti fuq il-konsum tal-enerġija mill-mejn biex jaħdem kif suppost; u

(d)

huwa ddisinjat għall-użu b’rata ta’ vultaġġ nominali ta’ 250 V jew inqas,

ukoll meta mqiegħed fis-suq għal użu mhux fid-dar jew fl-uffiċċju,

(2)

“modalità/modalitajiet standby” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u biex jaħdem kif suppost ikun dipendenti fuq il-konsum tal-enerġija mill-mejn, u jkun jipprovdi biss dawn il-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:

funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni biss ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni operattiva, u/jew

indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat.

(3)

“funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li tiffaċilita l-attivazzjoni ta’ modalitajiet oħra nkluża l-modalità attiva, permezz ta’ swiċċ mill-bogħod, inklużi l-kontroll bir-rimowt, senser intern, l-issettjar tal-ħin (timer) għal kundizzjoni li tipprovdi funzjonijiet addizzjonali, inkluża l-funzjoni ewlenija;

(4)

“indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat” tfisser funzjoni kontinwa li turi fuq indikatur jew fuq wiċċ ta’ arloġġ tagħrif jew indikazzjoni tal-istatus li jkun jinsab fih it-tagħmir;

(5)

“modalità/modalitajiet attiva/i)” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin li tipprovdi s-servizz maħsub tat-tagħmir tkun attivata;

(6)

“modalità mitfija” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn imma ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni; dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma wkoll meqjusa bħala modalità mitfija:

(a)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss indikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ modalità mitfija,

(b)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw kompatibbiltà elettromanjetika skond id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

“tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni” tfisser tagħmir li l-funzjoni primarja tiegħu hija jew id-dħul, il-ħżin, il-wiri, l-irkupru it-trasmissjoni, l-ipproċessar, l-iswiċċjar jew il-kontroll tad-dejta u ta’ messaġġi tat-telekomunikazzjoni, jew kombinazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet u jkun mgħammar b’port terminali wieħed jew aktar li tipikament jitħaddem jew jitħaddmu għat-trasferiment tal-informazzjoni.

(8)

“ambjent domestiku” tfisser ambjent fejn jista’ jkun mistenni użu ta’ riċevituri ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-limiti ta’ distanza ta’ 10 m mill-apparat ikkonċernat.

Artikolu 3

Rekwiżiti ta’ ekodisinn

Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn marbuta mal-konsum tal-elettriku fil-modalità standby u l-modalità mitfija huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema ta’ kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE u s-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifikazzjoni għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Il-kontroll tas-sorveljanza għandu jitwettaq skond il-proċedura ta’ verifikazzjoni stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 6

Termini ta’ riferiment

It-termini ta’ riferiment indikattivi għall-prodotti u t-teknoloġija tal-aħjar prestazzjoni li huma attwalment disponibbli fis-suq huma identifikati fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Mhux aktar tard minn 6 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fil-kuntest tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Punt 1 tal-Anness II għandu jibda japplika minn sena wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Il-Punt 2 tal-Anness II għandu jibda japplika minn erba’ snin wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24.


ANNESS I

Lista ta’ prodotti li jaħdmu bl-elettriku koperti b’dan ir-Regolament

1.

Apparat domestiku

Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ

Magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ

Magni għall-ħasil tal-platti

Tisjir:

Fran tal-elettriku

Hot plates tal-elettriku

Fran li jaħdmu bil-microwaves (Microwaves)

Towsters

Twaġen għall-qali tal-ikel

Magni tat-tħin, magni tal-kafé u tagħmir għall-ftuħ u l-issiġillar tal-kontenituri jew l-imballaġġ

Skieken tal-elettriku

Apparat ieħor għat-tisjir u għal ipproċessar ieħor tal-ikel, tindif u manutenzjoni tal-ħwejjeġ.

Apparat għall-qtugħ tax-xagħar, għat-tnixxif tax-xagħar, għall-għarik tas-snien, għat-tqaxxir tal-leħja, għall-massaġġi u apparat ieħor tal-kura tal-ġisem

Mwieżen

2.

Tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni maħsub primarjament għall-użu fl-ambjent domestiku

3.

Tagħmir ta’ konsum

Settijiet tar-radju

Settijiet tat-televiżjoni

Vidjow kameras

Vidjow rikorders

Rikorders Hi-fi

Amplifikaturi tal-awdjo

Sistemi tat-tip “home theatre”

Strumenti mużikali

U tagħmir ieħor biex jirrikordja jew jirriproduċi l-ħoss jew l-istampa, inklużi s-sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u l-istampa għajr permezz tat-telekomunikazzjoni

4.

Ġugarelli, tagħmir sportiv u ta’ rikreazzjoni

Ferroviji tal-elettriku jew settijiet tat-tlielaq tal-karozzi

Konsowls tal-logħob bil-kompjuter li jinżammu fl-idejn

Tagħmir sportiv b’komponenti tal-elettriku jew elettroniċi

Ġugarelli, tagħmir tad-divertiment u sportiv oħrajn


ANNESS II

Rekwiżiti ta’ ekodisinn

1.

Sena wara li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament:

(a)

Konsum tal-elettriku fil-“Modalità mitfija”:

Il-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni “Modalità mitfija” ma għandux jaqbeż 1.00 W.

(b)

Konsum tal-elettriku fil-“Modalità (modalitajiet) Standby”:

Il-konsum tal-elettriku fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċi indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni operattiva, ma għandux jaqbeż 1.00 W.

Il-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat, jew li tipprovdi biss kombinazzjoni tal-funzjoni ta’ riattivazzjoni u tal-indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat, ma għandux jaqbeż 2.00 W.

(c)

Disponibbiltà tal-modalità Mitfija u/jew il-modalità Standby

It-tagħmir għandu jipprovdi, għajr fejn dan ma jkunx jixraq għall-użu maħsub, il-modalità Mitfija u/jew il-modalità Standby, u/jew xi kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti ta’ konsum tal-elettriku applikabbli għall-modalità mitfija u l-modalità standby meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn.

2.

Erba’ snin wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ:

(a)

Il-konsum tal-elettriku fil-“modalità Mitfija”:

Il-konsum tal-elettriku tat-tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni b’modalità mitfija ma għandux jaqbeż 0.50 W.

(b)

Konsum tal-elettriku fil-“Modalità (modalitajiet) Standby”:

Il-konsum tal-elettriku fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew li tipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċi indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni operattiva, ma għandux jaqbeż 0.50 W.

Il-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni li tipprovdi biss indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat, jew li tipprovdi biss kombinazzjoni tal-funzjoni ta’ riattivazzjoni u tal-indikatur informattiv jew tal-istatus tal-apparat, ma għandux jaqbeż 1.00 W.

(c)

Disponibbiltà tal-modalità Mitfija u/jew il-modalità Standby

It-tagħmir għandu jipprovdi, għajr fejn dan ma jkunx jixraq għall-użu maħsub, il-modalità Mitfija u/jew il-modalità Standby, u/jew xi kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti ta’ konsum tal-elettriku applikabbli għall-modalità mitfija u l-modalità standby meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn.

(d)

Ġestjoni tal-enerġija

Meta tagħmir ma jkunx qed jipprovdi l-funzjoni ewlenija tiegħu, jew meta ma jkunx hemm prodott(i) ieħor/oħra li jaħdem jew jaħdmu bl-elettriku jiddependi/u mill-funzjonijiet tiegħu jew tagħhom, dan għandu joffri, sakemm ikun jixraq skond l-użu maħsub, funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija, jew funzjoni simili, li wara l-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli xieraq għall-użu maħsub tal-apparat, tiswiċċjah awtomatikament għal

Modalità Standby, jew

Modalità Mitfija, jew

Kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku applikabbli għall-modalità mitfija u/jew il-modalità standby meta l-apparat ikun imqabbad mal-mejn. Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għandha tiġi attivata qabel il-kunsinna tal-prodott.

3.

Kejl

Il-konsum tal-elettriku msemmi fil-Punti 1.a), 1.b), 2.a) u 2.b) għandu jiġi ffissat bi proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-possibbiltajiet teknoloġiċi l-aktar riċenti rikonoxxuti b’mod ġenerali.

Il-kejl ta’ enerġija ta’ 0.50 W jew iktar għandu jsir b’fattur ta’ inċertezza ta’ inqas minn jew ugwali għal 2 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Il-kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0.50 W għandu jsir b’fattur ta’ inċertezza ta’ inqas minn jew ugwali għal 0.01 W b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

4.

Informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi

Għall-għanijiet ta’ valutazzjoni tal-konformità skond l-Artikolu 4, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

Għal kull modalità standby u/jew modalità mitfija

Id-dejta dwar il-konsum tal-elettriku f’Watts imqarrba għat-tieni punt deċimali

Il-metodu ta’ kejl li ġie applikat

Deskrizzjoni ta’ kif intagħżlet jew kif ġiet ipprogrammata l-modalità tal-apparat

Is-sekwenza tal-passi li għandhom jiġu segwiti biex tasal għall-modalità li fiha l-apparat jibdel għal modalitajiet oħra awtomatikament

Kwalunkwe noti dwar kif jaħdem l-apparat

(b)

Il-parametri tal-ittestjar għall-kejl

It-temperatura tal-ambjent

Il-vultaġġ tat-test f’V u l-frekwenza f’Hz

Id-distorzjoni armonika totali tas-sistema tal-provvista tal-elettriku

Informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-istrumentazzjoni, il-muntatura u ċ-ċirkuwiti użati għall-ittestjar tal-elettriku

(c)

Il-karatteristiċi tat-tagħmir rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Punt 1.ċ), jew ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Punti 2.ċ) u/jew 2.d), kif applikabbli, inkluż il-ħin li jittieħed biex tintlaħaq awtomatikament il-modalità standby, jew il-modalità Mitfija, jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku applikabbli għall-modalità standby jew għall-modalità Mitfija.

B’mod partikolari, jekk applikabbi, għandha tingħata ġustifikazzjoni teknika għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Punt 1.ċ), jew ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Punti 2.ċ) u/jew 2.d), ma jixirqux għall-użu maħsub tal-apparat.


ANNESS III

Proċedura ta’ verifikazzjoni

Meta titwettaq il-verifikazzjoni tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fid-Direttiva 2005/32/KE, l-Artikolu 3 (2), l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifikazzjoni li ġejja għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, il-Punti 1.a) u 1.b), jew il-Punti 2.a) u 2.b), kif applikabbli.

Għar-rekwiżiti ta’ konsum tal-elettriku ikbar minn 1,00 W: L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità unika waħda.

Il-mudell għandu jitqies li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, il-Punti 1.a) u 1.b), jew il-Punti 2.a) u 2.b), kif applikabbli, ta’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għall-kundizzjonijiet modalità mitfija u modalità standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri tal-limitu b’aktar minn 10 %.

Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies li jkun konformi mar-Regolament jekk il-medja tar-riżultati ta’ dawn it-tliet testijiet tal-aħħar għall-kundizzjonijiet modalità mitfija u modalità standby, kif applikabbli, ma taqbiżx il-valuri tal-limitu b’aktar minn 10 %.

Għar-rekwiżiti ta’ konsum tal-elettriku inqas minn jew ugwali għal 1,00 W: L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità unika waħda.

Il-mudell għandu jitqies li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, il-Punti 1.a) u 1.b), jew il-Punti 2.a) u 2.b), kif applikabbli, ta’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għall-kundizzjonijiet modalità mitfija u/jew modalità standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri tal-limitu b’aktar minn 0.10 W.

Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies li jkun konformi mar-Regolament jekk il-medja tar-riżultati ta’ dawn it-tliet testijiet tal-aħħar għall-kundizzjonijiet modalità mitfija u/jew modalità standby, kif applikabbli, ma taqbiżx il-valuri tal-limitu b’aktar minn 0,10 W.

Jekk dan ma jkunx il-każ, il-mudell jitqies li ma huwiex konformi.


ANNESS IV

Termini ta’ Riferiment

It-termini ta’ riferiment li ġejjin qegħdin jiġu identifikati għall-iskop tal-Anness I, parti 3, il-punt 2, tad-Direttiva 2005/32/KE:

Modalità mitfija: 0 W-0.3 W bl-iswiċċ għad-diżattivazzjoni (hard-off switch) fuq in-naħa prinċipali, u dan jiddependi, inter alia, mill-karatteristiċi marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika skond id-Direttiva 2004/108/KE.

Modalità standby – funzjoni ta’ riattivazzjoni: 0,1 W

Modalità standby – indikatur: indikaturi sempliċi u LEDs ta’ qawwa baxxa ta’ 0,1 W, indikaturi akbar (eż. għall-arloġġi) jeħtieġu qawwa akbar.


Top