EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0753

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2008 tal- 31 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1299/2007 dwar ir-rikonoxximent ta’ gruppi tal-produtturi fis-settur tal-ħops

OJ L 205, 1.8.2008, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 026 P. 306 - 308

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/753/oj

1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 753/2008

tal-31 ta’ Lulju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1299/2007 dwar ir-rikonoxximent ta’ gruppi tal-produtturi fis-settur tal-ħops

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 (1) li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), u b’mod partikolari l-Artikolu 127 flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1952/2005 tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħops (2) għandu jitħassar mill-1 ta’ Lulju 2008 skond l-Artikolu 201(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS).

(2)

Ċerti dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1952/2005 marbuta mai-gruppi tal-produtturi ma ġewx inkorporati fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Sabiex is-settur tal-ħops ikun jista’ jibqa’ jiffunzjona kif suppost, jeħtieġ li jiġu stipulati dawk id-dispożizzjonijiet fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1299/2007 tas-6 ta’ Novembru 2007 dwar ir-rikonoxximent ta’ gruppi tal-produtturi fis-settur tal-ħops (3).

(3)

Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jistipula fl-Artikolu 122 l-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi mill-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet għandhom jiġu speċifikati għas-settur tal-ħops. Għall-konsistenza, it-terminu “gruppi tal-produtturi” għandu jibqa’ jintuża f’dak is-settur.

(4)

Sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn il-produtturi u biex tiġi żgurata l-unità u l-effettività ta’ kull azzjoni meħuda, għandhom jiġu stipulati kundizzjonijiet, għall-Komunità kollha, li jridu jikkonformaw magħhom il-gruppi tal-produtturi biex jikkwalifikaw għall-għarfien mill-Istati Membri, Sabiex tinkiseb ċentralizzazzjoni effettiva tal-provvista, jeħtieġ partikolament li l-gruppi jkunu ta’ daqs ekonomikament vijabbli u li l-produzzjoni kollha tal-produtturi titqiegħed fis-suq direttament jew mill-grupp jew mill-produtturi, skond regoli komuni.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1299/2007 għandu jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1299/2007 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-awtorità kompetenti li tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ipprovdut fl-Artikolu 122 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 234/2007 (*), minn hawn ’il quddiem “gruppi tal-produtturi”, għandha tkun l-Istat Membri li fi ħdan it-territorju tiegħu il-grupp tal-produtturi jkollu l-uffiċju rreġistrat.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-gruppi tal-produtturi li jitolbu r-rikonoxximent u li jwettqu l-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

(a)

ikollhom il-personalità ġuridika jew kapaċità ġuridika biżżejjed biex ikun soġġetti, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għad-drittijiet u l-obbligi;

(b)

japplikaw regoli komuni għall-produzzjoni u l-ewwel stadju tat-tqegħid fi-suq skond it-tifsira tat-tieni subparagrafu;

(c)

l-istatuti tagħhom jinkludu obbligu għall-produtturi li huma membri ta’ gruppi biex:

(i)

jimxu mar-regoli komuni dwar il-produzzjoni u d-deċiżjonijiet dwar il-varjetajiet li jridu jitkabbru,

(ii)

iqiegħdu fis-suq il-prodott kollu tagħhom permezz tal-grupp;

(d)

jagħtu prova ta’ attività ekonomikament vijabbli;

(e)

jeskludu mill-qasam ta’ l-attività tagħhom kull diskriminazzjoni bejn il-produtturi tal-Komunità jew gruppi skond, b’mod partikolari, in-nazzjonalità jew il-post fejn huma stabbiliti;

(f)

jiggarantixxu lill-produtturi kollha li jiddeċiedu li jħarsu l-istatuti, mingħajr diskriminazzjoni, id-dritt li jkunu parti minn grupp;

(g)

l-istatuti tagħhom jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-membri ta’ grupp li jixtiequ jċedu s-sħubija tagħhom jistgħu jagħmlu hekk wara li jkunu ilhom membri għal tliet snin u sakemm jgħarrfu lill-grupp bil-ħsieb tagħhom mill-inqas sena qabel jitilqu, bla ħsara għal-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali mfassla biex iħarsu, f’każijiet speċifiċi, il-grupp jew il-kredituri tiegħu mill-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jinqalgħu meta membru jitlaq, jew li jżommu lil membru milli jitlaq waqt is-sena finanzjarja;

(h)

jinkludu fl-istatuti tagħhom l-obbligu li jżommu kontijiet separati għall-attivitajiet li għalihom kienu rikonoxxuti;

(i)

ma jokkupawx pożizzjoni dominanti fil-Komunità.

L-ewwel stadju ta’ tqegħid fis-suq tfisser il-bejgħ tal-ħops mill-produttur innifsu jew, fil-każ tal-grupp tal-produtturi, il-bejgħ tal-ħops mill-membri tiegħu lin-negozjant bl-ingrossa jew lill-industriji utenti.

3.   L-obbligu pprovdut fil-paragrafu 2(c) m’għandux japplika għal prodotti koperti minn kuntratti ta’ bejgħ konklużi mill-produtturi qabel ma ssieħbu mal-grupp tal-produtturi, sakemm dan ta’ l-aħħar jiġi mgħarraf dwar u approva tali kuntratti.

4.   B’derogra mill-paragrafu 2(c)(ii), meta grupp tal-produtturi jawtorizza hekk u skond il-kundizzjonijiet li jistipula, il-membri tal-grupp tal-produtturi jistgħu:

(a)

jibdlu l-obbligu li jkollhom il-produzzjoni kollha mqiegħda mis-suq mill-grupp tal-produtturi pprovdut fil-paragrafu 2(c)(ii) bl-obbligu li t-tqegħid fis-suq sisir skond regoli komuni inkorporati fl-istatuti, sabiex jiġi żgurat li l-grupp ta’ produtturi jkollu d-dritt jimmonitorja prezzijiet tal-bejgħ, li jrid japprova, u jekk jonqos milli jagħmel dan il-grupp ikollu jixtri lura l-ħops ikkonċernati bi prezz ogħla;

(b)

iqiegħdu fis-suq, permess ta’ l-uffiċċji ta’ grupp ieħor ta’ produtturi magħżul mill-grupp tagħhom stess, prodotti li minħabba l-karatteristiċi tagħhom m’humiex neċessarjament koperti bl-attivitajiet kummerċjali ta’ dan l-aħħar.

5.   Ir-regoli komuni msemmija fil-paragrafu 2, punti (b) u (c)(i) għandhom jiġu stabbiliti bil-miktub. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu għall-inqas:

(a)

fejn tidħol il-produzzjoni:

(i)

dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ varjetà speċifikata jew aktar meta l-mixtliet jiġġeddu jew meta jinħolqu l-ġodda;

(ii)

dispożizzjonijiet dwar il-konformità ma’ ċerti metodi ta’ tkabbir u protezzjoni tal-pjanti,

(iii)

dispożizzjonijiet dwar il-ħsad, it-tnixxif u, fejn xieraq, it-tħejjija għat-tqegħid fis-suq;

(b)

fejn jidħol it-tqegħid fis-suq, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-konċentrazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-provvista:

(i)

disposizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-bejgħ mill-grupp,

(ii)

dispożizzjonijiet marbuta mal-kwantitajiet li l-produtturi huma awtorizzati jbigħu huma stess u r-regoli li jirregolaw dak il-bejgħ,

(*)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”"

(2)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   B’konformità mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1234/2007, Stat Membru jista’ jiġi awtorizzat, fuq talba, jagħraf grupp li ż-żoni reġistrati tiegħu jinkludu anqas minn 60 ettaru, jekk iz-zoni jinsabu f’reġjun ta’ produzzjoni magħruf li kopri anqas minn 100 ettaru”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

(2)  ĠU L 314, 30.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 289, 7.11.2007, p. 4.


Top