Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0657

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 ta’ l- 10 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni

OJ L 183, 11.7.2008, p. 17–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 039 P. 234 - 243

No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2017; Imħassar b' 32017R0040

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/657/oj

11.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 183/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 657/2008

ta’ l-10 ta’ Lulju 2008

li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 102 flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2707/2000; tal-11 ta’ Diċembru 2000 li jipprovdi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni (2) ġie sostanzjalment emendat diversi drabi (3). Peress li huma meħtieġa aktar emendi, dak ir-Regolament għandu jiġi revokat u sostitwit b’Regolament ġdid fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità.

(2)

L-għajnuna għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola għandha tkun disponibbli fl-iskejjel tan-nuna (nurseries), fi stabbilimenti oħrajn ta’ qabel l-iskola kif ukoll fl-iskejjel primarji u sekondarji. Fid-dawl tal-ġlieda kontra l-obeżità, u sabiex it-tfal jingħataw prodotti mill-ħalib li jkunu tajbin għas-saħħa, dawn it-tipi ta’ skejjel għandhom ikunu trattati bl-istess mod u jkollhom aċċess għall-iskema. Sabiex tkun issemplifikata l-ġestjoni, il-konsum mit-tfal ta’ l-iskola li jkunu f’kampijiet għall-btajjel ta’ l-iskejjel għandu jiġi eskluż.

(3)

Sabiex tkun iċċarata l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna, għandu jkun enfasizzat li t-tfal ta’ l-iskola għandhom jibbenefikaw mill-għajnuna biss matul il-jiem ta’ l-iskola. Barra minn hekk, in-numru totali ta’ jiem ta’ l-iskola għandu jkun ikkonfermat mill-awtorità ta’ l-edukazzjoni jew mill-istabbilment ta’ l-edukazzjoni ta’ kull Stat Membru, esklużi l-btajjel.

(4)

L-esperjenza wriet diffikultajiet fil-monitoraġġ rigward l-użu ta’ prodotti mill-ħalib issussidjati fil-preparazzjoni ta’ l-ikel li jiġi servut lit-tfal ta’ l-iskola. Barra minn hekk, dan mhux mod effettiv kif jintlaħaq il-fini ta’ l-edukazzjoni ta’ l-iskema. Għalhekk, il-preparazzjoni ta’ l-ikel għandha tkun ristretta b’mod xieraq.

(5)

Sabiex jitqiesu d-drawwiet differenti ta’ konsum tal-ħalib u ta’ ċerti prodotti mill-ħalib fil-Komunità u sabiex ikun hemm reazzjoni għat-tendenzi eżistenti tas-saħħa u tan-nutrizzjoni, il-lista tal-prodotti eliġibbli għandha tkun estiża u ssemplifikata filwaqt li l-possibbiltà li jiddeterminaw il-firxa ta’ prodotti tagħhom skond dik il-lista għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri.

(6)

Sabiex ikun żgurat li l-prodotti eliġibbli għall-għajnuna joffru livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, dawn il-prodotti għandhom jiġu ppreparati skond ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (4), u għandu jkollhom fuqhom il-marka ta’ identifikazzjoni meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (5).

(7)

Għall-finijiet tal-ġestjoni u tas-superviżjoni ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna, għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ approvazzjoni għall-applikanti.

(8)

Ir-rata ta’ l-għajnuna għad-diversi prodotti eliġibbli għandha tkun iddeterminata billi jitqiesu r-rata għall-ħalib, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 102 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, kif ukoll ir-relazzjonijiet tekniċi bejn il-prodotti.

(9)

Rigward il-ħlas ta’ l-għajnuna, għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-applikanti u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet, dwar il-kontrolli u s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti u dwar il-proċedura ta’ ħlas.

(10)

Skond l-Artikolu 102(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-kwantità massima ta’ kuljum għal kull tifel ta’ l-iskola li fir-rigward tagħha tista’ tingħata l-għajnuna hija l-ekwivalenti ta’ 0,25 litri ta’ ħalib. L-ekwivalenzi bejn il-ħalib u d-diversi prodotti oħrajn għandhom jiġu speċifikati.

(11)

Ir-regoli dwar is-superviżjoni ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri sabiex ikun iggarantit li l-għajnuna tkun riflessa b’mod xieraq fil-prezz imħallas mill-benefiċjarji u li l-prodotti ssussidjati ma jkunux iddevjati mill-użu maħsub tagħhom.

(12)

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom jiġu adottati miżuri adegwati ta’ kontroll sabiex jiġu miġġielda l-irregolaritajiet u l-frodi. Dawn il-miżuri ta’ kontroll għandhom jinvolvu kontroll amministrattiv sħiħ issupplimentat minn kontrolli fil-post. L-ambitu, il-kontenut, iż-żmien magħżul u r-rapportaġġ ta’ miżuri ta’ kontroll bħal dawn għandhom ikunu speċifikati sabiex ikun żgurat metodu ekwu u uniformi bejn l-Istati Membri, fejn titqies l-implimentazzjoni differenti tagħhom ta’ l-iskema. Barra minn hekk, l-ammonti mħallsa meta ma kinux dovuti għandhom jiġu rkuprati u għandhom jiġu ddeterminati sanzjonijiet sabiex l-applikanti jkunu skoraġġuti minn imġiba frawdolenti.

(13)

Sabiex tkun issemplifikata l-ħidma amministrattiva ta’ l-Istati Membri, il-kalkolu tal-kwantità massima li tista’ tiġi ssussidjata għall-għajnuna għandu jsir fuq il-bażi tan-numru ta’ tfal ta’ l-iskola li jattendu regolarment l-iskola kif ġie stabbilit fir-rassenja ta’ l-applikant.

(14)

L-esperjenza wriet li l-benefiċjarji mhumiex biżżejjed konxji mir-rwol li għandha l-Unjoni Ewropea fl-iskema tal-ħalib fl-iskejjel. Ir-rwol ta’ entità li tagħti sussidju li għandha l-Unjoni Ewropea fl-iskema għalhekk għandu jkun indikat b’mod ċar f’kull stabbiliment ta’ l-edukazzjoni li qed jipparteċipa fl-iskema tal-ħalib fl-iskejjel.

(15)

Kull sena għandha tintbagħat lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni relatata ma’ l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel għal finijiet ta’ monitoraġġ.

(16)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jipprovdi r-regoli biex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal ta’ l-iskola f’ċerti stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni (minn hawn ’il quddiem: l-“għajnuna”) skond l-Artikolu 102 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-benefiċjarji

Il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna għandhom ikunu t-tfal ta’ l-iskola li jattendu regolarment fit-tipi ta’ stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni li ġejjin: skejjel tan-nuna (nurseries)/stabbilimenti oħrajn ta’ qabel l-iskola, skejjel primarji u sekondarji, amministrati jew rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.

Artikolu 3

Il-prodotti eliġibbli

1.   L-Istati Membri jistgħu jħallsu l-għajnuna fuq il-prodotti eliġibbli elenkati fl-Anness I. Huma jistgħu japplikaw standards aktar stretti f’konformità mar-rekwiżiti għall-prodotti eliġibbli speċifikati fl-Anness I.

2.   Fid-dipartimenti Franċiżi lilhinn mix-xtut ta’ Franza, il-ħalib b’togħma ta’ ċikkulata jew b’togħma oħra, li jissemma fl-Anness I, jista’ jkun ħalib rikostitwit.

3.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw iż-żieda ta’ massimu ta’ 5 mg ta’ fluworin għal kull kilogramma mal-prodotti tal-kategorija I.

4.   L-għajnuna għandha tingħata biss rigward il-prodotti elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, jekk il-prodotti jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, u b’mod partikolari mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-preparazzjoni fi stabbiliment approvat u mar-rekwiżiti ta’ l-immarkar ta’ identifikazzjoni speċifikati fit-Taqsima I ta’ l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 4

Ir-rata ta’ l-għajnuna

1.   Ir-rati ta’ l-għajnuna ġew stabbiliti fl-Anness II.

2.   Jekk tinbidel ir-rata ta’ l-għajnuna f’ewro, ir-rata fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar għandha tapplika għall-kwantitajiet kollha fornuti matul dak ix-xahar.

3.   Jekk il-kwantitajiet fornuti jkunu espressi f’litri, għandu jintuża l-koeffiċjent ta’ 1,03 użat għall-konverżjoni f’kilogrammi.

Artikolu 5

Il-kwantità massima li tista’ tiġi ssussidjata

1.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-kwantità massima ta’ 0,25 litru li tissemma fl-Artikolu 102(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma tinqabiżx, fejn jitqiesu n-numru ta’ jiem ta’ l-iskola u n-numru ta’ tfal ta’ l-iskola li jattendu regolarment matul il-perjodu kopert minn applikazzjoni għal ħlas u fejn jitqies il-koeffiċjent li jissemma fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-prodotti fil-kategoriji II sa V li ġew elenkati fl-Anness I fil-verifika li tissemma fil-paragrafu 1, għandhom jintużaw l-ekwivalenzi li ġejjin:

(a)

kategorija II: 100 kg = 90 kg ta’ ħalib;

(b)

kategorija III: 100 kg = 300 kg ta’ ħalib;

(ċ)

kategorija IV: 100 kg = 899 kg ta’ ħalib;

(d)

kategorija V: 100 kg = 765 kg ta’ ħalib.

3.   Il-benefiċjarji speċifikati fl-Artikolu 2 għandhom jibbenefikaw mill-għajnuna biss fil-jiem ta’ l-iskola. In-numru totali ta’ jiem ta’ l-iskola, esklużi l-btajjel, għandu jkun innotifikat mill-awtorità ta’ l-edukazzjoni jew mill-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru u, fejn ikun xieraq, lill-applikant. It-tfal ta’ l-iskola ma għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna waqt żjarat fil-kampjiet tal-btajjel.

4.   Il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib li jintużaw fil-preparazzjoni ta’ l-ikel ma għandhomx jibbenefikaw mill-għajnuna.

Madankollu, il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib li jintużaw fil-preparazzjoni ta’ l-ikel fil-bini ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni u li ma jinvolvux trattament bis-sħana jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. Barra minn hekk, it-tisħin tal-prodotti elenkati fil-Kategorija I (a) u (b) ta’ l-Anness I jista’ jkun permess.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4 rigward il-prodotti li jagħmlu differenza li jintużaw fi preparazzjoni msaħħna u fi preparazzjoni mhux imsaħħa u/jew f’konsum dirett, jista’ jintuża koeffiċjent, stabbilit fuq il-bażi tal-kwantitajiet li ntużaw fl-imgħoddi u/jew ta’ riċetti għas-sodisfazzjon ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 6

Il-kundizzjonjiet ġenerali għall-għoti ta’ l-għajnuna

1.   Applikazzjoni għall-għajnuna tkun valida biss jekk tiġi ppreżentata minn applikant approvat skond l-Artikoli 7, 8 u 9 għall-provvista tal-prodotti Komunitarji elenkati fl-Anness I.

2.   Tista’ ssir applikazzjoni għall-għajnuna minn:

(a)

stabbiliment ta’ l-edukazzjoni;

(b)

awtorità ta’ l-edukazzjoni rigward il-prodotti mqassma lit-tfal ta’ l-iskola fiż-żona tagħha;

(ċ)

jekk l-Istat Membru hekk jipprovdi, il-fornitur tal-prodotti;

(d)

jekk l-Istat Membru hekk jipprovdi, organizzazzjoni li taġixxi f’isem stabbiliment ta’ l-edukazzjoni jew awtorità ta’ l-edukazzjoni wieħed jew aktar, u li ġiet stabbilita speċifikament għal dan il-fini.

Artikolu 7

L-approvazzjoni ta’ l-applikanti

L-applikanti għall-għajnuna għandhom ikunu approvati għal dak il-fini mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni li lilu jiġu fornuti l-prodotti.

Artikolu 8

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni

1.   L-approvazzjoni tingħata b’patt u kundizzjoni li jiġu sodisfatti l-impenji bil-miktub li ġejjin li l-applikant ta lill-awtorità kompetenti:

(a)

li juża l-prodotti biss għall-konsum skond dan ir-Regolament mit-tfal ta’ l-iskola ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni jew ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni tiegħu li fir-rigward tiegħu se japplika għall-għajnuna;

(b)

li jħallas lura kwalunkwe għajnuna li ngħatatlu meta ma kinitx dovuta, għall-kwantitajiet ikkonċernati, jekk instab li l-prodotti ma tqassmux lill-benefiċjarji li jissemmew fl-Artikolu 2 jew li tħallset għal kwantitajiet li mhumiex dawk stabbliti skond l-Artikolu 5;

(ċ)

li jagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ sostenn lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom;

(d)

li joqgħod għal kwalunkwe kontroll deċiż mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari l-iskrutinju tar-rekords u l-ispezzjoni fiżika.

2.   L-approvazzjonijiet mogħtija skond l-Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 2707/2000 jibqgħu validi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ ċerti applikanti

Jekk trid issir applikazzjoni għall-għajnuna minn applikant li jissemma fl-Artikolu 6(2)(ċ) u (d), l-applikant irid jimpenja ruħu bil-miktub, minbarra l-impenji li jissemmew fl-Artikolu 8, li jżomm rekords ta’ l-ismijiet u ta’ l-indirizzi ta’ l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni jew, fejn ikun xieraq, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-edukazzjoni u tal-prodotti u tal-kwantitajiet mibjugħa jew fornuti lil dawn l-istabbilimenti jew lil dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 10

Is-sospensjoni jew l-irtirar ta’ l-approvazzjoni

Jekk jinstab illi applikant għall-għajnuna ma baqax jissodisfa aktar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, jew kwalunkwe obbligu ieħor skond dan ir-Regolament, l-approvazzjoni għandha tiġi sospiża minn xahar sa 12-il xahar jew għandha tiġi rtirata, skond il-gravità ta’ l-irregolarità.

Azzjoni bħal din ma għandhiex tittieħed f’każi ta’ force majeure jew jekk l-Istat Membru jsib li l-irregolarità ma twettqitx deliberatament jew b’negliġenza jew kienet ta’ importanza żgħira.

L-approvazzjoni, ladarba tiġi rtirata, tista’ tintradd fuq it-talba ta’ l-applikant wara perjodu minimu ta’ 12-il xahar.

Artikolu 11

L-applikazzjonijiet għall-ħlas

1.   L-applikazzjonijiet għall-ħlas iridu jsiru kif ġie speċifikat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru u jridu jinkludu għallinqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kwantitajiet imqassma skond il-kategorija u s-sottokategorija tal-prodott;

(b)

l-isem u l-indirizz jew numru uniku ta’ identifikazzjoni ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni jew ta’ l-awtorità ta’ l-edukazzjoni li miegħu hija relatata l-informazzjoni fil-punt (a).

2.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-frekwenza ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn jistgħu jkopru perjodi ta’ żmien minn xahar sa seba’ xhur.

3.   Għajr f’każijiet ta’ force majeure, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, sabiex ikunu validi, iridu jintbagħtu mimlija korrettament u jridu jkunu ppreżentati sa l-aħħar jum tat-tielet xahar li jsegwi tmiem il-perjodu li miegħu jkunu relatati.

Jekk dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż b’inqas minn xahrejn l-għajnuna għandha titħallas xorta waħda iżda għandha titnaqqas:

(a)

b’5 % jekk il-limitu ta’ żmien jinqabeż b’inqas minn xahar;

(b)

b’10 % jekk il-limitu ta’ żmien jinqabeż b’aktar minn xahar imma b’inqas minn xahrejn.

4.   L-ammonti murija fl-applikazzjoni jridu ikunu sostnuti minn evidenza dokumentarja miżmuma għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. Din trid turi separatament il-prezz ta’ kull prodott ikkunsinnat u jrid ikollha rċevuta maħruġa jew tkun akkumpanjata bi prova tal-ħlas.

Artikolu 12

Il-ħlas ta’ l-għajnuna

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(4), l-għajnuna għandha titħallas biss lill-fornituri jew lill-organizzazzjonjiet li jissemmew fl-Artikolu 6(2)(ċ) u (d):

(a)

malli tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ikkunsinnati,; jew

(b)

fuq il-bażi tar-rapport ta’ spezzjoni magħmulha mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali ta’ l-għajnuna, li jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-ħlas ġew sodisfatti; jew

(ċ)

jekk l-Istat Membru hekk jawtorizza, mal-preżentazzjoni ta’ prova alternattiva li l-kwantitajiet ikkunsinnati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ġew imħallsa.

2.   L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mill-jum tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni mimlija korrettament u valida li tissemma fl-Artikolu 11, ħlief jekk ikun ingħata bidu għal stħarriġ amministrattiv.

Artikolu 13

L-għoti tal-ħlas antiċipat

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu ħlas antiċipat daqs l-ammont ta’ l-għajnuna li saret applikazzjoni għaliha, fuq garanzija ta’ 110 % ta’ l-ammont antiċipat.

2.   Jekk fornitur jew organizzazzjoni li tissemma fl-Artikolu 6(2)(ċ) u (d) japplika għal ħlas antiċipat, l-awtorità kompetenti tista’ tħallsu fuq il-bażi tal-kwantitajiet ikkunsinnati mingħajr ma’ teħtieġ l-evidenza dokumentarja indikata fl-Artikolu 12(1). Fi żmien xahar minn mindu jkun ngħata l-ħlas antiċipat, il-fornitur jew l-organizzazzjoni għandu jgħaddi lill-awtorità kompetenti d-dokumenti meħtieġa għall-ħlas finali ta’ l-għajnuna, ħlief jekk din ta’ l-aħħar tipprepara rapport kif inhu pprovdut fl-Artikolu 12(1)(b).

Artikolu 14

Il-monitoraġġ tal-prezzijiet

1.   L-Istati Membru għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa sabiex ikunu żguri li l-ammont ta’ l-għajnuna jkun rifless b’mod xieraq fil-prezz imħallas mill-benefiċjarju.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiffissaw il-prezzijiet massimi li għandhom jitħallsu mill-benefiċjarji għad-diversi prodotti elenkati fl-Anness I li jitqassmu fit-territorju tagħhom.

Artikolu 15

Il-kontrolli u s-sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikunu żguri mill-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu kontroll amministrattiv sħiħ ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, li għandu jkun issupplimentat minn kontrolli fil-post kif ġie speċifikat fil-paragrafi 2 sa 8.

2.   Il-kontrolli amministrattivi għandhom jitwettqu fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna u għandhom jinkludu l-kontroll tad-dokumenti ta’ sostenn kif ġew iddefiniti mill-Istati Membri, relatati mal-kunsinna u mal-konformità tal-prodotti mal-kwantitajiet massimi għal kull tifel ta’ l-iskola kuljum li jissemmew fl-Artikolu 5(1).

Il-kontrolli amministrattivi li jissemmew fl-ewwel sottoparagrafu għandhom ikunu ssupplimentati minn kontrolli fil-post imwettqa b’mod partikolari dwar:

(a)

l-impatt ta’ l-għajnuna fuq il-prezz imħallas mill-benefiċjarju;

(b)

ir-rekords li jissemmew fl-Artikolu 9, inklużi r-rekords finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ kif ukoll l-estratti bankarji;

(ċ)

l-użu tal-prodotti ssussidjati skond dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk ikun hemm raġunijiet biex tkun issusspettata kwalunkwe irregolarità.

3.   In-numru totali ta’ kontrolli fil-post imwettqa rigward kull perjodu mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju għandu jkopri mill-inqas 5 % ta’ l-applikanti kollha li jissemmew fl-Artikolu 6. Meta n-numru ta’ l-applikanti fi Stat Membru jkun inqas minn mija, il-kontrolli fil-post għandhom jitwettqu fl-uffiċċji tal-ħames applikanti. Meta n-numru ta’ applikanti fi Stat Membru jkun inqas minn ħamsa, għandhom jiġu kkontrollati 100 % ta’ l-applikant. Barra minn hekk, in-numru totali ta’ kontrolli fil-post imwettqa rigward kull perjodu mill-1 ta’ Awissu sal-31 ta’ Lulju għandu jkopri mill-inqas 5 % ta’ l-għajnuna mqassma fuq livell nazzjonali.

4.   Il-kontrolli fil-post għandhom jitwettqu matul il-perjodu kollu mill-1 ta’ Awissu sal-31 ta’ Lulju u għandhom ikopru perjodu ta’ mill-inqas it-12-il xahar preċedenti.

5.   L-applikanti suġġetti għall-kontrolli fil-post għandhom jintgħażlu mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll billi jitqiesu, b’mod xieraq, iż-żoni ġeografiċi differenti, u fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji fejn jitqiesu b’mod partikolari n-natura rikorrenti ta’ l-iżbalji u s-sejbiet tal-kontrolli mwettqa fis-snin imgħoddija. L-analiżi tar-riskju għandha tqis ukoll l-ammont differenti ta’ l-għajnuna involut u t-tip ta’ applikanti li jissemmew fl-Artikolu 6(2).

6.   F’każi fejn l-applikant li jissemma fl-Artikolu 6(2)(b), (ċ) u (d) japplika għall-għajnuna, il-kontrolli fil-post imwettqa fl-uffiċċji ta’ l-applikant għandhom ikunu ssupplimentati minn kontrolli fil-post fl-uffiċċji ta’ mill-inqas żewġ stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni jew ta’ mill-inqas 1 % ta’ l-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni ddikjarati fl-elenku ta’ l-applikant, liema minnhom ikun l-akbar.

7.   Sakemm il-fini tal-kontroll ma jkunx kompromess, jista’ jingħata avviż bil-quddiem, limitat strettament għall-perjodu minimu ta’ żmien meħtieġ.

8.   L-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha tipprepara rapport ta’ kontroll dwar kull kontroll fil-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi eżattament l-elementi differenti li ġew ikkontrollati.

Ir-rapport ta’ kontroll għandu jkun diviż f’dawn il-partijiet li ġejjin:

(a)

parti ġenerali li tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-iskema, il-perjodu kopert, l-applikazzjonijiet ikkontrollati, il-kwantitajiet ta’ prodotti mill-ħalib li fir-rigward tagħhom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;

(ii)

il-persuni responsabbli li kienu preżenti;

(b)

parti li tiddeskrivi separatament il-kontrolli mwettqa u li tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-dokumenti kkontrollati,

(ii)

in-natura ta’ u sa liema punt twettqu l-kontrolli,

(iii)

rimarki u sejbiet.

9.   Għall-irkupru ta’ ammonti li tħallsu meta ma kinux dovuti, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 73(1), (3), (4) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (6).

10.   Mingħajr preġudzzju għall-Artikolu 10, fil-każ ta’ frodi, l-applikant, minbarra l-irkupru ta’ l-ammonti mħallsa meta ma kinux dovuti skond il-paragrafu 9, għandu jħallas ammont daqs id-differenza bejn l-ammont li tħallas fil-bidu u l-ammont li l-applikant huwa intitolat għalih.

Artikolu 16

Il-poster tal-ħalib fl-iskejjel Ewropej

L-istabbilimenti ta’ l-edukazzjoni li jqassmu prodotti skond dan ir-Regolament għandhom jipproduċu jew iqabbdu lil min jipproduċi poster skond ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness III, sabiex jitwaħħal b’mod permanenti f’post viżibbli b’mod ċar u fejn jista’ jinqara fl-entratura prinċipali ta’ l-istabbiliment.

Artikolu 17

In-notifiki

1.   Sat-30 ta’ Novembru wara tmiem il-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’dettalji sommarji tan-numru ta’ applikanti u ta’ stabbilimenti ta’ l-edukazzjoni parteċipanti, tal-kontrolli fil-post imwettqa u tas-sejbiet relatati.

2.   Qabel il-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’mill-inqas l-informazzjoni li ġejja relatata mal-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju:

(a)

il-kwantitajiet tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib analizzati skond il-kategoriji u s-sottokategoriji li fir-rigward tagħhom tħallset l-għajnuna matul il-perjodu preċedenti mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju kif ukoll il-kwantità massima permissibbli u l-kalkolu tagħha;

(b)

in-numru stmat ta’ tfal ta’ l-iskola li jipparteċipaw fl-iskema tal-ħalib fl-iskejjel.

3.   Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom jiġu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri. Dawn il-mudelli ma għandhomx japplikaw sakemm ma jiġix informat il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

Artikolu 18

Ir-revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 2707/2000 għandu jiġi revokat.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 19

Id-dispożizzjoni tranżitorja

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 2707/2000 ikompli japplika għall-kunsinni mwettqa qabel l-1 ta’ Awissu 2008.

2.   L-awtorizzazzjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2707/2000 ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 20

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

(2)  ĠU L 311, 12.12.2000, p. 37. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1544/2007 (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 64).

(3)  Ara l-Anness IV.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1243/2007 (ĠU L 281, 25.10.2007, p. 8).

(6)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.


ANNESS I

LISTA TAL-PRODOTTI ELIĠIBBLI GĦALL-GĦAJNUNA KOMUNITARJA

Kategorija I

(a)

ħalib ittrattat bis-sħana (1);

(b)

ħalib ittrattat bis-sħana biċ-ċikkulata, bil-meraq tal-frott (2) jew b’xi togħma oħra, li fih talanqas 90 % bil-piż tal-ħalib indikat fil-punt (a) u li fih massimu ta’ 7 % zokkor (3) u/jew għasel miżjud;

(ċ)

prodotti ffermentati mill-ħalib bil-meraq tal-frott jew mingħajru (2), b’xi togħma jew mingħajrha, li fih talanqas 90 % bil-piż tal-ħalib indikat fil-punt (a) u li fih massimu ta’ 7 % zokkor (3) u/jew għasel miżjud.

Kategorija II

Prodotti ffermentati mill-ħalib b’togħma ta’ frott u mhux b’togħma ta’ frott (4), li fihom mill-inqas 80 % bil-piż tal-ħalib indikat fil-punt (a) tal-Kategorija I u li fihom massimu ta’ 7 % zokkor (5) u/jew għasel miżjud.

Kategorija III

Ġobnijiet friski u pproċessati, imħawrin u mhux imħawrin li fihom mill-inqas 90 % bil-piż ta’ ġobon.

Kategorija IV

Ġobon Grana Padano u Parmigiano Reggiano.

Kategorija V

Ġobnijiet imħawra u mhux imħawra, li fihom mill-inqas 90 % bil-piż ta’ ġobon, u li ma jaqgħux fil-Kategoriji III u IV.


(1)  Inkluża xarba tal-ħalib mingħajr lattożju.

(2)  Il-meraq tal-frott għandu jiġi applikat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman.

(3)  Għall-fini ta’ din il-kategorija, zokkor għandu jfisser l-elementi elenkati taħt il-kodiċijiet NM 1701 u 1702. Fil-każ ta’ xarbiet tal-ħalib u ta’ xarbiet bbażati fuq derivati tal-ħalib, xarbiet bl-enerġija mnaqqsa jew bl-ebda zokkor miżjud, is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għandhom jintużaw skond id-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel.

(4)  Għall-fini ta’ din il-kategorija, il-prodotti ffermentati mill-ħalib bil-frott għandu dejjem ikun fihom il-frott, il-polpa tal-frott, il-puré tal-frott jew il-meraq tal-frott. Għall-fini ta’ din il-kategorija, frott għandha tfisser l-elementi elenkati fil-Kapitolu tan-Nomenklatura Maqgħuda għajr il-lewż u l-prodotti li fihom il-lewż. Il-meraq tal-frott, il-polpa tal-frott u l-puré tal-frott għandhom jiġu applikati skond id- id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-meraq tal-frott u ċerti prodotti simili maħsuba għall-konsum uman.

(5)  Għall-fini ta’ din il-kategorija, zokkor għandu jfisser l-elementi elenkati taħt il-kodiċijiet NM 1701 u 1702. Iz-zokkor miżjud mal-frott għandu jkun inkluż fil-massimu ta’ 7 % ta’ zokkor miżjud. Fil-każ ta’ preparazzjonijiet tal-ħalib u ta’ preparazzjonijiet ibbażati fuq derivati tal-ħalib, preparazzjonijiet bl-enerġija mnaqqsa jew bl-ebda zokkor miżjud, is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għandhom jintużaw skond id- Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel.


ANNESS II

Ir-rati ta’ l-għajnuna

(a)

EUR 18,15/100 kg għall-prodotti tal-kategorija I;

(b)

EUR 16,34/100 kg għall-prodotti tal-kategorija II;

(ċ)

EUR 54,45/100 kg għall-prodotti tal-kategorija III;

(d)

EUR 163,14/100 kg għall-prodotti tal-kategorija IV;

(e)

EUR 138,85/100 kg għall-prodotti tal-kategorija V.


ANNESS III

Ir-rekwiżiti minimi għall-poster tal-ħalib fl-iskejjel Ewropej

Id-daqs tal-poster: A3 jew ikbar

Ittri: 1 cm jew ikbar

It-titolu: Il-ħalib fl-iskejjel Ewropej

Il-kontenut: Talanqas id-diċitura li ġejja fejn jitqies it-tip ta’ stabbiliment ta’ l-edukazzjoni:

“(It-tip ta’ stabbiliment ta’ l-edukazzjoni (eż. tan-nuna/ta’ qabel l-iskola/skola)) tagħna tipprovdi prodotti mill-ħalib issussidjati mill-Unjoni Ewropea skond l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel Ewropej”.

Qed jiġi rakkomandat li jiġu enfasizzati l-benefiċċji nutrizzjonali u l-linji ta’ gwida nutrizzjonali għat-tfal.

Fejn jitqiegħed: Fejn ikun viżibbli b’mod ċar u jista’ jinqara fl-entratura prinċipali ta’ l-istabbiliment ta’ l-edukazzjoni.


ANNESS IV

It-Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 2707/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ)

Artikolu 2

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3

l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3(1)

it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2), (3) u (4)

Artikolu 3(2), (3) u (4)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3)

Artikolu 4(2)

it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9

Artikolu 9(2)

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 12(1)(b)

Artikolu 12(1)(b)

Artikolu 12(1)(ċ)

Artikolu 12(1)(ċ)

Artikolu 12(2)

Artikolu 12(2)

Artikolu 12(3)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 13(1) u (2)

Artikolu 13(3)

l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 14(1)

Artikolu 14(1)

l-ewwel sentenza tat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 14(1)

Artikolu 14(2)

it-tieni u t-tielet sentenza tat-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 14(1)

Artikolu 14(2) u (3)

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikoli 17-20

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV


Top