This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008R0640
Commission Regulation (EC) No 640/2008 of 4 July 2008 amending Regulation (EEC) No 2568/91 on the characteristics of olive oil and olive-residue oil and on the relevant methods of analysis
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2008 ta’ l- 4 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2008 ta’ l- 4 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti
ĠU L 178, 5.7.2008, p. 11–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2104
5.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 178/11 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 640/2008
ta’ l-4 ta’ Lulju 2008
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 113(1)(a) u 121(h), flimkien ma’ l-Artikolu 4, tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (2) jiddefinixxi l-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żjut tal-fdal taż-żebbuġa, kif ukoll il-metodi ta’ l-evalwazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi. |
(2) |
Skond l-Artikolu 2(1), l-għaxar inċiż, tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91, għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt verġni taż-żebbuġa għandu jintuża l-metodu stabbilit fl-Anness XII għar-Regolament imsemmi. |
(3) |
Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żejt taż-Żebbuġa (IOOC) f'Novembru 2007 adotta metodu rivedut għall-evalwazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa. Din ir-reviżjoni tinkludi aġġornament tad-deskrizzjonijiet ta’ l-attributi pożittivi u negattivi taż-żjut verġni taż-żebbuġa, u d-deskrizzjoni tal-metodu. Tinkludi wkoll modifika tal-limitu massimu ta’ perċezzjoni ta’ difetti fiż-żejt verġni taż-żebbuġa. |
(4) |
Il-metodu rivedut tas-COOI għall-evalwazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa barra minn hekk jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ l-użu fakultattiv fit-tikkettar ta’ ċerti termini u espressjonijiet li jirrigwardaw il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut verġni taż-żebbuġa. Jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-kapijiet tal-bordijiet ikunu jistgħu jiċċertifikaw il-konformità taż-żjut mad-definizzjonijiet relattivi għall-użu tat-termini u l-espressjonijiet imsemmija. |
(5) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan. |
(6) |
Il-miżuri pprovduti b'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Fit-tabella fl-Anness I, fil-ħdax-il kolonna (“Il-medjan ta’ l-istima organolettika tad-difetti (Md)”), iċ-ċifra “2.5” għandha tinbidel biċ-ċifra “3.5” fit-tieni rig, fit-tielet rig, u fin-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna. |
(2) |
L-Anness XII għandu jinbidel bit-test fl-Anness għal dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).
(2) ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 702/2007 (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 11).
ANNESS
ANNESS XII
IL-METODU TAL-KUNSILL INTERNAZZJONALI TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA GĦALL-EVALWAZZJONI ORGANOLETTIKA TAŻ-ŻJUT VERĠNI TAŻ-ŻEBBUĠA
1. L-GĦAN U L-QASAM TA' APPLIKAZZJONI
Dan il-metodu jibbaża fuq id-deċiżjoni Nru DEC-21/95-V/2007 tas-16 ta' Novembru 2007 dwar il-metodu rivedut għall-evalwazzjoni organolettika taż-żejt verġni taż-żebbuġa tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żejt taż-Żebbuġa. Għandha l-għan li tistabbilixxi l-proċedura għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut verġni taż-żebbuġa fit-tifsira tal-punt 1 ta' l-Anness XVI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u li jistabbilixxi l-metodu għall-klassifikazzjoni tagħhom abbażi ta' dawn il-karatteristiċi. Il-metodu fih ukoll indikazzjonijiet dwar it-tikkettar fakultattiv.
Il-metodu deskritt huwa applikabbli biss għaż-żjut verġni taż-żebbuġa, kif ukoll għall-klassifikazzjoni jew it-tikkettar tagħhom skond l-intensità tad-difetti perċepiti, tat-togħma fruttata u tal-karatteristiċi pożittivi oħra, kif deċiżi minn grupp ta' dewwieqa magħżula, mħarrġa u ttestjati, magħquda f'bord.
2. ASPETTI ĠENERALI
Għall-vokabolarju bażiku ġenerali, is-sala tat-tegħim, it-tazza tat-tegħim taż-żjut taż-żebbuġa u kwalunkwe kwistjoni marbuta ma' dan il-metodu, huwa rrakkomandat li dak li jkun iżomm mal-proviżjonjiet tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żejt taż-Żebbuġa, b'mod partikolari d-deċiżjoni Nru DEC-21/95-V/2007 tas-16 ta' Novembru 2007 dwar il-metodu rivedut għall-evalwazzjoni organolettika taż-żejt verġni taż-żebbuġa.
3. VOKABOLARJU SPEĊIFIKU
3.1. Attributi Pożittivi
Fruttat: is-sensazzjonijiet olfattivi karatteristiċi taż-żejt miġmugħa flimkien, skond il-varjetà taż-żebbuġa, minn frott b'saħħtu u frisk, aħdar jew matur, perċepiti direttament jew /u bix-xamm.
L-attribut fruttat ikun kwalifikat bħala aħdar meta s-sensazzjonijiet olfattivi jkunu jixbhu lil dawk tal-frott aħdar, karatteristiċi ta' żejt li jkun ġej minn frott aħdar.
L-attribut fruttat ikun kwalifikat bħala matur meta s-sensazzjonijiet olfattivi jkunu jixbhu lil dawk tal-frott matur, karatteristiċi ta' żejt li jkun ġej minn frott aħdar u matur.
Morr: togħma elementari karatteristika taż-żejt miksub minn żebbuġ aħdar jew fl-istadju tal-maturazzjoni, perċepit bil-papilli kalċiformi li jiffurmaw iż-żona V ta' l-ilsien.
Punġenti: is-sensazzjoni tattili ta' tinġiż, karatteristika taż-żjut prodotti lejn il-bidu ta' l-istaġun, prinċipalment abbażi ta' żebbuġ għadu aħdar, li tista' tinħass fil-kavità kollha tal-ħalq, partikolarment fil-ġerżuma.
3.2. Attributi negattivi
Imdardar/sediment: togħma karatteristika taż-żejt meħud minn żebbuġ mgħaffeġ fuq xulxin jew maħżun f'kundizzjonijiet b'tali mod li jinsab fi stat avvanzat ta' fermentazzjoni anerobika jew ta' żejt li jkun baqa' f'kuntatt mat-‘tjun’ li jkunu qagħdu, li huma wkoll ikunu għaddew minn proċess ta' fermentazzjoni anerobika fil-btieti u t-tankijiet.
Moffa-umdu: togħma karatteristika taż-żejt miksub minn żebbuġ attakkat mill-moffa u mill-ħmira wara li l-frott ikun inħażen fl-umdità għal diversi ġranet.
Togħma ta' nbid-ħall / aċidu-qares: togħma karatteristika ta' ċerti żjut li jfakkru fl-inbid jew il-ħall. Hija kkawżata fondamentalment minn proċess ta' fermentazzjoni aerobika taż-żebbuġ jew ta' fdalijiet ta' għaġna taż-żebbuġ li jkunu baqgħu f'mats li ma jkunux inħaslu sewwa, li jikkawża l-formazzjoni ta' l-aċidu aċetiku, l-l-aċetat ta' l-etil (ethyl acetate) u l-etanol.
Metalliku: togħma li tfakkar fil-metalli. Hija karatteristika taż-żejt li jkun ilu żmien fil-kuntatt ma' wċuħ tal-metall, waqt il-proċessi tat-tifrik, it-taħlit, il-pressjoni jew il-ħżin.
Imranġat: it-togħma taż-żjut li jkunu għaddew minn proċess intens ta' ossidazzjoni.
Imsajjar jew maħruq: togħma karatteristika taż-żjut li toriġina minn tisħin eċċessiv u/jew imtawwal waqt li jkunu qed jinkisbu, u partikolarment matul it-taħlit termali ta' l-għaġna, jekk dan isir f'kundizzjonijiet ta' sħana mhux xierqa.
Tiben-injam: togħma karatteristika ta' ċerti żjut miksuba minn żebbuġ niexef..
Raff: sensazzjoni bukkotattili densa u magħġuna li jħallu ċerti żjut qodma.
Lubrifikanti: togħma ta' żejt li tfakkar fid-diżil, il-griż tal-lubrikazzjoni jew iż-żejt minerali.
Ilma tal-ħxejjex: togħma li ż-żejt jeħodha wara kuntatt fit-tul ma' ilma tal-ħxejjex li jkun għadda minn proċess ta' fermentazzjoni.
Salmura: togħma taż-żejt miksub minn żebbuġ ippreservat fis-salmura.
Spartu: togħma karatteristika taż-żjut miksuba minn żebbuġ ippressat fil-mats ta' l-ispartu ġodda. Tista' tvarja skond jekk il-mats ikunux magħmulin minn spartu aħdar jew imnixxef.
Ħamrija: togħma ta' żejt miksub minn żebbuġ miġbur bi traċċi ta' ħamrija jew tajn u li ma jkunx inħasel.
Imdewwed: togħma ta' żejt miksub minn żebbuġ li jkun attakkat bil-qawwi mid-dud tad-dubbiena taż-żebbuġ (Bactrocera oleae).
Ħjar: togħma karatteristika ta' żejt li jkun inżamm wisq fit-tul f'kontenituri ssiġillati ermetikament, partikolarment fil-laned attribwit għall-formazzjoni ta' 2,6-nonadienal.
Injam umdu: togħma karatteristika taż-żjut miksuba minn żebbuġ li jkun għada minn proċess ta' ffriżar fuq il-fergħa.
3.3. Terminoloġija fakultattiva għall-finijiet tat-tikkettar
Fuq talba, il-kap tal-bord jista' jiċċertifika li ż-żjut evalwati jilħqu d-definizzjonijiet u l-gradi li jikkorrispondu għall-espressjonijiet u l-aġġettivi li ġejjin, f'termini ta' l-intensità u l-perċezzjoni ta' l-attributi.
a) |
għal kull attribut pożittiv imsemmi fil-punt 3.1 (fruttat, jekk dan ikun f'loku, bil-kwalifika aħdar jew matur, punġenti u morr):
|
b) |
it-terminu ‘bbilanċjat’ jista' jintuża għal żejt li ma jkunx żbilanċjat. Il-kelma ‘żbilanċ’ tfisser is-sensazzjoni olfattogustattiva u tattili taż-żejt meta l-medjan ta' l-attribut morr u/jew dak ta' l-attribut punġenti jkun(u) ogħla b'żewġ punti mill-medjan ta' l-attribut fruttat. |
c) |
l-espressjoni ‘żejt ħelu’ tista' tintuża għal żejt meta l-medjan ta' l-attribut morr u dak ta' l-attribut punġenti jkunu 2 jew anqas. |
4. IL-BORD
Il-bord għandu jkun magħmul minn kap tal-bord u minn tmien sa tnax-il dewwieq.
Il-kap tal-bord jeħtieġlu jkun ta' edukazzjoni soda, u jkun midħla tat-tipi differenti ta' żjut u espert rikonoxxut dwarhom. Il-kap ikun responsabbli għall-bord, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tiegħu, għat-tħejjija, il-kodifikazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kampjuni lid-dewwieqa, kif ukoll għall-ġbir tad-dejta u t-trattament statistiku tagħha.
Għandu jagħżel id-dewwieqa, u jieħu ħsieb it-taħriġ tagħhom u l-kontroll tal-prestazzjonijiet tagħhom, biex jiżgura li jżommu rwieħhom f'livell xieraq ta' ħila.
Jeħtieġ li d-dewwieqa għall-kontrolli organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa jintgħażlu u jitħarrġu skond il-ħila tagħhom li jiddistingwu bejn kampjuni simili, f'konformità mal-gwida tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żejt taż-Żebbuġa dwar l-għażla, it-taħriġ u l-kontroll tad-dewwieqa kkwalifikati taż-żjut taż-żebbuġa.
Il-bordijiet jeħtiġilhom jimpenjaw irwieħhom li jieħdu sehem f'evalwazzjonijiet organolettiċi pprovduti fil-pjanijiet nazzjonali, Komunitarji jew internazzjonali għall-ittestjar perjodiku u l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta' perċezzjoni. Barra minn hekk, fil-każ tal-bordijiet approvati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jeħtiġilhom jagħtu kull sena lill-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni kollha dwar il-kompożizzjoni tagħhom u l-għadd ta' evalwazzjonijiet li jkunu wettqu bħala bord approvat.
5. IL-PROĊEDURA GĦALL-EVALWAZZJONI ORGANOLETTIKA U L-KLASSIFIKAZZJONI
5.1. L-użu tal-formola ta' profil min-naħa tad-dewwieq
Il-formola tal-profil taż-żejt li għandha tintuża mid-dewwieq hija riprodotta fl-Appendiċi A.
Kull dewwieq li jkun membru ta' bord għandu jxomm, u mbagħad iduq iż-żejt imressaq għall-ittestjar. Wara għandu jniżżel fuq l-iskali ta' 10 cm tal-formola ta' profil li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-intensità li biha jipperċepixxi kull wieħed mill-attributi negattivi u pożittivi (1). Fil-każ ta' perċezzjoni ta' karattru aħdar jew matur ta' l-attribut fruttat, id-dewwieq għandu jimmarka l-kaxxa korrispondenti fil-formola ta' profil.
Fil-każ li jkunu perċepiti attributi negattivi mhux indikati fuq il-formola ta' profil, għandhom jitniżżlu taħt l-entrata ‘oħrajn’, bl-użu tat-terminu jew termini li jiddeskrivihom/uhom bl-akbar preċiżjoni minn fost dawk definiti.
5.2. L-użu tad-dejta min-naħa tal-kap tal-bord
Il-kap tal-bord għandu jiġbor il-formoli ta' profil li jimla kull dewwieq; għandu jiċċekkja l-intensità assenjata għall-attributi differenti; fil-każ li jirriżultalu li jkun hemm anomalija, għandu jitlob lid-dewwieq biex jirrevedi l-formola ta' profil tiegħu, u, jekk ikun hemm bżonn, biex jirrepeti t-test.
Il-kap tal-bord jista' jdaħħal id-dejta ta' kull dewwieq permezz ta' programm tal-kompjuter konformi għall-metodu ta' kalkolu statistiku tal-medjan li jingħata fl-Appendiċi B. Ir-reġistrazzjoni tad-dejta għal kampjun għandha ssir permezz ta' matriċi komposta minn 9 kolonni li jikkorrispondu għad-9 attributi sensorjali, u minn n linja li jikkorrispondu għall-n dewwieqa fil-bord.
Meta attribut negattiv li jkun perċepit minn talanqas 50 % tal-bord jitniżżel taħt l-entrata ‘oħrajn’, għandu jiġi kkalkulat il-medjan ta' dan id-difett u ż-żejt jiġi kklasifikat skond dan.
Il-kap tal-bord ma jistax jiċċertifika li ż-żejt evalwat jilħaq il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 3.3.a f'dak li jirrigwarda t-termini ‘aħdar’ jew ‘matur’ għajr meta talanqas 50 % tal-membri tal-bord ikunu indikaw li pperċepixxew il-karattru aħdar jew matur ta' l-attribut fruttat.
Fil-każ ta' l-analiżijiet imwettqa fil-kuntest ta' eżamijiet ta' konformità, għandu jsir test. Fil-każ ta' analiżijiet kontradittorji, il-kap tal-bord jeħtieġlu jara li l-analiżi titwettaq darbtejn. Fil-każ ta' analiżijiet li jinnullifikaw, l-evalwazzjoni jeħtiġilha ssir tliet darbiet. F'dan il-każ, il-medjan ta' l-attributi għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-medja tal-medjani. Ir-replikazzjonijiet kollha ta' dawn it-testijiet ikunu jridu jitwettqu matul sessjonijiet differenti.
5.3. Il-klassifikazzjoni taż-żjut
Iż-żejt għandu jkun ikklassifikat fil-kategoriji li ġejjin, skond il-medjan tad-difetti u l-medjan ta' l-attribut fruttat. Il-medjan tad-difetti huwa definit bħala l-medjan tad-difett li jkun ipperċepit bl-akbar intensità. Il-medjana tad-difetti u l-medjana tal-fruttat huma espressi b'ċifra deċimali waħda, u l-valur tal-koeffiċjent ta' varjazzjoni robusta li jiddefinixxihom jeħtieġlu jkun 20 % jew anqas.
Il-klassifikazzjoni taż-żjut għandha titwettaq bi tqabbil tal-valur tal-medjan tad-difetti u l-medjan tal-fruttat flimkien ma' l-intervalli ta' referenza mfissra hawn taħt. Ġaladarba l-limiti ta' dawn l-intervalli kienu stabbiliti bil-qies tal-marġni ta' l-iżball tal-metodu, jitqiesu bħala assoluti. Programmi tal-kompjuter jippermettu li ssir klassifika viżiva f'tabella ta' dejta statistika jew inkella grafikament.
a) Żejt extra verġini taż-żebbuġa: il-medjan tad-difetti jkun 0 u l-medjan ta' l-attribut fruttat ikun ogħla minn 0;
b) Żejt verġni taż-żebbuġa: il-medjan tad-difetti jkun ogħla minn 0 imma mhux aktar minn 3.5, u l-medjan ta' l-attribut fruttat ikun ogħla minn 0;
ċ) Żejt taż-żebbuġa lampante: il-medjan tad-difetti jkun ogħla minn 3.5; jew il-medjan tad-difetti ma jkunx ogħla minn 3.5, u l-medjan ta' l-attribut fruttat ikun 0.
5.4. Każ speċjali
Meta l-medjan ta' attribut pożittiv għajr dak fruttat ikun ogħla minn 5.0, il-kap tal-bord għandu jindika dan fiċ-ċertifikat ta' l-analiżi taż-żejt.
Appendiċi B
METODU TAL-KALKOLU TAL-MEDJAN U TA' L-INTERVALLI TA' KUNFIDENZA
Il-medjan
Il-medjan huwa n-numru reali Xm ikkaratterizzat mill-fatt li l-probabbiltà (P) li l-valuri tad-distribuzzjoni (X) ikunu anqas minn dak in-numru (Xm) mhijiex aktar minn 0.5 u li, fl-istess waqt, il-probabbiltà (P) li l-valuri tad-distribuzzjoni (X) ikunu ugwali għal Xm jew anqas minnu tkun 0.5 jew aktar. Definizzjoni oħra tqis il-medjan bħala l-50 perċentil ta' distribuzzjoni ta' numri ordnati miż-żgħir sal-kbir. Fi kliem ieħor, il-medjan jirrappreżenta l-valur ċentrali ta' serje fard ordnata ta' numri, jew il-medja taż-żewġ valuri ċentrali ta' serje żewġ ordnata ta' numri.
Devjazzjoni standard robusta
Għal stima affidabbli tal-varjabbiltà madwar medjan, jeħtieġ l-użu ta' l-istima tad-devjazzjoni tat-tip robusta skond Stuart u Kendall. Il-formula li ġejja tindika d-devjazzjoni tat-tip asimptotika, jiġifieri l-istima robusta tad-devjazzjoni tad-dejta kkunsidrata, fejn N huwa l-għadd ta' osservazzjonijiet u IQR il-firxa interkwartali, li jiġbor fih preċiżament 50 % tal-każijiet ta' kwalunkwe distribuzzjoni ta' probabbiltà.
Il-kalkolu tal-firxa interkwartali jsir billi jitkejjel id-daqs tad-devjazzjoni bejn il-75 perċentil u l-25 perċentil.
IQR = il-75 perċentil — il-25 perċentil
Il-perċentil huwa l-valur Xpc ikkaratterizzat mill-fatt li l-probabbiltà (P) li l-valuri tad-distribuzzjoni jkunu anqas minn Xpc ma tkunx aktar minn parti determinata minn mija, u li, fl-istess waqt, il-probabbiltà (P) li l-valuri tad-distribuzzjoni ma jkunux aktar minn Xpc ma tkunx anqas minn dik il-parti minn mija msemmija. Il-parti minn mija tindika l-frazzjoni tad-distribuzzjoni użata. Fil-każ tal-medjan, din tkun 50/100.
Fil-prattika, il-perċentil huwa l-valur fid-distribuzzjoni li jikkorrispondi għal medda determinata taħt il-linja tad-distribuzzjoni jew tad-densità. Pereżempju, il-25 perċentil jirrappreżenta l-valur tad-distribuzzjoni li jikkorrispondi għal medda ugwali għal 0.25 jew 25/100.
Koeffiċjent robust ta' varjazzjoni %
L-RVC jirrappreżenta numru pur, jiġifieri mingħajr dimensjoni, li jindika l-perċentwal ta' varjabbiltà tas-serje ta' numri analizzata. Huwa għalhekk li dan il-koeffiċjent huwa daqshekk utli għall-verifika ta' l-affidabbiltà tal-membri tal-bord.
Intervalli ta' kunfidenza fuq 95 % fil-medjan
L-intervalli ta' kunfidenza f'95 % (il-valur ta' l-iżball ta' l-ewwel tip ugwali għal 0.05 jew 5 %) jirrappreżentaw il-firxa li fiha l-valur tal-medjan ikun jista' jvarja li kieku kien possibbli li l-esperiment jerġa' jsir għal għadd inifinit ta' drabi. Fil-prattika, dan l-intervall jindika l-firxa ta varjabbiltà tat-test fil-kundizzjonijiet operattivi magħżula, li kieku kien possibbli li t-test ikun ripetut għadd ta' drabi. Bħal fil-każ ta' l-RCV, l-intervall jgħin biex titkejjel l-affidabbiltà tat-test.
ICsup = Me + (c.S*)
ICinf = Me - (c.S*)
fejn c, fil-każ ta' intervall ta' kunfidenza ta' 0.95, huwa valur ugwali għal 1.96.
(1) Id-dewwieq jista'għa' joqgħod lura milli jduq żejt meta permezz tax-xamm dirett jipperċepixxi attribut negattiv b'intensità estrema. Fuq il-folja għandu jniżżel din iċ-ċirkustanza eċċezzjonali.