EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0306

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 306/2008 tat- 2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 92, 3.4.2008, p. 21–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 029 P. 162 - 165

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/04/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/306/oj

3.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 92/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 306/2008

tat-2 ta’ April 2008

li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalifiki tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol, fuq tagħmir li fih ċerti gassijiet serra fluworinati, li jista’ potenzjalment jikkawża xi tnixxija.

(2)

Il-persunal li għad m’għandux ċertifikat imma li qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb wieħed, għandu jitħalla jagħmel xogħol li jeħtieġ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni għal perjodu ta’ żmien limitat, sabiex jikseb il-ħiliet prattiċi meħtieġa għall-eżami, dejjem jekk ikun issorveljat minn persunal iċċertifikat.

(3)

Attwalment, għadd ta’ Stati Membri għad m’għandhomx sistemi ta’ kwalifika jew ta’ ċertifikazzjoni. Għaldaqstant għandu jitħalla perjodu ta’ żmien limitat li fih il-persunal ikun jista’ jikseb ċertifikat.

(4)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, għandu jkun permess it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni fuq skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu, dejjem jekk il-ħiliet u l-għarfien koperti u s-sistema relevanti ta’ kwalifika huma ekwivalenti għall-istandards minimi maħsuba minn dan ir-Regolament.

(5)

Kumpaniji li jimmanifatturaw jew li jħaddmu tagħmir li fih solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat jistgħu jinħatru bħala l-korpi ta’ evalwazzjoni jew ta’ ċertifikazzjoni, jew it-tnejn, dejjem jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa.

(6)

Sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi bla bżonn, Stat Membru li fih ma jintużaw l-ebda solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat attwalment, għandu jkollu d-dritt li ma joqgħodx jistabbilixxi s-sistema sħiħa ta’ ċertifikazzjoni, dejjem jekk dan l-Istat Membru jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jinħarġu ċertifikati mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li dawn jintalbu fil-ġejjieni, u b’hekk ma joħloqx xkiel bla bżonn għad-dħul fis-suq.

(7)

L-eżamijiet huma mod effettiv kif wieħed jeżamina l-ħila ta’ kandidat li jwettaq sew kemm dawk il-ħidmiet li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod dirett, kif ukoll dawk li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod indirett.

(8)

Il-korpi ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni maħturin uffiċjalment għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament u b’hekk jagħtu kontribut għall-għarfien reċiproku effettiv u effiċjenti taċ-ċertifikati fil-Komunità kollha.

(9)

Tagħrif dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li permezz tagħha jinħarġu ċertifikati li jkunu soġġetti għall-għarfien reċiproku għandu jingħata lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 308/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, il-format għan-notifika tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istati Membri (2).

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa skond dawn ir-rekwiżiti.

Artikolu 2

Iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal

1.   Il-persunal li jkun qed jagħmel ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 4.

2.   Għal żmien massimu ta’ sena, il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għall-persunal li jkun qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb ċertifikat, dejjem jekk dan ikun issorveljat minn persuna ċċertifikata waqt li jkun qed jagħmel dan ix-xogħol.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li jdum iktar mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-persunal li, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ikun diġà qed jagħmel ix-xogħol ipprovdut fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, dan il-persunal għandu jitqies iċċertifikat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan ix-xogħol.

Artikolu 3

Il-ħruġ ta’ ċertifikati lill-persunal

1.   Kif imsemmi fl-Artikolu 4, korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lill-persunal li jkun għadda minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ lanqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tal-persuna li nħarġilha dak iċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ skadenza, jekk hemm;

(b)

ix-xogħol li tista’ tagħmel il-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat;

(ċ)

id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat u l-firma ta’ min ħarġu.

3.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 4 u 5, imma l-attestazzjoni relatata magħha ma tinkludix l-elementi stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista’ joħroġ ċertifikat lil min diġà għandu din il-kwalifika mingħajr il-ħtieġa li dan jirrepeti l-eżami.

4.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 4 u 5, u li tkopri parzjalment il-ħiliet minimi mniżżlin fl-Anness, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu joħorġu ċertifikat jekk l-applikant jgħaddi minn eżami addizzjonali dwar il-ħiliet u l-għarfien li ma jkunux koperti miċ-ċertifikazzjoni eżistenti, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 4

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni

1.   Fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandu jinħaseb għal korp ta’ ċertifikazzjoni li jkollu l-permess li joħroġ ċertifikati lill-persunal involut fix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1. Dan il-korp jista’ jinħatar inkella mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan.

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

2.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

3.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jżomm reġistru li jippermetti l-verifika ta’ l-istat tal-persuna ċċertifikata. Ir-reġistru għandu juri li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-reġistru għandu jinżamm għal perjodu minimu ta’ ħames snin.

Artikolu 5

Il-korp ta’ evalwazzjoni

1.   Korp ta’ evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persunal msemmija fl-Artikolu 1. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista’ wkoll jikkwalifika bħala korp ta’ evalwazzjoni.

Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’mod li jiżguraw li jkunu koperti l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness.

3.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jadotta proċeduri ta’ rrappurtar u jżomm reġistri sabiex ikun hemm id-dokumentazzjoni dwar il-persuna u dwar ir-riżultati globali ta’ l-evalwazzjoni.

4.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti relevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

Artikolu 6

Notifika

1.   Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal koperti mill-Artikolu 4 u tat-titli taċ-ċertifikati tal-persunal li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3, billi jużaw il-format stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 308/2008.

2.   Jekk ma jintużaw l-ebda solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat f’xi Stat Membru, dan l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jaħtarx il-korp ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 u 5, jew it-tnejn li huma, sakemm ma jkunx hemm bżonn ta’ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni fil-ġejjieni. F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħseb għall-arranġamenti meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu sabiex jiżgura l-ħruġ ta’ dawn it-tipi ta’ ċertifikati mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li tintalab din it-tip ta’ ċertifikazzjoni fil-ġejjieni.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni sa l-4 ta’ Jannar 2009 dwar il-ħsieb tiegħu li juża dan il-paragrafu u dwar l-arranġamenti li jkunu saru biex ikun konformi miegħu. F’dak il-każ, m’għandux japplika l-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mressqa skond il-paragrafu 1 b’tagħrif ġdid relevanti u jgħadduha lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien.

Artikolu 7

Il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku

1.   L-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħrajn għandu japplika fil-każ ta’ ċertifikati maħruġa skond l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lil min għandu ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’lingwa oħra uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 8

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).


ANNESS

Ir-rekwiżiti minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi ta’ evalwazzjoni

L-eżami msemmi fl-Artikoli 3(1) u 5(2) għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”;

(b)

eżami prattiku li matulu l-applikant għandu jagħmel il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”.


Nru

L-Għarfien u l-Ħiliet Minimi

It-Tip ta’ Eżami

1.

Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali relevanti (it-tibdil fil-klima, il-Protokoll ta’ Kjoto, il-Potenzjal ta’ Tisħin Globali), tad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u tar-Regolamenti relevanti li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.

T

2.

Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali tal-gassijiet serra fluworinati użati bħala solventi

T

3.

L-użu tal-gassijiet serra fluworinati bħala solventi

T

4.

L-irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat

P

5.

Il-ħażna u t-trasport tas-solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat

T

6.

It-tħaddim tat-tagħmir ta’ rkupru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħmir li fih solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat

P


Top