EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008O0004

Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Ġunju 2008 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/9 dwar ċerti preparazzjonijiet għall-bidla tal-flus kontanti ta’ l-ewro u dwar il- frontloading u s- sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro barra ż-żona ta’ l-ewro (BĊE/2008/4)

ĠU L 176, 4.7.2008, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2008/549/oj

4.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/16


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Ġunju 2008

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/9 dwar ċerti preparazzjonijiet għall-bidla tal-flus kontanti ta’ l-ewro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro barra ż-żona ta’ l-ewro

(BĊE/2008/4)

(2008/549/KE)

Il-Kunsill Governattiv Tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 106(1),

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/2006/9 ta’ l-14 ta’ Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għall-bidla tal-flus kontanti ewro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro barra ż-żona ta’ l-ewro (1) tistabbilixxi r-regoli li jippermettu lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta’ Stati Membri parteċipanti futuri jissellfu karti tal-flus u muniti ewro mill-Ewrosistema għall-finijiet biex jagħmlu frontloading u sub-frontloading tagħhom qabel il-bidla tal-flus kontanti u tiddefinixxi l-obbligi biex jitwettqu minn kontropartijiet eliġibbli u terzi persuni professjonali sabiex dawn jiġu frontloaded u sub-frontloaded rispettivament.

(2)

Wara l-introduzzjoni ta’ l-ewro fis-Slovenja, Ċipru u Malta skond ir-regoli li jinsabu fil-Linja Gwida BĊE/2006/9, ġie identifikat il-bżonn li jsiru diversi emendi mmirati biex itejbu l-aspetti loġistiċi tal-bidla tal-flus kontanti fi Stati Membri parteċipanti futuri.

(3)

Minħabba d-diffikultajiet li x’aktarx BĊNi futuri ta’ l-Ewrosistema se jiffaċċjaw fl-ippjanar tal-volum u d-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus ewro meħtieġa wara d-data tal-bidla tal-flus kontanti, dawn il-BĊNi ta’ l-Ewrosistema għandhom ikollhom il-possibbiltà, immedjatament wara d-data tal-bidla tal-flus kontanti, biex jirfinaw l-istruttura denominazzjonali ta’ l-istokks tagħhom tal-karti tal-flus ewro bi spejjeż baxxi.

(4)

Filwaqt li fil-preżent huma biss dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-uffiċċji tal-posta nazzjonali li għandhom kont mal-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema tagħhom, li huma ntitolati biex jagħmlu sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro lil terzi persuni professjonali, l-esperjenza li ġiet akkwistata s’issa bil-bidliet tal-flus kontanti skond il-Linja Gwida BĊE/2006/9 wriet kemm hu utli li wieħed jinvolvi kumpaniji li jġorru l-flus kontanti f’operazzjonijiet ta’ sub-frontloading. Għalhekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu w uffiċċji tal-posta nazzjonali għandhom jitħallew jaħtru kumpaniji li jġorru l-flus kontanti bħala l-aġenti tagħhom għall-finijiet ta’ sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro.

(5)

Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-obbligi ta’ rappurtar relatati mal-volum u d-denominazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti ewro frontloaded u sub-frontloaded, għandha tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ rappurtar applikabbli għall-BĊNi futuri ta’ l-Ewrosistema u l-kontropartijiet eliġibbli.

(6)

Minħabba l-potenzjal ta’ verifiki u spezzjonijiet numerużi u frekwenti mwettqa mill-BĊNi futuri ta’ l-Ewrosistema fil-bini ta’ entitajiet frontloaded u sub-frontloaded, biex jiċċekkjaw li dawn ta’ l-aħħar ma jqiegħdux fiċ-ċirkolazzjoni karti tal-flus u muniti ewro qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti, jinħtieġ li l-BĊNi futuri ta’ l-Ewrosistema jitħallew jafdaw awtoritajiet pubbliċi oħra b’dawn il-ħidmiet.

(7)

Ġie ppruvat li l-ftehim kuntrattwali li għandhom jidħlu għalihom l-entitajiet frontloaded u sub-frontloaded qabel ma jseħħ kull sub-frontloading u n-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji disponibbli lil entitajiet sub-frontloaded, skond l-esperjenza li ġiet akkwistata s’issa bil-bidliet tal-flus kontanti skond il-Linja Gwida BĊE/2006/9, huma detrimentali għas-suċċess tas-sub-frontloading fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ bejjiegħa bl-imnut, eż. ħwienet ta’ konvenjenza u ħwienet oħra żgħar. Għalhekk jinħtieġ li tiġi introdotta proċedura ssimplifikata ta’ sub-frontloading biex tintuża meta jkunu nvoluti biss ammonti żgħar ta’ karti tal-flus u muniti ewro.

(8)

Ġie identifikat ukoll il-bżonn li jsiru diversi emendi żgħar oħra lil-Linja Gwida BĊE/2006/9,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Il-Linja Gwida BĊE/2006/9 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiżdied it-test li ġej fit-tmiem tal-paragrafu 5:

“Madankollu, trasferiment bil-kwantità ta’ karti tal-flus ewro m’għandux jitqies parti mill-obbligi inizjali jekk il-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema li jkollu dak il-volum żejjed ta’ denominazzjoni waħda jew iżjed ta’ karti ta’ flus ewro, ta’ valur u kwalità ekwivalenti għal ta’ dawk inklużi fit-trasferiment bil-kwantità, jittrasferixxi dawn lill-Ewrosistema bi skambju għal dak it-trasferiment bil-kwantità. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, ma jqum l-ebda obbligu biex isir ħlas mill-ġdid u l-BĊE għandu jħallas l-ispiża tat-trasportazzjoni tal-karti tal-flus ewro.”

(b)

Jiġi rrevokat il-paragrafu 6(b).

(ċ)

Fil-paragrafu 8, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“In-numru u l-kwalità ekwivalenti ta’ karti tal-flus biex jitħallsu għal serje futuri ta’ karti tal-flus ewro se jkunu kkalkulati kif stabbilit mill-Kunsill Governattiv fil-ħin.”

(d)

Il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’li ġej:

“11.   BĊN futur ta’ l-Ewrosistema għandu jirrapporta dan li ġej lill-BĊE u lill-BĊN(i) ta’ l-Ewrosistema li jikkunsinna, filwaqt li jqis l-obbligi stabbiliti fi strument legali separat:

(a)

L-ammont totali finali ta’ karti tal-flus ewro frontloaded u sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni); u

(b)

L-ammont totali finali ta’ muniti ewro frontloaded u sub-frontloaded (ikklassifikat skond id-denominazzjoni).”

(2)

Jiżdied it-test li ġej fit-tmiem ta’ l-Artikolu 5:

“Kontropartijiet eliġibbli jistgħu jaħtru kumpaniji li jġorru l-flus kontanti bħala aġenti li jaġixxu f’isimhom u għar-riskju tagħhom għall-finijiet tal-ħażna u s-sub-frontloading ta’ karti tal-flus u muniti ewro lil terzi persuni professjonali bil-kundizzjoni li: (i) minkejja l-ħatra ta’ aġent, il-kontropartijiet eliġibbli jaderixxu mar-regoli u l-proċeduri kollha applikabbli stabbiliti f’din il-Linja Gwida; u (ii) il-kontropartijiet eliġibbli jikkonkludu ftehim kuntrattwali ma’ kumpaniji li jġorru l-flus kontanti li jistabbilixxu li kumpaniji li jġorru l-flus kontanti għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(a) u (b) u fl-Artikoli 13(1) sa 13(3).”

(3)

Fl-Artikolu 9, jiżdied it-test li ġej fi tmiem il-paragrafu 2:

“Il-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema għandu jirrapporta lill-BĊE l-informazzjoni li huwa jirċievi minn kontroparti eliġibbli, filwaqt li jikkunsidra l-obbligi stabbiliti fi strument legali separat.”

(4)

L-Artikolu 10 qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (b) huwa sostitwit b’li ġej:

“(b)

Il-kontroparti eliġibbli għandha taqbel mat-terza persona professjonali li tkun se tirċievi s-sub-frontloading li din ta’ l-aħħar tippermetti lill-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema jew kull awtorità pubblika oħra kompetenti skond l-Artikolu 13(3), biex iwettqu verifiki u spezzjonijiet fil-bini tat-terza persuna professjonali li tkun irċeviet is-sub-frontloading sabiex jivverifikaw il-preżenza tal-karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded.”

(b)

Il-punt (ċ) huwa sostitwit b’li ġej:

“(ċ)

Il-kontroparti eliġibbli għandha tħallas lill-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema penali kuntrattwali f’ammont ipproporzjonat ma’ xi ħsara li jkun sofra, madankollu mhux anqas minn 10 % ta’ l-ammont sub-frontloaded, jekk: (i) il-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema jew kull awtorità pubblika kompetenti oħra ma tingħatax aċċess biex twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet imsemmija f’punt (b); jew (ii) jekk il-karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded ma jinħażnux fil-bini tat-terza parti professionali li tkun irċeviet is-sub-frontloading kif stabbilit f’dan l-Artikolu. BĊN futur ta’ l-Ewrosistema m’għandux jimponi dawn il-penali kuntrattwali: (i) jekk l-Istat Membru parteċipanti futur tiegħu jkun stabbilixxa qafas regolatorju li jipprovdi għal livell ekwivalenti ta’ protezzjoni; jew (ii) sakemm it-terza persuna professjonali li tkun irċeviet is-sub-frontloading tkun ħallset diġà penali skond l-Artikolu 16(2)(f).”

(5)

L-Artikolu 13 qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   BĊN futur ta’ l-Ewrosistema għandu jipprojbixxi lill-kontropartijiet eliġibbli (inklużi l-aġenti maħtura tagħhom) milli jiddisponu mill-karti tal-flus u muniti ewro kkunsinnati lilhom qabel 00:00 (ħin lokali) fid-data tal-bidla tal-flus kontanti, sakemm stabbilit mod ieħor b’din il-Linja Gwida. B’mod partikolari, il-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema għandu jeżiġi li l-kontropartijiet eliġibbli, inklużi l-aġenti maħtura tagħhom, jaħżnu l-karti tal-flus u muniti ewro frontloaded fil-kmamar tas-sigurtà tagħhom jew fil-kmamar tas-sigurtà ta’ l-aġenti maħtura tagħhom, jekk ikollhom, separatament minn kull karti tal-flus u muniti ewro oħra, valuti u proprjetà oħra, u b’mod li joffri sigurtà, sabiex jiġu evitati l-qerda, is-serq, jew kull każ ieħor ta’ ċirkolazzjoni bikrija.”

(b)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Sabiex tiġi vverifikata l-preżenza tal-karti tal-flus u muniti ewro frontloaded u l-ftehim liema skond il-kontropartijiet eliġibbli jwettqu s-sub-frontloading, il-kontropartijiet eliġibbli, inklużi l-aġenti maħtura tagħhom, għandhom jagħtu lill-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema tagħhom, id-dritt li jivverifika u jispezzjona l-bini tagħhom. Il-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema jista’ jafda awtorità pubblika kompetenti oħra bil-verifika u l-ispezzjoni ta’ dan il-bini, f’liema każ il-BĊE għandu jkun infurmat.”

(6)

Qed jiġi emendat l-Artikolu 16 kif ġej:

(a)

Jiġi rrevokat il-paragrafu 2(b).

(b)

Il-paragrafu 2(d) huwa sostitwit b’li ġej:

“(d)

It-terza persuna professjonali għandha tagħti lill-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema tagħha jew kull awtorità kompetenti oħra skond l-Artikolu 13(3), id-dritt biex jivverifikaw u jispezzjonaw il-bini tagħha sabiex jivverifikaw il-preżenza tal-karti tal-flus u l-muniti ewro sub-frontloaded.”

(ċ)

Jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   B’deroga mill-proċedura tas-sub-frontloading deskritta fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-proċedura ssimplifikata tas-sub-frontloading, fost terzi persuni professjonali, lil bejjiegħa bl-imnut skond il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ bl-imnut huwa intrapriża micro kif iddefinita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi micro, żgħar u ta’ daqs medju (*), jiġifieri timpjega anqas minn 10 persuni u għandha turnover annwali jew karta tal-bilanċ annwali totali li ma taqbiżx EUR 2 miljun;

(b)

il-valur nominali tal-karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded lil bejjiegħ bl-imnut ma jaqbiżx EUR 10 000 fit-total;

(ċ)

il-bejjiegħ bl-imnut għandu jiffirma formola standard ippreparata mill-BĊN futur ta’ l-Ewrosistema NCB li fiha jaqbel li ma jiddisponix mill-karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded qabel 00:00 (ħin lokali) fid-data tal-bidla tal-flus kontanti. M’għandhom jinħtieġu l-ebda ftehim kuntrattwali oħra; u

(d)

il-bejjiegħ bl-imnut għandu jaħżen karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded kif mitlub skond l-Artikolu 10(a), u għaldaqstant għandu japplika l-paragrafu 2(d).

(*)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.”"

(d)

Qed jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Skond il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, sub-frontloading issimplifikat jista’ jsir biss ħamest ijiem kalendarji qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti. Il-valur fil-valuta l-antika li jikkorrispondi mal-valur nominali tal-karti tal-flus u muniti ewro sub-frontloaded minn kontroparti eliġibbli lil bejjiegħ bl-imnut skond il-proċedura ssimplifikata tas-sub-frontloading, għandu jiġi mblukkat fil-kont tal-bejjiegħ bl-imnut mal-kontroparti eliġibbli, u ddebitat fid-data tal-bidla tal-flus kontanti.”

(7)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’li ġej:

“BĊNi futuri Ewrosistema għandhom jibagħtu lill-BĊE kopji ta’ kull strument legali u miżuri adottati fl-Istat Membru tagħhom fir-rigward ta’ din il-Linja Gwida mhux aktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-perijodu tal-frontloading/sub-frontloading, madankollu mhux qabel li tkun ittieħdet kull deċiżjoni dwar l-abrogazzjoni tad-deroga fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru.”

Artikolu 2

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewopea.

Artikolu 3

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi ta’ Stati Membri parteċipanti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 19 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 207, 28.7.2006, p. 39.


Top