EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0011

Direttiva 2008/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 76, 19.3.2008, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 232 - 233

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/07/2019; Impliċitament imħassar minn 32017R1129

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/11/oj

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 76/37


DIRETTIVA 2008/11/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikoli 44 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistipula li għandhom jiġu adottati ċerti miżuri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi iħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jissupplimentaw l-istrument b’elementi mhux essenzjali ġodda.

(3)

Konformement mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE (6), sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li jkunu diġa’ fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/71/KE, sabiex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta ta’ dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri huma mfassla biex jadattaw id-definizzjonijiet u jelaboraw jew jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/71/KE billi jiġu speċifikati fid-dettall il-forma u l-kontenut ta’ prospett. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2003/71/KE billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2003/71/KE tistipula limitu taż-żmien fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni. Fid-dikjarazzjoni tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li d-Deċiżjoni 2006/512/KE tipprovdi soluzzjoni orizzontali u sodisfaċenti għax-xewqa tal-Parlament Ewropew li jiskrutinja l-implimentazzjoni ta’ strumenti adottati taħt il-proċedura tal-kodeċiżjoni u li, b’hekk, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni mingħajr limitu ta’ żmien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw ukoll li ser jiżguraw li l-proposti mmirati li jħassru d-dispożizzjonijiet fl-atti li jistipulaw limitu ta’ żmien fuq id-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jiġu adottati kemm jista’ jkun malajr. Konsegwentement għall-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi limitu ta’ żmien fid-Direttiva 2003/71/KE għandha titħassar.

(6)

Il-Kummissjoni għandha, b’intervalli regolari, tanalizza l-funzjonament tad-dispożizzjonijiet rigward is-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilha biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeterminaw jekk il-limitu ta’ dawn is-setgħat u r-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni humiex adegwati u jekk dawn jiżgurawx kemm l-effikaċja kif ukoll ir-responsabbiltà demokratika.

(7)

Id-Direttiva 2003/71/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(8)

Ladarba l-emendi lid-Direttiva 2003/71/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura ta’ kumitat, dawn ma jeħtiġux traspożizzjoni fl-Istati Membri. Għaldaqstant, m’huwiex neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal dan l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2003/71/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikoli 2(4), 4(3), 5(5), 7(1), 8(4), 11(3), 13(7), 14(8) u 15(7) għandhom jiġu emendati kif ġej:

(a)

il-kliem “skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 24(2)” għandhom jitħassru;

(b)

għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(2a).”;

(2)

l-Artikolu 20(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni se tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti kriterji ġenerali ta’ ekwivalenza, ibbażati fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(2a).

Fuq il-bażi tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri implimentattivi skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 24(2), filwaqt li tiddikjara li pajjiż terz jiżgura l-ekwivalenza tal-prospetti mfassla f’dak il-pajjiż ma’ din id-Direttiva, permezz tal-liġi nazzjonali tiegħu jew tal-prattika jew proċeduri bbażati fuq standards internazzjonali stipulati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-istandards ta’ żvelar IOSCO.”;

(3)

l-Artikolu 24 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2a.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-diżpożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

(b)

il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, u, wara din id-data, għall-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dawk is-setgħat. Dan ir-rapport għandu jeżamina, partikolarment, il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi emendi għal din id-Direttiva sabiex tiżgura l-kamp ta’ applikazzjoni xieraq tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni. Il-konklużjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ emendament jew le għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal din il-konklużjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendament tad-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45.

(2)  ĠU C 39, 23.2.2007, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Novembru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 2008.

(4)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top