Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0008

Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat- 12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi

OJ L 44, 20.2.2008, p. 11–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 09 Volume 001 P. 263 - 274

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/8/oj

20.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 44/11


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/8/KE

tat-12 ta’ Frar 2008

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

Billi:

(1)

Ir-realizzazzjoni tas-suq intern, il-globalizzazzjoni, id-deregolazzjoni u l-bidla fit-teknoloġija ngħaqdu kollha flimkien sabiex joħolqu bidliet enormi fil-volum u l-istruttura tal-kummerċ fis-servizzi. Huwa dejjem iktar possibbli għal numru ta’ servizzi li jiġu fornuti mill-bogħod. B’reazzjoni, ittieħdu passi biċċa biċċa sabiex dan jiġi indirizzat tul is-snin u fil-fatt bosta servizzi definiti bħalissa huma intaxxati abbażi tal-prinċipju tad-destinazzjoni.

(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3) fir-rigward tal-post fejn ikunu fornuti s-servizzi, b’segwitu ta’ l-istrateġija tal-Kummissjoni ta’ modernizzazzjoni u simplifikazzjoni ta’ l-operazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT.

(3)

Għall-forniment kollu tas-servizzi l-post tat-tassazzjoni għandu, fil-prinċipju, ikun il-post fejn iseħħ tabilħaqq il-konsum. Jekk ir-regola ġenerali għall-post tal-forniment tas-servizzi kellha tinbidel b’dan il-mod, ċerti eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali xorta jkunu meħtieġa għal raġunijiet kemm amministrattivi kif ukoll ta’ politika.

(4)

Għall-forniment tas-servizzi lil persuni taxxabbli, ir-regola ġenerali rigward il-post tal-forniment tas-servizzi għandha tkun ibbażata fuq il-post fejn huwa stabbilit ir-riċevitur, aktar milli fejn huwa stabbilit il-fornitur. Għall-finijiet tar-regoli li jiddeterminaw il-post tal-forniment tas-servizzi u li jiġu minimizzati l-piżijiet fuq in-negozju, il-persuni taxxabbli li għandhom ukoll attivitajiet mhux taxxabbli għandhom ikunu ttrattati bħala taxxabbli għas-servizzi kollha mogħtijin lilhom. Bl-istess mod, persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li huma identifikati għall-finijiet tal-VAT għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli. Dawn id-dispożizzjonijiet, skond regoli normali, m’għandhomx jestendu għall-fornimenti ta’ servizzi riċevuti minn persuna taxxabbli għall-użu personali tagħha jew dak tal-persunal tagħha.

(5)

Fejn is-servizzi jiġu fornuti lil persuni mhux taxxabbli, ir-regola ġenerali għandha tibqa’ li l-post fejn jiġu fornuti s-servizzi huwa l-post fejn il-fornitur stabbilixxa n-negozju tiegħu.

(6)

F’ċerti ċirkostanzi, ir-regoli ġenerali rigward il-post fejn ikunu fornuti s-servizzi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lil dawk li mhumiex ma jkunux applikabbli u għandhom minflok japplikaw esklużjonijiet speċifikati. Dawn l-esklużjonijiet għandhom ikunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq kriterji eżistenti u jirriflettu l-prinċipju tat-tassazzjoni fil-post tal-konsum, filwaqt li ma jimponux piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq ċerti negozjanti.

(7)

Meta persuna taxxabbli tirċievi servizzi minn persuna li m’hix stabbilita fl-istess Stat Membru, il-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu jkun obbligatorju f’ċerti każijiet, jiġifieri li l-persuna taxxabbli għandha tagħmel stima hija stess ta’ l-ammont dovut ta’ VAT fuq is-servizz miksub.

(8)

Biex jiġu ssimplifikati l-obbligi fuq in-negozji involuti f’attivitajiet fl-Istati Membri fejn m’humiex stabbiliti, għandha tiġi stabbilita skema li tippermettilhom li jkollhom punt wieħed ta’ kuntatt elettroniku għall-identifikazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-VAT. Sa meta tiġi stabbilita tali skema, għandu jsir użu mill-iskema introdotta sabiex tiffaċilita l-konformità ma’ l-obbligi fiskali tal-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fil-Komunità.

(9)

Sabiex jiġu applikati aħjar ta’ din id-Direttiva kull persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha tippreżenta dikjarazzjoni rikapitolattiva tal-persuni taxxabbli u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT, li lilhom hi tkun forniet servizzi taxxabbli li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu tar-reverse charge.

(10)

Xi tibdiliet li jsiru lill-post tal-forniment tas-servizzi jistgħu jkollhom impatt fuq il-baġit ta’ l-Istati Membri. Sabiex it-tranżizzjoni sseħħ mingħajr xkiel, dawn it-tibdiliet għandhom jiġu introdotti maż-żmien.

(11)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, kemm jista’ jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(12)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 56, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-Punti (j) u (k) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2009.”;

(2)

fl-Artikolu 57, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2009.”;

(3)

fl-Artikolu 59, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 58(b) għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kif imsemmija fil-punt (j) ta’ l-Artikolu 56(1), fornuti lil persuni li m’humiex taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru, jew li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew li ġeneralment huma residenti fi Stat Membru, minn persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha barra l-Komunità jew li għandha stabbiliment fiss hemmhekk minn fejn jiġu fornuti s-servizzi, jew li, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti barra l-Komunità.”;

(4)

l-Artikolu 357 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 357

Dan il-Kapitolu għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.”.

Artikolu 2

Mill-1 ta’ Jannar 2010, id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

il-Kapitolu 3 tat-Titolu V għandu jinbidel b’dan li ġej:

“KAPITOLU 3

Post tal-forniment tas-servizzi

Taqsima 1

Definizzjoijiet

Artikolu 43

Għall-fini li jiġu applikati r-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment tas-servizzi:

(1)

persuna taxxabbli li twettaq ukoll attivitajiet jew transazzjonijiet li m’humiex ikkunsidrati bħala forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 2(1) għandha titqies bħala persuna taxxabbli fir-rigward tas-servizzi kollha fornuti lilha;

(2)

persuna ġuridika mhux taxxabbli li hi identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha titqies bħala persuna taxxabbli.

Taqsima 2

Regoli ġenerali

Artikolu 44

Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.

Artikolu 45

Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti minn stabbiliment fiss tal-fornitur li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn huwa stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn jirrisjedi normalment.

Taqsima 3

Dispożizzjonijiet partikolari

Sub-taqsima 1

Forniment tas-servizzi minn intermedjarji

Artikolu 46

Il-post fejn ikunu fornuti servizzi mogħtija lil persuna mhux taxxabbli minn intermedjarju li jaġixxi f’isem u fl-interessi ta’ persuna oħra għandu jkun il-post fejn tiġi fornuta t-transazzjoni sottostanti skond din id-Direttiva.

Sub-taqsima 2

Forniment tas-servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli

Artikolu 47

Il-post tal-forniment tas-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ esperti, u l-aġenti immobbiljari, il-forniment ta’ alloġġ fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet għall-btala jew siti żviluppati għall-użu bħala kampeġġi, l-għoti ta’ drittijiet sabiex tintuża proprjetà immobbli u s-servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ arkitetti u ta’ ditti li jfornu sorveljanza fuq il-post, għandu jkun il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

Sub-taqsima 3

Forniment tat-trasport

Artikolu 48

Il-post tal-forniment ta’ trasport ta’ passiġġieri għandu jkun il-post fejn iseħħ it-trasport, proporzjonat mad-distanzi koperti.

Artikolu 49

Il-post tal-forniment ta’ trasport ta’ merkanzija, minbarra t-trasport intra-Komunitarju ta’ merkanzija, lil persuni mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn iseħħ it-trasport, proporzjonat mad-distanzi koperti.

Artikolu 50

Il-post tal-forniment ta’ trasport intra-Komunitarju ta’ merkanzija lil persuni mhux taxxabbli għandu jkun il-post tat-tluq.

Artikolu 51

‘It-trasport intra-Komunitarju ta’ merkanzija’ għandha tfisser kwalunkwe trasport ta’ merkanzija fejn il-post tat-tluq u l-post tal-wasla jinsabu fit-territorji ta’ żewġ Stati Membri differenti.

‘Post tat-tluq’ għandha tfisser il-post fejn tabilħaqq jibda t-trasport tal-merkanzija, irrispettivament mid-distanzi koperti sabiex jintlaħaq il-post fejn tinsab il-merkanzija u l-‘post tal-wasla’ għandha tfisser il-post fejn it-trasport tal-merkanzija tabilħaqq jintemm.

Artikolu 52

L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw il-VAT fuq dik il-parti tat-trasport intra-Komunitarju tal-merkanzija lil persuni mhux taxxabbli li ssir fuq l-ilmijiet li ma jifformawx parti mit-territorju tal-Komunità.

Sub-taqsima 4

Forniment ta’ servizzi kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment u simili, servizzi anċillari tat-trasport u valutazzjonijiet ta’ u xogħlijiet fuq proprjetà mobbli

Artikolu 53

Il-post tal-forniment tas-servizzi u tas-servizzi anċillari, relatati ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew attivitajiet simili, bħal fieri u wirjiet, inkluż il-forniment tas-servizzi ta’ l-organizzaturi ta’ tali attivitajiet, għandu jkun il-post fejn dawk l-attivitajiet tabilħaqq iseħħu.

Artikolu 54

Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuni mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn is-servizzi jitwettqu fiżikament:

(a)

attivitajiet anċillari ta’ trasport bħal tagħbija, ħatt, trattament u attivitajiet simili;

(b)

valutazzjonijiet ta’ u xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli.

Sub-taqsima 5

Forniment ta’ servizzi ta’ ristoranti u catering

Artikolu 55

Il-post tal-forniment ta’ servizzi ta’ ristoranti u catering li jitwettqu fiżikament abbord bastimenti, inġenji ta’ l-ajru jew ferroviji matul is-sezzjoni ta’ l-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri li ssir fil-Komunità għandu jkun il-post fejn fiżikament jitwettqu s-servizzi.

Sub-taqsima 6

Kiri ta’ mezzi ta’ trasport

Artikolu 56

1.   Il-post tal-forniment ta’ kiri għal perijodu qasir ta’ mezzi ta’ trasport għandu jkun il-post fejn il-mezzi ta’ trasport jitqiegħed tabilħaqq għad-dispożizzjoni tal-klijent.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘perijodu qasir’ għandha tfisser il-pussess kontinwu jew l-użu tal-mezzi ta’ trasport tul perijodu ta’ mhux aktar minn tletin jum u, fil-każ ta’ bastimenti, mhux aktar minn disgħin jum.

Sub-taqsima 7

Forniment ta’ servizzi ta’ ristoranti u ta’ catering għal konsum abbord bastimenti, inġenji ta’ l-ajru jew ferroviji

Artikolu 57

1.   Il-post tal-forniment ta’ servizzi ta’ ristoranti u ta’ catering li jitwettqu fiżikament abbord bastimenti, inġenji ta’ l-ajru jew ferroviji matul is-sezzjoni ta’ l-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri li ssir fil-Komunità għandu jkun il-punt tat-tluq ta’ l-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘is-sezzjoni ta’ l-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri li saret fil-Komunità’ għandha tfisser is-sezzjoni ta’ l-operazzjoni li saret, mingħajr waqfa barra l-Komunità, bejn il-punt tat-tluq u l-punt tal-wasla ta’ l-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

‘Il-punt tat-tluq ta’ operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri’ għandha tfisser l-ewwel punt ta’ l-imbark tal-passiġġieri previst ġewwa l-Komunità, fejn hu applikabbli wara waqfa barra l-Komunità.

‘Il-punt tal-wasla ta’ operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri’ għandha tfisser l-aħħar punt ta’ l-imbark tal-passiġġieri previst ġewwa l-Komunità ta’ passiġġieri li mbarkaw fil-Komunità, fejn hu applikabbli qabel waqfa barra l-Komunità.

F’każ ta’ vjaġġ bir-ritorn, il-parti tar-ritorn għandha titqies bħala operazzjoni separata tat-trasport.

Sub-taqsima 8

Forniment ta’ servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli

Artikolu 58

Il-post tal-forniment ta’ servizzi fornuti elettronikament, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Anness II, meta fornuti lil persuni mhux taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru, jew li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew jirrisjedu abitwalment fi Stat Membru, minn persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha 'l barra mill-Komunità jew li għandha stabbiliment fiss li minnu huwa fornut is-servizz, jew li, fin-nuqqas ta’ tali post tal-kummerċ jew stabbiliment fiss, għandha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tirrisjedi 'l barra mill-Komunità, għandu jkun il-post fejn hija stabbilita l-persuna mhux taxxabbli, jew fejn għandha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tirrisjedi.

Fejn il-fornitur ta’ servizz u l-klijent jikkomunikaw permezz tal-posta elettronika, dak m’għandux fih innifsu jfisser li s-servizz fornut huwa servizz fornut elettronikament.

Sub-taqsima 9

Forniment ta’ servizzi lil persuni mhux taxxabbli barra l-Komunità

Artikolu 59

Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew li għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi barra l-Komunità, għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, fejn għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

(a)

trasferimenti u ċessjonijiet ta’ drittijiet ta’ l-awtur, brevetti, liċenzji, trejdmarks u drittijiet simili;

(b)

servizzi ta’ reklamar;

(ċ)

servizzi ta’ konsulenti, inġiniera, ditti ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili oħrajn, kif ukoll l-ipproċessar tad-data u l-forniment ta’ informazzjoni;

(d)

obbligi li toqgħod lura milli ssegwi jew teżerċita, fis-sħiħ jew f’parti, attività kummerċjali jew dritt imsemmi f’dan l-Artikolu;

(e)

transazzjonijiet bankarji, finanzjarji u ta’ l-assigurazzjoni inkluż ir-riassigurazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kiri ta’ sejfijiet;

(f)

il-forniment ta’ persunal;

(g)

kiri ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, bl-eċċezzjoni tal-mezzi tat-trasport kollha;

(h)

forniment ta’ l-aċċess għal, u t-trasport jew it-trasmissjoni permezz, sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali u ta’ l-elettriku u l-forniment ta’ servizzi oħra marbutin b’mod dirett magħhom;

(i)

servizzi tat-telekomunikazzjonijiet;

(j)

servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni;

(k)

servizzi fornuti b’mod elettroniku, b’mod partikolari dawk imsemmijin fl-Anness II.

Fejn il-fornitur ta’ servizz u l-klijent jikkomunikaw permezz tal-posta elettronika, dak m’għandux fih innifsu jfisser li s-servizz fornut huwa servizz fornut elettronikament.

Sub-taqsima 10

Prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja jew non-tassazzjoni

Artikolu 59a

Sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tas-servizzi li l-post tal-forniment tagħhom hu rregolat mill-Artikoli 44, 45, 56, u 59,

(a)

iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab fit-territorju tagħhom, daqs li kieku kien jinsab barra l-Komunità jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħu barra l-Komunità;

(b)

iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab barra l-Komunità, daqs li kieku kien jinsab fit-territorju tagħhom jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħu fit-territorju tagħhom.

Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għas-servizzi fornuti elettronikament fejn dawk is-servizzi jingħataw lil persuni mhux taxxabbli li ma jkunux stabbiliti fil-Komunità.

Artikolu 59b

Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 58(b) għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kif imsemmija fil-punt (j) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 59, fornuti lil persuni li m’humiex taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru, jew li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew li ġeneralment huma residenti fi Stat Membru, minn persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha barra l-Komunità jew li għandha stabbiliment fiss hemmhekk minn fejn jiġu fornuti s-servizzi, jew li, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti barra l-Komunità.”

(2)

fl-Artikolu 98(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Ir-rati mnaqqsa m’għandhomx japplikaw għas-servizzi fornuti b’mezzi elettroniċi.”;

(3)

is-sentenza introduttorja ta’ l-Artikolu 170 għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Il-persuni taxxabbli kollha li, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE (*), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9/KE (**) u l-Artikolu 171 ta’ din id-Direttiva, mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(*)  It-tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta’ Novembru 1986 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul – Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, 21.11.1986, p. 40)."

(**)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KEE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).”;"

(4)

l-Artikolu 171 għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE.”

(b)

il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Id-Direttiva 86/560/KEE m’għandhiex tapplika għal:

(a)

ammonti ta’ VAT li skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni ġew fatturati b’mod żbaljat;

(b)

ammonti ta’ VAT fatturati fir-rigward tal-fornimenti ta’ merkanzija li l-forniment tagħha huwa, jew jista’ jkun, eżentat skond l-Artikolu 138 jew il-punt (b) ta’ l-Arikolu 146(1).”;

(5)

għandu jiddaħħal l-Artikolu 17a li ġej:

“Artikolu 171a

L-Istati Membri jistgħu, minflok jagħtu rifużjoni ta’ VAT skond id-Direttivi 86/560/KEE jew 2008/9/KE fuq dawk il-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi għal persuni taxxabbli fir-rigward ta’ liema persuna taxxabbli hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skond l-Artikoli 194 sa 197 jew l-Artikolu 199, jippermettu tnaqqis ta’ din it-taxxa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 168. Ir-restrizzjonijiet eżistenti skond l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE jistgħu jinżammu.

Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-persuna taxxabbli li hija responsabbli li tħallas it-taxxa mill-proċedura ta’ rifużjoni skond id-Direttivi 86/560/EEC jew 2008/9/KE. ”

(6)

fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XI, għandu jiżdied l-Artikolu 192a li ġej:

“Artikolu 192a

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, persuna taxxabbli li għandha stabbiliment fiss fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn hija dovuta t-taxxa, għandha titqies bħala persuna taxxabbli li mhix stabbilita f’dak l-Istat Membru meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tagħmel forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew ta’ servizzi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

stabbiliment li l-fornitur ikollu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ma jintervenix f’dak il-forniment.”;

(7)

il-Paragrafu 196 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 196

Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli li hi identifikata għall-finijiet tal-VAT, li lilha jiġu fornuti s-servizzi previsti fl-Artikolu 44, jekk s-servizzi jiġu fornuti minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju ta’ l-Istat Membru.”;

(8)

fl-Artikolu 214, għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

kull persuna taxxabbli li fit-territorju rispettiv tagħha tirċievi servizzi li għalihom għandha tħallas il-VAT skond l-Artikolu 196;

(e)

kull persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju rispettiv tagħha, twettaq forniment ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li għalihom għandha titħallas il-VAT unikament mir-riċevitur skond l-Artikolu 196.”;

(9)

l-Artikolu 262 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 262

Kull persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet ta’ VAT għandha tippreżenta dikjarazzjoni rikapitulattiva ta’ dan li ġej:

(a)

l-akkwirenti identifikati għall-finijiet ta’ VAT li lilhom hi tkun forniet merkanzija b’mod konformi mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 138(1) u (2)(ċ);

(b)

il-persuni identifikati għall-finijiet ta’ VAT li lilhom hi tkun forniet merkanzija li kienet ġiet fornuta lilha permezz ta’ akkwisti intra-Komunitarji msemmijin fl-Artikolu 42;

(ċ)

il-persuni taxxabbli, u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli identifikati għall-finijiet ta’ VAT, li lilhom hi tkun forniet servizzi, barra minn dawk is-servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-transazzjoni tkun taxxabbli, u li għaliha r-riċevitur għandu jħallas it-taxxa skond l-Artikolu 196.”;

(10)

fl-Artikolu 264, il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli fl-Istat Membru li fih għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni rikapitulattiva u li taħtu hi wettqet il-forniment ta’ merkanzija b’mod konformi mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138(1) u li taħtu hi effettwat fornimenti taxxabbli ta’ servizzi b’mod konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44;

(b)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna li takkwista l-merkanzija jew li tirċievi s-servizzi f’xi Stat Membru barra dak fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni rikapitulattiva u li taħtu l-merkanzija jew is-servizzi kienu fornuti lilha;”;

(b)

il-punt (d) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

għal kull persuna li akkwistat merkanzija jew irċeviet servizzi, il-valur totali tal-forniment tal-merkanzija u l-valur totali tal-forniment tas-servizzi li saru mill-persuna taxxabbli;”;

(11)

L-Artikolu 358 għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(2)

‘servizzi elettroniċi’ u ‘servizzi fornuti elettronikament’ tfisser is-servizzi msemmija fil-punt (k) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 59;”;

(b)

il-punt (4) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(4)

‘Stat Membru ta’ konsum’ tfisser l-Istat Membru li fih, skond l-Artikolu 58, hu meqjus li jseħħ il-forniment ta’ servizzi elettroniċi;”;

(12)

fl-Anness II, l-intestatura għandha tinbidel b’dan li ġej:

“LISTA INDIKATTIVA TAS-SERVIZZI FORNUTI ELETTRONIKAMENT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 58 U FIL-PUNT (K) TA’ L-EWWEL PARAGRAFU TA’ L-ARTIKOLU 59”.

Artikolu 3

Mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Artikoli 53 u 54 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Il-post tal-forniment tas-servizzi fir-rigward tad-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew avvenimenti simili, bħal fieri u wirjiet, u tas-servizzi anċillari relatati mad-dħul, fornuti lil persuna taxxabbli, għandu jkun il-post fejn dawk l-avvenimenti tabilħaqq iseħħu.

Artikolu 54

1.   Il-post tal-forniment tas-servizzi u tas-servizzi anċillari, relatati ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew avvenimenti simili, bħal fieri u wirjiet, inkluż il-forniment tas-servizzi ta’ l-organizzaturi ta’ tali attivitajiet, fornuti lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn dawk l-avvenimenti tabilħaqq iseħħu.

2.   Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn dawn is-servizzi jitwettqu fiżikament:

(a)

attivitajiet anċillari ta’ trasport bħal tagħbija, ħatt, trattament u attivitajiet simili;

(b)

valutazzjonijiet ta’ u xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli.”.

Artikolu 4

Mill-1 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jinbidel b’dan li ġej, u l-Artikolu 56(3) għandu jiġi rinumerat kif meħtieġ:

“2.   Il-post tal-kiri, minbarra kiri għal perijodu qasir, ta’ mezzi ta’ trasport lil persuni mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew jirrisjedi s-soltu.

Madankollu, il-post minn fejn tinkera dgħajsa tad-divertiment lil persuna mhux taxxabbli, minbarra l-kiri għal perijodu qasir, għandu jkun il-post minn fejn id-dgħajsa tad-divertiment fil-fatt titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, meta dan is-servizz huwa fornut mill-fornitur mill-post tan-negozju tiegħu jew minn stabbiliment fiss li jinsab f’dak il-post.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3, ‘perijodu qasir’ għandha tfisser il-pussess kontinwu jew l-użu tal-mezz tat-trasport tul perijodu ta’ mhux aktar minn tletin jum u, fil-każ ta’ bastiment, mhux aktar minn disgħin jum.”.

Artikolu 5

Mill-1 ta’ Jannar 2015, id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3, tat-Titolu V, is-subtaqsima 8 għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Sub-taqsima 8

Forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, xandir u servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli

Artikolu 58

Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

(a)

servizzi tat-telekomunikazzjonijiet;

(b)

servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni;

(ċ)

servizzi fornuti b’mod elettroniku, b’mod partikolari dawk imsemmijin fl-Anness II.

Fejn il-fornitur ta’ servizz u l-klijent jikkomunikaw permezz tal-posta elettronika, dak m’għandux fih innifsu jfisser li s-servizz fornut huwa servizz fornut elettronikament.”;

(2)

fl-Artikolu 59, il-punti (i), (j) u (k) ta’ l-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu għandhom jitħassru;

(3)

l-Artikolu 59a għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 59a

Sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tas-servizzi li l-post tal-forniment tagħhom hu rregolat mill-Artikoli 44, 45, 56, 58 u 59,

(a)

iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab fit-territorju tagħhom, daqs li kieku kien jinsab barra l-Komunità jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħ barra l-Komunità;

(b)

iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab barra l-Komunità, daqs li kieku kien jinsab fit-territorju tagħhom jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħ fit-territorju tagħhom.”;

(4)

l-Artikolu 59b għandu jitħassar;

(5)

it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 204(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw l-għażla prevista fit-tieni subparagrafu għal persuna taxxabbli li mhux stabbilita fil-Komunità, skond it-tifsira tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 358a, li għażlet l-iskema speċjali għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni, xandir jew elettroniċi.”;

(6)

fit-Titolu XII, l-intestatura tal-Kapitolu 6 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

 

“Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti li huma fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli”;

(7)

l-Artikolu 357 għandu jitħassar;

(8)

l-Artikolu 358 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 358

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet’ u ‘servizzi ta’ xandir’ ifissru s-servizzi msemmijin fil-punti (a) u (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58;

(2)

‘servizzi elettroniċi’ u ‘servizzi fornuti elettronikament’ tfisser is-servizzi msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58;

(3)

“Stat Membru ta’ konsum” tfisser l-Istat Membru fejn il-forniment tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi jkun mifhum li jseħħ skond l-Artikolu 58;

(4)

‘Dikjarazzjoni tal-VAT’ tfisser id-dikjarazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun stabbilit l-ammont tal-VAT dovut f’kull Stat Membru.”

(9)

fit-Titolu XII, Kapitolu 6, l-intestatura tat-Taqsima 2 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

 

“Skema speċjali għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi fornuti minn persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fi ħdan il-Komunità”;

(10)

fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XI, għandu jiżdied l-Artikolu 358a li ġej:

“Artikolu 358a

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità’ tfisser persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilixxiet in-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità u li ma jkollha l-ebda stabbiliment fiss hemmhekk u li altrimenti mhix meħtieġa li tkun identifikata għall-finijiet ta’ VAT;

(2)

‘Stat Membru ta’ identifikazzjoni’ tfisser l-Istat Membri li l-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità tagħżel li tikkuntattja sabiex tiddikjara meta l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli fit-territorju tal-Komunità tibda b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima.”;

(11)

l-Artikoli 359 sa 365 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 359

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità li tforni servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita fi Stat Membru jew għandha l-indirizz permanenti tagħha jew is-soltu tirrisjedi fi Stat Membru, sabiex tuża din l-iskema speċjali. Din l-iskema tapplika għal dawk is-servizzi kollha fornuti fil-Komunità.

Artikolu 360

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha tiddikjara lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta tibda u tieqaf mill-attivitajiet tagħha bħala persuna taxxabbli, jew tbiddel dik l-attività b’tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali. Hi għandha tikkomunika dik l-informazzjoni b’mod elettroniku.

Artikolu 361

1.   L-informazzjoni li persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha tipprovdi lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta l-attività taxxabbli tagħha tibda għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

(a)

isem;

(b)

indirizz;

(ċ)

indirizzi elettroniċi, inklużi websajts;

(d)

numru nazzjonali tat-taxxa, jekk jeżisti;

(e)

dikjarazzjoni li l-persuna mhijiex identifikata għall-finijiet ta’ VAT fil-Komunità.

2.   Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha tinnotifika l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta.

Artikolu 362

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità numru ta’ identifikazzjoni ta’ VAT individwali u għandu jgħarrfu b’dak in-numru permezz ta’ mezzi elettroniċi. Abbażi ta’ l-informazzjoni użata għal dik l-identifikazzjoni, l-Istati Membri ta’ konsum jistgħu jużaw is-sistemi ta’ identifikazzjoni tagħhom stess.

Artikolu 363

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħassar lill-persuna taxxabbli li mhix stabbilita fil-Komunità mir-reġistru ta’ identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk tinnotifika li dak l-Istat Membru li m’għadhiex tforni servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi;

(b)

jekk wieħed jista’ jassumi li l-attivitajiet taxxabbli tagħha ntemmu;

(ċ)

jekk ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali;

(d)

jekk b’mod persistenti ma tikkonformax mar-regoli relatati ma’ din l-iskema speċjali.

Artikolu 364

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha tippreżenta permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dikjarazzjoni tal-VAT għal kull kwart tas-sena kalendarja kemm jekk ġew fornuti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi u kemm jekk le. Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tiġi ppreżentata fi żmien 20 jum mit-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-dikjarazzjoni.

Artikolu 365

Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni u, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn il-VAT hija dovuta, il-valur totali, mingħajr VAT, ta’ fornimenti tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir u ta’ servizzi elettroniċi mwettqa matul il-perijodu tat-taxxa u l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti. Ir-rati tal-VAT applikabbli u l-VAT totali dovuta għandhom ikunu indikati wkoll fuq id-dikjarazzjoni.”

(12)

l-Artikolu 366(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha ssir bl-euro.

L-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro jistgħu jeħtieġu li d-dikjarazzjoni tal-VAT tkun magħmula fil-munita nazzjonali tagħhom. Jekk il-forniment sar f’muniti oħrajn, il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha, għall-finijiet li timla’ d-dikjarazzjoni tal-VAT, tuża r-rata tal-kambju li japplikaw fl-aħħar jum tal-perijodu tat-taxxa.”;

(13)

l-Artikoli 367 u 368 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 367

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha tħallas il-VAT, waqt li tagħmel referenza għad-dikjarazzjoni tal-VAT rilevanti, meta tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT, mhux aktar tard, madankollu, mill-iskadenza tat-terminu perentorju li fih id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata.

Il-ħlas għandu jsir f’kont bankarju denominat fl-euro, magħżul mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. L-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-ewro jistgħu jeħtieġu li l-ħlas isir lil kont bankarju denominat fil-munita tagħhom stess.

Artikolu 368

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax tnaqqas il-VAT skond l-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva. Minkejja l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 86/560/KEE, il-persuna taxxabbli in kwistjoni għandhom tiġi rimborsata skond id-Direttiva msemmija. L-Artikoli 2(2) u (3) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE m’għandhomx japplikaw għar-rimborsi relatati ma’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew elettroniċi koperti minn din l-iskema speċjali.”;

(14)

l-Artikolu 369(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fil-Komunità għandha żżomm ir-reġistri tat-transazzjonijiet koperti minn din l-iskema speċjali. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu suffiċjentement dettaljati sabiex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru ta’ konsum jivverifikaw li d-dikjarazzjoni tal-VAT hija korretta.”;

(15)

fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII, għandha tiddaħħal it-Taqsima 3 li ġejja:

“Taqsima 3

Skema speċjali għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew elettroniċi fornuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru ta’ konsum

Artikolu 369a

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum’ tfisser persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità jew għandha stabbiliment fiss hemm iżda ma stabbilietx in-negozju tagħha u lanqas ma għandha stabbiliment fiss fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ konsum;

(2)

‘L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni’ tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna taxxabbli stabbilixxiet in-negozju tagħha jew, jekk ma stabbilixxietx in-negozju tagħha fil-Komunità, fejn għandha stabbiliment fiss.

Fejn persuna taxxabbli ma stabbilixxietx in-negozju tagħha fil-Komunità, iżda għandha iktar minn stabbiliment fiss wieħed fil-Komunità, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment fiss fejn dik il-persuna taxxabbli tindika li ser tagħmel użu minn din l-iskema speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’din id-deċiżjoni għas-sena kalendarja konċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara.

Artikolu 369b

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum tforni servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew elettroniċi lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew għandha l-indirizz permanenti tagħha jew is-soltu tirrisjedi fi Stat Membru, sabiex tuża din l-iskema speċjali. Din l-iskema speċjali għandha tapplika għal dawk is-servizzi kollha fornuti fil-Komunità.

Artikolu 369ċ

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha tiddikjara lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta tibda u tieqaf mill-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti b’din l-iskema speċjali, jew tbiddel dawk l-attivitajiet b’tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali. Hi għandha tikkomunika dik l-informazzjoni b’mod elettroniku.

Artikolu 369d

Persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali għandha, għat-transazzjonijiet taxxabbli mwettqa taħt din l-iskema, tiġi identifikata għall-finijiet ta’ VAT fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss. Għal dak il-fini l-Istat Membru għandu juża n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali diġà allokat lill-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ l-obbligi tagħha taħt is-sistema interna.

Abbażi ta’ l-informazzjoni użata għal dik l-identifikazzjoni, l-Istati Membri ta’ konsum jistgħu jużaw is-sistemi ta’ identifikazzjoni tagħhom stess.

Artikolu 369e

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi l-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum minn din l-iskema speċjali fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk tinnotifika li m’għadhiex tforni servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi;

(b)

jekk wieħed jista’ jassumi li l-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali ntemmu;

(ċ)

jekk ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali;

(d)

jekk b’mod persistenti ma tikkonformax mar-regoli relatati ma’ din l-iskema speċjali.

Artikolu 369f

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha tippreżenta permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dikjarazzjoni tal-VAT għal kull kwart tas-sena kalendarja, kemm jekk ġew fornuti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir jew elettroniċi u kemm jekk le. Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tiġi ppreżentata fi żmien 20 jum mit-tmiem tal-perijodu tat-taxxa kopert mid-dikjarazzjoni.

Artikolu 369g

Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 369d u, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn hi dovuta l-VAT, il-valur totali, mingħajr VAT, tal-provvisti ta’ telekomunikazzjoni, xandir jew servizzi elettroniċi mwettqa waqt il-perijodu tat-taxxa u l-ammont totali skond ir-rata tal-VAT korrispondenti. Ir-rati tal-VAT applikabbli u l-VAT totali dovuta għandhom jiġu indikati wkoll fid-dikjarazzjoni.

Fejn il-persuna taxxabbli għandha stabbiliment fiss wieħed jew aktar, minbarra fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li minnu huma fornuti s-servizzi, id-denunzja tal-VAT għandha flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tinkludi l-valur totali tal-fornimenti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, xandir jew servizzi elettroniċi koperti minn din l-iskema speċjali, għal kull Stat Membru li fih hija għandha stabbiliment, flimkien man-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-VAT jew ir-referenza tat-taxxa ta’ dan l-istabbiliment, maqsum skond l-Istat Membru ta’ konsum.

Artikolu 369h

1.   Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha ssir bl-ewro.

L-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-ewro jistgħu jeħtieġu li d-dikjarazzjoni tal-VAT tkun magħmula fil-munita nazzjonali tagħhom. Jekk il-fornimenti saru f’muniti oħrajn, il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha, għall-finijiet ta’ tlestija tad-dikjarazzjoni tal-VAT, tuża r-rata tal-kambju li tapplika fl-aħħar ġurnata tal-perijodu tat-taxxa.

2.   Il-konverżjoni għandha ssir bl-applikazzjoni tar-rati tal-kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dak il-jum, jew, jekk m’hemm l-ebda pubblikazzjoni f’dak il-jum, fil-jum ta’ pubblikazzjoni li jmiss.

Artikolu 369i

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha tħallas il-VAT, waqt li tagħmel referenza għad-dikjarazzjoni tal-VAT rilevanti, meta tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT, mhux aktar tard, madankollu, mill-iskadenza tat-terminu perentorju li fih id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata.

Il-ħlas għandu jsir f’kont bankarju denominat fl-euro, magħżul mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. L-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-ewro jistgħu jeħtieġu li l-ħlas isir lil kont bankarju denominat fil-munita tagħhom stess.

Artikolu 369j

Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward ta’ l-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema, tnaqqas il-VAT skond l-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva. Minkejja l-punt (1) ta’ l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli in kwistjoni għandha tiġi rimborsata skond id-Direttiva msemmija.

Jekk il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali twettaq ukoll fl-Istat Membru ta’ konsum attivitajiet mhux koperti minn din l-iskema li fir-rigward tagħhom hija obbligata tkun reġistrata għal finijiet ta’ VAT, hija għandha tnaqqas il-VAT fir-rigward ta’ l-attivitajiet taxxabbli tagħha li huma koperti minn din l-iskema fid-dikjarazzjoni tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata skond l-Artikolu 250.

Artikolu 369k

1.   Il-persuna taxxabbli li m’hijiex stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum għandha żżomm ir-reġistri tat-transazzjonijiet koperti minn din l-iskema speċjali. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu suffiċjentement dettaljati sabiex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru ta’ konsum jivverifikaw li d-dikjarazzjoni tal-VAT hija korretta.

2.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli b’mezzi elettroniċi fuq talba lill-Istat Membru ta’ konsum u lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu għal perijodu ta’ għaxar snin mill-31 ta’ Diċembru tas-sena meta twettqet it-transazzjoni.”

(16)

fl-Anness II, l-intestatura għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“LISTA INDIKATTIVA TAS-SERVIZZI FORNUTI ELETTRONIKAMENT IMSEMMIJA FIL-PUNT (Ċ) TA’ L-EWWEL PARAGRAFU TA’ L-ARTIKOLU 58”.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2014, tippreżenta rapport dwar il-possibbiltà li tkun applikata b’mod effiċjenti r-regola stabbilita fl-Artikolu 5 għall-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni u ta’ servizzi elettroniċi fornuti lil persuni li mhumiex taxxabbli u dwar il-kwistjoni jekk dik ir-regola għadhiex tikkorrispondi għal-linja politika ġenerali f’dak iż-żmien rigward il-post tal-forniment tas-servizzi.

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikoli 1 sa 5 ta’ din id-Direttiva mid-dati rispettivi previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 143 u opinjoni mogħtija fis-16 ta’ Mejju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 117, 30.4.2004, p. 15 u ĠU C 195, 18.8.2006, p. 54.

(3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/75/KE (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 13).

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top