EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008E0944
Council Common Position 2008/944/CFSP of 8 December 2008 defining common rules governing control of exports of military technology and equipment
Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat- 8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari
Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat- 8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari
OJ L 335, 13.12.2008, p. 99–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 012 P. 90 - 94
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/09/2019
13.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 335/99 |
POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/944/PESK
tat-8 ta’ Diċembru 2008
li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari
IL-KUNSILL TAL UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Istati Membri għandhom il-ħsieb li jibnu fuq il-Kriterji Komuni miftehma fil-Kunsilli Ewropej tal-Lussemburgu u ta’ Lisbona fl-1991 u fl-1992, u fuq il-Kodiċi ta’ Kondotta tal Unjoni Ewropea dwar Esportazzjonijiet ta’ Armi addottat mill-Kunsill fl-1998. |
(2) |
L-Istati Membri jirrikonoxxu r-responsabbiltà speċjali tal Istati li jesportaw teknoloġija u tagħmir militari. |
(3) |
L-Istati Membri huma determinati li jiffissaw standards komuni għoljin li għandhom jitqiesu bħala l-minimu għall-maniġġar ta’, u t-trażżin ta’ trasferimenti ta’ teknoloġija u tagħmir militari mill-Istati Membri kollha, u sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bil-ħsieb li tinkiseb trasparenza akbar. |
(4) |
L-Istati Membri huma determinati li jimpedixxu l-esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jew aggressjoni internazzjonali jew sabiex jikkontribwixxu għal instabbiltà reġjonali. |
(5) |
L-Istati Membri bi ħsiebhom jirrinfurzaw il-kooperazzjoni u jippromwovu l-konverġenza fil-qasam tal esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari fi ħdan il-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). |
(6) |
Ittieħdu miżuri komplementari kontra trasferimenti illeċiti, fil-forma tal-Programm tal UE għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu ta’Armi Konvenzjonali, |
(7) |
Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kunsill addotta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK (1) dwar il-kontribut tal Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief, |
(8) |
Fit-23 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill addotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/468/PESK (2) dwar il-kontroll tal intermedjazzjoni fl-armi. |
(9) |
Il-Kunsill Ewropew addottaf’Diċembru 2003 strateġija kontra l-proliferazzjoni tal armi ta’ distruzzjoni massiva, u f’Diċembru 2005 strateġija għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar ta’ armi żgħar u armamenti ħfief u l-ammunizzjon tagħhom, liema strateġiji jimplikaw żjieda ta’ interess komuni tal Istati Membri tal Unjoni Ewropea f’approċċ koordinat għall-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari. |
(10) |
Fl-2001 ġie addottat il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu f’Armi Żgħar u Armamenti Ħfief fl-Aspetti Kollha Tiegħu. |
(11) |
Fl-1992 ġie stabbilit ir-Reġistru tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Armi Konvenzjonali. |
(12) |
L-Istati għandhom dritt jittrasferixxu l-mezzi ta’ difiża leġittima, konsistenti mad-dritt ta’ difiża leġittima rikonoxxut mill-Karta tan-NU, |
(13) |
Hi rikonoxxuta x-xewqa tal Istati Membri li jżommu industrija tad-difiża bħala parti mill-bażi industrijali tagħhom kif ukoll l-isforz ta’ difiża tagħhom, |
(14) |
It-tisħiħ ta’ bażi teknoloġika u industrijali ta’ difiża Ewropea, li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-Politika Ewropea Komuni ta’ Sigurtà u Difiża, għandu jkun akkumpanjat b’kooperazzjoni u konverġenza fil-qasam tat-teknoloġija u t-tagħmir militari, |
(15) |
L-Istati Membri bi ħsiebhom isaħħu l-politika tal Unjoni Ewropea ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni għal teknoloġija u tagħmir militari permezz tal adozzjoni ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, li taġġorna u tissostitwixxi l-Kodiċi ta’ Kondotta tal Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjonijiet tal Armi addottat mill-Kunsill fit-8 ta’ Ġunju 1998. |
(16) |
Fit-13 ta’ Ġunju 2000, il-Kunsill addottal-Lista Militari Komuni tal Unjoni Ewropea, li tiġi riveduta regolarment, b’konsiderazzjoni, skond il-każ, ta’ listi nazzjonali u internazzjonali simili (3). |
(17) |
L-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza tal-attivitajiet esterni tagħha kumplessivament fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tagħha, konformement mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat; f’dan ir-rigward il-Kunsill jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għall-emendament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1334/2000 tat-22 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju (4), |
ADDOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:
Artikolu 1
1. Kull Stat Membru għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet li jsirulu għal liċenzji ta’ esportazzjoni għal oġġetti fil-Lista Militari Komuni tal UE msemmija fl-Artikolu 12 fuq bażi ta’ każ b’każ skond il-kriterji ta’ l-Artikolu 2.
2. L-applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:
— |
applikazzjonijiet għal liċenzji għal esportazzjonijiet fiżiċi, inklużi dawk għall-fini ta’ produzzjoni b’liċenzja ta’ tagħmir militari f’pajjiżi terzi; |
— |
applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ intermedjazzjoni; |
— |
applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ “transitu” jew “trasbord”; |
— |
applikazzjonijiet għal liċenzji għal kwalunkwe trasferiment mhux tanġibbli ta’ software u teknoloġija b’mezzi bħall-medja elettronika, il-fax jew it-telefon. |
Il-leġislazzjoni tal Istati Membri għandha tindika f’liema każ tkun meħtieġa liċenzja ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-applikazzjonijiet.
Artikolu 2
Kriterji
1. L-Ewwel Kriterju: Rispett għall-obbligi u l-impenji internazzjonali tal Istati Membri, b’mod partikolari s-sanzjonijiet addottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew l-Unjoni Ewropea, ftehim dwar non-proliferazzjoni u suġġetti oħra, kif ukoll obbligi internazzjonali oħra
Liċenzja ta’ esportazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk l-approvazzjoni tkun inkonsistenti inter alia ma’:
(a) |
l-obbligi internazzjonali tal Istati Membri u l-impenji tagħhom sabiex jinfurzaw embargi fuq l-armi min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa; |
(b) |
l-obbligi internazzjonali tal Istati Membri taħt it-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari, il-Konvenzjoni dwar l-Armamenti Bijoloġiċi u Tossiniċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armamenti Kimiċi; |
(ċ) |
l-impenn tal Istati Membri li ma jesportaw l-ebda forma ta’ mini tal art kontra l-personal; |
(d) |
l-impenji tal Istati Membri fil-qafas tal-Grupp tal Awstralja, ir-Reġim għall-Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Kumitat Zangger, il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari, l-Arranġament ta’ Wassenaar u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal Aja kontra l-Proliferazzjoni ta’ Missili Ballistiċi. |
2. It-Tieni Kriterju: Rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali kif ukoll rispett minn dak il-pajjiż għal-liġi umanitarja internazzjonali
— |
Wara li jkunu vvalutaw l-attitudni tal-pajjiż destinatarju lejn il-prinċipji rilevanti stabbiliti mill-istrumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, l-Istati Membri għandhom:
Għal dawn il-finijiet, teknoloġija jew tagħmir li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jinkludu, inter alia, teknoloġija jew tagħmir fejn hemm provi tal użu ta’ din it-teknoloġija jew tagħmir jew ta’ teknoloġija jew tagħmir simili għal repressjoni interna mill-utent finali propost, jew fejn hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li t-teknoloġija jew it-tagħmir ser jiġu ddevjati mill-użu aħħari jew l-utent finali ddikjarat tagħhom u jintużaw għal repressjoni interna. Konformement mal Artikolu 1 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, in-natura tat-teknoloġija jew it-tagħmir ser tiġi kkunsidrata b’attenzjoni, b’mod partikolari jekk huma maħsuba għal finijiet ta’ sigurtà interna. Repressjoni interna tinkludi, inter alia, torturi u trattamenti jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet sommarji jew arbitrarji, għejbien, detenzjonijiet arbitrarji u ksur prinċipali ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. |
— |
Wara li jkunu vvalutaw l-attitudni tal-pajjiż destinatarju lejn il-prinċipji rilevanti stabbiliti mill-istrumenti tal-liġi umanitarja internazzjonali, l-Istati Membri għandhom:
|
3. It-Tielet Kriterju: Is-sitwazzjoni interna fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali, bħala funzjoni tal eżistenza ta’ tensjonijiet jew konflitti armati
L-Istati Membri għandhom jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għal teknoloġija jew tagħmir militari li jipprovoka jew itawwal konflitti armati jew jaggrava tensjonijiet eżistenti jew konflitti fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.
4. Ir-Raba’ Kriterju: Preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali
L-Istati Membri għandhom jiċħdu l-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni jekk ikun hemm riskju ċar li d-destinatarju maħsub ikun ser juża t-teknoloġija jew t-tagħmir militari sabiex jiġi esportat b’mod aggressiv kontra pajjiż ieħor jew sabiex jasserixxi pretensjoni territorjali bil-forza. Meta jikkunsidraw dawn ir-riskji, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont inter alia ta’:
(a) |
l-eżistenza jew il-possibbiltà ta’ konflitt armat bejn il-pajjiż destinatarju u pajjiż ieħor; |
(b) |
pretensjoni kontra t-territorju ta’ pajjiż ġar li fl-imgħoddi d-destinatarju kien ipprova jew hedded li jinsegwi permezz tal-forza; |
(ċ) |
il-probabbiltà li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari jkun użat għal skopijiet li m’humiex is-sigurtà nazzjonali u d-difiża leġittima tad-destinatarju; |
(d) |
il-ħtieġa li ma tiġix affettwata b’mod negattiv l-istabbiltà reġjonali b’xi mod sinifikattiv. |
5. Il-Ħames Kriterju: Is-sigurtà nazzjonali tal Istati Membri u tat-territorji li r-relazzjonijiet esterni tagħhom huma r-responsabbiltà ta’ Stat Membru, kif ukoll dik ta’ pajjiżi ħbieb u alleati
L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’:
(a) |
l-effett potenzjali tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat fuq l-interessi tad-difiża u tas-sigurtà tagħhom kif ukoll dawk ta’ Stat Membru u dawk ta’ pajjiżi ħbieb u alleati, waqt li jirrikonoxxu li dan il-fattur ma jistax jaffettwa l-konsiderazzjoni tal-kriterji dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali; |
(b) |
ir-riskju li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari kkonċernat jintuża kontra l-forzi tagħhom jew dawk ta’ Stati Membri u dawk ta’ pajjiżi ħbieb u alleati. |
6. Is-Sitt Kriterju: L-imġiba tal-pajjiż xerrej fir-rigward tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari fejn jirrigwarda l-attitudni tiegħu lejn it-terroriżmu, in-natura tal alleanzi tiegħu u r-rispett għal-liġi internazzjonali
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw inter alia l-passat tal-pajjiż xerrej fir-rigward ta’:
(a) |
is-sostenn għal jew l-inkoraġġiment tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali; |
(b) |
il-konformità tiegħu mal impenji internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari li ma tintużax il-forza, u mal-liġi umanitarja internazzjonali; |
(ċ) |
l-impenn tiegħu għan-non-proliferazzjoni u oqsma oħra tal-kontroll tal armi u d-diżarm, b’mod partikolari l-firma, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet rilevanti dwar il-kontroll tal armi u d-diżarm imsemmija fil-punt (b) tal Ewwel Kriterju. |
7. Is-Seba’ Kriterju: L-eżistenza ta’ riskju li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari jiġi ddevjat fl-istess pajjiż xerrej jew jiġi esportat mill-ġdid taħt kondizzjonijiet mhux mixtieqa
Fil-valutazzjoni tal impatt tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat fuq il-pajjiż destinatarju u r-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir ikun jista’ jiġi ddevjat lil utent finali mhux mixtieq jew għal użu aħħari mhux mixtieq, għandhom jiġu kkunsidrati dawn li ġejjin:
(a) |
l-interessi ta’ difiża leġittima u sigurtà interna tal-pajjiż destinatarju, inkluż kwalunkwe parteċipazzjoni fin-Nazzjonijiet Uniti jew attività oħra ta’ żamma tal-paċi; |
(b) |
il-kapaċità teknika tal-pajjiż destinatarju li juża tali teknoloġija jew tagħmir; |
(ċ) |
il-kapaċità tal-pajjiż destinatarju li japplika kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni; |
(d) |
ir-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir jiġi esportat mill-ġdid lejn destinazzjonijiet mhux mixtieqa, u l-passat tal-pajjiż destinatarju li jirrispetta kwalunkwe disposizzjoni dwar esportazzjoni mill-ġdid jew kunsens minn qabel għall-esportazzjoni mill-ġdid li l-Istat Membru li jesporta jqis adegwat li jimponi; |
(e) |
ir-riskju li tali teknoloġija jew tagħmir jiġi ddevjat lejn organizzazzjonijiet terroristiċi jew lil terroristi individwali; |
(f) |
ir-riskju ta’ “reverse engineering” jew trasferiment involontarju ta’ teknoloġija. |
8. It-Tmien Kriterju: Il-kompatibbiltà tal esportazzjonijiet tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari mal-kapaċità teknika u ekonomika tal-pajjiż destinatarju, b’kunsiderazzjoni tax-xewqa li l-istati għandhom ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet leġittimi tagħhom ta’ sigurtà u ta’ difiża bl-inqas devjazzjoni ta’ riżorsi umani u ekonomiċi għall-armamenti
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, fid-dawl tal informazzjoni minn sorsi rilevanti bħar-rapporti tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, jekk l-esportazzjoni proposta tkunx ser ixxekkel serjament l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż destinatarju. Huma għandhom jikkunsidraw f’dan il-kuntest il-livelli relattivi tan-nefqa militari u soċjali tal-pajjiż destinatarju, b’kont meħud ukoll ta’ kwalunkwe għajnuna tal UE jew bilaterali.
Artikolu 3
Din il-Pożizzjoni Komuni ma għandhiex tinċidi fuq id-dritt tal Istati Membri li japplikaw politika nazzjonali aktar restrittiva.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw dettalji ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni li ġew miċħuda skond il-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-liċenzja ġiet miċħuda. Qabel ma kwalunkwe Stat Membru jagħti liċenzja li tkun ġiet miċħuda minn Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra għal transazzjoni essenzjalment identika fl-aħħar tliet snin li jkunu għaddew, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta mal Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda (ċaħdiet). Jekk wara l-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru xorta waħda jiddeċiedi li jagħti liċenzja, huwa għandu jinnotifika lill-Istat Membru jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda (ċaħdiet), u jagħti spjegazzjoni dettaljata tar-raġunar tiegħu.
2. Id-deċiżjoni għat-trasferiment jew għaċ-ċaħda tat-trasferiment ta’ kwalunkwe teknoloġija jew tagħmir militari għandha tibqa’ għad-diskrezzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Ċaħda ta’ liċenzja hija mifhuma li sseħħ meta l-Istat Membru jkun irrifjuta li jawtorizza l-bejgħ attwali jew l-esportazzjoni tat-teknoloġija jew it-tagħmir militari kkonċernat, fejn b’mod ieħor kien iseħħ bejgħ, jew il-konklużjoni tal-kuntratt rilevanti. Għal dawn il-finijiet, ċaħda notifikabbli tista’, skond il-proċeduri nazzjonali, tinkludi ċaħda ta’ permess sabiex jinbdew negozjati jew risposta negattiva għal mistoqsija formali inizjali dwar ordni speċifika.
3. L-Istati Membri għandhom iżommu kunfidenzjali dawn iċ-ċaħdiet u konsultazzjonijiet u ma jużawhomx għal vantaġġ kummerċjali.
Artikolu 5
Il-liċenzji ta’ esportazzjoni għandhom jingħataw biss abbażi ta’ tagħrif preċedenti affidabbli tal użu aħħari fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Dan ġeneralment jeħtieġ ċertifikat verifikat bir-reqqa tal utent finali jew dokumentazzjoni adegwata u/jew xi forma ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali maħruġa mill-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Meta jivvalutaw applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ esportazzjoni ta’ teknoloġija jew tagħmir militari għall-finijiet ta’ produzzjoni f’pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont b’mod partikolari tal użu potenzjali tal-prodott komplut fil-pajjiż tal-produzzjoni u tar-riskju li l-prodott komplut ikun jista’ jiġi ddevjat jew esportat lil utent finali mhux mixtieq.
Artikolu 6
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1334/2000, il-kriterji fl-Artikolu 2 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni u l-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4 għandhom japplikaw ukoll għall-Istati Membri fir-rigward ta’ merkanzija u teknoloġija b’użu doppju kif speċifikat fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1334/2000 fejn ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-utent finali ta’ tali merkanzija u teknoloġija ser ikunu l-forzi armati jew il-forzi interni ta’ sigurtà jew entitajiet simili fil-pajjiż destinatarju. Ir-referenzi f’din il-Pożizzjoni Komuni għal teknoloġija jew tagħmir militari għandhom jinftiehmu li jinkludu tali merkanzija u teknoloġija.
Artikolu 7
Sabiex tiġi massimizzata l-effikaċja ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri għandhom jaħdmu fi ħdan il-qafas tal-PESK sabiex jirrinfurzaw il-kooperazzjoni tagħhom u sabiex jippromwovu l-konverġenza tagħhom fil-qasam tal esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari.
Artikolu 8
1. Kull Stat Membru għandu jiċċirkola b’mod kunfidenzjali lill-Istati Membri l-oħra rapport annwali dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta’ teknoloġija u tagħmir militari u dwar l-implimentazzjoni tiegħu ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.
2. Għandu jiġi sottomess, lill-Kunsill u ppubblikat fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal Unjoni Ewropea, Rapport Annwali tal UE, ibbażat fuq il-kontributi mill-Istati Membri kollha.
3. Addizzjonalment, kull Stat Membru li jesporta teknoloġija jew tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal UE għandu jippubblika rapport nazzjonali dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta’ teknoloġija u tagħmir militari, li l-kontenut tiegħu ikun skond il-leġislazzjoni nazzjonali, kif applikabbli, u jipprovdi informazzjoni għar-Rapport Annwali tal UE dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Pożizzjoni Komuni kif stipulat fil-Gwida għall-Utenti.
Artikolu 9
L-Istati Membri għandhom, kif ikun meħtieġ, jivvalutaw b’mod konġunt permezz tal-qafas tal-PESK is-sitwazzjoni ta’ destinatarji potenzjali jew attwali ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari mill-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.
Artikolu 10
Waqt li l-Istati Membri, fejn ikun meħtieġ, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett ta’ esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, dawn il-fatturi m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ hawn fuq.
Artikolu 11
L-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil stati oħrajn li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari sabiex japplikaw il-kriterji ta’ din il-Pożizzjoni Komuni. Huma għandhom jiskambjaw regolarment l-esperjenzi ma’ dawk l-istati terzi li japplikaw il-politika tagħhom ta’ kontroll tal esportazzjoni ta’ teknoloġija u tagħmir militari u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji.
Artikolu 12
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tippermettilhom jikkontrollaw l-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal UE. Il-Lista Militari Komuni tal UE għandha tkun punt ta’ riferiment għal-listi nazzjonali ta’ teknoloġija u tagħmir militari tal Istati Membri, iżda m’għandhiex tissostitwihom direttament.
Artikolu 13
Il-Gwida għall-Utenti għall-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar l-Esportazzjonijiet ta’ Tagħmir Militari, li jiġi rivedut regolarment, għandu jservi ta’ gwida għall-implimentazzjoni ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.
Artikolu 14
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett fid-data tal adozzjoni tagħha.
Artikolu 15
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta tliet snin wara l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 16
Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
B. KOUCHNER
(1) ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1.
(2) ĠU L 156, 25.6.2003, p. 79.
(3) Emendata l-aħħar fl-10 ta’ Marzu 2008, ĠU C 98, 18.4.2008, p. 1.
(4) ĠU L 159, 30.6.2000, p. 1.