EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0485

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/485/PESK tat- 23 ta’ Ġunju 2008 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

OJ L 164, 25.6.2008, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/485/oj

25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 164/44


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/485/PESK

tat-23 ta’ Ġunju 2008

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 2007 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK (1) għal perijodu inizjali li jagħlaq fit-30 ta’ Ġunju 2008.

(2)

Wara konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet Kongoliżi u partijiet oħra kkonċernati, jidher li huwa meħtieġ li l-missjoni tiġi estiża għal sena.

(3)

Il-kompiti ta' EUPOL RD Congo għandhom jinkludu wkoll il-provvista ta' assistenza lill-Police Nationale Congolaise fl-oqsma tal-Pulizija tal-Fruntieri u s-Servizz tal-Verifika tal-Pulizija. Barra minn hekk, il-missjoni għandha tikkontribwixxi għall-aspetti marbuta mal-pulizija, is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem, u t-tfal u l-konflitti armat tal-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), u tiffaċilita r-rabta u l-armonizzazzjoni ta' dawk l-isforzi mal-proċess nazzjonali ta' riforma tal-pulizija. Dak għandu jinkiseb b'mod partikolari billi jiġi pprovdut l-appoġġ għal żewġ programmi li tfasslu sabiex jiġu implimentati l-istrumenti ta' ftehim iffirmati f'Goma fit-23 ta’ Jannar 2008 mill-gvern tar-RDK u gruppi armati diversi li joperaw fil-Kivus, jiġifieri l-Programme Amani u l-Plan de Stabilisation de l'Est, li t-tnejn li huma jinkludu komponenti tal-pulizija.

(4)

F'dan ir-rigward, l-EUPOL RD Congo għandha wkoll tintbagħat fil-parti tax-xlokk tar-RDK b'kont meħud partikolarment tal-kwistjonijiet ta' sigurtà, il-vjolenza ibbażata fuq is-sessi, it-tfal f'konflitti armati u l-koordinazzjoni internazzjonali.

(5)

Għandu jiġi pprovdut ammont ta' referenza finanzjarja ġdid sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009.

(6)

Il-mandat tal-missjoni qed jitwettaq f'kuntest ta' sigurtà li jista' jiddeterjora ruħu u jimmina l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) kif definiti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

1)

fl-Artikolu 2(1), għandu jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

tikkontribwixxi għall-aspetti marbuta mal-pulizija kif ukoll mas-sessi, mad-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' paċi fix-xlokk tar-RDK u speċjalment lir-rabta tiegħu mal-proċess ta' riforma tal-PNC.”;

2)

l-Artikolu 3 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Struttura tal-missjoni u taż-żona ta' insedjament

1.   Il-missjoni għandu jkollha Kwartieri Ġenerali (KĠ) f'Kinshasa li jikkonsisti fi:

(a)

il-Kap tal-Missjoni;

(b)

skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell strateġiku;

(ċ)

skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell operattiv;

(d)

skwadra ta' kunsilliera ġuridiċi fil-livell strateġiku u operattiv;

(e)

appoġġ amministrattiv.

2.   Il-missjoni għandu jkollha preżenza permanenti f'Goma u Bukavu, fil-parti tax-xlokk tar-RDK, sabiex twassal assistenza u kompetenza lill-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk tar-RDK.

3.   It-tqassim operattiv tal-kompiti għandu jkun kif ġej:

(a)

esperti li jiffurmaw parti integrali mid-diversi gruppi ta' ħidma dwar ir-riforma tal-pulizija, u kunsilliera assenjati għall-postijiet organizzattivi u deċiżjonali ċentrali tas-CSRP previsti mill-awtoritajiet Kongoliżi;

(b)

esperti assenjati lill-PNC, b'mod partikolari fil-postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-pulizija ġudizzjarja u l-pulizija responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni;

(ċ)

appoġġ fil-qasam tal-liġi kriminali sabiex, ma' l-attivitajiet fil-qasam tal-pulizija, tingħaqad interfaċċja mal-ġustizzja kriminali u jingħata segwitu għal aspetti importanti tar-riforma tal-ġustizzja kriminali, inkluż fil-każ tal-liġi kriminali militari;

(d)

kompetenzi sabiex isir kontribut għall-aspetti orizzontali tar-RSS;

(e)

esperti assenjati lill-PNC, partikolarment f'postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri u s-Servizz tal-Verifika tal-Pulizija;

(f)

esperti assenjati lill-pulizija kif ukoll għall-aspetti marbuta mas-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk, u r-rabta tiegħu mal-proċess nazzjonali ta' riforma tal-pulizija.

4.   Iż-żona ta' insedjament għandha tkun Kinshasa, Goma u Bukavu. Minħabba l-implikazzjonijiet ġeografiċi tal-missjoni fit-territorju kollu tar-RDK, bħala riżultat tal-mandat, jista' jkun li l-esperti jkunu meħtieġa jivvjaġġaw u jkunu temporanjament preżenti f'postijiet oħra fil-provinċji, fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni jew kwalunkwe persuna awtorizzata għal dan l-effett mill-Kap tal-Missjoni, u b'kont debitu meħud ta' l-esiġenzi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà.”;

3)

l-Artikolu 9(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 għandu jkun ta 5 500 000 EUR.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 għandu jkun ta' 6 920 000 EUR.”;

4)

l-Artikolu 15 għandu jitħassar;

5)

it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Dan għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2009.”.

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Luxembourg, 23 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 151, 13.6.2007, p. 46. Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2008/38/PESK (ĠU L 9, 12.1.2008, p. 18).


Top