Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0921

2008/921/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2008/798/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8197) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 331, 10.12.2008, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1135

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/921/oj

10.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 331/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Diċembru 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2008/798/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8197)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/921/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistipula l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistipula l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali.

(2)

Livelli għoljin ta’ melamina nstabu fil-ħalib tat-trabi u prodotti ta’ ħalib oħra fiċ-Ċina. Il-melamina hija kimika intermedjarja wżata fil-manifattura ta’ reżini amminiċi u plastik u tintuża bħala monomeru u bħala addittiv għall-plastik. Il-livelli għolja ta’ melamina fl-ikel jistgħu jirriżultaw f’effetti serji ħafna fuq is-saħħa.

(3)

Biex tilqa’ għal dan ir-riskju għas-saħħa li jista’ jirriżulta mill-esponiment għall-kontenut tal-melamina fl-għalf u fil-prodotti tal-ikel, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib li joriġinaw minn jew li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/757/KE, tistipula li għandu jkun hemm projbizzjoni fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti li fihom il-ħalib jew tal-ħalib, intenzjonati għall-użu nuttrittiv partikolari tat-trabi u tat-tfal żgħar, u tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu verifiki sistematiċi waqt l-importazzjoni fuq għalf u ikel ieħor li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib. Din id-Deċiżjoni teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jneħħu mis-suq kull prodott ta’ din ix-xorta misjub li fih melamina li tkun aktar minn 2.5 mg/kg tal-prodott.

(4)

Skont informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, instab reċentement ukoll livell għoli ta’ melamina fi prodotti li fihom is-soja jew fi prodotti tas-soja importati miċ-Ċina. Instabet ukoll il-melamina fil-bikarbonat tal-ammonju, użat fl-industrija tal-ikel bħala aġent ta’ teħmir. Għalhekk hu xieraq li jiġu estiżi l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/798/KE anki għal dawn il-prodotti.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/798/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti li fihom il-ħalib jew prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja maħsuba għall-użu nuttrittiv partikolari tat-trabi u t-tfal żgħar skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari, li joriġinaw jew jiġu kkunsinnati miċ-Ċina. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe prodott bħal dan li jinstab fis-suq wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi rtirat u jinqered minnufih.”

(2)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki ddokumentati, ta’ identità u fiżiċi, inklużi analiżijiet fil-laboratorji, fuq il-kunsinni kollha li joriġinaw jew li ġew ikkunsinnati miċ-Ċina ta’ bikarbonat tal-ammonju maħsuba għall-ikel jew l-għalf u l-ikel li fih il-ħalib, prodotti tal-ħalib, soja jew prodotti tas-soja.

L-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli aleatorji qabel l-importazzjoni ta’ prodotti oħra tal-għalf u l-ikel li għandhom kontenut għoli ta’ proteina li joriġinaw miċ-Ċina.

Dawn il-kontrolli għandhom b’mod partikolari jimmiraw li jaċċertaw li l-livell ta’ melamina, jekk hemm, ma jaqbiżx it-2.5 mg/kg tal-prodott. Il-kunsinni għandhom jinżammu sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.”

(3)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“L-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem lill-punt ta’ kontroll imsemmi fl-Artiklu 2(3) tad-data u l-ħin stmat tat-twassil tal-kunsinni kollha li joriġinaw fiċ-Ċina jew li huma kkunsinnati minnha ta’ għalf u ikel li fihom il-ħalib, il-prodotti tal-ħalib, is-soja jew il-prodotti tas-soja.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Top