EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0393

2008/393/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Mejju 2008 skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad- data personali f’Jersey (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1746) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 138, 28.5.2008, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 055 P. 173 - 175

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/393/oj

28.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 138/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Mejju 2008

skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali f’Jersey

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1746)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/393/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali (2),

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u kif ukoll jekk qabel ma jsir it-trasferiment tintlaħaq konformità mal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-kaz, tista’ tiġi trasferita data personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3)

Skond id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-data għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew grupp ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tagħha.

(4)

Minħabba d-diversi approċċi li pajjiżi terzi għandhom fir-rigward tat-trasferiment tad-data, l-evalwazzjoni ta’ l-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma toħloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Komunità.

(5)

Il-Bailiwick ta’ Jersey hija waħda mid-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika (mingħajr ma hi parti mir-Renju Unit u lanqas kolonja) li tgawdi indipendenza totali, ħlief għar-relazzjonijiet internazzjonali u d-difiża li huma r-responsabbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit. Għaldaqstant il-Bailiwick ta’ Jersey għandha tkun ikkunsidrata bħala pajjiż terz skond it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE.

(6)

B’effett mill-1951 u l-1987 rispettivament, ir-ratifika tar-Renju Unit tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatiku tad-data personali (Konvenzjoni Nru 108) ġew estiżi għall-Bailiwick ta’ Jersey.

(7)

Fir-rigward tal-Bailiwick ta’ Jersey, l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-biċċa l-kbira bbażati fuq l-istandards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE ġew stipulati fid-Data Protection (Jersey) Law 1987, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1987 u żewġ liġijiet anċillari, id-Data Protection (Amendment) (Jersey) Law 2005, u d-Data Protection (Jersey) Law 2005 (Appointed Day) Act 2005.

(8)

Ġiet adottata wkoll leġiżlazzjoni sekondarja taħt l-awtorità tad-Data Protection (Jersey) Law, fl-2005, li tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kwistjonijiet bħall-aċċess tas-suġġett, l-ipproċessar ta’ data sensittiva u n-notifikar ta’ l-awtorità dwar il-protezzjoni tad-data  (3).

(9)

L-istandards legali applikabbli f’Jersey jkopru l-prinċipji bażiċi neċessarji għal livell adegwat ta’ protezzjoni għal persuni naturali. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards hija garantita b’rimedji ġudizzjarji u b’superviżjoni indipendenti magħmula mill-awtorità, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, li huwa vestit b’poteri ta’ investigazzjoni u b’poter li jintervjeni.

(10)

Għaldaqstant Jersey għandha tiġi kkunsidrata li toffri livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali, li ssir referenza għalih fid-Direttiva 95/46/KE.

(11)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data ta’ l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet eċċezzjonali fejn tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ trażmissjoni speċifika ta’ data minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(12)

Il-miżuri miktuba f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Bailiwick ta’ Jersey għandha tiġi kkunsidrata li toffri livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali trasferita mill-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-livell adegwat ta’ protezzjoni pprovdut f’Jersey bil-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva li jappartjenu għall-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 3

1.   Bla ħsara għall-poteri tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond dispożizzjonijiet oħrajn għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu t-trasferiment ta’ data lil riċevent f’Jersey sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a)

Fejn awtorità kompetenti ta’ Jersey tkun ikkonkludiet li riċevent ikun fi ksur ta’ l-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew

(b)

fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, ikun hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jaħseb illi l-awtorità kompetenti ta’ Jersey mhux qed tieħu, jew mhix se tieħu l-passi li huma xierqa u fil-ħin sabiex issolvi l-każ ikkonċernat, it-tkomplija tat-trasferiment tkun toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira għas-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu għamlu dak kollu li hu xieraq sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar stabbilita f’Jersey u taw ċans biżżejjed għal risposta.

2.   Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jassiguraw il-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni f’Jersey tonqos milli tassigura din il-konformità.

3.   Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xiehda lil xi korp responsabbli li jassigura l-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni f’Jersey mhux qed iwettaq ir-rwol tiegħu b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti f’Jersey u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozzi ta’ miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-għan li titħassar jew tiġi sospiża din id-Deċiżjoni jew tiġi limitata l-applikabilità tagħha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kull konklużjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni f’Jersey hija adegwata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kull evidenza li din id-Deċiżjoni qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  Opinjoni 8/2007 dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali f’Jersey, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma nhar id-9 ta’ Ottubru 2007, li tinsab hawn: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2007_en.htm

(3)  Dawn huma d-Data Protection (Corporate Finance Exemption) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Credit Reference Agency) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Fair Processing) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (International Co-operation) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Notification) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Sensitive Personal Data) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Exemptions) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Miscellaneous) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Education) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Health) (Jersey) Regulations 2005, id-Data Protection (Subject Access Modification – (Social Work) (Jersey) Regulations 2005, u d-Data Protection (Transfer in Substantial Public Interest) (Jersey) Regulations 2005.


Top