EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0234

Deċiżjoni Nru 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 11 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew ta’ Konsultazzjoni dwar il-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku u li tħassar id-Deċizjoni tal-Kunsill 91/116/KEE Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 73, 15.3.2008, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/234(1)/oj

15.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 73/13


DEĊIŻJONI Nru 234/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-11 ta’ Marzu 2008

li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew ta’ Konsultazzjoni dwar il-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku u li tħassar id-Deċizjoni tal-Kunsill 91/116/KEE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-konsultazzjoni ta’ l-utenti u l-produtturi ta’ tagħrif statistiku kif ukoll ta’ min iwieġeb għat-talbiet ta’ tali tagħrif hi essenzjali għat-tħejjija u l-iżvilupp tal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku.

(2)

Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar it-Tagħrif Statistiku fl-Ambiti Ekonomiċi u Soċjali mwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/116/KEE (3) bħalissa jgħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni ta’ l-għanijiet tal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku, b’kunsiderazzjoni għar-rekwiżiti ta’ l-utenti u l-ispejjeż imġarrba mill-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif.

(3)

Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar it-Tagħrif Statistiku kien utli fl-Ambiti Ekonomiċi u Soċjali, iżda bidliet li seħħew fil-Komunità, b’mod partikolari t-tkabbir tagħha għal 27 Stat Membru, jeħtieġu għadd ta’ bidliet rigward ir-rwol, il-mandat, il-kompożizzjoni u l-proċeduri tiegħu. Għall-finijiet ta’ ċarezza, jeħtieġ li l-Kumitat jiġi sostitwit b’ Kumitat Konsultattiv Ewropew dwar l-Istatistika ġdid (“il-Kumitat”).

(4)

Il-Kumitat għandu jagħti sehmu għal koperazzjoni mill-qrib fil-proċess ta’ l-ippjanar tal-programm għat-titjib tal-governanza tas-Sistema ta’ l-Istatistika Ewropea u għaż-żieda fil-kwalità ta’ l-istatistika Komunitarja. Għal dan il-għan, għandha tinżamm kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (4) u mal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE (5).

(5)

Għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-bżonn li jitnaqqas in-numru ta’ membri sabiex jippermetti lill-Kumitat li jaħdem b’mod effiċjenti f’Komunità mkabbra u l-bżonn li jippermetti r-rappreżentanza tal-partijiet interessati kollha fl-istatistika Komunitarja, kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2005.

(6)

Sabiex jiġu milħuqa l-għanijiet ta’ valutazzjoni aħjar u l-bilanċ bejn l-benefiċċji u l-ispejjeż tar-rekwiżiti ta’ l-istatistika Komunitarja u l-ibbilanċjar mill-ġdid u tnaqqis tal-piż tal-leġiżlazzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja, biex b’hekk tiġi mħaffa l-konformità mat-talba li kull ma tmur tikber, il-Kumitat għandu jkollu sehem akbar fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika.

(7)

Il-Kumitat għandu jservi ta’ mezz ta’ konsultazzjoni mill-utenti, minn min iwieġeb u mill-produtturi tat-tagħrif statistiku dwar l-għanijiet tal-politika Komunitarja ta’ tagħrif statistiku.

(8)

Id-Deċiżjoni 91/116/KEE għandha għalhekk tiġi rrevokata,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kumitat Konsultattiv Ewropew ta’ l-Istatistika

1.   Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew ta’ l-Istatistika (minn issa ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) hu hawnhekk stabblit.

2.   Il-Kumitat għandu jgħin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni billi jiżgura li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ l-utenti u l-ispejjeż li jaqgħu fuq il-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif fil-koordinazzjoni ta’ l-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi tal-politika ta’ tagħrif dwar l-istatistika Komunitarja.

3.   Dik l-għajnuna għandha tkopri l-oqsma statistiċi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-Politika Komunitarja ta’ Tagħrif Statistiku.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat minn kmieni fit-tħejjija tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u jindirizza b’mod partikolari:

(a)

ir-rilevanza tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika għar-rekwiżiti ta’ l-integrazzjoni u l-iżvilupp Ewropew, kif espress mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-kategoriji ekonomiċi u soċjali varji u l-gruppi xjentifiċi;

(b)

ir-rilevanza għall-programm Komunitarju ta’ l-istatistika għall-attivitajiet tal-Komunità, b’kunsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi;

(ċ)

il-bilanċ fir-rigward tal-prijoritajiet u r-riżorsi bejn iż-żoni differenti tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika u l-programm ta’ xogħol ta’ l-istatistika annwali tal-Kummissjoni, u l-fattibilita’ li jerġgħu jiġu ewalwati l-prijoritajiet tax-xogħol statistiku;

(d)

l-adegwatezza tar-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika inklużi l-ispejjeż magħmula direttament kemm mill-Komunità kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali; u jekk l-iskop, il-livell tad-dettall u l-ispejjeż ta’ l-istatistika Ewropea humiex xierqa għall-bżonnijiet ta’ l-utenti;

(e)

l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-provvista tat-tagħrif statistiku mill-fornituri tat-tagħrif u l-possibilitajiet li jonqos il-piż tat-tweġibiet, b’referenza partikolari għall-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

2.   Il-Kumitat għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn iż-żoni fejn jista’ jkun meħtieġ li jiġu żviluppati attivitajiet statistiċi ġodda u għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kif ittejjeb ir-rilevanza ta’ l-istatistika Ewropea għall-utenti, b’kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-fornituri u l-produtturi tat-tagħrif.

Artikolu 3

Relazzjonijiet ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u entitajiet oħra

1.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġetti li għandhom x’jaqsmu mar-rekwżiti ta’ l-utent u dwar l-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tad-data, fl-iżvilupp tal-Politika Komunitarja ta’ tagħrif statistiku, fil-prijoritajiet tal-programm Komunitarju ta’ l-istatistika, fil-valutazzjoni ta’ l-istatistika eżistenti, fil-kwalità tad-data u fil-politika ta’ tixrid.

2.   Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u jippreżenta r-rapporti dwar ir-rekwiżiti ta’ l-utent u l-ispejjeż li jaqgħu fuq il-fornituri tad-data fil-produzzjoni u t-tixrid ta’ l-istatistika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kull meta jqis li dan hu meħtieġ għat-twettiq tal-ħidma tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta annwalment dwar kif qieset l-opinjonijiet tal-Kumitat.

3.   Sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu, il-Kumitat għandu jikkoopera mal-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika u l-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti. Għandu jinforma regolarment lil dawk iż-żewġ Kumitati dwar l-opinjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kompiti deskritti fl-Artikolu 2 u għandu jibagħatilhom l-opinjonijiet u r-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi relazzjonijiet mal-kunsilli ta’ l-utent ta’ l-istatistika nazzjonali.

Artikolu 4

Kompożizzjoni u proċedura għall-ħatra

1.   Il-Kumitat għandu jkun kostitwit minn 24 membru, kif ġej:

(a)

Tnax-il membru għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Dawn għandhom jaġixxu indipendentement. Bil-ħsieb li jinħatru dawn it-tnax il-membru, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni lista ta’ tliet kandidati bi kwalifiki stabbiliti sew fil-qasam ta’ l-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-selezzjoni ta’ t-tnax-il membru jirrappreżentaw b’mod ugwali lill-utenti, lil min iwieġeb u lill-partijiet l-oħra interessati fl-istatistika Ewropea (inkluża l-komunità xjentifika, il-partijiet soċjali u s-soċjetà ċivili). It-tnax il-membru għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom fil-kapaċità personali tagħhom.

(b)

Ħdax-il membru għandhom jiġu maħtura direttament mill-istituzzjonijiet u mill-entitajiet li għalihom jappartjenu, kif ġej:

(i)

membru li jirrappreżenta lill-Parlament Ewropew,

(ii)

membru li jirrappreżenta lill-Kunsill,

(iii)

membru li jirrappreżenta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

(iv)

membru li jirrappreżenta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

(v)

membru li jirrappreżenta lill-Bank Ċentrali Ewropew,

(vi)

żewġ membri li jirrappreżentaw lill-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika,

(vii)

membru li jirrappreżenta l-Konfederazzjoni tan-Negozju Ewropea (BUSINESSEUROPE),

(viii)

membru li jirrappreżenta l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC),

(ix)

membru li jirrappreżenta l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju ta’ l-Artiġjanat, u

(x)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(ċ)

Id-Direttur Ġenerali ta’ l-Eurostat se jkun membru ex-officio tal-Kumitat, mingħajr id-dritt tal-vot.

2.   Il-lista tal-membri tal-Kumitat għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, Serje C.

Artikolu 5

Tul tal-mandat

1.   Il-Membri tal-Kumitat se jinħatru għal perjodu ta’ ħames snin, li jiġġedded darba. Ma’ tmiem it-terminu tal-ħatra tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-ħatra sakemm jiġu ssostitwiti jew sakemm il-ħatra tagħhom tiġġedded.

2.   Jekk il-membri jirriżenjaw qabel tmiem it-terminu tal-ħatra tagħhom, għandhom ikunu ssostitwiti għall-bqija tat-terminu minn membri maħtura skond l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Struttura u funzjoni

1.   Il-Kumitat għandu jaħtar il-President tiegħu minn fost il-membri maħtura mill-Kummissjoni. Il-President għandu jinħatar għal perjodu ta’ ħames snin, li jiġġedded darba.

2.   Il-President għandu jlaqqa’ l-Kumitat mill-inqas darba fis-sena, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta’ għall-inqas terz mill-membri tiegħu.

3.   Għat-tħejjija ta’ l-opinjonijiet fuq suġġetti statistiċi tassew kumplessi, il-Kumitat jista’, bi ftehim mal-Kummissjoni jistabbilixxi gruppi ta’ xogħol temporanji li għandhom jiġu ppreseduti minn membru tal-Kumitat. Kull grupp tax-xogħol għandu jkun magħmul minn esperti li jipprovdu bilanċ xieraq ta’ sfondi professjonali u distribuzzjoni ġeografika. Il-Presidenti ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jibagħtu r-riżultati tal-proċedimenti tagħhom fil-format ta’ rapport f’laqgħa tal-Kumitat.

4.   Għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Kumitat jista’ jitlob li jsiru studji u jorganizza seminars.

5.   Ir-rappreżentanti ta’ kwalunkwe dipartiment ikkonċernat tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat u fil-gruppi tax-xogħol bħala osservaturi.

Il-President jista’ jawtorizza lill-osservaturi l-oħra biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.

6.   Is-servizzi segretarjali għandhom jiġu pprovduti għall-Kumitat u gruppi ta’ ħidma mill-Kummissjoni.

7.   L-ispejjeż tal-Kumitat għandhom ikunu inklużi fl-estimi baġitarji tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jispeċifikaw fid-dettal r-regoli ta’ proċedura interna tal-Kumitat.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu meħtieġa li ma jikxfux informazzjoni li jkunu kisbu aċċess għaliha permezz tal-proċeduri tal-Kumitat jew ta’ grupp ta’ ħidma, jekk il-Kummissjoni tgħarrafhom li tali tagħrif miksub jista’ jiġi ġġustifikat bħala ta’ natura kunfidenzjali, jew jekk ir-risposta għal rikjesta għal opinjoni mitluba jew għall-mistoqsija mqajma jagħtu lok għall-iżvelar ta’ tali tagħrif kunfidenzjali.

Artikolu 9

Regoli ta’ Proċedura Interni

Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu trażmessi għal skopijiet ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 10

Tħassir

Id-Deċiżjoni 91/116/KEE hija mħassra.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2008.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2008.

(3)  ĠU L 59, 6.3.1991, p. 21. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 97/255/KE (ĠU L 102, 19.4.1997, p. 32).

(4)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(5)  ĠU L 59, 6.3.1991, p. 19. Id-Deċiżjoni kif sostitwita bid-Deċiżjoni 2006/856/KE (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).


Top