EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008A1204(01)

Opinjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta' Novembru 2008 fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 98/37/KE dwar miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta' angle grinder bil-marka kummerċjali REDLINE MD-2007-137 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ C 309, 4.12.2008, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 309/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Novembru 2008

fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 98/37/KE dwar miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta' angle grinder bil-marka kummerċjali REDLINE MD-2007-137

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 309/01)

1.   In-notifika mill-awtoritajiet Ungeriżi

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' makkinarju, jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju kopert mid-Direttiva jkun jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża biss jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza tan-nies u, fejn xieraq, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, meta jkun installat u miżmum kif suppost u użat għall-iskop li għalih ikun maħsub.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju li juri l-marka CE, użat skond l-għan li għalih ikun maħsub, jista' jipperikola s-sikurezza tan-nies u, skond il-każ, ta' l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtira mis-suq makkinarju ta' dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'kull miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni għad-deċiżjoni tiegħu.

Fit-23 ta' Lulju 2007, l-awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura ta' projbizzjoni li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' angle grinder ta' l-idejn ta' l-elettriku li tista' tinġarr, tal-marka REDLINE, tat-tip RL/AG0912-900. Il-magna ġiet manifatturata minn Zhejiang Jinhua Max-power Tools Co. Ltd, Western Binhong Road, Jinhua Industrial Area, Zhejiang, iċ-Ċina, u d-distributur kien Baumann Hungary Kft., H-1162 Budapest, János utca 118, l-Ungerija.

Il-fajl mgħoddi lill-Kummissjoni Ewropea inkluda d-dokumenti li ġejjin:

iċ-Ċertifikat Nru JSH0408078, bid-data tat-12 ta' Awwissu 2004, u ċ-Ċertifikat Nru 431934, bid-data ta' l-1 ta' Lulju 2005, maħruġa lil Zhejiang Jinhua Max-power Tools Co., Ltd, li jattestaw il-konformità mad-Direttivi dwar il-Makkinarju u LVD ta' angle grinder tat-tip S1M-MP2-125, maħruġ minn Intertek ETL SEMKO, Bini Nru 86, 1198 Qinzhou Road, Shanghai 200233, iċ-Ċina,

iċ-Ċertifikat Nru 02SHS1067-04, bid-data tat-22 ta' Novembru 2005, maħruġ minn Intertek Deutschland GmbH, Nikolaus-Otto Strasse 13, D-70771 Leinfelden-Echterdingen, għall-istess tip ta' angle grinder S1M-MP2-125, li kkonferixxa l-marka “GS”,

dikjarazzjoni minn Zhejiang Jinhua Max-power Tools Co. Ltd, bid-data tat-12 ta' Lulju 2006; li tiddikjara li l-angle grinder tat-tip S1M-MP2-125 soġġett għaċ-ċertifikat 02SHS1067-04 huwa ekwivalenti għall-angle grinder tat-tip RL/AG0912-900,

dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE mfassal minn Baumann Hungary Kft., bid-data tal-11 ta' Diċembru 2006, li tgħid li l-angle grinder tat-tip S1M-MP2-125 huwa ekwivalenti għall-angle grinder tat-tip RL/AG0912-900 soġġett għall-miżura Ungeriża.

Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, jeħtiġilha tiddikjara jekk issibx li miżura bħal din hijiex iġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-makkinarju kkonċernat, skond l-obbligi tagħhom ta' l-Artikolu 2(1).

2.   Ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet ungeriżi

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' konformità ta' l-angle grinder mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza li ġejjin ta' l-Anness I għad-Direttiva 98/37/KE (b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-istandards armonizzati Ewropej EN 50144-1:1998 Sikurezza ta' għodod elettriċi ta' l-id li jaħdmu bil-mutur — Parti 1: Rekwiżiti ġenerali u EN 50144-2-3:2002 — Is-sikurezza ta' l-għodod elettriċi ta' l-id bil-mutur — Parti 2-3: Rekwiżiti partikolari għal grinders, u magni ta' l-ixkatlar tad-disk u lustraturi, li għalihom hemm referenza fid-Dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE tal-manifattur):

1.2.4.   Mekkaniżmu għat-twaqqif

Waqt it-tħaddim, is-swiċċ weħel qabel ma wasal fil-pożizzjoni maqfula, għalhekk il-mekkaniżmu ta' qofol ma ġiex rilaxxat bi pressjoni żgħira.

1.5.1.   Provvista ta' l-elettriku

Waqt it-test tas-saħħa mekkanika, l-inserzjoni tal-plastik inqalgħet minn ma' l-angle grinder u minħabba f'hekk saru aċċessibbli parts bl-elettriku għaddej minnhom.

1.5.6.   Nar

Waqt l-ittestjar termali, il-makkinarju ħa n-nar, minnu ħareġ id-duħħan u fjamma, u mbagħad waqaf jaħdem.

1.7.3.   Marki

L-isem u l-indirizz tal-manifattur ma kinux indikati u lanqas ma kienet indikata s-sena tal-manifattura. It-twissijiet jew is-simboli relevanti ma kinux hemm lanqas.

1.7.4.   Istruzzjonijiet

L-istruzzjonijiet għall-użu ma kienx fihom diversi struzzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim mingħajr periklu tal-makkinarju bħal regoli għas-sikurezza fir-rigward ta' l-elettriku, il-parametri marbuta ma' l-emissjonijiet ta' l-istorbju u l-vibrazzjonijiet, eċċ.

L-istruzzjonijiet għall-użu mogħtija bl-Ingliż kienu differenti minn dawk bl-Ungeriż.

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni

Fil-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet lil Baumann Hungary Kft. biex tikkomunika l-kummenti tagħha dwar il-miżura li ttieħdet mill-awtoritajiet Ungeriżi.

Fil-15 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni kitbet ukoll lil Intertek ETL SEMKO, Shanghai, u lil Intertek Deutschland GmbH. li kienu ħarġu ċertifikati tal-konformità għal angle grinder tat-tip S1M-MP2-125 u li kien iddikjarat li kien ekwivalenti għall-angle grinder tat-tip RL/AG0912-900 soġġett għall-miżura Ungeriża.

Sal-lum, għadha ma waslet l-ebda tweġiba.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Ungeriżi wrew li l-makkinarju soġġett għall-miżura restrittiva ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta' konformità huma ta' riskju serju għall-persuni li jużaw il-makkinarju msemmi.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura mitluba, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi hija ġġustifikata.

Magħmula fi Brussell, 27 ta' Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


Top