Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1393

Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000

OJ L 324, 10.12.2007, p. 79–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 007 P. 171 - 212

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1393/oj

10.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 324/79


REGOLAMENT (KE) Nru 1393/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Novembru 2007

dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67 (5), it-tieni inċiż tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea assumiet l-impenn biex iżżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala żona ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Biex tistabbilixxi żona bħal din, il-Komunità għandha tadotta, fost oħrajn, il-miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri.

(3)

Il-Kunsill, permezz ta’ Att datat is-26 ta’ Mejju 1997 (3), fassal Konvenzjoni dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u rrakkomanda lill-Istati Membri biex jadottawha skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Din il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Il-kontinwità fir-riżultati tan-negozjati għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni għandha tkun żgurata.

(4)

Fid-29 ta’ Mejju 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (4). Il-kontenut prinċipali ta’ dak ir-Regolament huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni.

(5)

Fl-1 ta’ Ottubru 2004 il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000. Ir-rapport jikkonkludi li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 tejbet u ħaffet b’mod ġenerali t-trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2001, iżda madankollu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet mhix sodisfaċenti għal kollox.

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-intenzjoni tagħom biex jaħtru biss aġenzija waħda li tittrasmetti jew tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin. Madankollu din il-ħatra tista’ tiġġedded kull ħames snin.

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn is-servizz ikun ser jitwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal servizz ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

(9)

Is-servizz ta’ dokument għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi.

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(11)

Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)

L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tas-servizz. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għas-servizz sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, minn servizzi postali, u servizz dirett. Għandu jkun stabbilit li s-servizz tad-dokument irrifjutat jista’ jkun rrimedjat permezz tas-servizz lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.

(13)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiggarantixxi li d-dokumenti jkunu nnotifikati wara ftit tal-jiem mill-wasla tagħhom. Madankollu, jekk is-servizz ma jkunx twettaq wara li jkun għadda xahar, l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tkun bagħtet id-dokumenti. L-iskadenza ta’ dan il-perijodu m’għandux jimplika li t-talba tintbagħat lura lill-aġenzija li tibgħat meta jkun jidher ċar li s-servizz huwa fattibbli fi żmien raġonevoli.

(14)

L-aġenzija li tirċievi għandha tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument anke f’każi fejn ma kienx possibbli li twettaq is-servizz fi żmien xahar, per eżempju, għaliex il-konvenut ikun bil-vaganzi u allura ma jkunx id-dar, jew ikun fuq xogħol barra mill-uffiċċju. Madankollu, sabiex tevita li l-aġenzija li tirċievi jkollha obbligu perpetwu li tieħu passi biex tinnotifika d-dokument, l-aġenzija li tibgħat għandha tkun f’pożizzjoni li tispeċifika terminu ta’ żmien fil-formola standard li jekk tinqabeż is-servizz ma jkunx aktar meħtieġ.

(15)

Minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri fejn jidħlu r-regoli ta’ proċedura tagħhom, id-data ta’ referenza għall-għanijiet tas-servizz tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li jqis dawn is-sitwazzjonijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal sistema li fiha hija l-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat li tiddetermina d-data tas-servizz. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun dik stabbilita mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Din is-sistema ta’ data doppja teżisti biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri biss. Dawk l-Istati Membri li japplikaw din is-sistema għandhom jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u tagħmilha disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (5).

(16)

Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, l-ispejjeż meħtieġa għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. Il-ħtieġa ta’ ħlas fiss uniku m’għandhiex tipprekludi l-possibbiltà li Stati Membri jiffissaw ħlasijiet differenti għal tipi differenti ta’ servizz sakemm jibqgħu jirrispettaw dawn il-prinċipji.

(17)

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq servizz tad-dokumenti direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.

(18)

Għandu jkun possibbli għal kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju biex twettaq servizz tad-dokumenti permezz ta’ uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta’ l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tfassal manwal li jkun fih informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni adatta ta’ dan ir-Regolament, li għandu jkun disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkun aġġornata u kompluta speċjalment fejn jidħlu d-dettalji dwar il-kuntatti ma’ l-aġenziji li jirċievu u li jibagħtu.

(20)

Għall-ikkalkular tal-perijodi u l-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistipula r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti taż-żmien (6).

(21)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(22)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex taġġorna jew tagħmel emendi tekniċi fil-formoli standard stabbiliti fl-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw/iħassru l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(23)

Dan ir-Regolament jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali li għandom l-istess kamp ta’ applikazzjoni, konklużi mill-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Protokoll anness għall-Konvenzjoni ta’ Brussel tas-27 ta’ Settembru 1968 (8) u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 (9) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma parti għalihom. Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

(24)

L-informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tgawdi minn protezzjoni xierqa. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (10), u tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (11).

(25)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2011 u mbagħad wara kull ħames snin minn din id-data, u tipproponi emendi li jkunu jidhru meħtieġa.

(26)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għal raġuni ta’ skala jew effetti ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(27)

Sabiex id-dispożizzjonijiet isiru aktar aċċessibbli u jinqraw aktar faċilment, ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar u jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament.

(28)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(29)

Bi qbil ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għalhekk m’hijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

3.   F’dan ir-Regolament, il-kliem “Stat Membru” għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Aġenziji li jibagħtu u li jirċievu

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “aġenżiji li jibagħtu”, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “aġenżiji li jirċievu”, kompetenti biex jirċievu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.

3.   L-Istat Membru jista’ jaħtar aġenzija waħda li tibgħat u aġenzija waħda li tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet. Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn aġenzija waħda ta’ din ix-xorta. Il-ħatra għandha tkun għal perijodu ta’ ħames snin u tista’ tiġġedded f’intervalli ta’ ħames snin.

4.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-aġenziji li jirċievu msemmija fil-paragrafi 2 u 3;

(b)

iż-żoni ġeografiċi fejn għandhom ġurisdizzjoni;

(ċ)

il-mezzi disponibbli għalihom biex jirċievu d-dokumenti; u

(d)

il-lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull tibdil sussegwenti li jsir f’din l-informazzjoni.

Artikolu 3

Korp ċentrali

Kull Stat Membru għandu jaħtar korp ċentrali li jkun responsabbli għal:

(a)

il-forniment ta’ informazzjoni lill-aġenziji li jibagħtu;

(b)

it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati;

(ċ)

it-trasmissjoni, f’każijiet eċċezzjonali, fuq talba ta’ l-aġenzija li tibgħat, ta’ rikjesta għal servizz lill-aġenzija kompetenti li tirċievi.

Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn korp ċentrali wieħed.

KAPITOLU II

DOKUMENTI ĠUDIZZJARJI

Taqsima 1

Trasmissjoni u servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 4

Trasmissjoni tad-dokumenti

1.   Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skond l-Artikolu 2.

2.   It-trasmissjoni ta’ dokumenti, talbiet, konfermi, rċevuti, ċertifikati u kull dokument ieħor li jgħaddi bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu tista’ ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma’ dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta’ ġo fih tkun tista’ tinqara faċilment.

3.   Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta’ formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun ser jitwettaq is-servizz, jew b’lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonjiet ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista’ jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

4.   Id-dokumenti u l-karti kollha mibgħuta għandhom ikunu eżentati mil-leġislazzjoni jew kwalunkwe formalità ekwivalenti.

5.   Meta l-aġenzija li tibgħat tkun tixtieq li tintbagħtilha lura kopja tad-dokument flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha tibgħat żewġ kopji tad-dokument.

Artikolu 5

Traduzzjoni ta’ dokumenti

1.   L-aġenzija li tibgħat għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.

Artikolu 6

Il-wasla tad-dokumenti għand l-aġenzija li tirċievi

1.   Hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha, mill-aktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi ta’ trasmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

2.   Meta t-talba għas-servizz ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni jew id-dokumenti mibgħuta, l-aġenzija li tirċievi għandha tikkuntattja lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi l-iżjed mgħaġġla sabiex tikseb l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

3.   Jekk it-talba għas-servizz tkun għal kollox ‘il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel is-servizz impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’ avviż ta’ restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

4.   Aġenzija li tirċievi li jaslilha dokument għal servizz iżda li ma jkollhiex ġurisdizzjoni territorjali biex tinnotifikah għandha tgħaddih flimkien mat-talba lill-aġenzija li tirċievi li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fl-istess Stat Membru jekk it-talba tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat dwar dan, billi tuża l-formola standard li tinsab fl-Anness I. Dik l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat meta tirċievi d-dokument, fil-mod previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Servizz ta’ dokumenti

1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat jew permezz ta’ metodu partikolari mitluba mill-aġenzija li tibgħat, ħlief jekkdak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-aġenzija li tirċievi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq is-servizz tad-dokument malajr kemm jista’ jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha. Jekk ma jkunx possibbli li s-servizz jitwettaq fi żmien xahar mill-wasla tad-dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha:

(a)

immedjatament tinforma lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat fil-formola standard li tinsab fl-Anness I, li għandha titfassal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2); u

(b)

tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-aġenzija li tibgħat, meta jkun jidher li s-servizz mhux se jkun possibbli li jitwettaq f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

Artikolu 8

Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

jew

(b)

il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz.

2.   Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz tad-dokument jista’ jkun irrimedjat permezz ta’ servizz lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tas-servizz tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz tad-dokument oriġinali ffissata skond l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u s-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.

Artikolu 9

Id-data tas-servizz

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 8, id-data tas-servizz ta’ dokument skond l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha l-att jiġi nnotifikat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat.

2.   Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

Artikolu 10

Ċertifikat tas-servizz u kopja tad-dokument innotifikat

1.   Meta l-formalitajiet dwar is-servizz tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta’ tlestija ta’ dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Anness I u jiġi indirizzat lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’, fejn japplika l-Artikolu 4(5), kopja tad-dokument innotifikat.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jsir bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew b’lingwa oħra li l-Istat Membru ta’ l-oriġini jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista’ jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

Artikolu 11

Spejjeż tas-servizz

1.   Is-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji ġejjin minn Stat Membru m’għandhom jagħtu lok għal ebda pagament jew rimborż ta’ taxxi jew spejjeż għas-servizzi mogħtija mill-Istat Membru indirizzat.

2.   Madankollu, l-applikant għandu jħallas jew irodd lura l-ispejjeż għal:

(a)

l-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew ta’ persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat;

(b)

l-użu ta’ metodu partikolari ta’ servizz.

L-ispejjeż għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew ta’ persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem, li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn ir-rati fissi lill-Kummissjoni.

Taqsima 2

Mezzi oħra ta’ trasmissjoni u servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 12

Trasmissjoni b’mezzi konsulari jew diplomatiċi

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li juża mezzi konsulari jew diplomatiċi biex jibgħat id-dokumenti ġudizzjarji, bil-għan li jinnotifikahom, lil dawk l-aġenziji ta’ Stat Membru ieħor li jkunu maħtura skond l-Artikoli 2 jew 3.

Artikolu 13

Servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari

1.   Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, mingħajr l-applikazzjoni ta’ ebda forza, direttament permezz ta’ l-aġenti diplomatiċi jew konsulari tiegħu.

2.   Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li hu jopponi servizz bħal dan fit-territorju tiegħu, sakemm id-dokumenti ma jkunux innotifikati lil ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu oriġinaw id-dokumenti.

Artikolu 14

Servizz bis-servizzi postali

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.

Artikolu 15

Servizz dirett

Kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju tista’ twettaq servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta’ l-uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta’ l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

KAPITOLU III

DOKUMENTI EXTRA-ĠUDIZZJARJI

Artikolu 16

Trasmissjoni

Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Regoli ta’ implimentazzjoni

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi non-essenzjali ta’ dan ir-Regolament dwar l-aġġornar jew it-twettiq ta’ emendi tekniċi tal-formoli standard, li jidhru fl-Annessi I u II, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 18

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 19

Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri

1.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

(a)

id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

(b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

2.   Kull Stat Membru jista’ jgħarraf, skond l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista’ jaqta’ s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta’ notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

id-dokument ikun trasmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament;

(b)

ikun għadda perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument;

(ċ)

ma jkun wasal l-ebda tip ta’ ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ l-Istat Membru indirizzat.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista’ jordna, f’każ ta’ emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

4.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

(b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta’ l-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

5.   Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta’ persuni.

Artikolu 20

Relazzjoni ma’ ftehim jew arranġamenti li minnhom l-Istati Membri jagħmlu parti

1.   Dan ir-Regolament għandu, fir-rigward ta’ materji li japplika għalihom, jipprevali fuq dispożizzjonijiet oħra misjuba fil-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Artikolu IV tal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta’ Brussel ta’ l-1968 u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965.

2.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri individwali milli jkollhom jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu aktar jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

kopja tal-ftehim jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 konklużi bejn l-Istati Membri kif ukoll abbozzi ta’ dawk il-ftehim jew arranġamenti li bi ħsiebhom jadottaw; u

(b)

kull denunzja ta’, jew emendi għal, dawn il-ftehim jew arranġamenti.

Artikolu 21

Għajnuna legali

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili tas-17 ta’ Lulju 1905, l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili ta’ l-1 ta’ Marzu 1954 jew l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1980 bejn l-Istati Membri li huma parti għal dawk il-Konvenzjonijiet.

Artikolu 22

Protezzjoni ta’ l-informazzjoni trasmessa

1.   L-informazzjoni, inkluża b’mod speċjali d-data personali, trasmessa taħt dan ir-Regolament għandha tintuża mill-aġenzija li tirċievi biss għall-għan li għalih tkun intbagħtet.

2.   L-aġenziji li jirċievu għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jaffettwaw il-liġijiet nazzjonali li jippermettu li s-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfa dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni trasmessa taħt dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 23

Komunikazzjoni u pubblikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11, 13, 15 u 19. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni jekk, skond il-liġi tagħhom, dokument għandux ikun notifikat f’perijodu ta’ żmien partikolari kif imsemmi fl-Artikoli 8 (3) u 9 (2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata skond il-paragrafu 1 tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni ta’ l-indirizzi u dettalji oħra ta’ kuntatt ta’ l-aġenziji u tal-korpi ċentrali u ż-żoni ġeografiċi li fuqhom dawn għandhom ġurisdizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna fuq bażi regolari manwal li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u li għandu jkun disponibbli elettronikament, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali.

Artikolu 24

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2011, u kull ħames snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-effikaċja ta’ aġenzijil- magħżulin skond l-Artikolu 2 u għall-applikazzjoni prattika ta’ l-Artikolu 3 (ċ) u l-Artikolu 9. Ir-rapport għandu jiġi akkompanjat, jekk hemm ħtieġa, bi proposti għal adattamenti ta’ dan ir-Regolament skond l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ notifika.

Artikolu 25

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni ta’ l-Anness III.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta’ Novembru 2008 bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 23 li għandu japplika mit-13 ta' Awwissu 2008.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 13 ta' Nobembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 7.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 69), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2007. (ĠU C 193 E, 21.8.2007, p. 13) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007.

(3)  ĠU C 261, 27.8.1997, p. 1. Fl-istess jum meta tfasslet il-Konvenzjoni, il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni li jinsab fil-paġna 26 ta’ l-imsemmi Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

(5)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

(6)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(8)  Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32; verżjoni konsolidata, ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).

(9)  Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar is-Servizz barra l-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali.

(10)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(11)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/24/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 1348/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 1(1) it-tieni sentenza

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni frażi (il-kliem tal-bidu) u Artikolu 7(2)(a)

Artikolu 7(2)(b)

Artikolu 7(2) it-tielet sentenza

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3) sa (5)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(3)

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14(1)

Artikolu 14

Artikolu 14(2)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15

Artikolu 15(2)

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17, frażi tal-bidu

Artikolu 17

Artikolu 17(a) sa (ċ)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18 (3)

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 23(1) it-tieni sentenza

Artikolu 23(2)

Artikolu 23(2)

Artiklu 23(3)

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 25

Artikolu 26

Anness

Anness I

Anness II

Anness III


Top