EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1229

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1229/2007 tad- 19 ta’ Ottubru 2007 li jtemm l-investigazzjoni rigward evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d- dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

OJ L 277, 20.10.2007, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/09/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1229/oj

20.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 277/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1229/2007

tad-19 ta’ Ottubru 2007

li jtemm l-investigazzjoni rigward evażjoni possibbli tal-miżuri kontra d-dumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex Membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) (1), u partikolarment l-Artikoli 9 u 13 tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet preċedenti

(1)

Wara proċedimenti paralleli kontra d-dumping u s-sussidji, il-Kunsill impona, bir-Regolament (KE) Nru 1629/2004 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), dazju definittiv anti-dumping ta’ 0 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja. Fl-istess ħin, dazji ta’ kontrobilanċ bejn 7.0 % u 15.7 % ġew imposti fuq l-istess importazzjonijiet bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 (3).

2.   Rikjesta

(2)

Fil-15 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja. It-talba tressqet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karbonju u l-Grafita (“ECGA”) f’isem il-produtturi tal-Komunità ta’ ċerti sistemi ta’ l-elettrodi tal-grafita.

(3)

It-talba kien fiha evidenza prima facie li turi li kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja, kif muri b’żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-grafita artifiċjali mill-Indja (il-“prodott li qed jiġi investigat”) filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (“il-prodott konċernat”) naqsu sostanzjalment matul l-istess perjodu.

(4)

It-talba sabiex tiġi investigata l-allegata evażjoni tal-miżuri fis-seħħ argumentat li produttur esportatur wieħed tal-prodott konċernat fl-Indja, wara l-impożizzjoni tal-miżuri, kien qed jesporta l-prodott investigat lill-kumpanija relatata tiegħu fil-Komunità. Din il-kumpanija kienet imbagħad qed twettaq operazzjoni ta’ tlestija fil-Komunità biex tipproduċi l-prodott konċernat mill-prodott investigat.

(5)

Kien ukoll allegat li ma kienx hemm kawża adegwata suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn il-prattiki għajr l-eżistenza tad-dazji anti-dumping fuq ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja.

(6)

Finalment, l-applikant allega li l-effetti remedjali tad-dazji eżistenti ta’ kontra d-dumping fuq il-prodott konċernat kienu ġew imminati kemm f’dawk li huma termini tal-kwantitajiet u wkoll tal-prezzijiet, u li d-dumping kien qiegħed iseħħ b’relazzjoni mal-valuri normali preċedentament stabbiliti.

3.   Inizjazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 216/2007 (4) (ir-Regolament tal-bidu) dwar l-allegata evażjoni u, skond l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ordnat lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw importazzjonijiet tal-prodott investigat, li huwa vireg tal-grafita artifiċjali b’dijametru ta’ 75 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3801 10 00 (kodiċi TARIC 3801100010), mit-2 ta’ Marzu 2007.

4.   L-investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni avżat lill-awtoritajiet ta’ l-Indja bl-inizjazzjoni ta’ l-investigazzjoni. Kwestjonarji kienu mibgħuta lill-produtturi/esportaturi fl-Indja kif ukoll lill-importaturi fil-Komunità li kienu ssemmew fit-talba jew li huma magħrufa għall-Kummissjoni mill-investigazzjoni preċedenti. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament inizjali.

(9)

Żewġ produtturi esportaturi mill-Indja ssottomettew tweġibiet kompluti għall-kwestjonarju. Tweġiba waħda waslet ukoll minn importatur fil-Komunità.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni fis-siti ta’ dawn il-kumpaniji li ġejjin:

Graphite India Limited, Durgapur and Bangalore, l-Indja (GIL)

Graphite COVA GmbH, Rothenbach, il-Ġermanja (COVA).

5.   Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni

(11)

Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

B.   RIŻULTATI ta’ L-INVESTIGAZZJONI

1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta’ kooperazzjoni

(12)

Żewġ produtturi esportaturi tal-prodott konċernat u l-prodott investigat ikkooperaw fl-investigazzjoni. L-informazzjoni sottomessa miż-żewġ kumpaniji setgħet tiġi verifikata mat-tagħrif disponibbli fuq importazzjoni tal-prodott investigat sabiex jintwera li ż-żewġ kumpaniji, Graphite India Limited u HEG Limited, kienu l-uniċi esportaturi tal-prodott investigat lejn il-Komunità matul il-PI.

2.   Prodott ikkonċernat u prodott simili

(13)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa elettrodi tal-grafita tat-tip użat għall-ifran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1.65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6.0 μΩ.m jew anqas, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi Taric 8545110010) u protuberanzi użati għal dawn l-elettrodi, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 90 90 (kodiċi Taric 8545909010) kemm jekk importati flimkien kif ukoll separatament, li joriġinaw fl-Indja (il-prodott ikkonċernat).

(14)

Il-prodott investigat huwa vireg tal-grafita artifiċjali b’dijametru ta’ 75 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja, normalment dikjarat taħt il-kodiċi NM ex 3801 10 00 (kodiċi TARIC 3801100010) (il-prodott investigat). Il-prodott li qed jiġi investigat huwa prodott intermedjarju fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat, u diġà jinkorpora l-karatteristiċi bażiċi ta’ dan il-prodott ta’ l-aħħar.

3.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(15)

Skond it-tagħrif tal-Eurostat, l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet 8545 11 00 u 8545 90 90 mill-Indja naqsu minn 11 866 tunnellata fl-2004 għal 3 244 tunnellata fl-2006. Matul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 3801 10 00 żdiedu minn 1 348 tunnellata fl-2004 għal 10 289 tunnellata fl-2006.

(16)

Kif dikjarat fil-premessa (2) hawn fuq, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet allegatament ġejja mis-sostituzzjoni ta’ l-importazzjonijiet ta’ sistemi lesti ta’ elettrodi tal-grafita b’vireg tal-grafita artifiċjali magħmula fl-Indja.

(17)

Madankollu, wara l-ispezzjoni fil-kumpanija relatata fil-Ġermanja, Graphite COVA, deher ċar li l-parti ta’ l-importazzjonijiet mill-Indja dikjarati bħala grafita artifiċjali kienu fil-fatt importazzjonijiet ta’ elettrodi msaħħna mill-ġdid fil-forma ta’ vireg tal-karbonju li kien għadu m’għaddiex mill-proċess tal-grafitizzazzjoni. Dawn l-elettrodi msaħħna mill-ġdid imbagħad ġew grafitizzati u maħduma fil-Ġermanja qabel inbiegħu.

(18)

Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ deskritt mill-applikant hija konfermata mit-tagħrif disponibbli, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM 8545 11 00 u 8545 90 90 dehru parzjalment sostitwiti b’żieda fl-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 3801 10 00.

(19)

Iż-żieda ta’ dan ta’ l-aħħar ikkonsistiet essenzjalment f’importazzjonijiet tal-vireg tal-karbonju destinati għall-manifatturi ta’ l-elettrodi b’dijametru ta’ 600 mm jew aktar, u vireg tal-grafita artifiċjali għall-manifattura tal-ponot ta’ l-elettrodi, importati minn COVA mingħand GIL, il-kumpanija prinċipali tagħha fl-Indja.

(20)

Rigward l-HEG, instab li ma saritx bidla fix-xejra tal-kummerċ.

4.   Kawża adegwata insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika

(21)

Is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw jekk, kif allegat, l-akkwist ta’ COVA minn GIL fl-2004, u l-bidliet sussegwenti fix-xejra tal-kummerċ, setgħux jiġu kkunsidrati li kellhom ġustifikazzjoni ekonomika apparti d-dazju impost fl-2004.

(22)

B’mod partikolari, ġew eżaminati l-aspetti li ġejjin:

in-natura ta’ l-attivitajiet ta’ manifattura magħmula minn COVA qabel u wara l-akkwist mill-GIL,

l-ammont ta’ l-investiment mill-GIL f’COVA, u l-volum totali tan-negozju fl-elettrodi u prodotti oħra,

il-limiti tekniċi u storiċi ta’ COVA rigward il-produzzjoni ta’ elettrodi u ponot b’dijametru wiesa’,

il-limiti tal-kapaċità ta’ COVA fl-istadji varji tal-produzzjoni,

differenzi fl-ispejjeż bħax-xogħol, spejjeż ta’ enerġija u manifattura, l-istadji varji tal-produzzjoni, bejn COVA u GIL, kif ukoll

il-vantaġġi tekniċi u ta’ l-immarkitjar tal-fatt li l-elettrodi u l-ponot jitlestew fil-Ġermanja minflok fl-Indja.

(23)

Wara eżaminazzjoni ta’ dawn il-punti kemm fil-produtturi Ġermaniżi kif ukoll Indjani, instab li:

Numru ta’ raġunijiet, f’termini ta’ limiti tekniċi u tal-kapaċità, jispjegaw il-fatt li CIVA s’issa ma bdietx il-produzzjoni sħiħa ta’ elettrodu u ponot b’dijametru wiesa’. B’mod partikolari, storikament COVA ma produċietx l-elettrodi bl-akbar dijametru, li kien isir b’kuntratt minn produtturi oħra. Ukoll, il-ponot ta’ l-elettrodi kienu jiġu prodotti f’impjant li m’għadux jappartjeni lill-grupp. Huwa għalhekk loġiku li COVA issa għandha tikseb dawn il-materjali mill-kumpanija prinċipali tagħha GIL.

Id-differenza fl-ispiża totali tal-manifattura bejn il-Ġermanja u l-Indja mhux sinifikanti wisq, u l-vantaġġ żgħir ta’ l-ispiża tal-manifatturar tal-prodott sħiħ fl-Indja ġġib magħha vantaġġi oħra, bħal li l-prodott lest fil-Ġermanja jinbiegħ taħt it-tabella tal-COVA, u l-firxa sħiħa tal-prodott tkun tista’ tintbagħat għall-bejgħ mis-sit fil-Ġermanja.

Kien allegat li x-xiri tal-COVA mill-GIL kien motivat biss mill-impożizzjoni tal-miżuri. Madankollu l-ammont ta’ investiment mill-GIL fil-COVA huwa tant kbir li huwa improbabbli li d-dazji potenzjali li jridu jitħallsu fuq il-ħlas huma l-ġustifikazzjoni ewlenija għal investiment simili.

(24)

Għalhekk, ġie konkluż li kien hemm raġunijiet ekonomiċi raġonevoli, apparti l-impożizzjoni tad-dazji fuq importazzjonijiet tas-sistemi ta’ l-elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja, għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ imsemmi fil-premessa 3 hawn fuq.

5.   Valur miżjud

(25)

L-operazzjonijiet ta’ tlestija ta’ elettrodi u ponot fil-Komunità kienu eżaminati wkoll taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(26)

L-investigazzjoni wriet li l-partijiet importati mill-Indja ammontaw għal aktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali, imma wkoll li l-valur miżjud għal dawk il-partijiet matul l-operazzjoni ta’ tlestija kien aktar minn 25 % ta’ l-ispiża tal-manifattura tal-prodott konċernat. Għalhekk, skond l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi meqjus li kien hemm evażjoni.

Ċ.   TMIEM ta’ L-INVESTIGAZZJONI

(27)

Fid-dawl tas-sejbiet imsemmija fil-premessi 24 u 26, jidher xieraq li l-investigazzjoni kurrenti kontra l-evażjoni għandha tintemm. Ir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċerti grafiti artifiċjali li joriġinaw mill-Indja introdotti bir-Regolament ta’ l-inizjazzjoni għandha titwaqqaf, u dak ir-Regolament għandu jiġi revokat.

(28)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm din l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti li waslu ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konklużjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-investigazzjoni mibdija bir-Regolament (KE) Nru 216/2007 rigward l-evażjoni possibbli ta’ miżuri kontra d-dumping imposti fuq ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja b’importazzjonijiet ta’ ċertu grafita artifiċjali li joriġina fl-Indja hija hawnhekk mitmuma.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba biex iwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet stabbiliti b’konformità ma’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 216/2007.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2007 qed jiġi hawnhekk revokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10.

(3)  ĠU L 295, 18.9.2004, p. 4.

(4)  ĠU L 62, 1.3.2007, p. 16.


Top