EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0877

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 877/2007 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) wara l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague fir-rigward tar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinni industrijali

OJ L 193, 25.7.2007, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 051 P. 138 - 139

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/877/oj

25.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 193/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 877/2007

ta’ l-24 ta’ Lulju 2007

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) wara l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague fir-rigward tar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinni industrijali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-Disinni Komunitarji (1), u partikolarment l-Artikolu 107(2) tagħha,

Billi:

(1)

Wara l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali adottat fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn hawn ‘il quddiem “l-Att ta’ Ġinevra”) approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE (2) u l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 marbuta miegħu, jeħtieġ li jiġu adottati ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-drittijiet li jridu jitħallsu lill-Bureau Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali.

(2)

L-Artikolu 106c tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jipprevedi li d-drittijiet preskritti għad-denominazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jiġu sostitwiti bi dritt ta’ denominazzjoni individwali.

(3)

L-ammont ta’ dak id-dritt huwa stabbilit fid-Dikjarazzjoni dwar is-sistema ta’ drittijiet individwali mehmuża mad-Deċiżjoni 2006/954/KE, li saret skond l-Artikolu 7(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-flessibilità meħtieġa u biex jitħaffef il-pagament tad-drittijiet, huwa xieraq li r-regoli jikkonformaw mar-regoli applikabbli għad-drittijiet tad-disinni bir-regoli applikabbli għad-drittijiet tat-trademarks stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2869/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (iTrade Marks u Disinni) (3) billi jinżamm l-użu tal-flus kontanti u ċ-ċekkijiet bħala mezzi ta’ ħlas.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ disinni Komunitarji (4) għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet, ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni u l-proċedura tal-Bordijiet ta’ Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (trade marks u disinni),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2246/2002 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(1)

drittijiet pagabbli lil:

(a)

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (minn hawn ‘il quddiem l-‘Uffiċċju’) fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u r-Regolament (KE) Nru 2245/2002;

(b)

il-Bureau Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali fuq il-bażi ta’ l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali adottat fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn hawn ’il quddiem ‘l-Att ta’ Ġinevra’) approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/954/KE (*);

(2)

il-ħlasijiet stabbiliti mill-President ta’ l-Uffiċċju.

(*)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 28.”"

(2)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-drittijiet

1.   Id-drittijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 u r-Regolament (KE) Nru 2245/2002 li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċju huma stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Id-drittijiet individwali ta’ denominazzjoni pagabbli lill-Bureau Internazzjonali fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra flimkien ma’ l-Artikolu 106c tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u l-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament u l-Artikolu 22(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.”

(3)

F’Artikolu 5, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Drittijiet u ħlasijiet dovuti lill-Uffiċċju għandhom jitħallsu bl-euro permezz ta’ pagament jew trasferiment f’kont bankarju f’isem l-Uffiċċju.”

(4)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-data li fiha jitqies li sar kwalunkwe pagament lill-Uffiċċju għandha tkun id-data li fiha proprju jiddaħħal l-ammont tal-pagament fil-kont bankarju ta’ l-Uffiċċju.”;

(b)

Fil-Paragrafu 3, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

ingħatat ordni kif jixraq lil stabbiliment tas-servizzi bankarji biex jittrasferixxi l-ammont tal-pagament fi Stat Membru fil-perjodu li fih kellu jsir il-pagament; u”.

(5)

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1a li ġej għandu jiddaħħal fit-Tabella:

“1a.

Dritt tad-Denominazzjoni Individwali għal reġistrazzjoni internazzjonali (l-Artikolu 106c tar-Regolament (KE) Nru 6/2002; L-Artikolu 7(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra - (għal kull disinn)

62 ”

(b)

il-punt 11a li ġej għandu jiddaħħal fit-Tabella:

“11a.

Dritt ta’ tiġdid individwali għal reġistrazzjoni internazzjonali (l-Artikolu 13(1) u 106c tar-Regolament (KE) Nru 6/2002; L-Artikolu 22(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 għal kull disinn:

 

(a)

għall-ewwel perjodu ta’ tiġdid – (kull disinn)

31

(b)

għat-tieni perjodu ta’ tiġdid – (kull disinn)

31

(c)

għat-tielet perjodu ta’ tiġdid – (kull disinn)

31

(d)

għar-raba’ perjodu ta’ tiġdid – (kull disinn)

31 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Komunità Ewropea. Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (GU L 386, 29.12.2006, p. 14).

(2)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 28.

(3)  ĠU L 303, 15.12.1995, p. 33. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1687/2005 (ĠU L 271, 15.10.2005, p. 14).

(4)  ĠU L 341, 17. 12.2002, p. 54.


Top