EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0633

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 633/2007 tas- 7 ta’ Ġunju 2007 li jistipula rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira użat għan-notifika, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta' titjiriet bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 146, 8.6.2007, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 010 P. 136 - 142

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/04/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/633/oj

8.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 633/2007

tas-7 ta’ Ġunju 2007

li jistipula rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira użat għan-notifika, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta' titjiriet bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 10 ta' Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta' l-Amministrazzjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru (ir-Regolament ta' interoperabilità) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 10 ta' Marzu 2004 li jistipula l-qafas għall-ħolqien ta' ajru uniku Ewropew (ir-Regolament ta' qafas) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iskambji ta' informazzjoni bejn sistemi ta' l-ipproċessar ta' dejta tat-titjira huma stabbiliti bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru għall-għanijiet ta' notifika, koordinazzjoni u trasferiment ta' titjiriet u għall-għanijiet ta' koordinazzjoni ċivili-militari. Dawn l-iskambji ta' informazzjoni għandhom jiddependu fuq protokolli ta' komunikazzjoni xierqa u armonizzati li jiżguraw l-interoperabilità tagħhom.

(2)

L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) ingħatat il-mandat skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 biex tiżviluppa rekwiżiti għal protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira biex jintuża għall-għan ta' notifika, koordinazzjoni u trasferiment ta' titjiriet. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rapport tal-mandat li rriżulta tal-31 ta' Marzu 2005.

(3)

L-istandard ta' l-Eurocontrol għall-Iskambju ta' Dettalji tat-Titjira (Flight Data Exchange) kien anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2000 tas-6 ta' Settembru 2000 li jadotta standards ta' l-Eurocontrol u jemenda d-Direttiva 97/15/KE, jadotta standards ta' l-Eurocontrol u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/65/KEE (3), u jagħmel l-użu tiegħu obbligatorju fi ħdan il-Komunità jekk isir xiri ta' sistemi ġodda ta' l-ipproċessar ta' dejta tat-titjira. Billi r-Regolament (KE) Nru 2082/2000 ġie rrevokat b'effett mill-20 ta' Ottubru 2005, hemm bżonn li l-leġislazzjoni Komunitarja tiġi aġġornata, sabiex tkun żgurata l-konsistenza ta' dispożizzjonijiet regolatorji rilevanti.

(4)

Qed isir aktar u aktar diffiċli u għali biex it-tagħmir u s-softwer tal-komunikazzjoni jinżamm b'konformità ma' l-istandard ta' l-Eurocontrol għall-Iskambju ta' Dejta tat-Titjira. Għalhekk standard ġdid xieraq biex jappoġġja l-iskambju ta' dejta tat-titjira għandu jiġi adottat.

(5)

Il-Protokoll għall-Kontroll tat-Trasmissjoni (Transmission Control Protocol) flimkien ma' l- Protokoll ta' l-Internet (TCP/IP) bħalissa huwa kkunsidrat bħala l-aktar bażi adattata biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-komunikazzjoni ta' l-iskambji ta' dettalji tat-titjira bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru.

(6)

Dan ir-Regolament għandu jkopri l-applikazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira użat għall-iskambji ta' informazzjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 tas-6 ta' Lulju 2006 li jistipula rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi għall-iskambju ta' dettalji ta' titjira għan-notifika, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta' titjiriet bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru (4).

(7)

Dan ir-Regolament m'għandux ikopri operazzjonijiet u taħriġ militari msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(8)

L-Istati Membri, fi stqarrija dwar kwistjonijiet militari relatati ma' l-Ajru Uniku Ewropew (5), impenjaw ruħhom biex jikkoperaw ma' xulxin, waqt li jqisu r-rekwiżiti militari nazzjonali, sabiex il-kunċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru jiġi applikat b'mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha mill-utenti kollha ta' l-ispazju ta' l-ajru.

(9)

L-applikazzjoni tal-kunċett ta' l-użu flessibbli ta' l-ispazju ta' l-ajru, kif definit fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, teħtieġ li jiġu stabbiliti sistemi għall-iskambju f'waqtu ta' dettalji tat-titjira bejn ċentri ta' servizz tat-traffiku ta' l-ajru u ċentri militari ta' kontroll .

(10)

Skond l-Artikolu 3(3) (d) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, regoli għal implimentazzjoni ta' interoperabilità għandhom jiddeskrivu l-proċeduri speċifiċi ta' stima ta' konformità li għandhom jintużaw biex ikunu stmati kemm il-konformità kif ukoll il-konvenjenza għal użu ta' kostitwenti kif ukoll il-verifika ta' sistemi.

(11)

Skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, id-data għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali u arranġamenti transizzjonali tista' tkun speċifikata bir-regoli ta' implimentazzjoni rilevanti għal interoperabilità.

(12)

Manifatturi u fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jingħataw perijodu ta' żmien biex jiżviluppaw kostitwenti u sistemi ġodda b'konformità mar-rekwiżiti tekniċi ġodda.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistipula rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għal skambji ta' informazzjoni bejn sistemi ta' l-ipproċessar ta' dejta tat-titjira għall-użu ta' notifika, koordinazzjoni u trasferiment ta' titjiriet bejn ċentri ta' kontroll ta' traffiku ta' l-ajru u għall-għanijiet ta' koordinazzjoni ċivili-militari, skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

sistemi ta' komunikazzjoni li jappoġġjaw il-proċeduri ta' koordinazzjoni bejn ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru li jużaw mekkaniżmi ta' komunikazzjoni peer-to-peer u li jipprovdu servizzi lit-traffiku ta' l-ajru ġenerali;

(b)

sistemi ta' komunikazzjoni li jappoġġjaw il-proċeduri ta' koordinazzjoni bejn ċentri ta' servizzi tat-traffiku ta' l-ajru u ċentri militari ta' kontroll, li jużaw mekkaniżmi ta' komunikazzjoni peer-to-peer.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira” tfisser protokoll għal komunikazzjoni elettronika li jinkludi formati ta' messaġġi, il-kodifikar tagħhom għal regoli ta' skambju u sekwenza użati għall-iskambji ta' informazzjoni bejn sistemi ta' l-ipproċesssar ta' dejta tat-titjira;

(2)

“sistema ta' l-ipproċessar ta' dettalji tat-titjira” tfisser il-parti ta' sistema ta' servizzi tat-traffiku ta' l-ajru li tirċievi proċessi awtomatikament u tiddistribwixxi dejta tal-pjan tat-titjira u messaġġi li għandhom x'jaqsmu, lill-pożizzjonijiet tax-xogħol ta' ċentri ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru;

(3)

“ċentru ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru” (minn hawn 'il quddiem ’ċentru KTA’) tista' tfisser ċentru ta' kontroll ta' żona, ċentru ta' kontroll ta' l-approċċ jew torri ta' kontroll ta' ajruport;

(4)

“qagħda ta' ħidma” tfisser l-apparat tekniku u għamara fejn membru tal-persunal tas-servizzi tat-traffiku jagħmel ħidma assoċjata max-xogħol tagħhom;

(5)

“ċentru ta' kontroll ta' żona” (minn hawn 'il quddiem “ĊKŻ”) tfisser ċentru stabbilit biex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru lil titjiriet ikkontrollati f'żona ta' kontroll taħt ir-responsabbiltà tiegħu;

(6)

“koordinazzjoni ċivili-militari” tfisser il-koordinazzjoni bejn partijiet ċivili u militari awtorizzati biex jiddeċiedu u jiftehmu kors ta' azzjoni;

(7)

“unità ta' servizzi tat-traffiku ta' l-ajru” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ’unità STA’) tfisser ċentru, ċivili jew militari responsabbli għal provvista ta' servizzi tat-traffiku ta' l-ajru;

(8)

“unità militari ta' kontroll” tfisser kwalunkwe unità militari, fissa jew mobbli li tieħu ħsieb traffiku ta' l-ajru militari u/jew li twettaq attivitajiet oħra li, minħabba n-natura speċifika tagħhom, jistgħu jeħtieġu riservazzjoni jew restrizzjoni ta' spazju ta' l-ajru;

(9)

“mekkaniżmu ta' komunikazzjoni peer-to-peer” tfisser mekkaniżmu għal komunikazzjoni stabbilit bejn żewġ ċentri KTA jew bejn ċentri STA u ċentri militari ta' kontroll fejn kull parti għandha l-istess kapabilità ta' komunikazzjoni għall-iskambju ta' informazzjoni bejn sistemi ta' l-ipproċessar ta' dejta tat-titjira u kwalunkwe parti tista' tibda l-komunikazzjoni.

Artikolu 3

Applikazzjoni tal-protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira

1.   Fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) japplikaw il-protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira skond ir-rekwiżiti ta' interoperabilità speċifikati fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) japplikaw il-protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira skond ir-rekwiżiti ta' interoperabilità speċifikati fl-Anness I.

Artikolu 4

Valutazzjoni ta' konformità tal-kostitwenti

Qabel ma tinħareġ dikjarazzjoni KE ta' konformità msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, manifatturi ta' kostitwenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) ta' dan ir-Regolament li japplikaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandhom jivvalutaw il-konformità ta' dawn il-kostitwenti skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II.

Artikolu 5

Verifika ta' sistemi

1.   Fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru li jistgħu juru li jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati f'Anness III għandhom jagħmlu verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) skond ir-rekwiżiti stipulati f'Anness IV Taqsima A.

2.   Fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru li ma jistgħux juru li jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati f'Anness III għandhom iqabbdu lil korp notifikat għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a).

Din il-verifika għandha titmexxa skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV Taqsima B.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) turi l-konformità ta' dawn is-sistemi mar-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċċessarji sabiex jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Arranġamenti transizzjonali

Ir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 għandhom japplikaw għat-tqegħid ta' sistemi ta' Xibka Ewropea ta' Amministrazzjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru (minn hawn 'il quddiem XEATA) għas-servizz, imsemmija fl-Artikolu 1(2), ta' dan ir-Regolament mill-1 ta' Jannar 2009.

L-arranġamenti transizzjonali fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 għandhom japplikaw, fejn xieraq, mill-istess data.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009 għas-sistemi XEATA msemmija fl-Artikolu 1(2) li tqiegħdu għas-servizz wara dik id-data.

Għandu japplika mill-20 ta' April 2011 għas-sistemi XEATA kollha msemmija fl-Artikolu 1(2) li joperaw sa dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 254, 9.10.2000, p. 1. Ir-Regolament modifikat bir-Regolament (KE) Nru 980/2002 (ĠU L 150, 8.6.2002, p. 38).

(4)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27.

(5)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 9.


ANNESS I

Rekwiżiti ta' interoperabilità msemmija fl-Artikolu 3

1.

Kull entità peer li titrasferixxi messaġġ tat-titjira għandha tkun identifikata.

2.

Funzjoni ta' identifikazzjoni trid tiżgura li jistgħu jsiru biss komunikazzjonijiet bejn entitajiet peer awtorizzati biex jittrasferixxu messaġġ tat-titjira.

3.

Funzjoni ta' kuntatt amministrattiv għandha tistabbilixxi u tirrilaxxa kuntatti bejn entitajiet peer li jitrasferixxu messaġġ tat-titjira waqt li tiżgura li trasferiment ta' dejta tat-titjira jista' jinkiseb biss waqt it-tul tal-ħajja ta' kuntatt.

4.

Funzjoni ta' trasferiment ta' dejta għandha tibgħat u tirċievi messaġġi ta' dejta tat-titjira bejn entitajiet peer li jittrasferixxu messaġġ tat-titjira, li huma f'kuntatt.

5.

Funzjoni ta' monitoraġġ għandha tivverifika l-kontinwità ta' servizz ta' konnessjoni bejn entitajiet peer li jittrasferixxu messaġġ tat-titjira.

6.

Il-funzjonijiet kollha skambjati bejn entitajiet li jittrasferixxu messaġġ tat-titjira għandhom jużaw il-Protokoll ta' Kontroll ta' Trażmisssjoni fuq il-Protokoll ta' l-Internet, IP verżjoni 6.


ANNESS II

Rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-konformità ta' kostitwenti mmexxija skond l-Artikolu 4

1.

L-attivitajiet ta' verifika għandhom juru l-konformità ta' kostitwenti li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira mar-rekwiżiti applikabbli ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament filwaqt li dawn il-kostitwenti qed joperaw fl-ambjent ta' ttestjar.

2.

Il-manifattur irid imexxi l-attivitajiet ta' verifika u għandu b'mod partikolari:

(a)

jiddetermina l-ambjent xieraq għall-ittestjar;

(b)

jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-kostitwenti fl-ambjent għall-ittestjar;

(c)

jivverifika li l-pjan ta' ttestjar ikopri b'mod komplet ir-rekwiżiti applikabbli;

(d)

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta' ttestjar;

(e)

jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

(f)

jagħmel l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tat-test;

(g)

jikteb ir-rapport biex jirrapreżenta ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet u t-testijiet.

3.

Il-manifattur irid jiżgura li l-kostitwenti li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira, integrat fl-ambjent ta' ttestjar, jilħqu r-rekwiżiti applikabbli ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament.

4.

Wara li l-verifika ta' konformità titlesta b'mod sodisfaċenti, il-manifattur għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ifassal id-dikjarazzjoni KE ta' konformità, jispeċifika b'mod partikolari r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament milħuq mill-kostitwent u l-kundizzjonijiet relatati ta' użu skond l-Anness III (3) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


ANNESS III

Kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5

1.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jkollu metodi ta' rappurtar imwaqqfa fi ħdan l-organizzazzjoni li jiżguraw u juru imparzjalità u indipendenza ta' ġudizzju relatat ma' l-attivitajiet tal-verifika.

2.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi tal-verifika jwettaq l-iċċekkjar bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u li m'għandu l-ebda pressjoni jew inċentiv, b'mod partikolari ta' natura finanzjarja, li jista' jeffettwa l-ġudizzju jew ir-riżultati ta' l-iċċekkjar, b'mod partikolari minn persuni jew grupp ta' persuni effettwati mir-riżultati ta' l-iċċekkjar.

3.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi tal-verifika jkollu aċċess għal tagħmir li jippermettilu li jwettaq l-iċċekkjar meħtieġ kif suppost.

4.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi tal-verifika għandu taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb, għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li għandhom iwettqu, esperjenza adekwata ta' operat bħal dan, u l-kapaċità meħtieġa biex ifassal id-dikjarazzjonijiet, reġistri u rapporti biex juru li l-verifiki saru tassew.

5.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi tal-verifika huwa kapaċi jwettaq it-testijiet tiegħu b'imparzjalità. Ir-rimunerazzjoni tiegħu ma għandhiex tiddependi fuq in-numru ta' testijiet imwettqa jew mir-riżultati ta' dawn t-testijiet.


ANNESS IV

Taqsima A:   Rekwiżiti għall-verfika ta' sistemi mwettqa skond l-Artikolu 5(1)

1.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha turi l-konformità ta' dawn is-sistemi mar-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament f'ambjent simulat li jirrifletti l-kuntest operattiv ta' dawn is-sistemi.

2.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha titmexxa skond prassi ta' ttestjar xierqa u rikonoxxuta.

3.

L-għodod ta' ttestjar użati għall-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandu jkollhom funzjonijiet xierqa biex jiżguraw li t-testijiet ikunu koperti b'mod komprensiv.

4.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ permezz ta' l-Anness IV (3) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 u l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira;

(b)

ir-rapport dwar spezzjonijiet u testijiet li saru qabel ma s-sistema tqegħdet għas-servizz.

5.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru jrid imexxi l-attivitajiet tal-verifika u għandu b'mod partikolari:

(a)

jiddetermina l-ambjent operattiv u tekniku simulat kif xieraq li jirrifletti l-ambjent ta' operat;

(b)

jivverifika li l-pjan tat-test jiddiskrivi l-integrazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira fis-sistema ttestjata f'ambjent operattiv u tekniku simulat;

(ċ)

jivverifika li l-pjan ta' ttestjar ikopri b'mod komplet ir-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament;

(d)

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta' ttestjar;

(e)

jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

(f)

jagħmel l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tat-test;

(ġ)

jikteb ir-rapport biex jirrapreżenta ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet u t-testijiet.

6.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira, integrat f'sistemi mħaddma f'ambjent operattiv simulat, tilħaq ir-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament.

7.

Wara li titwettaq il-verifika ta' konformità b'mod sodisfaċenti, fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandhom ifasslu d-dikjarazzjoni KE ta' verifika ta' sistemi u jibgħatuha lill-awtorità nazzjonali ta' sorvelljanza flimkien mal-fajl tekniku, kif mitlub bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

Taqsima B:   Rekwiżiti għall-verfika ta' sistemi mwettqa skond l-Artikolu 5(2)

1.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha turi l-konformità ta' dawn is-sistemi mar-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament f'ambjent simulat li jirrifletti l-kuntest operattiv ta' dawn is-sistemi.

2.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha titmexxa skond prassi ta' ttestjar xierqa u rikonoxxuta.

3.

L-għodod ta' ttestjar użati għall-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġi tat-titjira għandu jkollhom funzjonijiet xierqa biex jiżguraw li t-testijiet ikunu koperti b'mod komprensiv.

4.

Il-verifika ta' sistemi li jimplimentaw protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġ permezz ta' l-Anness IV (3) tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 u l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira;

(b)

ir-rapport dwar spezzjonijiet u testijiet li saru qabel ma s-sistema tqegħdet għas-servizz.

5.

Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiddetermina l-ambjent operattiv u tekniku simulat kif xieraq u li jirrifletti l-ambjent ta' operat u għandu jara li attivitajiet ta' verifika jitwettqu minn korp notifikat.

6.

Il-korp notifikat irid imexxi l-attivitajiet tal-verifika u għandu b'mod partikolari:

(a)

jivverifika li l-pjan tat-test jiddiskrivi l-integrazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira fis-sistema ttestjata f'ambjent operattiv u tekniku simulat;

(b)

jivverifika li l-pjan ta' ttestjar ikopri b'mod komplet ir-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament;

(ċ)

jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan ta' ttestjar;

(d)

jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

(e)

jagħmel l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tat-test;

(f)

jikteb ir-rapport biex jirrapreżenta ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet u t-testijiet.

7.

Il-korp notifikat għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta' protokoll ta' trasferiment ta' messaġġ tat-titjira, integrat f'sistemi mħaddma f'ambjent operattiv simulat, tilħaq ir-rekwiżiti ta' interoperabilità ta' dan ir-Regolament.

8.

Il-korp notifikat, wara li jlesti l-ħidmiet ta' verifika b'mod sodisfaċenti għandu jfassal ċertifikat ta' konformità relatat mal-ħidmiet imwettqa.

9.

Wara, il-fornitur ta' servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jfassal id-dikjarazzjoni KE ta' verifika ta' sistemi u jibgħatha lill-awtorità nazzjonali ta' sorvelljanza flimkien mal-fajl tekniku, kif mitlub bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


Top