EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0045

Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

OJ L 247, 21.9.2007, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 058 P. 195 - 198

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/45/oj

21.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 247/17


DIRETTIVA 2007/45/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Settembru 2007.

li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta' Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel (3) u 80/232/KEE tal-15 ta' Jannar 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta mal-firxa ta' kwantitajiet nominali u kapaċitajiet nominali permessi għal ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel (4) jistabbilixxu kwantitajiet nominali għal numru ta' prodotti likwidi jew mhux likwidi mballati minn qabel, bil-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu ta' prodotti skond ir-rekwiżiti ta' dawk id-Direttivi. Għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, il-kwantitajiet nominali nazzjonali huma permessi jeżistu flimkien mal-kwantitajiet nominali Komunitarji. Għal ċerti prodotti, madankollu, il-kwantitajiet nominali Komunitarji huma stabbiliti bl-esklużjoni ta' kwalunkwe kwantita nominali nazzjonali.

(2)

Il-bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni f'imballaġġ minn qabel u l-bejgħ bl-imnut fil-livell Komunitarju u nazzjonali jeħtieġu evalwazzjoni ta' kemm għadha adatta l-leġislazzjoni eżistenti.

(3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Ottubru 2000, fil-kawża C-3/99, Cidrerie Ruwet (5) li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu l-kummerċ ta' mballaġġi minn qabel li għandhom volum nominali mhux inkluż fil-firxa ta' kategoriji Komunitarji, li huma manifatturati u kummerċjalizzati skond il-liġi fi Stat Membru ieħor, sakemm tali projbizzjoni tkun destinata sabiex tissodisfa rekwiżit aktar importanti relatat mal-protezzjoni tal-konsumatur, tapplika mingħajr distinzjoni għal prodotti nazzjonali u importati bl-istess mod u tkun meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit in kwistjoni u tkun proporzjonata għall-objettiv segwit, u sakemm dak l-objettiv ma jistax jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu anqas restrittivi għall-kummerċ intra-Komunitarju.

(4)

Il-protezzjoni tal-konsumatur hija ffaċilitata minn leġislazzjoni adottata wara d-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE, b’ mod partikolari d-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (6). L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva 98/6/KE, għandhom jikkunsidraw jekk huwiex il-każ li jimplimentawha fir-rigward ta' ċerti negozji żgħar li jbiegħu bl-imnut.

(5)

Ġie indikat minn stima ta' l-impatt, li tinkludi konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, li, f'ħafna setturi, il-kwantitajiet nominali liberi jżidu l-libertà tal-produtturi li jipprovdu prodotti skond il-gosti tal-konsumaturi u jsaħħu l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u l-prezz fis-suq intern. Madankollu, f'setturi oħrajn, huwa aktar xieraq, fl-interessi tal-konsumaturi u tan-negozju, li għalissa jinżammu l-kwantitajiet nominali obbligatorji.

(6)

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi akkumpanjata minn aktar informazzjoni għall-konsumaturi u għall-industrija sabiex jitjieb l-apprezzament ta' l-ipprezzar unitarju.

(7)

Konsegwentement, il-kwantitajiet nominali ġeneralment m'għandhomx ikunu suġġetti għar-regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, u għandu jkun possibbli li l-prodotti mballati minn qabel jitqiegħdu fis-suq fi kwalunkwe kwantità nominali.

(8)

Madankollu, f'ċerti setturi, tali deregolamentazzjoni tista' tirriżulta fi spejjeż sproporzjonalment għolja u żejda, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Għalhekk, għal dawk is-setturi, il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti għandha tkun addattata fid-dawl ta' l-esperjenza, b'mod partikolari sabiex tiżgura li l-kwantitajiet nominali Komunitarji ikunu ffissatti għall-inqas fil-każ ta' dawk il-prodotti l-aktar mibjugħa lill-konsumaturi.

(9)

Ladarba ż-żamma ta' kwantitajiet nominali obbligatorji għandha titqies bħala deroga, ħlief fis-settur ta' l-inbid u ta' l-ispirti, li għandu karatteristiċi speċifiċi, għandha tiġi perjodikament evalwata mill-ġdid fid-dawl ta' l-esperjenza u sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi. Għas-setturi fejn jistgħu jinżammu l-kwantitajiet nominali obbligatorji, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta' disturbi fil-kundizzjonijiet tas-suq jew destabbilizzazzjoni fl-imġiba tal-konsumaturi, partikolarment dik tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, għandha tqis jekk l-Istati Membri għandhomx ikunu awtorizzati li jżommu l-perjodi tranżitorji u b'mod partikolari li jżommu d-daqsijiet tal-firxa obbligatorja l-aktar mibjugħa.

(10)

Fl-Istati Membri fejn il-ħobż imballat minn qabel jikkostitwixxi proporzjon kbir tal-konsum regolari, hemm korrelazzjoni qawwija bejn id-daqs ta' l-imballaġġ u l-piż tal-ħobż. Bħal fil-każ ta' prodotti oħra imballati minn qabel, id-daqsijiet eżistenti tal-pakketti għall-ħobż imballat minn qabel li jintużaw tradizzjonalment mhumiex se jiġu milquta minn din id-Direttiva u jistgħu jibqgħu jintużaw.

(11)

Sabiex tiġi promossa t-trasparenza, il-kwantitajiet nominali kollha għall-prodotti mballati minn qabel għandhom jiġu stabbiliti f'test leġislattiv uniku, u konsegwentement id-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jiġu mħassra.

(12)

Sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikolari tal-konsumaturi vulnerabbli, bħal dawk b'diżabbiltà u l-anzjani, għandha tingħata l-attenzjoni xierqa sabiex l-indikazzjonijiet ta' piż u volum fuq it-tikketti tal-prodotti għall-konsumatur ikunu leġibbli u viżibbli aktar faċilment fuq l-imballaġġ minn qabel, taħt kondizzjonijiet normali ta' preżentazzjoni.

(13)

Għal ċerti prodotti likwidi, id-Direttiva 75/106/KEE tistabbilixxi rekwiżiti metroloġiċi identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE ta' l-20 ta' Jannar 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-prekondizzjonament bil-piż jew bil-volum ta' ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel (7). Id-Direttiva 76/211/KEE għandha għalhekk tiġi emendata sabiex tinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-prodotti attwalment koperti mid-Direttiva 75/106/KEE.

(14)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(15)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, permezz tat-tħassir tal-kategoriji Komunitarji u permezz ta' l-assigurazzjoni ta' kwantitajiet nominali Komunitarji uniformi fejn meħtieġ, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-kwantitajiet nominali għal prodotti mqiegħda f'imballaġġi minn qabel. Għandha tapplika għal prodotti mballati minn qabel u mballaġġi minn qabel, kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/211/KEE.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal prodotti elenkati fl-Anness li huma mibjugħa fil-ħwienet mingħajr dazju għall-konsum barra l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Moviment liberu tal-merkanzija

1.   Ħlief kif diversament previst fl-Artikoli 3 u 4, l-Istati Membri ma jistgħux, abbażi ta' raġunijiet marbuta mal-kwantitajiet nominali ta' l-imballaġġ, jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti mballati minn qabel.

2.   Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ddikjarati fit-Trattat u, b'mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Istati Membri li attwalment jippreskrivu kwantitajiet nominali obbligatorji għal ħalib, butir, għaġin xott u kafè jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal-11 ta' Ottubru 2012

L-Istati Membri li attwalment jippreskrivu kwantitajiet nominali obbligatorji għaz-zokkor abjad jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal-11 ta' Ottubru 2013.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Artikolu 3

It-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu ta' ċerti prodotti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti elenkati fit-Taqsima 2 ta' l-Anness u mqiegħda f'imballaġġi minn qabel fl-intervalli elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness huma mqiegħda fis-suq biss jekk ikunu mballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness.

Artikolu 4

Dispensers ta' l-aerosol

1.   Id-dispensers ta' l-aerosol għandhom jindikaw il-kapaċità totali nominali tal-kontenitur. L-indikazzjoni għandha tkun b'tali mod li ma toħloqx konfużjoni mal-volum nominali tal-kontenut.

2.   B'deroga mill-Artikolu 8(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE ta' l-20 ta' Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mad-dispensers ta' l-aerosol  (9), il-prodotti li jinbiegħu f'dispensers ta' l-aerosol ma jeħtiġux li jkunu mmarkati bil-piż nominali tal-kontenut tagħhom.

Artikolu 5

Imballaġġi multipli u mballaġġi minn qabel magħmulin minn imballaġġi individwali li ma jkunux maħsuba sabiex jinbiegħu separatament

1.   Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, meta żewġ imballaġġi minn qabel, individwali jew aktar jikkostitwixxu mballaġġ multiplu, il-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta l-Anness għandhom japplikaw għal kull imballaġġ minn qabel individwali.

2.   Meta mballaġġ minn qabel ikun kompost minn żewġ imballaġġi individwali jew aktar li ma jkunux maħsuba sabiex jinbiegħu separatament, il-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness għandhom japplikaw għall-imballaġġ minn qabel.

KAPITOLU III

TĦASSIR, EMENDA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Tħassir

Id-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jitħassru.

Artikolu 7

Emenda tad-Direttiva 76/211/KEE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/211/KEE, il-kliem “ħlief dawk imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta' Diċembru ta' l-1974 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-preparazzjoni permezz ta' volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel, u” għandhom jiġu mħassra.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, sal-11 ta' Ottubru 2008, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mil-11 ta' April 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9

Rappurtar, komunikazzjoni ta' derogi u monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-11 ta' Ottubru 2015, u wara dan, kull għaxar snin. Fejn meħtieġ, dawk ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Sal-11 ta' April 2009, l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni s-setturi suġġetti għad-deroga msemmija f'dak il-paragrafu, il-perjodu ta' dik id-deroga, il-firxa ta' kwantitajiet nominali obbligatorji applikati u l-intervall konċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 abbażi tal-konklużjonijiet tagħha stess u tar-rapporti mill-Istati Membri kkonċernati. B'mod aktar partikolari, il-Kummissjoni għandha tosserva l-iżviluppi tas-suq wara t-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, u għandha tikkunsidra, fid-dawl tar-riżultati ta' dak li jiġi osservat, li tapplika miżuri ta' segwitu fir-rigward ta' din id-Direttiva billi żżomm fis-seħħ kwantitajiet nominali obbligatorji għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 2, 6 u 7 għandhom japplikaw mis-11 ta' April 2009.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 5 ta' Settembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. POETTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 36.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 (ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 52), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (ĠU C 311 E, 19.12.2006, p. 21), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Lulju 2007

(3)  ĠU L 42, 15.2.1975, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 51, 25.2.1980, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 87/356/KEE (ĠU L 192, 11.7.1987, p. 48).

(5)  [2000] ECR I-8749.

(6)  ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27.

(7)  ĠU L 46, 21.2.1976, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 78/891/KEE (ĠU L 311, 4.11.1978, p. 21).

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(9)  ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).


ANNESS

FIRXA TA' KATEGORIJI TA' KWANTITAJIET NOMINALI TAL-KONTENUTI TA' L-IMBALLAĠĠI MINN QABEL

1.   Prodotti mibjugħa skond il-volum (kwantità f' ml)

Inbid bla gass

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500 ml it-8 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 – 187 – 250 – 375 – 500 – 750 – 1 000 – 1 500

Inbid isfar

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500  ml il-kwantita' nominali li ġejja biss:

ml: 620

Inbid bil-gass

Fil-medda bejn 125 ml sa 1 500  ml il-5 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 125 – 200 – 375 – 750 – 1 500

Inbid likoruż

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500  ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

Ml: 100 – 200 – 375 – 500 – 750 – 1 000 – 1 500

Inbid aromatizzat

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500  ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 – 200 – 375 – 500 — 750 – 1 000 – 1 500

Xorb Spirituż

Fil-medda bejn 100 ml sa 2 000  ml id-9 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 – 200 – 350 – 500 – 700 – 1 000 – 1 500 – 1 750 – 2 000

2.   Definizzjonijiet tal-prodotti

Inbid bla gass

Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1) (Kodiċi CN ex 2204)

Inbid isfar

Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN ex 2204) b’denominazzjonijiet ta' l-oriġini: “Côtes du Jura”, “Arbois”, “L’Etoile” u “Château-Chalon” fi fliexken kif definiti fl-Anness I punt 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid (2)

Inbid bil-gass

Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) u fl-Anness I punti 15, 16, 17 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN 2204 10)

Inbid likoruż

Inbid kif definit fl-Artikolu 1(2)(b) u fl-Anness I punt 14 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (Kodiċi CN 2204 21 – 2204 29)

Inbid aromatizzat

Inbid aromatizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 ta' l-10 ta' Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' inbid aromatizzat, ta' xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta' l-inbid (3) (Kodiċi CN 2205)

Spirti

Spirti kif definiti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' xorb spirituż (4) (Kodiċi CN 2208)


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 179/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 118, 4.5.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 382/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 12).

(3)  ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2005.

(4)  ĠU L 160, 12.6.1989, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2005.


Top