EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0758

2007/758/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Novembru 2007 li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida boscalid (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5477) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 305, 23.11.2007, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/758/oj

23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 305/54


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Novembru 2007

li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida boscalid

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5477)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/758/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE f’April 2001 il-Ġermanja rċeviet applikazzjoni mingħand BASF AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva boscalid fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/268/KE (2) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għall-ħtiġijiet tad-data u ta’ l-informazzjoni fl-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma tal-kompletezza ta’ l-inkartament sabiex seta’ jiġi eżaminat fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva kkonċernata, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kondizzjoni dwar l-evalwazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva.

(3)

Għal din is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru rapporteur ressaq abbozz ta’ rapport evalwattiv lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Novembru 2002.

(4)

Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru rapporteur, kien hemm il-ħtieġa li tintalab iktar informazzjoni mill-applikant u li l-Istat Membru rapporteur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq l-evalwazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dossier għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE.

(5)

Minħabba li l-valutazzjoni s’issa għadha ma identifikat l-ebda raġuni ta’ tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti ta’ ħarsien għall-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata għal perjodu ta’ 24 xahar b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE b’mod li tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tad-dossier. Huwa mistenni li l-proċess ta’ valutazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ l-inklużjoni tal-boscalid fl-Anness I se jitlesta fi żmien 24 xahar.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-boscalid għal perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Novembru 2007.

Ghall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE (ĠU L 214, 17.8.2007, p. 3).

(2)  ĠU L 92, 9.4.2002, p. 34.


Top