EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0410

2007/410/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Ġunju 2007 dwar miżuri kontra d-dħul u t-tixrid fi ħdan il-Komunità tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2451)

OJ L 155, 15.6.2007, p. 71–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Information about publishing Official Journal Special Edition not found, P. 253 - 255

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/05/2015; Imħassar b' 32015D0749

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/410/oj

15.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 155/71


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar miżuri kontra d-dħul u t-tixrid fi ħdan il-Komunità tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2451)

(2007/410/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fi ħdan il-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3),

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, fejn Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ dħul jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż elenkat fl-Anness I jew l-Anness II ta’ din id-Direttiva, għandu jieħu kull miżura meħtieġa sabiex iħares lilu nnifsu minn dan il-periklu.

(2)

Minħabba l-preżenza tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, l-Olanda għarrfet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 2007 li adottat fl-14 ta’ Frar 2007 miżuri uffiċjali kontra aktar dħul u tixrid fi ħdan it-territorju tagħha ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara.

(3)

Il-vajroid tat-tuberi mrekkla tal-patata huwa mniżżel fit-Taqsima I tal-Parti A ta’ l-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE, u bħala organiżmu li d-dħul u t-tixrid tiegħu ġewwa l-Komunità għandu jiġi pprojbit.

(4)

Il-vajroid tat-tuberi mrekkla tal-patata nstab fuq il-pjanti tas-Solanum jasminoides Paxton u tal-Brugmansia Pers. spp.. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan l-organiżmu ta’ ħsara, m’hemmx fil-preżent rekwiżiti speċjali għal dawn il-pjanti li joriġinaw fil-Komunità.

(5)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri kontra d-dħul u t-tixrid fi ħdan il-Komunità ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, peress li t-tagħrif xjentifiku disponibbli wera li l-preżenza ta’ dan l-organiżmu fuq dawn il-pjanti tista’ twassal għal aktar tixrid tiegħu.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għad-dħul jew it-tixrid ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, l-importazzjoni, il-produzzjoni u ċ-ċaqliq tal-pjanti tal-ġeneru Brugmansia Pers. spp., u l-ispeċji Solanum jasminoides Paxton, intiżi għat-tħawwil, inklużi żrieragħ, fi ħdan il-Komunità. Barra minn hekk, għandu jitħejja stħarriġ dwar il-preżenza jew l-assenza ssoktata ta’ l-organiżmu ta’ ħsara fl-Istati Membri.

(7)

Huwa xieraq li r-riżultati tal-miżuri jiġu vvalutati, b’mod partikolari fuq il-bażi tat-tagħrif li jrid jiġi pprovdut mill-Istati Membri, li fuqu jissejsu miżuri oħra possibbli fil-ġejjieni.

(8)

L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk meħtieġ, il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex ikunu f’konformità mad-Deċiżjoni.

(9)

Ir-riżultati tal-miżuri meħuda għandhom jiġu riveduti sad-29 ta’ Frar 2008.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati

Il-pjanti tal-ġeneru Brugmansia Pers. spp., u l-ispeċji Solanum jasminoides Paxton, intiżi għat-tħawwil, inklużi ż-żrieragħ (minn issa “il-pjanti speċifikati”), jistgħu jidħlu fil-Komunità biss jekk:

(a)

ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-punt 1 ta’ l-Anness, u

(b)

jiġu spezzjonati, kif jidħlu fil-Komunità, u ttestjati mill-korp uffiċjali responsabbli għall-preżenza tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, skond l-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, u jinstabu ħielsa minnu.

Artikolu 2

Ċaqliq tal-pjanti speċifikati fi ħdan il-Komunità

Il-pjanti speċifikati li joriġinaw fil-Komunità jew impurtati ġewwa l-Komunità skond l-Artikolu 1 jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan il-Komunità biss jekk iħarsu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 ta’ l-Anness.

Artikolu 3

Stħarriġ u notifikazzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ uffiċjali, u fejn xieraq, testijiet, għall-preżenza tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata fuq il-pjanti jew evidenza ta’ infezzjoni minn dan l-organiżmu ta’ ħsara fit-territorju tagħhom.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sa l-10 ta’ Jannar 2008.

2.   Kull okkorrenza ssuspettata jew preżenza kkonfermata tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-korpijiet uffiċjali responsabbli.

Artikolu 4

Konformità

L-Istati Membri għandhom jemendaw, jekk meħtieġ, il-miżuri li adottaw biex iħarsu lilhom infushom kontra d-dħul u t-tixrid tal-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata b’tali mod li dawn il-miżuri jkunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dawn il-miżuri.

Artikolu 5

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2008.

Artikolu 6

L-Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).


ANNESS

Miżuri addizzjonali msemmija fl-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Rekwiżiti ta’ importazzjoni speċifiċi

Mingħajr ħsara għall-punt 13 tal-Parti A ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw f’pajjiżi terzi għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) ta’ din id-Direttiva li jistipula taħt it-titlu “dikjarazzjoni addizzjonali” li l-pjanti speċifikati joriġinaw u ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f’post ta’ produzzjoni kif iddefinit fl-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 5 (1) tal-FAO (minn issa 'l quddiem “il-post ta’ produzzjoni”) li huwa reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini,

(a)

f'pajjiżi fejn il-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata huwa magħruf li ma jinsabx; jew

(b)

f’żona ħielsa mill-insetti qerrieda, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ oriġini skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-insetti qerrieda għandu jissemma taħt it-titlu “post ta’ oriġini”; jew

(ċ)

fejn il-lottijiet kollha tal-pjanti speċifikati ġew ittestjati u nstabu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, qabel iċ-ċaqliq tagħhom; jew

(d)

fejn il-pjanti tat-tnissil kollha assoċjati tal-pjanti speċifikati ġew ittestjati u nstabu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, qabel l-ispustament tal-pjanti speċifikati. Wara l-ittestjar, il-kundizzjonijiet tat-tkabbir ikunu tali li l-pjanti tat-tnissil assoċjati u l-pjanti speċifikati jibqgħu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata qabel l-ispustament.

2.   Kundizzjonijiet għall-ispustament

Il-pjanti kollha speċifikati li joriġinaw fil-Komunità jew li ġew impurtati ġewwa l-Komunità skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ pjanti għall-użu mis-sid jew ta’ min jirċievihom għal skopijiet mhux kummerċjali sakemm m’hemmx riskju ta’ tixrid ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, jistgħu jiġu spustati fi ħdan il-Komunità basta jkunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni (2) 92/105/KEE u jkunu tkabbru tul ħajjithom kollha jew minn meta ġew introdotti fil-Komunità f’post ta’ produzzjoni:

(a)

fi Stat Membru fejn il-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata huwa magħruf li ma jinsabx; jew

(b)

f'żona ħielsa mill-insetti qerrieda, stabbilita mill-korp uffiċjali responsabbli fi Stat Membru, skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; jew

(ċ)

fejn il-lottijiet kollha tal-pjanti speċifikati ġew ittestjati u nstabu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, qabel iċ-ċaqliq tagħhom; jew

(d)

fejn il-pjanti tat-tnissil kollha assoċjati tal-pjanti speċifikati ġew ittestjati u nstabu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata, qabel l-ispustament tal-pjanti speċifikati. Wara l-ittestjar, il-kundizzjonijiet tat-tkabbir ikunu tali li l-pjanti tat-tnissil assoċjati u l-pjanti speċifikati jibqgħu ħielsa mill-Vajrojd tat-tuberi mrekkla tal-patata qabel iċ-ċaqliq.


(1)  Glossarju tat-Termini Fitosanitarji - Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Pjanti, Ruma.

(2)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/17/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 23).


Top