EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0384

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK ta' l- 14 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (Verżjoni kodifikata)

OJ L 152, 13.6.2007, p. 14–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/12/2008; Imħassar b'

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/384/oj

13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 152/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/384/PESK

ta' l-14 ta' Mejju 2007

li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena)

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 13(3) u 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu biex tamministra l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (1) ġiet sostanzjalment emendata diversi drabi (2). Fl-interessi taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, huwa kunsiljabbli li d-Deċiżjoni msemmija tiġi kodifikata.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Helsinki fl-10 u l-11 ta' Diċembru 1999, ftiehem b'mod partikolari li, waqt li jikkoperaw volontarjament f'operazzjonijiet immexxija mill-UE, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu sa l-2003 jiskjeraw fi żmien 60 jum, u jmantnu għal ta' l-inqas sena, forzi militari minn 50 000 sa 60 000 persuna, kapaċi għall-firxa sħiħa tal-kompiti ta' Petersberg.

(3)

Fis-17 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill approva d-Dokument 10155/02 dwar il-finanzjament ta' operazzjonijiet immexxija mill-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(4)

Il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' l-14 ta' Mejju 2003 kkonferma l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida, b'mod partikolari għal kompiti umanitarji u ta' salvataġġ.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Tessaloniki fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, laqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2003, fejn b'mod partikolari ġiet ikkonfermata l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida militari ta' l-Unjoni Ewropea.

(6)

Fit-22 ta' Settembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li l-Unjoni Ewropea għandha takkwista l-kapaċità flessibbli sabiex tamministra l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet militari ta' kwalunkwe skala, komplessità jew urġenza, b'mod partikolari bl-istabbiliment, sa l-1 ta' Marzu 2004, ta' mekkaniżmu ta' finanzjament permanenti sabiex jassumi l-inkarigu tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' kwalunkwe operazzjoni militari futura ta' l-Unjoni.

(7)

Il-Kumitat Militari ta' l-UE ddefinixxa fid-dettall il-kunċett ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE fir-Rapport tiegħu tat-3 ta' Marzu 2004. Huwa ddefinixxa ulterjorment il-kunċett ta' Gruppi ta' Battalja ta' l-UE fl-14 ta' Ġunju 2004.

(8)

Il-Kunsill Ewropew fis-17 ta' Ġunju 2004 approva Rapport dwar il-PESD li ssottolinja li l-ħidma fuq il-kapaċitajiet ta' Risposta Rapida ta' l-UE għandha titmexxa 'l quddiem bil-ħsieb ta' kapaċità operattiva inizjali sal-bidu ta' l-2005.

(9)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, il-finanzjament bikri ta' operazzjonijiet militari ta' l-UE għandu jiġi mtejjeb, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-operazzjonijiet ta' Risposta Rapida. L-iskema l-ġdida għall-finanzjament bikri hija għaldaqstant maħsuba l-ewwelnett għall-operazzjonijiet ta' Risposta Rapida; taħt ċirkostanzi speċifiċi, tista' madankollu tiġi użata kontribuzzjoni mħallsa minn qabel għall-finanzjament bikri ta' operazzjoni regolari, b'mod partikolari waħda b' dewmien qasir bejn l-adozzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta sabiex tittieħed azzjoni u d-deċiżjoni li tiġi varata l-operazzjoni.

(10)

Il-Kunsill jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ jekk operazzjoni għandhiex implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, fis-sens ta' l-Artikolu 28(3) tat-Trattat.

(11)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi fl-Artikolu 28(3) tiegħu li l-Istati Membri, li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artiklu 23(1) tiegħu, ma għandhomx ikunu obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni konċernata li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(12)

Konformement ma' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża, u d-Danimarka ma tipparteċipax fil-finanzjament tal-mekkaniżmu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“Stati Membri parteċipanti” għandha tfisser l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, ħlief id-Danimarka;

(b)

“Stati kontribwenti” għandha tfisser l-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni militari in kwistjoni skond l-Artikolu 28(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' din l-operazzjoni skond il-ftehim bejniethom u l-Unjoni Ewropea;

(ċ)

“operazzjonijiet” għandha tfisser l-operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża;

(d)

“azzjonijiet militari ta' appoġġ” għandha tfisser l-operazzjonijiet ta' l-UE, jew partijiet minnhom, deċiżi mill-Kunsill b'appoġġ għal Stat terz jew organizzazzjoni terza, li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, iżda li ma jkunux taħt l-awtorità tal-Kwartieri Ġenerali ta' l-UE.

KAPITOLU 1

MEKKANIŻMU

Artikolu 2

Stabbiliment tal-mekkaniżmu

1.   Huwa b'dan stabbilit mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet.

2.   Il-mekkaniżmu għandu jissejjaħ Athena.

3.   Athena għandha taġixxi f'isem l-Istati Membri parteċipanti jew, fir-rigward ta' l-operazzjonijiet speċifiċi, l-Istati kontribwenti kif definit fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Kapaċità legali

Bil-ħsieb tat-tmexxija amministrattiva tal-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża Athena għandha jkollha l-kapaċità legali meħtieġa, b'mod partikolari, sabiex iżżomm kont bankarju, takkwista, iżżomm jew tiddisponi minn proprjetà, tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi u tkun parti minn proċedimenti legali. Athena m'għandhiex ikollha skop ta' profitt.

Artikolu 4

Koordinazzjoni ma' partijiet terzi

Sa fejn ikun meħtieġ sabiex twettaq il-kompiti tagħha, u konformement ma' l-objettivi u l-linji politiċi ta' l-Unjoni Ewropea, Athena għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' l-Istati Membri, ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

KAPITOLU 2

STRUTTURA ORGANIZZATIVA

Artikolu 5

Korpi amministrattivi u persunal

1.   Athena għandha tkun amministrata, taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali minn:

(a)

l-amministratur;

(b)

il-kmandant ta' kull operazzjoni, fir-rigward ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“kmandant ta' l-operazzjoni”);

(ċ)

l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

2.   Athena għandha tuża l-istrutturi amministrattivi eżistenti ta' l-Unjoni Ewropea sa fejn ikun l-aktar possibbli. Athena għandha tirrikorri għall-persunal li jkun sar disponibbli kif meħtieġ mill-istituzzjonijiet ta' l-UE jew li jkun sekondat mill-Istati Membri.

3.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill jista' jipprovdi l-persunal meħtieġ lill-amministratur jew lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, li jistgħu jkunu abbażi ta' proposta minn Stat Membru parteċipant.

4.   Il-korpi u l-persunal ta' Athena għandhom ikunu attivati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet operattivi.

Artikolu 6

Il-Kumitat Speċjali

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat Speċjali magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipanti (Kumitat Speċjali). Il-Kummissjoni għandha tattendi l-laqgħat tal-Kumitat Speċjali mingħajr ma tieħu sehem fil-voti tiegħu.

2.   Athena għandha tkun amministrata taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali.

3.   Meta l-Kumitat Speċjali jkun qiegħed jiddiskuti l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjoni partikolari:

(a)

il-Kumitat Speċjali għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru kontribwenti;

(b)

ir-rappreżentanti ta' l-Istati terzi kontribwenti għandhom jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali. Huma la għandhom jieħdu sehem u lanqas ikunu preżenti fil-voti tiegħu;

(ċ)

il-kmandant ta' l-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

4.   Il-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandha ssejjaħ u tippresiedi l-laqgħat tal-Kumitat Speċjali. L-amministratur għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Kumitat Speċjali. Hu għandu jfassal il-minuti tar-riżultat tad-diskussjonijiet tal-Kumitat. Hu ma għandux jieħu sehem fil-voti tiegħu.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jipparteċipa kif meħtieġ fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

6.   Jekk Stat Membru parteċipant, l-amministratur jew il-kmandant ta' l-operazzjoni jitlob hekk, il-Presidenza għandha ssejjaħ lill-Kumitat Speċjali fi żmien mhux aktar minn 15-il jum.

7.   L-amministratur għandu jinforma kif dovut lill-Kumitat Speċjali dwar kwalunkwe pretensjoni jew argument indirizzati lill-Athena.

8.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi b'mod unanimu bejn il-membri tiegħu, b'kont meħud tal-kompożizzjoni tiegħu kif definit fil-paragrafi 1 u 3. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

9.   Il-Kumitat Speċjali japprova l-baġits kollha, b'kont meħud ta' l-ammonti rilevanti ta' referenza, u ġeneralment jeżerċita l-kompetenzi previsti mill-Artikoli 20, 21, 22, 23, 26, 27, 29, 31, 33, 34, 38, 39, 40 u 41.

10.   Il-Kumitat Speċjali għandu jkun informat mill-amministratur, il-kmandant ta' l-operazzjoni u l-uffiċjal tal-kontabbiltà kif previst fid-Deċiżjoni preżenti.

11.   It-test ta' l-atti approvati mill-Kumitat Speċjail skond l-Artikoli 20, 21, 22, 23, 24, 26, 29, 31, 33, 34, 39, 40 u 41 għandu jkun iffirmat mill-president tal-Kumitat Speċjali fil-ħin ta' l-approvazzjoni tagħhom u mill-amministratur.

Artikolu 7

L-amministratur

1.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, wara li jkun informa lill-Kumitat Speċjali, għandu jaħtar lill-amministratur u mill-inqas deputat amministratur wieħed għal perijodu ta' tliet snin.

2.   L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena.

3.   L-amministratur:

(a)

għandu jfassal u jippreżenta kull abbozz ta' baġit lill-Kumitat Speċjali. It-taqsima għan-nefqa għal operazzjoni fi kwalunkwe abbozz ta' baġit għandha titfassal abbażi ta' proposta mill-kmandant ta' l-operazzjoni;

(b)

għandu jadotta l-baġits wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kumitat Speċjali;

(ċ)

għandu jkun l-uffiċjal awtorizzanti għad-dħul, għall-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet u spejjeż komuni operattivi li jkunu saru barra mill-fażi attiva ta' l-operazzjoni;

(d)

għandu, rigward id-dħul, jimplimenta l-arranġamenti finanzjarji magħmula ma' partijiet terzi fir-rigward tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet militari ta' l-Unjoni.

4.   L-amministratur għandu jiżgura li jkun hemm konformità mar-regoli stabbiliti bid-Deċiżjoni preżenti, u li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Speċjali jkunu applikati.

5.   L-amministratur għandu jkun awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa finanzjata permezz ta' Athena. Hu għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali b'dan.

6.   L-amministratur għandu jikkoordina l-ħidma dwar kwistjonijiet finanzjarji relatati ma' l-operazzjonijiet militari ta' l-Unjoni. Hu għandu jkun il-punt ta' kuntatt ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u, skond il-każ, ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali dawn dawn il-materji.

7.   L-amministratur għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat Speċjali.

Artikolu 8

Il-kmandant ta' l-operazzjoni

1.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena fir-rigward tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda.

2.   Għall-operazzjoni li hu jikkmanda, il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu:

(a)

jibgħat lill-amministratur il-proposti tiegħu għat-taqsima tan-“nefqa — spejjeż komuni operattivi” ta' l-abbozz ta' baġits;

(b)

bħala uffiċjal awtorizzanti, jimplimenta l-approprjazzjonijiet fir-rigward ta' l-ispejjeż komuni operattivi; hu għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qed tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, inkluż il-finanzjament minn qabel; hu jista' jagħti kuntratti u jidħol f'kuntratti f'isem Athena; hu għandu jiftaħ kont bankarju f'isem Athena għall-operazzjoni li hu jikkmanda.

3.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jkun awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa finanzjata permezz ta' Athena, għall-operazzjoni li hu jikkmanda. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

Artikolu 9

L-uffiċjal tal-kontabbiltà

1.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar l-uffiċjal tal-kontabbiltà u mill-inqas deputat uffiċjal wieħed tal-kontabbiltà għal perjodu ta' sentejn.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-implimentazzjoni xierqa ta' pagamenti, ġbir tad-dħul u rkupru ta' l-ammonti stabbiliti bħala esiġibbli;

(b)

it-tħejjija tal-kontijiet għal Athena kull sena, u, wara t-tmiem ta' kull operazzjoni, il-kontijiet għal dik l-operazzjoni;

(ċ)

l-appoġġ għall-amministratur meta hu jippreżenta l-kontijiet annwali jew il-kontijiet għal operazzjoni lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni;

(d)

iż-żamma tal-kontijiet għal Athena;

(e)

l-istabbiliment tar-regoli tal-kontabbiltà u l-metodi u l-karta tal-kontijiet;

(f)

l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi tal-kontabbiltà għad-dħul u, fejn ikun il-każ, il-validazzjoni tas-sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti sabiex iforni jew jiġġustifika l-informazzjoni tal-kontabbiltà;

(g)

iż-żamma tad-dokumenti sekondarji;

(h)

l-amministrazzjoni tat-teżor, b'mod konġunt ma' l-amministratur.

4.   L-amministratur u l-kmandant ta' l-operazzjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal tal-kontabbiltà l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni tal-kontijiet li jirrappreżentaw eżattament l-assi finanzjarji ta' Athena u l-implimentazzjoni tal-baġit amministrat minn Athena. Dawn għandhom jiggarantixxu l-affidabbiltà tagħha.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli lejn il-Kumitat Speċjali.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-amministratur, għall-uffiċjal tal-kontabbiltà u għall-persunal ta' Athena

1.   Il-funzjonijiet ta' amministratur jew deputat amministratur, fuq naħa waħda, u uffiċjal tal-kontabbiltà jew deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra, għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli.

2.   Kwalunkwe deputat amministratur għandu jaġixxi taħt l-awtorità ta' l-amministratur. Kull deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jaġixxi taħt l-awtorità ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

3.   Deputat amministratur għandu jieħu post l-amministratur meta dan ikun assenti jew ma jkunx jista' jattendi. Deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jieħu post l-uffiċjal tal-kontabbiltà meta dan ikun assenti jew ostakolat milli jattendi.

4.   Meta jkunu qed iwettqu funzjonijiet f'isem Athena, l-uffiċjali u l-impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jibqgħu suġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għalihom.

5.   Il-persunal li jkun sar disponibbli għal Athena mill-Istati Membri għandu jkun suġġett għall-istess regoli bħal dawk stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli applikabbli għal esperti nazzjonali fuq sekondament, u għad-dispożizzjonijiet miftiehma bejn l-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom u l-istituzzjoni Komunitarja jew Athena.

6.   Qabel il-ħatra tagħhom, il-persunal ta' Athena għandu jkun irċieva permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata sa mill-inqas il-livell “Secret UE” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Istat Membru.

7.   L-amministratur jista' jinnegozja u jidħol f'arranġamenti ma' l-Istati Membri jew ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji bil-ħsieb li jinnominaw minn qabel dak il-persunal li, jekk meħtieġ, jkun jista' jsir immedjatament disponibbli għal Athena.

KAPITOLU 3

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI MA' STATI MEMBRI, ISTITUZZJONIJIET TA' L-UE, STATI TERZI U ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

Artikolu 11

Arranġamenti amministrattivi ma' Stati Membri jew istituzzjonijiet ta' l-UE

1.   Jistgħu jiġu negozjati arranġamenti amministrattivi ma' Stati Membri jew istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex ikunu faċilitati l-akkwisti f'operazzjonijiet bl-iktar kondizzjonijiet ekonomiċi. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' ittri bejn Athena rappreżentata mill-kmandant ta' l-operazzjoni jew, fejn ma jkunx hemm kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta' l-UE kkonċernati.

2.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiġi kkonsultat qabel ma jiġi ffirmat kwalunkwe arranġament bħal dan.

Artikolu 12

Arranġamenti amministrattiv ma' Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali

1.   Jista' jiġi negozjat arranġament amministrattiv ma' Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali notevolment sabiex ikunu faċilitati l-akkwisti fil-post fejn tkun qed isseħħ l-operazzjoni bl-iktar kondizzjonijiet ekonomiċi b'kont meħud tar-restrizzjonijiet operattivi. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' ittri bejn Athena, rappreżentata mill-kmandant ta' l-operazzjoni jew, fejn ma jkunx hemm kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istat terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata.

2.   Kwalunkwe arranġament bħal dan għandu jiġi preżentat lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni qabel ma jiġi ffirmat.

Artikolu 13

Arranġamenti amministrattivi permanent u ad hoc dwar modalitajiet għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati terzi

1.   Fil-qafas tal-ftehim konklużi bejn l-UE u l-Istati terzi indikati mill-Kunsill bħala kontributuri potenzali għall-operazzjonijiet ta' l-UE jew bħala kontributuri ta' operazzjoni speċifika ta' l-UE, l-amministratur għandu jinnegozja ma' dawn l-Istati terzi l-arranġamenti amministrattivi permanenti jew ad hoc, rispettivament. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' Ittri bejn Athena u s-servizzi amministrattivi kompetenti ta' l-Istati terzi kkonċernati li jistabbilixxu l-modalitajiet meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas malajr tal-kontribuzzjonijiet għal kull operazzjoni militari futura ta' l-UE.

2.   Sa meta jiġu konklużi l-ftehim imsemmija fil-paragrafu 1, l-amministratur jista' jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ffaċititati l-ħlasijiet mill-Istati terzi kontribwenti.

3.   L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali minn qabel dwar l-arranġamenti previsti, qabel ma jiffirmahom f'isem Athena.

4.   Meta operazzjoni militari tiġi varata mill-Unjoni, l-amministratur għandu, għall-ammonti ta' kontribuzzjonijiet deċiżi mill-Kunsill, jimplimenta l-arranġamenti ma' l-Istati terzi li jikkontribwixxu għal dik l-operazzjoni.

KAPITOLU 4

KONTIJIET BANKARJI

Artikolu 14

Ftuħ u għan

1.   L-amministratur għandu jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f'isem Athena.

2.   Kwalunkwe kont bankarju għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja ta' l-ogħla kalibru bl-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru.

3.   Il-kontribuzzjonijiet minn Stati kontribwenti għandhom jitħallsu f'dawn il-kontijiet. Dawn għandhom jintużaw sabiex iħallsu għall-ispejjeż amministrati minn Athena u sabiex isiru l-avvanzi meħtieġa lill-kmandant ta' l-operazzjoni għall-implimentazzjoni tan-nefqa relatata ma' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari. Ma jistgħux jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati, minn l-ebda kont bankarju.

Artikolu 15

Amministrazzjoni ta' fondi

1.   Kwalunkwe ħlas mill-kont ta' Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' l-amministratur jew deputat amministratur, fuq naħa waħda, u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà jew deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra.

2.   Fondi amministrati minn Athena, inklużi dawk fdati lil kmandant ta' operazzjoni, ma jistgħux ikunu depożitati ħlief ma' istituzzjoni finanzjarja ta' l-ogħla kalibru f' euro f'kont kurrenti jew f'kont għal perijodu qasir.

KAPITOLU 5

SPEJJEŻ KOMUNI

Artikolu 16

Definizzjoni ta' spejjeż komun u perijodi ta' eliġibbiltà

1.   L-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness I għandhom ikunu għas-spejjeż ta' Athena kull meta dawn isiru. Meta jiddaħħlu f'artikolu tal-baġit li juri l-operazzjoni li għaliha huma l-aktar relatati, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż operattivi ta' din l-operazzjoni. Altrimenti, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew wara, l-operazzjonijiet.

2.   Barra minn dan, Athena għandha terfa' r-responsabbiltà ta' l-ispejjeż komuni operattivi elenkati fl-Anness II matul il-perijodu mill-approvazzjoni tal-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżijiet għall-operazzjoni sal-ħatra tal-kmandant ta' l-operazzjoni. F'ċirkostanzi partikolari, wara li l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà ikun ġie kkonsultat, il-Kumitat Speċjali jista' jimmodifika l-perijodu li fih dawn l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti minn Athena.

3.   Matul il-fażi attiva ta' operazzjoni, li tibda mid-data li fiha jinħatar il-kmandant ta' l-operazzjoni sal-jum li fih il-kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni jwaqqaf l-attività tiegħu, Athena għandha terfa' bħala spejjeż komuni operattivi:

(a)

l-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness III-A;

(b)

l-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness III-B, meta l-Kunsill hekk jiddeċiedi.

4.   Matul il-fażi attiva ta' azzjoni militari ta' appoġġ, kif determinat mill-Kunsill, Athena għandha terfa' bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż komuni definiti mill-Kunsill fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għall-Anness III.

5.   L-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni jinkludu wkoll n-nefqa meħtieġa sabiex din tiġi terminata, kif elenkat fl-Anness IV.

L-operazzjoni tkun terminata meta t-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni jkunu sabu d-destinazzjoni finali tagħhom u l-kontijiet għall-operazzjoni jkunu ġew imfassla.

6.   L-ebda nefqa li ssir bil-ħsieb li tkopri l-ispejjeż li fi kwalunkwe każ ikunu nġarru minn Stat kontribwent wieħed jew aktar, istituzzjoni Komunitarja jew organizzazzjoni internazzjonali, indipendentement mill-organizzazzjoni ta' operazzjoni, ma tista' tkun eliġibbli bħala spiża komuni.

7.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ li, minħabba ċirkostanzi partikolari, ċerti spejjeż inkrementali diversi minn dawk elenkati fl-Anness III-B għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni waħda partikolari matul il-fażi attiva tagħha.

8.   Il-Kunsill u l-Kumitat Speċjali għandhom jiġu informati mill-Istati Membri, permezz ta' l-amministratur, dwar arranġamenti ta' kondiviżjoni ta' spejjeż li jieħdu sehem fihom fil-kuntest ta' operazzjoni ta' l-UE.

Artikolu 17

Eżerċizzji

1.   L-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzji ta' l-Unjoni Eropea għandhom ikunu finanzjati permezz ta' Athena skond ir-regoli u l-proċeduri simili għal dawk ta' operazzjonijiet li għalihom jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha parteċipanti.

2.   Dawn l-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzju għandhom ikunu magħmula minn, l-ewwelnett, spejjeż inkrementali għall-kwartieri ġenerali li jistgħu jiġu skjerati jew li jkunu fissi, u t-tieni, spejjeż inkrementali li jsiru minn rikors ta' l-UE għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO meta dawn ikunu saru disponibbli għal eżerċizzju.

3.   L-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzju ma għandhomx jinkludu spejjeż relatati ma':

(a)

akkwisti kapitali, inklużi dawk relatati ma' bini, infrastruttura u tagħmir;

(b)

il-fażi preparatorja u l-ippjanar ta' eżerċizzji;

(ċ)

it-trasport, il-kwartieri u l-alloġġi għall-forzi.

Artikolu 18

Ammont ta' referenza

Kwalunkwe azzjoni konġunta li biha l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni ser tmexxi operazzjoni militari u kwalunkwe azzjoni konġunta jew deċiżjoni li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi operazzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' din l-operazzjoni. Bl-appoġġ b'mod partikolari tal-persunal militari ta' l-Unjoni u, jekk hu jkun fil-post, bl-appoġġ tal-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur għandu jevalwa l-ammont meqjus meħieġ sabiex ikopri l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni għall-perijodu ppjanat. L-amministratur għandu jipproponi dan l-ammont permezz tal-Presidenza lill-korpi tal-Kunsill responsabbli għall-eżami ta' l-abbozz ta' l-azzjoni konġunta jew tad-deċiżjoni.

KAPITOLU 6

BAĠIT

Artikolu 19

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit, imfassal fl-euro, huwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistabbilixxi u jawtorizza d-dħul u n-nefqa kollha amministrati minn Athena.

2.   In-nefqa kollha għandha tkun marbuta ma' operazzjoni speċifika, ħlief fejn ikun il-każ għall-ispejjeż elenkati fl-Anness I.

3.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit huma awtorizzati għall-perijodu ta' sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena.

4.   Id-dħul u n-nefqa tal-baġit għandhom jibbilanċjaw.

5.   L-ebda dħul u l-ebda nefqa ma jistgħu jiġu implimentati ħlief bl-allokazzjoni għal intestatura fil-baġit u fil-limitu ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla hemm.

Artikolu 20

Stabbiliment u adozzjoni tal-baġit annwali

1.   Kull sena l-amministratur għandu jfassal abbożż tal-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara, bl-assistenza ta' kull kmandant ta' l-operazzjoni għat-taqsima “spejjeż komuni operattivi”. L-amministratur għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit lill-Kumitat Speċjail sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru.

2.   L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet;

(b)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi għall-operazzjonijiet kurrenti jew ippjanati, anke, fejn ikun il-każ, sabiex jiġu rimborżati l-ispejjeż komuni li jkunu ġew finanzjati minn qabel minn Stat jew parti terza;

(ċ)

previżjoni tad-dħul meħtieġ sabiex ikopri n-nefqa.

3.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għandhom ikunu kklassifikati f'titoli u kapitoli li jirraggruppaw in-nefqa flimkien skond it-tip jew l-għan, subdiviżi kif meħtieġ f'artikoli. Għandhom ikunu inklużi kummenti ddettaljati f'kapitolu jew artikolu fl-abbozz tal-baġit. Għandu jkun iddedikat titolu speċifiku wieħed għal kull operazzjoni. Titolu speċifiku wieħed għandu jkun il-parti ġenerali tal-baġit u għandu jinkludi l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet.

4.   Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet provviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fejn ikun hemm inċertezza, abbażi ta' raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew l-ambitu għall-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla.

5.   Id-dħul għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti u kontribwenti u, fejn ikun il-każ, mill-Istati terzi kontribwenti;

(b)

dħul mixxellanju, subdiviż skond it-titolu, li jinkludi l-imgħax riċevut, id-dħul minn bejgħ u r-riżultat tal-baġit mis-sena finanzjarja preċedenti, wara li dan ikun ġie ddeterminat mill-Kumitat Speċjali.

6.   Il-Kumitat Speċjali għandu japprova l-abbozz tal-baġit sal-31 ta' Diċembru. L-amministratur għandu jadotta l-baġit approvat u jinnotifika l-Istati parteċipanti u kontribwenti.

Artikolu 21

Baġits emendatorji

1.   Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, b'mod partikolari meta tinqala' xi operazzjoni matul is-sena finanzjarja, l-amministratur għandu jipproponi abbozz ta' baġit emendatorju. Jekk l-abbozz ta' baġit emendatorju jaqbeż sostanzjalment l-ammont ta' referenza għall-operazzjoni kkonċernata, il-Kumitat Speċjal jista' jitlob lill-Kunsill sabiex japprovah.

2.   L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u n-notifika tingħata skond l-istess proċedura bħal tal-baġit annwali. Madankollu, meta l-baġit emendatorju jkun marbut mal-varar ta' operazzjoni militari ta' l-Unjoni, dan għandu jkun akkumpanjat minn rendikont finanzjarju dettaljat dwar l-ispejjeż komuni antiċipati għall-operazzjoni intiera. Il-Kumitat Speċjali għandu jiddiskutih b'kont meħud ta' l-urġenza tiegħu.

Artikolu 22

Trasferimenti

1.   Meta jkun il-każ u abbażi ta' proposta mill-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur jista' jagħmel trasferimenti ta' l-approprjazzjonijiet. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali dwar l-intenzjoni tiegħu, sakemm tippermetti l-urġenza tas-sitwazzjoni, mill-inqas ġimgħa waħda minn qabel. Madankollu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Speċjali għandha tkun meħtieġa meta:

(a)

it-trasferiment ippjanat jemenda t-total ta' l-approprjazzjonijiet previsti għal operazzjoni;

jew

(b)

it-trasferimenti ppjanati bejn il-kapitoli matul is-sena finanzjarja jaqbżu 10 % ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-kapitolu li minnu jkunu qed jitfasslu l-approprjazzjonijiet, bħal ma jkun jidher fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja fid-data meta ssir il-proposta għat-trasferiment in kwistjoni.

2.   Meta hu jidhirlu li dan ikun meħtieġ għat-tmexxija xierqa ta' operazzjoni, fit-tliet xhur wara d-data tal-varar ta' l-operazzjoni, il-kmandant ta' l-operazzjoni jista' jagħmel trasferimenti ta' l-approprjazzjonijiet allokati għall-operazzjoni, bejn artikoli u bejn kapitoli fit-taqsima “spejjeż komuni operattivi” tal-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

Artikolu 23

Riportament ta' approprjazzjonijiet

1.   Fil-prinċipju, l-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, li ma jkunux ġew impenjati, jiġu kkanċellati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

2.   L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispiża tal-ħżin ta' materjal u tagħmir amministrat minn Athena jistgħu jiġu riportati darba għas-sena finanzjarja ta' wara, meta jkun sar impenn għal dak l-effett qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja attwali. L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi jistgħu jiġu riportati jekk ikunu meħtieġa għal operazzjoni li ma tkunx ġiet terminata għal kollox.

3.   L-amministratur għandu jippreżenta proposti għar-riportament ta' approprjazzjonijiet mis-sena finanzjarja preċedenti lill-Kumitat Speċjali sal-15 ta' Frar. Dawn il-proposti għandhom jitqiesu approvati sakemm il-Kumitat Speċjali ma jiddeċidix mod ieħor sal-15 ta' Marzu.

Artikolu 24

Implimentazzjoni antiċipata

Ladarba l-baġit annwali jkun ġie approvat, jistgħu jintużaw approprjazzjonijiet sabiex ikopru impenji u pagamenti jekk dawn ikunu meħtieġa operattivament.

KAPITOLU 7

KONTRIBUZZJONIJIET U RIMBORŻI

Artikolu 25

Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet li ma jkunuxx koperti minn dħul mixxellanju għandhom ikunu finanzjati mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri parteċipanti.

2.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u Stati terzi li jikkontribwixxu għall-operazzjoni.

3.   Il-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri kontribwenti għal operazzjoni għandhom ikunu ekwivalenti għall-ammont ta' l-approprjazzjonijiet ta' pagament imdaħħla fil-baġit u maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' dik l-operazzjoni, bit-tnaqqis ta' l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu għall-istess operazzjoni mill-Istati terzi kontribwenti skond l-Artikolu 13.

4.   It-tqassim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li minnhom hi meħtieġa kontribuzzjoni għandu jkun determinat skond l-iskala tal-prodott gross nazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 28(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (3), jew kull deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tieħu postha.

5.   Id-data għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu dawk disposti fil-kolonna “riżorsi proprji tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN)” fit-tabella “Taqsira tal-finanzjament tal-baġit ġenerali bit-tip tar-riżors proprju u minn Stat Membru” annessa ma' l-aħħar baġit adottat mill-Komunitajiet Ewropej. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li minnu kontribuzzjoni hija dovuta għandha tkun proporzjonali għas-sehem tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) ta' dak l-Istat Membru fl-ammont totali tad-DGN ta' l-Istati Membri li minnhom hi dovuta kontribuzzjoni.

Artikolu 26

Skeda għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet

1.   Meta l-Kunsill ikun adotta ammont ta' referenza għal operazzjoni militari ta' l-Unjoni, l-Istati Membri kontribwenti għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fil-livell ta' 30 % ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix fuq persentaġġ ogħla.

2.   Abbażi ta' proposta mill-amministratur, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li ssir sejħa għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali qabel l-adozzjoni ta' baġit emendatorju għall-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill.

3.   Meta l-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi jkunu ddaħħlu fil-baġit, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jagħtu għal dik l-operazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 25 wara tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet diġà msejħa minnhom għall-istess operazzjoni fl-istess sena finanzjarja. Madankollu, meta l-operazzjoni tkun ippjanata li ddum iżjed minn sitt xhur, il-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet għandu jitħallas f'pagamenti ta' kull sitt xhur. F'tali każ, l-ewwel pagament għandu jitħallas fi żmien xahrejn mill-varar ta' l-operazzjoni; it-tieni pagament għandu jitħallas sa data ta' skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kumitat Speċjali waqt li jaġixxi fuq proposta mill-amministratur, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operattivi. Il-Kumitat Speċjali jista' ma jimxix ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

4.   Meta jiġi adottat ammont ta' referenza jew baġit, l-amministratur għandu jibgħat is-sejħiet korrispondenti għal kontribuzzjonijiet permezz ta' ittra lill-amministraturi nazzjonali li d-dettalji tagħhom ikunu ġew komunikati lilu.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn f'din id-Deċiżjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa rilevanti għal kontribuzzjonijiet.

6.   Kull Stat kontribwenti għandu jħallas il-piżijiet bankarji relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjoni proprja tiegħu.

7.   L-amministratur għandu jgħarraf li jkun irċieva l-kontribuzzjonijiet.

Artikolu 27

Finanzjament bikri

1.   Fil-każ ta' operazzjoni ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE, il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu dovuti minn Stati Membri kontribwenti fil-livell ta' l-ammont ta' referenza. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(3), il-ħlasijiet għandhom isiru kif definit hawn taħt.

2.   Għall-għan ta' finanzjament bikri ta' operazzjonijiet ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE, l-Istati Membri parteċipanti għandhom:

(a)

jew iħallsu kontribuzzjoniet lil Athena minn qabel;

(b)

jew, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jmexxi operazzjoni ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE li huma jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha, iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjeż komuni ta' dik l-operazzjoni fi żmien ħamest ijiem wara d-dispaċċ tas-sejħa fil-livell ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

3.   Għall-għan msemmi hawn fuq, il-Kumitat Speċjali, magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru li jkun għażel li jħallas kontribuzzjonijiet minn qabel (minn hawn 'il quddiem “Stati Membri antiċipanti”), għandu jistabbilixxi approprjazzjonijiet provviżorji taħt titolu speċifiku fil-baġit. Dawn l-approprjazzjonijiet provviżorji għandhom jiġu koperti minn kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri antiċipanti fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa għal dawn il-kontribuzzjonijiet.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(3), il-kontribuzzjonijiet dovuti minn Stat Membru antiċipanti għal operazzjoni ta' Risposta Rapida, sal-livell tal-kontribuzzjoni li jkun ħallas lill-approprjazzjonijiet provviżorji msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom ikunu jistgħu jitħallsu fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa. Jista' jitqiegħed ammont simili għad-dispożizzjoni tal-kmandant ta' l-operazzjoni mill-kontribuzzjonijiet mħallsa minn qabel.

5.   Minkejja l-Artikolu 22, kwalunkwe approprjazzjoni provviżorja msemmija taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li hija wżata għal operazzjoni għandha tiġi rifornuta fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru antiċipanti jista' f'ċirkostanzi speċifiċi jawtorizza lill-amministratur sabiex juża l-kontribuzzjoni tiegħu mħallas minn qabel sabiex ikopri l-kontribuzzjoni tiegħu għal operazzjoni li jipparteċipa fiha, ħlief għal operazzjoni ta' Risposta Rapida. Għandu jsir riforniment tal-kontribuzzjoni mħallsa minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

7.   Fejn ikunu meħtieġa fondi għal xi operazzjoni, diversa minn operazzjoni ta' Risposta Rapida, qabel ma jkunu ġew riċevuti kontribuzzjonijiet suffiċjenti għal dik l-operazzjoni, jistgħu jintużaw kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel minn Stati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' dik l-operazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri antiċipanti, sa 50 % ta' l-ammont tagħhom sabiex ikopru kontribuzzjonijiet dovuti għal dik l-operazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel għandhom jiġu rifornuti mill-Istati Membri antiċipanti fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

8.   Minkejja l-Artikolu 33(3), il-kmandant ta' l-operazzjoni jista' jimpenja u jħallas l-ammonti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu.

9.   Kwalunkwe Stat Membru jista' jreġġa' lura l-għażla tiegħu billi jagħti notifika lill-amministratur mill-inqas tliet xhur minn qabel.

Artikolu 28

Rimborż ta' finanzjament minn qabel

1.   Stat Membru, Stat terz jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali li tkun ġiet awtorizzata mill-Kunsill sabiex tiffinanzja minn qabel parti mill-ispejjeż komuni ta' operazzjoni tista' tikseb rimborż minn Athena billi tagħmel talba flimkien mad-dokumenti meħtieġa ta' ġustifikazzjoni u indirizzata lill-amministratur mhux aktat tard minn xahrejn wara d-data tat-tlestija ta' l-operazzjoni kkonċernata.

2.   L-ebda talba għar-rimborż ma tista' tkun onorata jekk din ma tkunx ġiet approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni u mill-amministratur.

3.   Jekk tkun approvata talba għar-rimborż preżentata minn Stat kontribwent, din tista' titnaqqas mis-sejħa għal kontribuzzjonijiet li jkun imiss indirizzata lil dak l-Istat mill-amministratur.

4.   Jekk l-ebda sejħa għall-kontribuzzjonijiet ma tkun antiċipata meta t-talba tiġi approvata, jew jekk it-talba approvata għar-rimborż taqbeż il-kontribuzzjoni antiċipata, l-amministratur għandu jħallas l-ammont li għandu jiġi rimborżat fi żmien 30 jum, b'kont meħud tal-likwidità ta' Athena u ta' dak li jkun jinħtieġ għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni kkonċernata.

5.   Ir-rimborż għandu jkun dovut skond din id-Deċiżjoni wkoll jekk l-operazzjoni tiġi kkanċellata.

Artikolu 29

L-amministrazzjoni minn Athena ta' nfiq mhux inkluż fl-ispejjeż komuni

1.   Abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li t-tmexxija amministrattiva ta' ċerta nefqa fir-rigward ta' operazzjoni, b'mod partikolari fil-qasam ta' appoġġ lill-ħaddiema/preparazzjoni u preżentazzjoni ta' ikel fil-mess u t-tindif tal-ħwejjeġ, filwaqt li tibqa' r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li tikkonċerna, għandha tkun fdata lil Athena.

2.   Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat Speċjali jista' jawtorizza lill-kmandant ta' l-operazzjoni sabiex jidħol f'kuntratti f'isem l-Istati Membri parteċipanti f'operazzjoni, għall-akkwist tal-provvisti deskritti. Huwa jista' jawtorizza li l-baġit ta' Athena jiffinanzja minn qabel in-nefqa mill-Istati Membri jew jiddeċiedi li Athena tiġbor il-fondi meħtieġa mill-Istati Membri minn qabel sabiex tonora l-kuntratti li fihom ikunu daħlu.

3.   Athena għandha żżomm il-kontijiet tan-nefqa sostnuta minn kull Stat Membru li l-amministrazzjoni tagħha tkun fdata biha. Kull xaħar hi għandha tibgħat lil kull Stat Membru rendikont tan-nefqa li tkun sostniet u li tkun saret minnha jew mill-persunal tagħha fix-xahar preċedenti, u għandha ssejjaħ għall-fondi meħtieġa sabiex tħallas għal din in-nefqa. L-Istati Membri għandhom iħallsu lil Athena l-fondi meħtieġa fi żmien 30 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa għall-fondi.

Artikolu 30

Imgħaxijiet fuq ħlas tardiv

1.   Jekk Stat ma jissodisfax l-obbligi finanzjarji tiegħu, għandhom japplikaw b'analoġija r-regoli Komunitarji dwar l-imgħax fuq ħlas tardiv determinati bl-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-baġit Komunitarju.

2.   Meta l-ħlas isir tard b'mhux iżjed minn għaxart ijiem, l-ebda imgħax ma għandu jiġi applikat. Meta ħlas isir tard b'iżjed minn għaxart ijiem, l-imgħaxijiet għandhom japplikaw għad-dewmien kollu.

KAPITOLU 8

IMPLIMENTAZZJONI TAN-NEFQA

Artikolu 31

Prinċipji

1.   L-approprjazzjonijiet ta' Athena għandhom jintużaw skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skond il-prinċipji ta' ekonomija, effikaċja u effiċjenza.

2.   L-uffiċjali awtorizzanti għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul jew tan-nefqa ta' Athena skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità. L-uffiċjali awtorizzanti għandhom jagħmlu impenji baġitarji u legali, jivverifikaw u jawtorizzaw in-nefqa u jwettqu azzjonijiet qabel din l-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet. Uffiċjal awtorizzanti jista' jiddelega d-dmirijiet tiegħu b'deċiżjoni li tiddetermina:

(a)

il-persunal fuq livell xieraq għal tali delegazzjoni;

(b)

il-limitu tas-setgħat konferiti; u

(ċ)

l-ambitu għal benefiċjarji sabiex jissubdelegaw is-setgħat tagħhom.

3.   L-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet skond il-prinċipju ta' segregazzjoni ta' l-uffiċjal awtorizzanti u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandha tkun żgurata. Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli. Kwalunkwe ħlas li jsir mill-fondi amministrati minn Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' uffiċjal awtorizzanti u ta' uffiċjal tal-kontabbiltà.

4.   Mingħajr preġudizzju għal din id-Deċiżjoni, meta l-implimentazzjoni tan-nefqa komuni tkun fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, istituzzjoni jew organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa proprja tagħhom. Meta l-amministratur jimplimenta n-nefqa direttament, din għandha tikkonforma mar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-“Kunsill” tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

5.   Madankollu l-amministratur jista' jipprovdi lill-Presidenza b'elementi għal proposta lill-Kunsill jew lill-Kumitat Speċjali dwar regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni.

6.   Il-Kumitat Speċjali jista' japprova regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni li jmorru lil hinn mill-paragrafu 4.

Artikolu 32

Spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet

L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet.

Artikolu 33

Spejjeż komuni operattivi

1.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda. Madankollu, l-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi li jkunu saru matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni speċifika, li huma implimentati direttament minn Athena, jew relatati ma' l-operazzjoni wara t-tmiem tal-fażi attiva tagħha.

2.   Is-somom meħtiġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa fuq operazzjoni għandhom ikunu trasferiti mill-kont bankarju ta' Athena mill-amministratur għall-kmandant ta' l-operazzjoni, fuq it-talba tiegħu, fil-kont bankarju miftuħ f'isem Athena, li tieghu l-kmandant ta' l-operazzjoni jkun ipprovda d-dettalji.

3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(5), l-adozzjoni ta' l-ammont ta' referenza għandha tattiva d-dritt ta' l-amministratur u tal-kmandant ta' l-operazzjoni, kull wieħed fil-qasam tiegħu ta' kompetenza, sabiex jintrabat li jħallas l-ispejjeż għall-operazzjoni kkonċernata sa 30 % ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jistabbilixxix persentaġġ ogħla. Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur, jista' jiddeċiedi li jsir impenn għal, u titħallas, nefqa addizzjonali. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill permezz tal-Presidenza. Din id-deroga m'għandhiex tapplika aktar wara d-data ta' l-adozzjoni ta' baġit għall-operazzjoni kkonċernata.

4.   Matul il-perijodu qabel l-adozzjoni ta' baġit għal operazzjoni, l-amministratur u l-kmandant ta' l-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Speċjali kull xahar, kull wieħed jirrapporta fuq il-materji li jikkonċernaw lilu, fir-rigward ta' l-ispejjeż li jkunu eliġibbli bħala spejjeż komuni għal dik l-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur, kmandant ta' l-operazzjoni jew Stat Membru, jista' joħroġ direttivi dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa matul dan il-perijodu.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(5), fil-każ ta' periklu imminenti għall-ħajjiet tal-persunal involuti f'operazzjoni militari ta' l-Unjoni, il-kmandant ta' l-operazzjoni għal dik l-operazzjoni jista' jimplimenta n-nefqa meħtieġa sabiex isalva l-ħajjiet ta' dak il-persunal, aktar mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali malajr kemm jista' jkun. F'dan il-każ, filwaqt li jikkomunika mal-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur għandu jipproponi t-trasferimenti meħtieġa sabiex tiġi finanzjata din in-nefqa mhux mistennija. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal tali nefqa permezz ta' trasferiment, l-amministratur għandu jipproponi baġit emendatorju.

KAPITOLU 9

DESTINAZZJONI FINALI TAT-TAGĦMIR U TA' L-INFRASTRUTTURA FINANZJATI B'MOD KOMUNI

Artikolu 34

1.   Bil-ħsieb tat-terminazzjoni ta' l-operazzjoni li hu jkun ikkmanda, il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jaġixxi kif meħtieġ sabiex isib destinazzjoni finali għat-tagħmir u infrastruttura akkwistata b'mod komuni għal dik l-operazzjoni. Hu għandu jipproponi lill-Kumitat Speċjali r-rata rilevanti ta' deprezzament kif meħtieġ.

2.   L-amministratur għandu jamministra t-tagħmir u l-infrastruttura li jibqa' wara t-tmiem tal-fażi attiva ta' l-operazzjoni, bil-ħsieb, jekk ikun meħtieġ, li jsib id-destinazzjoni finali tagħha. Hu għandu jipproponi lill-Kumitat Speċjali r-rata rilevanti ta' deprezzament kif meħtieġ.

3.   Ir-rata ta' deprezzament għat-tagħmir, infrastruttura u assi oħrajn għandha tkun approvata mill-Kumitat Speċjali mill-aktar fis possibli.

4.   Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u infrastruttura finanzjati b'mod komuni għandha tkun approvata mill-Kumitat Speċjali, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' l-operazzjoni u l-kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun kif ġej:

(a)

fil-każ ta' l-infrastruttura, tinbiegħ jew tiġi trasferita permezz ta' Athena lill-pajjiż ospitant, lil Stat Membru jew lil parti terza;

(b)

fil-każ ta' tagħmir, jinbiegħ permezz ta' Athena lil Stat Membru, lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza, jew ikun maħżun u miżmum minn Athena, Stat Membru jew parti terza.

5.   It-tagħmir u l-infrastruttura għandhom jinbiegħu lil Stat kontribwenti, lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza għall-valur fis-suq tagħhom, jew, fejn l-ebda valur fis-suq ma jkun jista' jiġi determinat, b'kont meħud tar-rata rilevanti ta' deprezzament.

6.   Il-bejgħ jew trasferiment lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza għandu jkun skond ir-regoli tas-sigurtà fis-seħħ, partikolarment fi ħdan il-Kunsill, l-Istati kontribwenti jew in-NATO, skond il-każ.

7.   Meta jkun deċiż li Athena għandha żżomm it-tagħmir akkwistat għal operazzjoni, l-Istati Membri kontribwenti jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju mill-Istati Membri l-oħra parteċipanti. Il-Kumitat Speċjali, magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, għandu jieħu d-deċiżjonijiet xierqa abbażi ta' proposta mill-amministratur.

KAPITOLU 10

KONTABBILTÀ U INVENTARJU

Artikolu 35

Prinċipji

Meta l-implimentazzjoni tan-nefqa komuni tkun ġiet fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, istituzzjoni jew organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li huma applikabbli għall-kontabbiltà tan-nefqa u l-inventarju tagħhom stess.

Artikolu 36

Kontabbiltà għal spejjeż komuni operattivi

Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jżomm il-kontijiet ta' trasferimenti riċevuti minn Athena, tan-nefqa li hu jkun għamel u tal-ħlasijiet li jkunu saru, kif ukoll inventarju tal-proprjetà mobbli finanzjata mill-baġit ta' Athena u użata għall-operazzjoni li hu jikkmanda.

Artikolu 37

Kontijiet konsolidati

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jżomm il-kontijiet ta' kontribuzzjonijiet imsejħa u ta' trasferimenti li jkunu saru. Hu għandu wkoll ifassal il-kontijiet għall-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, u għan-nefqa operattiva implimentata taħt ir-responsabbiltà diretta ta' l-amministratur.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jfassal il-kontijiet konsolidati għad-dħul u n-nefqa ta' Athena. Kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jibgħat il-kontijiet tiegħu għan-nefqa li hu jkun għamel u l-ħlasijiet li hu jkun għamel, kif ukoll għall-finanzjament minn qabel li hu jkun approva sabiex ikopri l-ispejjeż komuni operattivi li hu jikkmanda.

KAPITOLU 11

VERIFIKA U PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET

Artikolu 38

Rapporti regolari lill-Kumitat Speċjali

Kull tliet xhur, l-amministratur għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa matul it-tliet xhur preċedenti u mill-bidu tas-sena finanzjarja. Għal dan il-għan, kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jipprovdi lill-amministratur fi żmien suffiċjenti rapport dwar in-nefqa relatata ma' l-ispejjeż komuni operattivi ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda.

Artikolu 39

Verifika tal-kontijiet

1.   Meta l-implimentazzjoni tan-nefqa ta' Athena tkun fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li japplikaw għall-verifika tan-nefqa proprja tagħhom.

2.   Madankollu, l-amministratur jew persuni maħtura minnu jistgħu, fi kwalunkwe żmien, iwettqu verifika ta' l-ispejjeż komuni ta' Athena li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, jew l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni. Barra minn dan, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, il-Kumitat Speċjali jista', fi kwalunkwe żmien, jaħtar awdituri esterni, u jistabbilixxi l-kompiti u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tagħhom.

3.   Bil-għan li jsiru verifiki esterni, għandu jkun stabbilit kulleġġ ta' sitt membri ta' awdituri. Kull sena, il-Kumitat Speċjali għandu jaħtar mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara żewġ membri għal perijodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba, minn kandidati proposti mill-Istati Membri. Il-Kumitat Speċjali jista' jestendi mandat ta' membru sa mhux aktar minn 6 xhur. Il-kandidati għandhom ikunu membri ta' korp nazzjonali ta' verifika fi Stat Membru u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Huma għandhom ikunu disponibbli sabiex iwettqu kompiti f'isem Athena kif meħtieġ. Waqt li jkunu qed iwettqu dawn il-kompiti:

(a)

il-membri tal-kulleġġ għandhom jibqgħu jitħallsu mill-korp ta' verifika ta' l-oriġini tagħhom u minn Athena għandhom jirċievu biss ir-rimborż ta' l-ispejjeż tal-missjoni tagħhom skond ir-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' grad ekwivalenti;

(b)

huma la għandhom jitolbu u lanqas jirċievu istruzzjonijiet ħlief mill-Kumitat Speċjali; fi ħdan il-mandat tagħhom tal-verifika, il-Kulleġġ ta' l-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u esklussivament responsabbli għat-tmexxija tal-verifika esterna;

(ċ)

huma għandhom jirrapportaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Kumitat Speċjali biss;

(d)

huma għandhom jivverifikaw matul is-sena finanzjarja kif ukoll ex post, permezz ta' kontrolli fuq il-post kif ukoll tad-dokumenti ta' ġustifikazzjoni, li n-nefqa finanzjata jew pre-finanzjata permezz ta' Athena tkun implimentata skond il-leġislazzjoni applikabbli u l-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skond il-prinċipji ta' ekonomija, effikaċja u effiċjenza, u li l-kontrolli interni jkunu adegwati.

Kull sena, il-Kulleġġ ta' l-awdituri għandu jeleġgi sabiex ibiddel jew jestendi l-ħatra tal-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-verifiki mwettqa mill-membri tiegħu skond l-ogħla standards internazzjonali. Il-Kulleġġ ta' l-Awdituri għandu japprova r-rapporti tal-verifiki mfassla mill-membri tiegħu qabel ma dawn jingħataw lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali.

4.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ u fuq motivazzjonijiet speċifiċi sabiex juża korpi esterni oħrajn.

5.   Qabel ma jwettqu l-kompitu tagħhom, il-persuni responsabbli għall-verifika tan-nefqa ta' Athena għandhom ikunu rċevew permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata sa mill-inqas il-livell “Secret UE” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Stat Membru jew in-NATO, skond il-każ. Dawk il-persuni għandhom jiżguraw li huma jirrispettaw il-konfidenzjalità ta' l-informazzjoni u jipproteġu d-data li tagħha jiskbu konoxxenza waqt il-kompitu tagħhom ta' verifika, skond ir-regoli applikabbli għal dik l-informazzjoni u data.

6.   L-amministratur u l-persuni responsabbli għall-verifika tan-nefqa ta' Athena għandhom ikollhom aċċess mingħajr dewmien u mingħajr ma jagħtu avviż minn qabel għad-dokumenti u l-kontenut ta' l-ġustifikazzjonijiet kollha tad-data relatati ma' dik in-nefqa, u għas-siti fejn jinżammu dawk id-dokumenti u ġustifikazzjonijiet. Huma jistgħu jagħmlu kopji. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tan-nefqa ta' Athena għandhom jagħtu lill-amministratur u lill-persuni responsabbli għall-verifika ta' dik in-nefqa l-assistenza meħtieġa fit-twettiq tal-kompitu tagħhom.

7.   L-ispiża tal-verifiki mwettqa minn awdituri li jaġixxu f'isem Athena għandha tkun ikkunsidrata bħala spiża komuni li għandha tiġi sostnuta minn Athena.

Artikolu 40

Preżentazzjoni annwali tal-kontijiet

1.   Kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' Athena sal-31 ta' Marzu wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, jew fi żmien erba' xhur wara t-tmiem ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda, skond liema hi l-aktar bikrija, bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet annwali għall-ispejjeż komuni, il-kontijiet annwali għan-nefqa finanzjata minn qabel u rimborżata skond l-Artikolu 29 u r-rapport annwali ta' attività.

2.   L-amministratur, bl-assistenza ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà u kull kmandant ta' l-operazzjoni, għandu jistabbilixxi u jipprovdi lill-Kumitat Speċjali u lill-Kulleġġ ta' l-awdituri, sat-30 ta' April wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, il-kontijiet annwali provviżorji u r-rapport annwali ta' attività.

3.   Sal-31 ta' Lulju wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, il-Kumitat Speċjali għandu jkun provdut mill-Kulleġġ ta' l-Awdituri b'rapport ta' verifika annwali u mill-amministratur, assistit mill-uffiċjal tal-kontabbiltà u minn kull kmandant ta' l-operazzjoni, bil-kontijiet annwali finali ta' Athena. Sat-30 ta' Settembru wara t-tmiem tas-sena finanzjarja l-Kumitat Speċjali għandu jeżamina l-kontijiet annwali fid-dawl tar-rapport ta' verifika tal-Kulleġġ, bil-ħsieb li jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant ta' l-operazzjoni.

4.   Il-kontijiet u l-inventarji kollha għandhom jinżammu, kull wieħed fil-livell tiegħu, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà u minn kull kmandant ta' l-operazzjoni għal perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha jkun ingħata r-rilaxx korrispondenti.

5.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi li jdaħħal il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għal sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet jkunu ġew approvati fil-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara, bħala dħul jew nefqa u dan skond iċ-ċirkostanzi, permezz ta' baġit emendatorju.

6.   Dik il-parti tal-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għal sena finanzjarja li tiġi mill-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri parteċipanti.

7.   Dik il-parti tal-bilanċ tar-riżultat tal-baġit li tiġi mill-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni partikolari għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri li jkunu kkontribwixxew għal dik l-operazzjoni.

8.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati.

9.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena kull Stat Membru li jipparteċipa f'operazzjoni għandu jipprovdi informazzjoni fuq bażi volontarja lill-amministratur fejn ikun il-każ permezz tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni, dwar l-ispejjeż inkrementali li jkun għamel għall-operazzjoni matul is-sena finanzjarja preċedenti. Din l-informazzjoni għandha titqassam sabiex turi l-elementi prinċipali tan-nefqa. L-amministratur għandu jiġbor din l-informazzjoni sabiex jipprovdi lill-Kumitat Speċjali b'idea ġenerali ta' l-ispejjeż inkrementali ta' l-operazzjoni.

Artikolu 41

Preżentazzjoni tal-kontijiet ta' operazzjoni

1.   Meta tkun ġiet kompluta operazzjoni, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, li l-amministratur, bl-assistenza ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà u tal-kmandant ta' l-operazzjoni, għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali l-kontijiet ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ għal dik l-operazzjoni, mill-inqas sad-data li fiha kienet kompluta, u, jekk possibli, sad-data li fiha tkun ġiet terminata. L-iskadenza imposta fuq l-amministratur ma tistax tkun inqas minn erba' xhur mid-data li fiha tkun ġiet kompluta l-operazzjoni.

2.   Jekk fiż-żmien l-iskadenza mogħtija, il-kontijiet ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ ma jistgħux jinkludu d-dħul u n-nefqa konnessi mat-terminazzjoni ta' dik l-operazzjoni, allura dak id-dħul u dik in-nefqa għandhom jidhru fil-kont annwali ta' l-amministrazzjoni u fil-karta tal-bilanċ għal Athena u għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat Speċjali b'konnessjoni mal-preżentazzjoni annwali tal-kontijiet.

3.   Il-Kumitat Speċjali għandu japprova l-kont ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ għal dik l-operazzjoni li jkunu ġew preżentati lilu. Huwa għandu jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant ta' l-operazzjoni għall-operazzjoni in kwistjoni.

4.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati.

KAPITOLU 12

RESPONSABBILTA' LEGALI

Artikolu 42

1.   Il-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà dixxiplinari jew kriminali tal-kmandant ta' l-operazzjoni, ta' l-amministratur u ta' persunal ieħor provdut partikolarment mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew minn Stati Membri fil-każ ta' kondotta skorretta jew ta' negliġenza fl-implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu regolati mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-arranġamenti applikabbli għalihom. Addizzjonalment, Athena tista' fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' Stat kontribwent iġġib azzjoni ċivili kontra l-persunal imsemmi hawn fuq.

2.   Fl-ebda każ ma jistgħu l-Komunitajiet Ewropej jew is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti bħala riżultat tal-prestazzjoni tad-dmirijiet tagħhom mill-amministratur, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà jew mill-persunal assenjat lilhom.

3.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali li tista' tirriżulta minn kuntratti konklużi fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għandha tkun koperta permezz ta' Athena mill-Istati kontribwenti. Din għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratti in kwistjoni.

4.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, kull dannu kkawżat mill-kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni, il-kwartieri ġenerali tal-forzi u l-kwartieri ġenerali komponenti ta' l-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom għandu jkun kopert permezz ta' Athena mill-Istati kontribwenti, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri u r-Regolamentu tal-Persunal tal-forzi, applikabbli fil-post ta' l-operazzjonijiet.

5.   Fl-ebda każ ma jistgħu l-Komunitajiet Ewropej jew l-Istati Membri jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti għal kuntratti konklużi fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tal-baġit jew għal dannu kkawżat mill-unitajiet u dipartimenti ta' l-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 43

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha, għandha tiġi riveduta wara kull operazzjoni u mill-inqas kull 18-il xahar. L-ewwel reviżjoni għandha ssir mhux aktar tard mit-tmiem ta' l-2004. Il-korpi ta' l-amministrazzjoni ta' Athena għandhom jikkontribwixxu għal tali reviżjonijiet.

Artikolu 44

Taħsir

Id-Deċiżjoni 2004/197/PESK hija b'dan imħassra.

Ir-referenzi magħmula għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu meqjusa bħala magħmula għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VI.

Artikolu 45

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 46

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 14 ta' Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/91/PESK (ĠU L 41, 13.2.2007, p. 11).

(2)  Ara l-Anness V.

(3)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS I

Spejjeż komuni sostnuti minn Athena kull meta jsiru

F'każijiet meta l-ispejjeż komuni li ġejjin ma jkunux jistgħu jiġu marbuta direttament ma' operazzjoni speċifika, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jalloka l-approprjazzjonijiet korrispondenti mal-parti ġenerali tal-baġit annwali. Sa fejn ikun possibli, dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fl-artikoli li juru l-operazzjoni li magħha jkunu l-aktar relatati.

1.

In-nefqa tal-missjoni li ssir mill-kmandant ta' l-operazzjoni u l-persunal tiegħu għall-preżentazzjoni tal-kontijiet ta' operazzjoni lill-Kumitat Speċjali

2.

L-indennizzi għal danni u spejjeż li jirriżultaw minn pretensjonijiet u azzjonijiet li jkollhom jitħallsu permezz ta' Athena

3.

L-ispejjeż skond kwalunkwe deċiżjoni sabiex jinħażen materjal li jkun inkiseb b'mod komuni għal operazzjoni (fejn dawn l-ispejjeż ikunu attribwiti għall-parti ġenerali tal-baġit annwali, għandha tkun indikata rabta ma' operazzjoni speċifika).

Barra minn dan il-parti ġenerali tal-baġit annwali għandha tinkludi approprjazzjonijiet, fejn meħtieġ, sabiex ikopru l-ispejjeż komuni, li ġejjin, f'operazzjonijiet li għall-finanzjament tagħhom jikkontribwixxu l-Istati Membri parteċipanti:

1.

Spejjeż bankarji

2.

Spejjeż tal-verifika

3.

Spejjeż komuni relattivi għall-fażi preparatorja ta' operazzjoni kif definit fl-Anness II.


ANNESS II

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi preparatorja ta' operazzjoni sostnuti minn Athena

L-ispejjeż inkrementali ta' trasport u ta' akkomodazzjoni meħtieġa għal missjonijiet esploratorji u għal preparazzjonijiet (b'mod partikolari missjonijiet ta' stħarriġ u tkixxif) minn forzi militari bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika ta' l-Unjoni.

Servizzi mediċi: l-ispiża ta' evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac) ta' persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'missjonijiet esploratorji u preparazzjonijiet minn forzi militari bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika ta' l-Unjoni, meta ma jkunx jista' jiġi pprovdut trattament mediku fil-post ta' l-operazzjoni.


ANNESS III

III-A

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi attiva ta' operazzjonijiet sostnuti dejjem minn Athena

Għal kwalunkwe operazzjoni militari ta' l-Unjoni, Athena ser terfa' bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż inkrementali meħtieġa għall-operazzjoni definita hawn taħt.

1.

L-ispejjeż inkrementali għall-kwartieri ġenerali (li jistgħu jiġu skjerati jew li huma fissi) għal operazzjonijiet jew eżerċizzji mmexxija mill-UE

(a)

Kwartieri ġenerali (HQ):

Kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni, kwartieri ġenerali tal-forza u Kwartieri ġenerali komponenti.

(b)

Kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni (OHQ):

Il-kwartieri ġenerali statiċi u barra miż-żona tal-kmandant ta' l-operazzjoni, li huma responsabbli għall-kostruzzjoni, varar, sosteniment u rkupru ta' forza ta' l-UE

Id-definizzjoni ta' l-ispejjeż komuni applikabbli għal OHQ għal operazzjoni għandha tkun appikabbli wkoll għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u ATHENA sa fejn dawn jaġixxu direttament għal dik l-operazzjoni

(ċ)

Kwartieri ġenerali tal-forza (FHQ):

Il-kwartieri ġenerali ta' forza ta' l-UE skjerata għaż-żona ta' l-operazzjonijiet.

(d)

Kwartieri ġenerali komponenti (CCHQ):

Il-kwartieri ġenerali tal-kmandant ta' komponent ta' l-UE skjerat għall-operazzjoni (jiġifieri kmandanti ta' l-ajru, ta' l-art, dawk marittimi u dawk b'funzjonijiet speċifiċi oħrajn li jistgħu jitqiesu meħtieġa li jinħatru skond in-natura ta' l-operazzjoni).

(e)

Spejjeż tat-trasport:

It-trasport lejn u mill-post ta' l-operazzjonijiet għall-iskjerament, sosteniment u rkupru ta' FHQs u CCHQs; l-ispejjeż tat-trasport li jsiru mill-OHQ meħtieġa għal operazzjoni.

(f)

Amministrazzjoni:

Uffiċċju addizzjonali u t-tagħmir għall-akkomodazzjoni, is-servizzi u u l-utilitajiet kuntrattwali, l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-bini.

(g)

Persunal reklutat lokalment:

Persunal pajżan, konsulenti internazzjonali u persunal (nazzjonali u espatrijati) reklutat lokalment meħtieġa għat-tmexxija ta' l-operazzjoni oltre r-rekwiżiti operattivi normali (inkluż kwalunkwe ħlas għall-kumpens tas-sahra).

(h)

Komunikazzjonijiet:

In-nefqa kapitali għax-xiri u l-użu ta' komunikazzjonijiet addizzjonali u tagħmir ta' l-IT u l-ispejjeż għal servizzi mogħtija (kera u manutenzjoni ta' modems, linji tat-telefon, satphones, cryptofax, linji siguri, fornituri ta' l-internet, linji ta' data, local area networks).

(i)

Trasport/vjaġġar (esklużi l-ispejjeż “per diem”) fiż-żona ta' l-operazzjonijiet ta' l-HQs:

In-nefqa relatata mat-trasport ta' vetturi u vjaġġar ieħor b'mezzi oħrajn u l-ispejjeż tal-ġarr, inkluż vjaġġar minn rinforzi nazzjonali u viżitaturi; l-ispejjeż inkrementali ta' karburant oltre l-ispiża ta' operazzjonijiet normali; il-kera ta' vetturi addizzjonali; l-ispejjeż ta' vjaġġi uffiċjali bejn il-lokalità operattiva u Brussel u/jew laqgħat organizzati mill-UE; l-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni ta' partijiet terzi imposti minn xi pajjiżi fuq organizzazzjonijiet internazzjonali li jmexxu operazzjonijiet fit-territorju tagħhom.

(j)

Kwartieri u alloġġ/infrastruttura:

In-nefqa għall-akkwist, kiri jew ridekorazzjoni ta' faċilitajiet ta' HQ meħtieġa fil-post ta' l-operazzjoni (kiri ta' bini, shelters, tined), jekk meħtieġ.

(k)

Informazzjoni pubblika:

L-ispejjeż relatati ma' kampanji ta' informazzjoni u sabiex il-media tiġi informata f'OHQ u FHQ, skond l-istrateġija ta' l-informazzjoni żviluppata mill-HQ operattivi.

(l)

Rappreżentazzjoni u ospitalità:

L-ispejjeż għar-rappreżentazzjoni; l-ispejjeż fil-livell ta' HQ meħtieġa għat-tmexxija ta' operazzjoni.

2.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru sabiex jiġi provdut appoġġ għall-forza fl-intier tagħha:

L-ispejjeż definiti hawn taħt huma dawk li jsiru bħala konsegwenza ta' l-iskjerament tal-forza fil-lokalità tagħha:

(a)

xogħlijiet għall-iskjerament/infrastruttura:

in-nefqa assolutament meħtieġa sabiex il-forza fl-intier tagħha twettaq il-missjoni tagħha (ajruport, linji tal-ferrovija, portijiet, toroq, inklużi punti ta' l-iżbark u żoni avvanzati ta' l-assemblea li jkunu użati b'mod komuni; forniment ta' l-enerġija u ilma, protezzjoni tal-forza statika, faċilitajiet tal-ħżin, postijiet tal-parkeġġ; appoġġ ta' l-inġinerija);

(b)

marki ta' identifikazzjoni:

marki speċifiċi ta' identifikazzjoni, karti ta' l-identità ta' l-“Unjoni Ewropea”, badges, medalji, bnadar bil-kuluri ta' l-Unjoni Ewropea jew marki ta' identità oħrajn tal-Forza jew ta' l-identifikazzjoni ta' l-HQ (esklużi ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet);

ċ)

servizzi mediċi:

evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac).

3.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru mir-rikors ta' l-UE għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-UE.

L-ispiża għall-Unjoni Ewropea ta' l-applikazzjoni għal waħda mill-operazzjonijiet militari tagħha ta' l-arranġamenti bejn l-UE u n-NATO relatata mar-rilaxx, monitoraġġ u ritorn jew sejħa mill-ġdid ta' l-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-UE. Rimborżi min-NATO lill-UE.

4.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru mill-UE għal merkanzija, servizzi jew xogħlijiet inklużi fil-lista ta' spejjeż komuni u magħmula disponibbli f'operazzjoni mmexxija mill-UE minn Stat Membru, istituzzjoni ta' l-UE, Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali skond arranġament imsemmi fl-Artikoli 11 u 12. Ir-rimborżi minn stat, istituzzjoni ta' l-UE jew organizzazzjoni internazzjonali bbażati fuq tali arranġament.

III-B

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi attiva ta' operazzjoni speċifika, sostnuti minn Athena meta l-Kunsill jiddeċiedi hekk

Spejjeż tat-trasport:

It-trasport lejn u mill-post ta' l-operazzjonijiet sabiex jiġu skjerati, mantenuti u rkuprati l-forzi meħtiġa għall-operazzjoni.

Kwartieri u alloġġ/infrastruttura:

In-nefqa għall-akkwist, kiri jew ridekorazzjoni ta' bini fil-post ta' l-operazzjoni (kiri ta' bini, shelters, tined), kif meħtieġ għall-forzi skjerati għall-operazzjoni.

Il-kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-Task-force:

Il-kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-task-forces ta' l-UE skjerati fiż-żona ta' l-operazzjoni.

Kisba ta' informazzjoni:

Il-kisba ta' informazzjoni (immaġini satellitari, intelligence fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni, tkixxif u sorveljanza (ISR), anke Sorveljanza Ajru-Art (AGSR); intelligence umana).

III-Ċ

Spejjeż komuni operattivi sostnuti minn Athena meta mitluba mill- Kmandant ta' l-Operazzjoni u approvati mill-Kumitat Speċjali

(a)

tagħmir addizzjonali essenzjali: il-kiri jew xiri matul l-operazzjoni ta' tagħmir speċifiku mhux previst li jkun essenzjali għall-eżekuzzjoni ta' l-operazzjoni, sa fejn it-tagħmir mixtri ma jkunx ripatrijat fi tmiem il-missjoni;

(b)

servizzi mediċi: Rwoli 1, 2, u 3 faċilitajiet fil-post ta' l-operazzjoni;

(ċ)

kisba ta' informazzjoni: kisba ta' informazzjoni (immaġini satellitari, intelligence fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni, tkixxif u sorveljanza (ISR), anke Sorveljanza Ajru-Art (AGSR); intelligence umana);

(d)

kapaċitajiet kritiċi oħrajn fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni: kapaċitajiet fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni (tneħħija ta' mini fil-post ta' l-operazzjoni sa fejn din tkun meħtieġa għall-operazzjoni; protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); faċilitajiet tal-ħżin u l-forniment ta' karburant; ħżin u distruzzjoni ta' armi u munizzjon miġbura fiż-żona ta' l-operazzjoni), skond l-Azzjoni Konġunta.


ANNESS IV

Spejjeż komuni operattivi relattivi għat-terminazzjoni ta' operazzjoni, li jinġarru minn Athena

L-ispejjeż li jkunu saru sabiex tinstab id-destinazzjoni finali għat-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni.

L-ispejjeż inkrementali għat-tfassil tal-kontijiet għall-operazzjoni. L-ispejjeż komuni eliġibbli għandhom ikunu determinati skond l-Anness III, b'kont meħud tal-fatt li l-persunal li jkun meħtieġ sabiex jitfasslu l-kontijiet jappartjeni għall-kwartieri ġenerali għal dik l-operazzjoni, ukoll wara li dan ta' l-aħħar ikun temm l-attivitajiet tiegħu.


ANNESS V

Id-Deċiżjoni mħassra bl-emendamenti suċċessivi tagħha

Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK

(ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/925/PESK

(ĠU L 395, 31.12.2004, p. 68)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/68/PESK

(ĠU L 27, 29.1.2005, p. 59)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/91/PESK

(ĠU L 41, 13.2.2007, p. 11)


ANNESS VI

Tabella ta' korrelazzjoni

Deċiżjoni 2004/197/PESK

Din id-Deċiżjoni

Artikoli 1 sa 10

Artikoli 1 sa 10

Artikolu 10a

Artikolu 11

Artikolu 10b

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14(1) sa (3)

Artikolu 16(1) sa (3)

Artikolu 14(3a)

Artikolu 16(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 16(5)

Artikolu 14(5)

Artikolu 16(6)

Artikolu 14(6)

Artikolu 16(7)

Artikolu 14(7)

Artikolu 16(8)

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Artikolu 17

Artikolu 19

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 20

Artikolu 22

Artikolu 21

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 24

Artikolu 23

Artikolu 25

Artikolu 24(2)

Artikolu 26(1)

Artikolu 24(3)

Artikolu 26(2)

Artikolu 24(4)

Artikolu 26(3)

Artikolu 24(5)

Artikolu 26(4)

Artikolu 24(6)

Artikolu 26(5)

Artikolu 24(7)

Artikolu 26(6)

Artikolu 24(8)

Artikolu 26(7)

Artikolu 25(1) sa (6)

Artikolu 27(1) sa (6)

Artikolu 25(9)

Artikolu 27(7)

Artikolu 25(7)

Artikolu 27(8)

Artikolu 25(8)

Artikolu 27(9)

Artikolu 26

Artikolu 28

Artikolu 27

Artikolu 29

Artikolu 28

Artikolu 30

Artikolu 29

Artikolu 31

Artikolu 30

Artikolu 32

Artikolu 31

Artikolu 33

Artikolu 32

Artikolu 34

Artikolu 33

Artikolu 35

Artikolu 34

Artikolu 36

Artikolu 35

Artikolu 37

Artikolu 36

Artikolu 38

Artikolu 37(1) u (2)

Artikolu 39(1) u (2)

Artikolu 37(4)

Artikolu 39(3)

Artikolu 37(5)

Artikolu 39(4)

Artikolu 37(6)

Artikolu 39(5)

Artikolu 37(7)

Artikolu 39(6)

Artikolu 37(8)

Artikolu 39(7)

Artikolu 38(1) u (2)

Artikolu 40(1) u (2)

Artikolu 38(2a)

Artikolu 40(3)

Artikolu 38(3)

Artikolu 40(4)

Artikolu 38(4)

Artikolu 40(5)

Artikolu 38(5)

Artikolu 40(6)

Artikolu 38(6)

Artikolu 40(7)

Artikolu 38(7)

Artikolu 40(8)

Artikolu 38(8)

Artikolu 40(9)

Artikolu 39

Artikolu 41

Artikolu 40

Artikolu 42

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 44

Artikolu 43, l-ewwel sentenza

Artikolu 45

Artikolu 43, it-tieni sentenza

Artikolu 46

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 2

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 1

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 3

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 2

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 5

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 3

Anness I, it-tieni subparagrafu

Anness I, it-tieni subparagrafu

Annessi II sa IV

Annessi II sa IV

Anness V

Anness VI


Top