EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1922

Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

OJ L 403, 30.12.2006, p. 9–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 007 P. 163 - 171
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 007 P. 163 - 171
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 013 P. 155 - 163

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/01/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1922/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


REGOLAMENT (KE) NRU 1922/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Diċembru 2006

li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 13(2) u 141(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, (1)

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu l-projbizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess u jipprovdu li għandha tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha.

(2)

L-Artikolu 2 tat-Trattat jipprovdi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija wieħed mill-kompiti essenzjali tal-Komunità. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jitlob lill-Komunità biex timmira lejn l-eliminazzjoni ta' l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha u b'hekk tiżgura l-integrazzjoni tad-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politika Komunitarja kollha.

(3)

L-Artikolu 13 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jieħu azzjoni xierqa biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni inter alia abbażi ta' sess fl-oqsma kollha tal-kompetenza Komunitarja.

(4)

Il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'materji ta' impjieg u xogħol huwa mnaqqax fl-Artikolu 141 tat-Trattat u diġà hemm korp komprensiv ta' leġislazzjoni dwar it-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluż paga ndaqs.

(5)

L-ewwel rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2004 ikkonkluda li jeżistu distakki sinifikanti bejn is-sessi fil-biċċa l-kbira ta' l-oqsma ta' politika; li l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija fenomenu multi-dimensjonali li għandu jiġi trattat b'taħlita komprensiva ta' miżuri politiċi u li jenħtieġu sforzi msaħħa biex jintlaħqu l-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7 sad-9 ta' Diċembru 2000 sejjaħ għal “Għarfien akbar, ġbir kollettiv ta' riżorsi u l-iskambju ta' esperjenza, b'mod partikolari permezz ta' l-istabbiliment ta' Istitut Ewropew għall-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi”.

(7)

L-istudju ta' vijabbilità (3) li twettaq għall-Kummissjoni kkonkluda li jeżisti rwol ċar għal Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex iwettaq uħud mill-kompiti li m'humiex trattati attwalment mill-istituzzjonijiet eżistenti, speċifikament fl-oqsma ta' koordinazzjoni, ċentralizzazzjoni u tixrid ta' data u informazzjoni ta' riċerka, l-iżvilupp ta' network, ħidma biex tiżdied il-viżibbiltà ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, is-sottolinejar tal-perspettiva tas-sessi u l-iżvilupp ta' għodod għal integrazzjoni mtejba ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika Komunitarja kollha.

(8)

Il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-Politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4), sejjaħ lill-Kummissjoni biex tgħaġġel l-isforzi tagħha li jwasslu għall-istabbiliment ta' Istitut.

(9)

Il-Kunsill ta' Impjieg, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur ta' l-1 sat-2 ta' Ġunju 2004 u l-Kunsill Ewropew tas-17 sat-18 ta' Ġunju 2004 appoġġaw l-istabbiliment ta' Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta speċifika.

(10)

Il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' informazzjoni u data oġġettiva, affidabbli u paragunabbli dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-iżvilupp ta' għodda xierqa għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fl-oqsma kollha tal-politika, il-promozzjoni ta' djalogu fost il-partijiet interessati u t-titjib ta' l-għarfien fost iċ-ċittadini ta' l-UE huma meħtieġa sabiex jippermettu lill-Komunità biex tippromwovi u timplimenta b'mod effettiv il-politika ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari f'Unjoni wara t-tkabbir. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, li jkun jassisti l-Istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri billi jwettaq dawk il-kompiti.

(11)

L-ugwaljanza bejn is-sessi ma tistax tintlaħaq permezz ta' politika anti-diskriminatorja biss iżda teħtieġ miżuri biex tippromwovi ko-eżistenza armonjuża u parteċipazzjoni bilanċjata mill-irġiel u n-nisa fis-soċjetà; l-Istitut għandu jikkontribwixxi biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(12)

Minħabba l-importanza ta' l-eliminazzjoni ta' stereotipi tas-sessi fis-soċjetà Ewropea fil-livelli kollha tas-soċjetà u li jiġu pprovduti eżempji pożittivi li nisa u rġiel jistgħu isegwu, għandha tiġi inkluża wkoll mal-kompiti ta' l-Istitut L-azzjoni biex jintlaħqu dawk il-miri.

(13)

Il-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet rilevanti ta' l-Istati Membri u korpi oħrajn ta' l-istatistika, b'mod partikolari l-Eurostat, hija essenzjali biex tippromwovi l-ġbir ta' data paragunabbli u affidabbli f'livell Ewropew. Peress illi l-informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija rilevanti għal-livelli kollha fi ħdan il-Komunità — lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarju — ikun utli li tali informazzjoni tkun disponibbli għall-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sabiex tgħinhom fil-formulazzjoni ta' politika u miżuri fuq il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom.

(14)

L-Istitut għandu jaħdem mill-qrib kemm jista' jkun mal-programmi u l-korpi Komunitarji kollha sabiex jevita xogħol doppju u jiżgura l-aħjar użu possibbli ta' riżorsi, b'mod partikolari fir-rigward tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (5), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (6), iċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (7) u l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (8).

(15)

L-Istitut għandu jiżviluppa kooperazzjoni u djalogu ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta' opportunitajiet indaqs, ċentri ta' riċerka, imsieħba soċjali, u korpi relatati oħrajn li qed jippruvaw b'mod attiv li jiksbu ugwaljanza f'livell nazzjonali u Ewropew u f'pajjiżi terzi. Fl-interess ta' l-effiċjenza, huwa xieraq li l-Istitut jistabbilixxi u jikkoordina Network Ewropew elettroniku dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ma' tali entitajiet u esperti fl-Istati Membri.

(16)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat il-bilanċ meħtieġ bejn l-Istati Membri u l-kontinwità tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija, ir-rappreżentanti tal-Kunsill ser jiġu maħtura għal kull mandat skond l-ordni ta' rotazzjoni tal-Presidenzi tal-Kunsill, li tibda fl-2007.

(17)

Skond l-Artikolu 3(2) tat-Trattat huwa xieraq li tkun promossa parteċipazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-kompożizzjoni tal-Bord ta' Tmexxija.

(18)

L-Istitut għandu jgawdi minn indipendenza massima fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(19)

L-Istitut għandu japplika l-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (9) u l-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (10).

(20)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11), japplika għall-Istitut.

(21)

Għar-responsabilta' kuntrattwali ta' l-Istitut, li huwa rregolat mil-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-Istitut, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni li tagħti sentenza, skond kull klawsola ta' arbitraġġ, li tkun tinsab fil-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha wkoll ġurisdizzjoni f'tilwim relatat ma' kumpens għal kwalunkwe ħsara li tiġi min-nuqqas ta' responsabilta' li mhux kuntrattwali ta' l-Istitut.

(22)

Għandha ssir evalwazzjoni esterna u indipendenti biex jiġi vvalutat l-impatt ta' l-Istitut, il-ħtieġa possibbli li jiġu mmodifikati jew estiżi l-kompiti tiegħu u ż-żmien ta' tali reviżjonijiet ulterjuri.

(23)

Peress illi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jikontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza tas-sessi u li jsaħħaħa, inkluż l-integrazzjoni tas-sessi fil-Politika Komunitarja kollha u fil-politika nazzjonali li toħroġ minnha, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u t-tqajjim tal-kuxjenza taċ-ċittadini ta' l-UE dwar l-ugwaljanza tas-sessi permezz tal-provvista ta' assistenza teknika lill-Istituzzjonijiet Komunitarji u lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalita', kif stabbilit f' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn min dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(24)

L-Artikolu 13(2) tat-Trattat jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri Komunitarji sabiex jappoġġaw u jippromwovu l-għan tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess lil hinn mill-qasam ta' l-impjieg. L-Artikolu 141(3) tat-Trattat hu l-bażi legali speċifika għall-miżuri mmirati biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa f'kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol. Għalhekk, l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 141(3) flimkien jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Stabbiliment ta' l-Istitut

Qed jiġi hawn stabbilit Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Istitut”).

Artikolu 2

Għanijiet

L-għanijiet globali ta' l-Istitut għandhom ikunu li jikkontribwixxi għal u jsaħħaħ il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż l-integrazzjoni tas-sessi fil-linji politiċi Komunitarja kollha u l-linji politiċi nazzjonali li joħorġu minnha, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, u li jżid l-għarfien taċ-ċittadini ta' l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jipprovdi assistenza teknika lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b'mod partikolari lill-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2, l-Istitut għandu:

(a)

jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni rilevanti, oġġettiva, paragunabbli u affidabbli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi r-riżultati minn riċerka u l-aħjar prattika kkomunikati lilu minn Stati Membri, istituzzjonijiet Komunitarji, ċentri ta' riċerka, korpi nazzjonali ta' l-ugwaljanza, organizzazzjonijiet mhux governattivi, imsieħba soċjali, pajjiżi terzi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissuġġerixxi oqsma għal riċerka ulterjuri;

(b)

jiżviluppa metodi biex itejjeb l-oġġettività, il-paragunabilita' u l-affidabbiltà tad-data f'livell Ewropew billi jistabbilixxi kriterji li jtejbu l-konsistenza ta' l-informazzjoni u jieħdu kont ta' kwistjonijiet tas-sessi fil-ġbir tad-data;

(ċ)

jiżviluppa, janalizza, jevalwa u jxerred għodod ta' metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza ta' bejn is-sessi fil-politika Komunitarja kollha u l-politika nazzjonali li tirriżulta u jappoġġa l-integrazzjoni tas-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha;

(d)

iwettaq stħarriġ dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa fir-rigward ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(e)

jistabbilixxi u jikkoordina Network Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bl-involviment ta' ċentri, korpi, organizzazzjonijiet u esperti li jittrattaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi sabiex jappoġġa u jinkoraġġixxi r-riċerka, jottimizza l-użu ta' riżorsi disponibbli u jrawwem l-iskambju u t-tixrid ta' informazzjoni;

(f)

jorganizza laqgħat ad hoc ta' esperti biex jappoġġa l-ħidma ta' riċerka ta' l-Istitut, jinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni fost ir-riċerkaturi u jippromwovi l-inklużjoni ta' perspettiva tas-sessi fir-riċerka tagħhom;

(ġ)

sabiex iżid l-għarfien taċ-ċittadini ta' l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jorganizza, ma' partijiet interessati rilevanti, konferenzi, kampanji u laqgħat f'livell Ewropew, u jippreżenta r-riżultati u l-konklużjonijiet lill-Kummissjoni;

(h)

ixerred informazzjoni rigward eżempji pożittivi ta' rwoli mhux stereotipiċi għan- nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà, jippreżenta l-kisbiet u l-inizjattivi tiegħu mfasslin biex jippubbliċizzaw u jibnu fuq tali stejjer ta' suċċess;

(i)

jiżviluppa djalogu u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ta' opportunitajiet ugwali, universitajiet u esperti, ċentri ta' riċerka, imsieħba soċjali, u korpi relatati oħrajn li qed jippruvaw b'mod attiv li jiksbu ugwaljanza f'livell nazzjonali u Ewropew;

(j)

jistabbilixxi riżorsi ta' dokumentazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku;

(k)

jagħmel l-informazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sessi disponibbli għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati; u

(l)

jipprovdi informazzjoni lill-Istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fil-pajjiżi ta' l-adeżjoni u dawk kandidati;

2.   L-Istitut għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 4

Oqsma ta' attività u metodi ta' ħidma

1.   L-Istitut għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan il-kompetenzi tal-Komunità u fid-dawl ta' l-objettivi adottati u l-oqsma ta' prijorità identifikati fil-programm annwali tiegħu, u b'konsiderazzjoni debita tar-riżorsi disponibbli tal-baġit.

2.   Il-programm ta' ħidma ta' l-Istitut għandu jkun konformi mal-prijoritajiet Komunitarji fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni, inkluż il-ħidma tiegħu ta' statistika u riċerka.

3.   Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu, sabiex jevita xogħol doppju u jiżgura l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, l-Istitut għandu jqis l-informazzjoni eżistenti tkun minn liema sors tkun u b'mod partikolari ta' l-attivitajiet li qed isiru diġà mill-Istituzzjonijiet Komunitarji u minn istituzzjonijiet oħrajn, korpi u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kompetenti u jaħdem mill-qrib mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, inkluż l-Eurostat. L-Istitut għandu jiżgura koordinazzjoni xierqa ma' l-aġenziji Komunitarji u l-korpi ta' l-Unjoni rilevanti kollha li għandhom jiġu determinati f'memorandum ta' ftehim fejn xieraq.

4.   L-Istitut għandu jiżgura li l-informazzjoni mxerrda tkun tista' tinftiehem mill-utenti aħħarin.

5.   L-Istitut jista' jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali, b'mod partikolari arranġamenti ta' sottokuntratti, ma' organizzazzjonijiet oħrajn, sabiex jitwettaq kwalunkwe kompitu li jista' jafdalhom.

Artikolu 5

Personalità u kapaċità ġuridika

L-Istitut għandu jkollu personalità ġuridika. Huwa għandu jgawdi, f'kull wieħed mill-Istati Membri, mill-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari, huwa jkun jista' jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

Artikolu 6

Indipendenza ta' l-Istitut

L-Istitut għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku.

Artikolu 7

Aċċess għal dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal dokumenti miżmumin mill-Istitut.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta arranġamenti biex jimplimenta r-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 fi żmien sitt xhur mill-istabbiliment ta' l-Istitut.

3.   Deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Istitut skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru.1049/2001 jistgħu jagħtu lok għat-tressiq ta' ilment quddiem l-Ombudsman jew jifformaw is-suġġett għal azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

4.   Ir-Regolament (KE) 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar ta' data mill-Istitut.

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet f'livell nazzjonali u Ewropew, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi

1.   Biex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Istitut għandu jikkoopera ma' organizzazzjonijiet u esperti fl-Istati Membri, bħal korpi ta' ugwaljanza, ċentri ta' riċerka, universitajiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi, imsieħba soċjali kif ukoll ma' l-organizzazzjonijiet rilevanti f'livell Ewropew u internazzjonali u pajjiżi terzi.

2.   Jekk ikun hemm ħtieġa ta' ftehim ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew ma' pajjiżi terzi biex l-Istitut iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effiċjenti, il-Komunità għandha, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 300 tat-Trattat, tidħol f' tali ftehim ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew mal-pajjiżi terzi fl-interess ta' l-Istitut. Din id-disposizzjoni m'għandhiex timpedixxi kooperazzjoni ad hoc ma' tali organizzazzjoniet jew pajjiżi terzi.

Artikolu 9

Kompożizzjoni ta' l-Istitut

L-Istitut għandu jkun magħmul minn:

(a)

Bord ta' Tmexxija;

(b)

Forum ta' Esperti;

(ċ)

Direttur u l-persunal tiegħu/tagħha.

Artikolu 10

Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun jikkonsisti minn:

(a)

tmintax-il rappreżentant maħtur mill-Kunsill, abbażi ta' proposta minn kull wieħed mill-Istati Membri konċernati;

(b)

membru wieħed li jirrapreżenta lill-Kummissjoni, maħtur mill-Kummissjoni;

2.   Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jinħatru b'tali mod li jiġu żgurati l-ogħla standards ta' kompetenza u medda wiesgħa ta' kompetenza rilevanti u transdixxiplinari fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord ta' Tmexxija.

Sostituti li jirrappreżentaw membru fin-nuqqas tiegħu jew tagħha għandhom ikunu maħtura bl-istess proċedura.

Il-lista tal-membri u s-sostituti tal-Bord ta' Tmexxija għandha tiġi ppubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, fil-website ta' l-Istitut u f'websites rilevanti oħrajn.

3.   Il-mandat għandu jkun ta' tliet snin. Għal kull mandat, il-membri maħtura mill-Kunsill għandhom jirrappreżentaw tmintax-il Stat Membru fl-ordni tar-rotazzjoni tal-Presidenzi, b'membru wieħed jiġi nominat minn kull Stat Membru konċernat.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar il-President u l-Viċi-President tiegħu biex iservu għal perijodu ta' tliet snin.

5.   Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija msemmi taħt il-paragrafu 1(a) jew (b), jew fl-assenza tiegħu jew tagħha s-sostitut tiegħu jew tagħha, għandu jkollu vot wieħed.

6.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għat-tħaddim ta' l-Istitut. B'mod partikolari, hu għandu:

(a)

jadotta, abbażi ta' abbozz imfassal mid-Direttur, kif imsemmi fl-Artikolu 12, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma annwali u l-programm ta' ħidma ta' terminu medju, li jkopru perijodu ta' tliet snin, skond il-baġit u r-riżorsi disponibbli; il-programmi jistgħu jiġu riveduti kull meta meħtieġ; l-ewwel programm ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat mhux iktar tard minn disa' xhur wara l-ħatra tad-Direttur;

(b)

jadotta r-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 3(2), li jqabbel, b'mod partikolari, ir-riżultati miksuba bl-objettivi tal-grupp ta' ħidma annwali; dan ir-rapport għandu jintbagħat sa mhux iktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti ta' l-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni u għandu jiġi pubblikat fil-website ta' l-Istitut;

(ċ)

jeżerċita awtorità ta' dixxiplina fuq id-Direttur u jaħtar jew ikeċċi lilu jew lilha skond l-Artikolu 12; u

(d)

jadotta l-abbozz tal-baġit u l-baġit finali annwali ta' l-Istitut.

7.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta r-regoli interni ta' l-Istitut abbażi ta' proposta mfassla mid-Direttur wara konsultazzoni mal-Kummissjoni.

8.   Deċiżjonijiet mill-Bord ta' Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 6 u fl-Artikolu 12 (1), id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu.

9.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi ta' proposta mfassla mid-Direttur wara konsultazzoni mal-Kummissjoni.

10.   Il-President għandu jlaqqa' l-Bord ta' Tmexxija mill-inqas darba f'sena. Il-President għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq l-inizzjattiva tiegħu jew tagħha jew fuq talba ta' terz tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija..

11.   L-Istitut għandu jressaq kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn il quddiem imsejħa “l-Awtorita' Baġitarja”) kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-eżitu tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.

12.   Id-Diretturi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali u l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jistgħu, kif ikun xieraq, jiġu mistiedna biex jattendu laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija bħala osservaturi sabiex jiġu koordinati l-programmi ta' ħidma rispettivi fir-rigward ta' l-integrazzjoni tas-sessi.

Artikolu 11

Forum ta' Esperti

1.   Il-Forum ta' Esperti għandu jkun fih membri mill-korpi kompetenti speċjalizzati fil-kwistjonijiet ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, abbażi ta' rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru, żewġ membri li jirrappreżentaw organizzazzjoniet rilevanti oħra speċjalizzati fl-ugwaljanza bejn is-sessi maħtura mill-Parlament Ewropew, kif ukoll tliet membri maħtura mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati rappreżentanti fil-livell Ewropew, b' wieħed minn kull:

(a)

organizzazzjoni mhux governattiva xierqa f'livell Komunitarju li għandha interess leġittimu fil-kontribut għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess u l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(b)

organizzazzjonijiet ta' min iħaddem f'livell Komunitarju; u

(ċ)

organizzazzjonijiet tal-ħaddiema f'livell Komunitarju.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-Forum ta' Esperti.

Il-Membri jistgħu jiġu sostitwiti minn supplenti, maħtura fl-istess ħin.

2.   Membri tal-Forum ta' Esperti m'għandhomx ikunu membri tal-Bord ta' Tmexxija.

3.   Il-Forum ta' Esperti għandu jappoġġa d-Direttur fl-iżgurar ta' l-eċċellenza u l-indipendenza ta' attivitajiet ta' l-Istitut.

4.   Il-Forum ta' Esperti għandu jikkostitwixxi mekkaniżmu għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġbir kollettiv ta' għarfien. Dan għandu jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istitut u l-korpi kompetenti fl-Istati Membri.

5.   Il-Forum ta' Esperti għandu jiġi mmexxi mid-Direttur jew, fl-assenza tiegħu/tagħha, minn deputat mill-Istitut. Għandu jiltaqa' b'mod regolari fuq l-istedina tad-Direttur, jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz mill-membri tiegħu, jew mill-inqas darba f'sena. Il-proċeduri operattivi tiegħu għandhom jiġu speċifikati fir-regoli interni ta' l-Istitut u għandhom isiru pubbliċi.

6.   Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Forum ta' Esperti.

7.   L-Istitut għandu jipprovdi l-appoġġ tekniku u loġistiku meħtieġ għall-Forum ta' Esperti u jipprovdi segretarjat għal-laqgħat tiegħu.

8.   Id-Direttur jista' jistieden esperti jew rappreżentanti ta' setturi ekonomiċi rilevanti, min iħaddem, trade unions, korpi professjonali jew ta' riċerka, jew organizzazzjonijiet mhux governattivi b'esperjenza rikonoxxuta f'dixxiplini relatati mal-ħidma ta' l-Istitut biex jikkooperaw f'kompiti speċifiċi u jieħdu sehem fl-attitivitajiet rilevanti tal-Forum ta' Esperti.

Artikolu 12

Direttur

1.   L-Istitut għandu jiġi mmexxi minn Direttur maħtur minn Bord ta' Tmexxija abbażi ta' lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni wara kompetizzjoni miftuħa, wara li tiġi pubblikata sejħa għal espressjoni ta' interess fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u f'postijiet oħrajn. Qabel jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi mitlub biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tiegħu/tagħhom.

2.   Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' 5 snin. Fuq proposta mill-Kummissjoni u wara evalwazzjoni, dak il-mandat jista' jiġi estiż darba għal perijodu ta' mhux iżjed minn 5 snin. Fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għanda tivvaluta b'mod partikolari:

(a)

ir-riżultati miksuba fl-ewwel mandat u l-mod ta' kif inkisbu;

(b)

id-dmirijiet u l-ħtiġiet ta' l-Istitut fis-snin li ġejjin.

3.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli, taħt is-superviżjoni tal-Bord ta' Tmexxija, għal:

(a)

it-twettiq tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 3;

(b)

it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' attivitajiet annwali u ta' terminu medju ta' l-Istitut;

(ċ)

it-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Forum ta' Esperti;

(d)

it-tħejjija u l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 3(2);

(e)

il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-persunal, u b'mod partikolari jeżerċita s-setgħat previsti fl-Artikolu 13(3);

(f)

kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum; u

(ġ)

l-implimentazzjoni ta' monitoraġġ effettiv u proċeduri ta' valutazzjoni fir-rigward tat-twettiq ta' l-Istitut fid-dawl ta' l-objettivi tiegħu skond standards rikonoxxuti professjonalment. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija kull sena dwar ir-riżultati tas-sistema ta' monitoraġġ.

4.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ta' l-attivitajiet tiegħu/tagħha quddiem il-Bord ta' Tmexxija u għandu jieħu sehem fil-laqgħat tagħha mingħajr dritt tal-vot. Hu/hi jista' wkoll jiġi mistieden mill-Parlament Ewropew biex jagħti rapport waqt smigħ dwar kwistjonijiet sinifikanti marbutin ma' l-attivitajiet ta' l-Istitut.

5.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-Istitut.

Artikolu 13

Persunal

1.   Ir-Regolamenti dwar il-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' impjegati oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti bir-Regolament (KEE, ECSC, Euratom) Nru. 259/68 (12) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti dwar il-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal ta' l-Istitut.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, fi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri implimentattivi kollha meħtieġa, skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti dwar il-Persunal. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jadotta disposizzjonijiet biex iħalli esperti nazzjonali minn Stati Membri jiġu impjegati fl-Istitut fuq sekondament.

3.   L-Istitut għandu jeżerċita fir-rigward tal-persunal tiegħu l-poteri mogħtija lill-awtorità nominanti.

Artikolu 14

Tfassil tal-baġit

1.   Stimi dwar id-dħul u l-infiq kollu ta' l-Istitut għandhom jiġu mħejjija għal kull sena finanzjarja, korrispondenti għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit ta' l-Istitut.

2.   Id-dħul u l-infiq li jintwerew fil-baġit ta' l-Istitut għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   Id-dħul ta' l-Istitut għandu, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, jinkludi:

(a)

sussidju mill-Komunità, imdaħħal fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (it-taqsima tal-Kummissjoni);

(b)

ħlasijiet riċevuti għal servizzi mogħtijin;

(ċ)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-organizzazzjonijiet jew il-pajjiżi terzi msemmijin fl-Artikolu 8; u

(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri.

4.   L-infiq ta' l-Istitut għandu jinkludi r-rimunerazzjoni tal-persunal, spejjeż ta' amministrazzjoni u ta' infrastruttura u spejjeż operattivi.

5.   Kull sena l-Bord ta' Tmexxija, abbażi ta' abbozz imfassal mid-Direttur, għandu jipproduċi stima ta' dħul u nfiq għall-Istitut għas-sena finanzjarja li jkun imiss. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mill-Bord ta' Tmexxija sa mhux iżjed tard mill-31 ta' Marzu.

6.   L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-awtorita' tal-baġit flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

7.   Abbażi ta' l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta lill-awtorità tal-baġit skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

8.   L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju għall-Istitut u għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Istitut.

9.   Il-baġit ta' l-Istitut għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jiġi aġġustat għaldaqstant.

10.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-awtorità tal-baġit dwar l-intenzjoni tiegħu biex jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b'mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrigwarda l-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta' bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

Meta fergħa ta' l-awtorità tal-baġit tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hija għandha tibgħat l-opinjoni tagħħa lill-Bord ta' Tmexxija fi żmien perijodu ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 15

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Istitut.

2.   Mhux iktar tard mill-1 ta' Marzu ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Istitut għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jgħaqqad flimkien il-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

3.   Mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji ta' l-Istitut lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2. Ir-rapport għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Kif jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Istitut, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 id-Direttur għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Istitut taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha u jibgħathom lill-Bord ta' Tmexxija għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti opinjoni fuq il-kontijiet finali ta' l-Istitut.

6.   Id-Direttur għandu, mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti ta' l-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Huwa għandu jibgħat ukoll dik it-tweġiba lill-Bord ta' Tmexxija.

9.   Id-Direttur għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni armonjuża tal-proċedura ta' rilaxx għas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

10.   Sat-30 ta' April tas-sena N+2, il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu jagħti rilaxx lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

11.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Istitut għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Huma ma jistgħux ivarjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 sakemm ma jkunx meħtieġ speċifikament għall-operat ta' l-Istitut u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Lingwi

1.   Id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddeterminaw il-lingwi li jridu jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (13) għandhom japplikaw għall-Istitut.

2.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Istitut għandhom, bħala prinċipju, jiġu provduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 (14).

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Istitut.

Artikolu 18

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Istitut għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni skond klawsola ta' arbitraġġ li tinsab fi kwalunkwe kuntratt konkluż mill-Istitut.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Istitut għandu, skond il-prinċipji ġenerali li huma komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-Istitut jew l-impjegati tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi dwar kumpens għal kwalunkwe danni tali.

Artikolu 19

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   L-Istitut għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi li jkunu kkonkludew ftehim mal-Komunità Ewropea li bih ikunu adottaw u applikaw il-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.

2.   Għandhom isiru arranġamenti skond id-disposizzjonijiet rilevanti ta' dawk il-ftehim, li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, il-medda u l-mod kif dawk il-pajjiżi għandhom jipparteċipaw fil-ħidma ta' l-Istitut, inkluż disposizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Istitut, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal. Fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-persunal, dawk il-ftehim għandhom jimxu, f'kull sitwazzjoni, skond ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' impjieg ta' impjegati oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 20

Evalwazzjoni

1.   Sa 18 ta' Januar 2010, l-Istitut għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-kisbiet tiegħu abbażi tat-termini ta' referenza maħruġa mill-Bord ta' Tmexxija bi ftehim mal-Kummissjoni. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' l-Istitut fuq il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u għandha tinkludi analiżi ta' l-effetti ta' sinerġija. Din għandha tindirizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu modifikati jew estiżi l-kompiti ta' l-Istitut, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe tali modifika jew estensjoni tal-kompiti. Tali l-evalwazzjoni għandha teżamina wkoll kemm hi xierqa l-istruttura ta' tmexxija fit-twettiq tal-kompiti ta' l-Istitut. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont ta' l-opinjonijiet tal-partijiet interessati, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll dak nazzjonali.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi meta għandhom isiru l-evalwazzjonijiet futuri, b'kont meħud tar-riżultati mir-rapport ta' evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 21

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeżamina l-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 u jagħti lill-Kummissjoni tali rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa fir-rigward ta' bidliet fl-Istitut, il-prattiki ta' ħidma tiegħu u l-firxa ta' ħidma tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta' evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u tagħmilhom pubbliċi. Wara l-eżami tar-rapport ta' evalwazzjoni u tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tissottometti kwalunkwe proposta li hi tqis meħtieġa fir-rigward ta' dan ir-Regolament

Artikolu 22

Kontroll amministrattiv

L-operati ta' l-Istitut għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' l-Ombusman skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 195 tat-Trattat.

Artikolu 23

Bidu ta' l-attivitajiet ta' l-Istitut

L-Istitut għandu jibda jopera mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 19 ta' Januar 2008.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 20 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 29.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2006 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2006 (ĠU C 295 E, 5.12.2006, p. 57), Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2006.

(3)  Studju tal-Kummissjoni Ewropea ta' vijabbilità għal Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (mwettaq minn PLS Ramboll Management, DK, 2002).

(4)  ĠU C 102E, 28.4.2004, p. 638.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1111/2005 (ĠU L 184, 15.7.2005, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta' Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1112/2005 (ĠU L 184, 15.7.2005, p. 5).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 ta' l-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2051/2004 (ĠU L 355, 1.12.2004, p. 1).

(8)  L-Istati Membri mlaqqgħin fil-qafas tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2003 talbu lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għal aġenzija ta' drittijiet tal-bniedem billi jiġi estiż il-mandat taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tar-Razziżmu u l-Ksenofobija.

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1).

(13)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385, Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1), Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).


Top