EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1542

1542/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1542/2006 tat- 13 ta' Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 dwar il-miżuri tranżitorji fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

OJ L 283, 14.10.2006, p. 24–26 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 330M, 9.12.2008, p. 406–408 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 076 P. 64 - 66
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 076 P. 64 - 66

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1542/oj

9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

406


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1542/2006

tat-13 ta' Ottubru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 dwar il-miżuri tranżitorji fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jitjieb l-ekwilibriju tas-suq fil-Komunità mingħajr ma jinħolqu stokks ġodda taz-zokkor matul is-sena tas-suq 2006/2007, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006 tas-27 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1265/2001 u r-Regolament (KE) Nru 314/2002 (2) jistipula rtirar ta’ prevenzjoni biex tonqos il-produzzjoni eliġibbli skont il-kwota għas-sena tal-ħsad imsemmija. Għalhekk, ’il fuq minn ċertu limitu, il-produzzjoni taħt il-kwota ta’ kull impriża hija kkunsidrata bħala irtirata jew, b’talba mill-impriża, bħala prodotta ’l barra mill-kwota. Il-limiti għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-kwoti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, kif kienu ffissati meta ġie adottat ir-Regolament imsemmi. L-Artikolu 10 tar-Regolament imsemmi jistabbilixxi li l-Kummissjoni taġġusta l-kwoti ffissati fl-Anness III imsemmi mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2006. Il-konsegwenza ta’ dan l-aġġustament tkun li l-kwoti jkunu modifikati u titnaqqas il-produzzjoni eliġibbli taħt il-kwota. Sabiex tkun limitata biss għall-effett mixtieq tal-irtirar ta’ prevenzjoni u tkun evitata kull ambigwità fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, għandha tiġi sostitwita r-referenza għall-kwoti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 b’referenza għall-kwoti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 493/2006.

(2)

Il-konċessjoni tal-għajnuna tranżitorja għaz-zokkor magħmul fid-Dipartimenti Franċiżi lilhinn mill-eżagonu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006 tiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1554/2001 tat-30 ta’ Lulju ta’ l-2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 għal dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor prodott fit-territorji barranin Franċiżi u li jugwalja l-kundizzjonijiet tal-prezz ta’ zokkor mhux raffinat (3). Għalhekk, l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1554/2001 biex jiġi stipulat l-ammont fiss li jirrapreżenta l-ispejjeż ta’ trasport fuq il-baħar ma jkunux applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2006, wara d-deċiżjoni tal-“United Terminal Sugar Market Association of London” biex ma jibqgħux jistabbilixxu l-London Daily Price. Għalhekk għandu jiġi stipulat ammont fiss li jkun ibbażat fuq il-valur medju tax-xhur ta’ April sa Ġunju 2006, li għandu jkun applikabbli matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006.

(3)

Il-kwoti tranżitorji attribwiti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006 għas-sena tas-suq 2006/2007 jistgħu jintużaw biss jekk l-impriża kkonċernata tista’ taddatta fi żmien xieraq xi deċiżjonijiet ta’ investiment li diġà ttieħdu, ħaġa li ma kinitx possibbli għal ċerti impriżi. Għalhekk għandu jingħata l-permess lill-Istati Membri li jerġgħu jagħtu lill-impriżi kkonċernati l-bilanċ li jkun fadal mill-kwoti tranżitorji bħala kwoti tranżitorji għas-sena tas-suq 2007/2008.

(4)

L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-Istati Membri jagħtu l-kwoti lill-impriżi li jirriżultaw minn amalgamazzjoni jew trasferiment. Skont id-data ta’ amalgamazzjoni jew trasferiment, il-miżuri jidħlu fis-seħħ jew għas-sena tas-suq li jkunu fiha jew għal dik ta’ wara. Għandu jiġi stipulat li meta amalgamazzjoni jew trasferiment isir bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2006, b’talba tal-impriżi kkonċernati, il-miżuri jistgħu jidħlu fis-seħħ għas-sena tas-suq 2006/2007, u mhux għas-sena tas-suq ta’ wara kif stipulat fl-Anness imsemmi, punt V, sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt li s-sena tas-suq 2006/07 tibda’ fl-1 ta’ Lulju u mhux, bħas-snin tas-suq l-oħra, fl-1 ta’ Ottubru.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 493/2006 għandu jiġi emendat.

(6)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taz-zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 493/2006 huwa emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma mibdulin bit-test li ġej:

“1.   Għal kull impriża, is-sehem tal-produzzjoni ta’ zokkor, isoglukosju jew ġulepp tal-inulina tas-sena tas-suq 2006/2007 prodott taħt il-kwota mogħtija skont il-kwoti stabbiliti fl-Anness IV u li jaqbeż il-limitu stabbilit b’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, huwa kkunsidrat bħala irtirat skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jew, b’talba mill-impriża ppreżentata qabel il-31 ta’ Jannar 2007, ikkunsidrat kollu jew parti minnu, prodott ’il barra mill-kwota skont l-Artikolu 12 tar-Regolament imsemmi.

2.   Għal kull impriża, il-limitu imsemmi fil-paragrafu 1, huwa stabbilit billi l-kwota tiegħu stabbilita fil-paragrafu 1 tiġi mmultiplikata bis-somma tal-koeffiċjenti li ġejjin:

a)

il-koeffiċjent iffissat għall-Istat Membru kkonċernat, fl-Anness I;

b)

il-koeffiċjent li jirriżulta meta jiġi diviż it-total tal-kwoti għal liema huwa rrinunzja għas-sena tas-suq 2006/2007 fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 bil-kwota ffissata għal dan l-Istat Membru fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tiffissa dan il-koeffiċjent mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2006.

Għaldaqstant, meta s-somma tal-koeffiċjenti taqbeż l-1,0000, il-limitu jkun ugwali għall-kwota stabbilita fil-paragrafu 1.”

2)

Fl-Artikolu 4(2), l-inċiż li ġej huwa miżjud:

“L-ammont fiss imsemmi fil-punt b) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1554/2001 huwa stabbilit għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Ottubru 2006 għal EUR [34,19] għal kull tunnellata.”

3)

Fl-Artikolu 9(1), l-inċiż li ġej huwa miżjud:

“Jekk, għal xi impriża speċifika, il-kwoti tranżitorji mogħtija b’konformità ma’ dan il-paragrafu jaqbżu l-produzzjoni għas-sena tas-suq 2006/2007, l-Istat Membru jista’ jagħti lil din l-impriża l-bilanċ li jibqa’ ta’ dawn il-kwoti għas-sena tas-suq 2007/2008.”

4)

L-Artikolu 10a li ġej huwa miżjud fl-aħħar tal-Kapitlu I:

“Artikolu 10a

Amalgamazzjoni jew trasferiment ta’ impriżi

B’talba mill-impriżi kkonċernati u b’deroga tal-punt V tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, meta l-amalgamazzjoni jew it-trasferiment isiru bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2006, il-miżuri msemmija fil-punti II u III tal-Anness imsemmi jipproduċu l-effetti tagħhom għas-sena tas-suq 2006/2007.”

5)

L-Anness ta’ dan ir-Regolament huwa miżjud bħala Anness IV.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11.

(3)  ĠU L 205, 31.7.2001, p. 18. Ir-Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1442/2002 (ĠU L 212, 8.8.2002, p. 5)


ANNESS

“ANNESS IV

(Kwoti msemmijin fl-Artikolu 3)

Stat Membru jew reġjuni

zokkor

isoglukosju

ġulepp tal-inulina

(1)

(2)

(3)

(4)

Il-Belġju

819 812

71 592

215 247

Ir-Repubblika Ċeka

454 862

Id-Danimarka

420 746

Il-Ġermanja

3 416 896

35 389

Il-Greċja

317 502

12 893

Spanja

996 961

82 579

Franza (metropolitana)

3 288 747

19 846

24 521

Franza (DOM)

480 245

L-Irlanda

199 260

L-Italja

1 557 443

20 302

Il-Latvja

66 505

Il-Litwanja

103 010

L-Ungerija

401 684

137 627

L-Olanda

864 560

9 099

80 950

L-Awstrija

387 326

Il-Polonja

1 671 926

26 781

Il-Portugall (kontinentali)

69 718

9 917

Il-Portugall (Açores)

9 953

Is-Slovenja

52 973

Is-Slovakkja

207 432

42 547

Il-Finlandja

146 087

11 872

L-Iżveżja

368 262

Ir-Renju Unit

1 138 627

27 237

—”


Top