Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1367

Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

OJ L 264, 25.9.2006, p. 13–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 017 P. 126 - 132
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 017 P. 126 - 132
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 020 P. 29 - 35

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1367/oj

25.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

13


REGOLAMENT (KE) Nru 1367/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Settembru 2006

dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-22.ta' Ġunju 2006 (2),

Billi:

(1)

Il-liġi Komunitarja, fil-qasam ta’ l-ambjent, għandha l-għan li tikkontribwixxi inter alia għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, u b'hekk tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli.

(2)

Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent (3) jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti informazzjoni adegwata dwar l-ambjent u opportunitajiet effettivi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tiswir ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent, sabiex b’hekk tiżdied ir-responsabbiltà u t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jsir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda. Barra dan, il-programm jinkoraġġixxi, kif għamlu dawk ta’ qablu (4), l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni aktar effettivi tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent, inkluż l-infurzar tar-regoli Komunitarji u t-teħid ta’ azzjoni kontra l-ksur tal-liġi Komunitarja dwar l-ambjent.

(3)

Fil-25 ta’ Ġunju 1998 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”). Il-Komunità approvat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fis-17 ta' Frar 2005 (5). Id-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu konsistenti ma’ dik il-Konvenzjoni.

(4)

Il-Komunità diġà adottat corpus ta' leġislazzjoni, li qiegħed jevolvi u li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Għandhom jiġu adottati disposizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji.

(5)

Huwa xieraq li t-tliet pilastri tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jiġifieri l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, jiġu kkunsidrati f'liġi waħda u li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet komuni fir-rigward ta’ l-għanijiet u d-definizzjonijiet. Dan jikkontribwixxi għar-razzjonalizzazzjoni tal-leġislazzjoni u għaż-żieda fit-trasparenza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda fir-rigward ta' l-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji.

(6)

Bħala prinċipju ġenerali, d-drittijiet garantiti mit-tliet kolonni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huma mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward ta' ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju.

(7)

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiddefinixxi “awtoritajiet pubbliċi” f'sens wiesa', fejn il-kunċett bażiku huwa li kull fejn tiġi eżerċitata awtorità pubblika, għandu jkun hemm drittijiet għall-individwi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Huwa għalhekk neċessarju li l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji koperti minn dan ir-Regolament jiġu definiti bl-istess mod ġenerali u funzjonali. Taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġislattiva. Madankollu, għal raġunijiet ta’ konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (6), id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji meta jaġixxu f’kapaċità leġislattiva.

(8)

Id-definizzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent f'dan ir-Regolament tiġbor fiha informazzjoni fi kwalunkwe forma dwar l-istat ta’ l-ambjent. Din id-definizzjoni, li ġiet allinjata mad-definizzjoni adottata fid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (7), għandha l-istess kontenut għal dik stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Id-definizzjoni ta’ “dokument” fir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 tiġbor fiha informazzjoni dwar l-ambjent kif definit f'dan ir-Regolament.

(9)

Huwa xieraq li dan ir-Regolament jagħti definizzjoni ta’ “pjani u programmi” b'kont meħud tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’mod parallel ma’ l-approċċ segwit fir-rigward ta’ l-obbligi ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi eżistenti tal-KE. Il-“pjanijiet u programmi relatati ma’ l-ambjent” għandhom jiġu definiti fir-rigward tal-kontribut tagħhom, jew ta' l-effett sinifikattiv probabbli tagħhom, sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika ambjentali Komunitarja. Għall-perjodu ta’ għaxar snin li jibda mit-22 ta’ Lulju 2002, is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent jistabbilixxi l-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Komunità u l-azzjonijiet ippjanati sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Fit-tmiem ta' dan il-perjodu għandu jiġi adottat programm sussegwenti ta’ azzjoni dwar l-ambjent.

(10)

Fid-dawl tal-fatt li l-liġi dwar l-ambjent qed tevolvi kontinwament, id-definizzjoni ta’ liġi ambjentali għandha tirriferi għall-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat.

(11)

Atti amministrattivi li għandhom applikazzjoni individwali għandhom ikunu miftuħa għall-possibbiltà ta’ reviżjoni interna fejn dawn jorbtu legalment u għandhom effetti esterni. Bl-istess mod, l-ommissjonijiet għandhom ikunu koperti fejn hemm l-obbligu li jiġi adottat att amministrattiv taħt il-liġi ambjentali. Billi l-atti adottati minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, meta jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva, jistgħu jiġu esklużi, l-istess għandu japplika għal proċeduri oħra ta’ inkjesta meta l-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità jaġixxu bħala korpi amministrattivi ta’ reviżjoni skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

(12)

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus issejjaħ għal aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba jew permezz ta' tixrid attiv mill-awtoritajiet koperti mill-Konvenzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 japplika għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni, kif ukoll għal aġenziji u korpi simili stabbiliti minn att legali tal-Komunità. Dan jistabbilixxi regoli għal dawn l-istituzzjonijiet li jaqblu fil-parti l-kbira mar-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Huwa meħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kollha tal-Komunità.

(13)

Fejn il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fiha disposizzjonijiet li ma jinstabux ukoll, b’mod sħiħ jew parzjali, fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, huwa meħtieġ li dawn jiġu indirizzati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ambjent.

(14)

Sabiex id-dritt għall-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent ikun effettiv, informazzjoni ta’ kwalità tajba dwar l-ambjent hija essenzjali. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli li jobbligaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jiżguraw tali kwalità.

(15)

Fejn ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f'dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. It-terminu “interessi kummerċjali” jkopri ftehim ta’ konfidenzjalità konklużi minn istituzzjonijiet jew korpi li jaġixxu f’kapaċità bankarja.

(16)

Skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta' network għas-sorveljanza epidemjoloġika u kontroll ta' mard li jinxtered fil-Komunità (8), network fil-livell Komunitarju għall-promozzjoni ta’ koperazzjoni u kordinazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-assistenza tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li jiġu mtejba l-prevenzjoni u l-kontroll fil-Komunità ta’ numru ta’ mard li jinxtered. Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (9) tadotta programm Komunitarju ta’ azzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika li jikkomplementa l-linji politiċi nazzjonali. It-titjib ta' l-informazzjoni u tal-konoxxenza għall-iżvilupp tas-saħħa pubblika u t-titjib tal-kapaċità ta' rispons rapidu u b’mod kordinat għat-theddid għas-saħħa, li t-tnejn huma elementi ta’ dan il-programm, huma għanijiet ugwalment konformi għal kollox mal-ħtiġijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dan ir-Regolament għalhekk għandu idealment japplika bla preġudizzju għad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE u d-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE.

(17)

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tirrikjedi li l-Partijiet jadottaw disposizzjonijiet li jippermettu li l-pubbliku jipparteċipa fit-tħejjija ta’ pjani u programmi relatati ma’ l-ambjent. Tali disposizzjonijiet għandhom jinkludu termini ta’ żmien raġonevoli sabiex il-pubbliku jiġi informat dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent in kwistjoni. Sabiex tkun effettiva, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandha sseħħ kmieni, meta l-possibbiltajiet kollha ta' għażla jkunu miftuħin. Meta jistabbilixxu disposizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji għandhom jidentifikaw il-pubbliku li jista’ jipparteċipa. Il-Konvenzjoni ta' Aarhus teħtieġ ukoll li, safejn jixraq, il-Partijiet jagħmlu sforz biex jipprovdu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni pubblika fil-preparazzjoni ta' linji politiċi marbuta ma' l-ambjent.

(18)

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi għal aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra ta’ reviżjoni għall-kontestazzjoni ta' atti u ommissjonijiet minn persuni fiżiċi u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru disposizzjonijiet tal-liġi relattivi għall-ambjent. Id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li dan ir-Regolament jindirizza biss atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi.

(19)

Sabiex jiġu żgurati rimedji adegwati u effettivi, inklużi dawk disponibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat, huwa xieraq li tingħata l-opportunità lill-istituzzjoni Komunitarja jew lill-korp Komunitarju li ħarġu l-att li sejjer jiġi kkontestat, jew li, fil-każ ta' allegazzjoni ta' ommissjoni amministrattiva, naqsu milli jaġixxu, li jerġgħu jikkonsidraw id-deċiżjoni preċedenti tagħhom, jew, fil-każ ta’ ommissjoni, li jaġixxu.

(20)

Organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent li jissodisfaw ċerti kriterji, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li huma organizzazzjonijiet indipendenti u responsabbli li wrew li l-objettiv primarju tagħhom huwa li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent, għandhom ikunu awtorizzati jitolbu reviżjoni interna fil-livell Komunitarju ta’ atti adottati jew ta’ ommissjonijiet taħt il-liġi ta’ l-ambjent minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità bil-ħsieb ta’ konsiderazzjoni mill-ġdid mill-istituzzjoni jew korp in kwistjoni.

(21)

Fejn ma ġewx milqugħa talbiet preċedenti għal reviżjoni interna, għandu jkun possibbli għall-organizzazzjoni mhux governattiva konċernata li ġġib azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

(22)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I   DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw taħt il-Konvenzjoni ta' l-UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni Aarhus”, billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

(a)

jiġi garantit id-dritt għall-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent riċevuta jew prodotta minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u miżmuma minnhom, u billi jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi ta' l-eżerċizzju ta' dak id-dritt u l-arranġamenti prattiċi għall-istess eżerċizzju;

(b)

jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-ambjent tiġi progressivament magħmula disponibbli u mxerrda lill-pubbliku sabiex jinkisbu kemm id-disponibbiltà kif ukoll it-tixrid sistematiċi l-aktar ampji tagħha. Għal dak il-għan għandu jiġi promoss, fejn disponibbli, l-użu, partikolarment, tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika;

(ċ)

jkun hemm provvediment għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent;

(d)

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b'dan ir-Regolament.

2.   Fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jassistu u jipprovdu gwida lill-pubbliku fir-rigward ta' l-aċċess għall-informazzjoni, tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta' l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“applikant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li titlob informazzjoni dwar l-ambjent;

(b)

“il-pubbliku” tfisser persuna, jew persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi ta' tali persuni;

(ċ)

“istituzzjoni jew korp tal-Komunità” tfisser kwalunkwe istituzzjoni pubblika, korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti mit-Trattat jew abbażi ta' l-istess Trattat ħlief meta jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva. Madankollu, id-disposizzjonijiet taħt it-Titolu II għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità meta dawn jaġixxu f'kapaċità leġiżlattiva;

(d)

“informazzjoni dwar l-ambjent” tfisser kwalunkwe informazzjoni f'għamla miktuba, viżwali, li tinstema', elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

(i)

l-istat ta' l-elementi ta' l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi organiżmi ġenetikament modifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

(ii)

fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x'aktarx jaffettwaw l-elementi ta' l-ambjent msemmija fil-punt (i);

(iii)

miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-linji politiċi, il-leġislazzjoni, il-pjanijiet, il-programmi, il-ftehim ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew li x'aktarx jaffettwaw l-elementi u l-fatturi msemmija fil-punti (i) u (ii) kif ukoll miżuri jew attivitajiet intiżi sabiex jipproteġu dawn l-elementi;

(iv)

rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni dwar l-ambjent;

(v)

l-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u analiżi u ipotesi ekonomiċi oħra wżati fil-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (iii);

(vi)

l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, inklużi t-tniġġiż tal-katina alimentari, fejn rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija safejn jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta' l-elementi ta' l-ambjent imsemmija fil-punt (i) jew, permezz ta' dawn l-elementi, minn kwalunkwe materja msemmija fil-punti (ii) u (iii).

(e)

“pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent” tfisser pjanijiet u programmi,

(i)

li huma soġġetti għall-preparazzjoni u, skond il-każ, l-adozzjoni minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità;

(ii)

li huma meħtieġa taħt disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi; u

(iii)

li jikkontribwixxu jew li jistgħu isarrfu sinifikattivament għall-kisba ta' l-objettivi tal-politika ambjentali Komunitarja, bħal dawk stabbiliti fis-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent, jew fi kwalunkwe programm ġenerali ta' azzjoni ambjentali sussegwenti.

Il-programmi ġenerali ta' azzjoni ambjentali għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent.

Din id-definizzjoni m'għandhiex tinkludi pjanijiet u programmi finanzjarji jew tal-budget, jiġifieri dawk li jistabbilixxu kif għandhom jiġu finanzjati proġetti jew attivitajiet partikolari, jew dawk relatati mal-budgets annwali proposti, programmi interni ta' xogħol ta' xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, jew pjanijiet u programmi ta' emerġenza magħmula għall-għan waħdieni tal-protezzjoni ċivili;

(f)

“liġi ambjentali” tfisser leġislazzjoni Komunitarja li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali ta' risorsi naturali, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew dinjija;

(g)

“att amministrattiv” tfisser kwalunkwe miżura ta' ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità, u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment;

(h)

“ommissjoni amministrattiva” tfisser kwalunkwe nuqqas minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità milli jadottaw xi att amministrattiv kif definit fil-punt (g).

2.   Atti amministrattivi u ommissjonijiet amministrattivi ma għandhomx jinkludu miżuri meħuda jew ommissjonijiet minn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità fil-kapaċità tagħhom bħala korpi amministrattivi ta' reviżjoni, bħal taħt:

(a)

l-Artikoli 81, 82, 86 u 87 tat-Trattat (regoli tal-kompetizzjoni);

(b)

l-Artikoli 226 u 228 tat-Trattat (proċeduri fuq ksur);

(ċ)

l-Artikolu 195 tat-Trattat (proċeduri ta' l-Ombudsman);

(d)

l-Artikolu 280 tat-Trattat (proċeduri ta' l-OLAF).

TITOLU II   AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI DWAR L-AMBJENT

Artikolu 3

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta' istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta' ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta' persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta' l-attivitajiet tagħha.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kelma “istituzzjoni” fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha tinqara bħala “istituzzjoni jew korp tal-Komunità”.

Artikolu 4

Ġbir u tixrid ta' informazzjoni dwar l-ambjent

1.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jorganizzaw l-informazzjoni dwar l-ambjent pertinenti għall-funzjonijiet tagħhom u li tinsab fil-pussess tagħhom, bil-għan li tiġi mxerrda lill-pubbliku b'mod attiv u sistematiku, partikolarment permezz tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika skond l-Artikolu 11(1) u (2), u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Huma għandhom jagħmlu din l-informazzjoni dwar l-ambjent progressivament disponibbli f'databases elettroniċi li huma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' networks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom iqiegħdu din l-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma minnhom f'databases u jattrezzaw dawn b'għajnuniet għat-tiftix u forom oħra ta' software maħsuba sabiex jgħinu lill-pubbliku jsib l-informazzjoni li jeħtieġ.

M'hemmx bżonn li l-informazzjoni provduta permezz tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika tinkludi l-informazzjoni miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sakemm din mhijiex diġa' disponibbli f'forma elettronika. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom safejn possibbli jindikaw fejn tinsab l-informazzjoni miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament li mhix disponibbli f'forma elettronika.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jagħmlu kull sforz raġonevoli sabiex iżommu l-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma minnhom f'forom jew f'formati li jistgħu jiġu riprodotti faċilment u li huma aċċessibbli bil-mezzi kompjuterizzati tat-telekomunikazzjoni jew b'mezzi oħra elettroniċi.

2.   L-informazzjoni dwar l-ambjent li għandha tkun disponibbli u tiġi mxerrda għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ. Barra d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 12(2) u (3) u l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, id-databases jew ir-reġistri għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

testi ta' trattati internazzjonali, konvenzjonijiet jew ftehim, u tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent jew relatata miegħu, u ta' linji politiċi, pjanijiet u programmi relatati ma' l-ambjent;

(b)

rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni ta' l-elementi msemmija fil-punt (a) meta jkunu ppreparati jew miżmuma f'forma elettronika mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità;

(ċ)

il-passi meħuda fi proċedimenti għall-ksur tal-liġi Komunitarja mill-istadju ta' l-opinjoni raġunata skond l-Artikolu 226(1) tat-Trattat;

(d)

rapporti dwar l-istat ta' l-ambjent kif imsemmi fil-paragrafu 4;

(e)

data jew riassunti ta' data meħuda mill-monitoraġġ ta' attivitajiet li jaffettwaw, jew li jistgħu jaffettwaw, l-ambjent;

(f)

awtorizzazzjonijiet b'impatt sinifikattiv fuq l-ambjent u ftehim dwar l-ambjent, jew riferenza għall-post fejn tista' tintalab jew tinkiseb tali informazzjoni;

(ġ)

studji dwar l-impatt fuq l-ambjent u l-istima tar-riskji li jirrigwardaw elementi ambjentali, jew riferenza għall-post fejn tista' tintalab jew tinkiseb tali informazzjoni.

3.   Fejn ikun opportun, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 billi joħolqu kollegamenti ma' siti ta' l-Internet fejn tista' tinstab l-informazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, f'intervalli regolari li ma jaqbżux erba' snin, jiġi pubblikat u mxerred rapport dwar l-istat ta' l-ambjent, inkluża informazzjoni dwar il-kwalità ta' l-ambjent u l-pressjonijiet fuqu.

Artikolu 5

Kwalità ta' l-informazzjoni dwar l-ambjent

1.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom, safejn ikun fis-setgħa tagħhom, jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni miġbura minnhom jew f'isimhom tkun aġġornata, preċiża u komparabbli.

2.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom, meta jiġu mitluba, jinfurmaw lill-applikant bil-post fejn tista' tinstab, jekk tkun disponibbli, informazzjoni dwar il-proċeduri ta' kejl, inklużi l-metodi ta' analiżi, ta' teħid ta' kampjuni u ta' trattament minn qabel ta' kampjuni, użati fil-ġbir ta' l-informazzjoni. Alternattivament, huma jistgħu jirreferuh għall-proċedura standardizzata li ġiet użata.

Artikolu 6

Applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet fir-rigward ta' talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent

1.   Fir-rigward ta' l-ewwel u t-tielet inċiżi ta' l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b'eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b'mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma' emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta' l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b' mod restrittiv, b'kont meħud ta' l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma' emissjonijiet fl-ambjent.

2.   Flimkien ma' l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jistgħu jirrifjutaw aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fejn l-iżvelar ta' l-informazzjoni jolqot ħażin il-protezzjoni ta' l-ambjent li għalih tirriferi l-informazzjoni, bħas-siti tat-trobbija ta' speċi rari.

Artikolu 7

Talbiet għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent li mhijiex fil-pussess ta' istituzzjoni jew korp tal-Komunità

Fejn xi istituzzjoni jew korp tal-Komunità tirċievi talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent u fejn din l-informazzjoni ma tkunx fil-pussess ta' dik l-istituzzjoni jew ta' dak il-korp tal-Komunità, din għandha, malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn 15 il-jum ta' xogħol, tinforma lill-applikant b'dik l-istituzzjoni jew b'dak il-korp tal-Komunità jew bl-awtorità pubblika fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE li minn għandha tista possibilment tinkiseb l-informazzjoni mitluba, jew tittrasferixxi t-talba lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità jew lill-awtorità pubblika pertinenti u tinforma lill-applikant bl-istess.

Artikolu 8

Koperazzjoni

Fil-każ ta' theddida imminenti għas-saħħa tal-bniedem, il-ħajja jew għall-ambjent, kemm jekk ikkawżata minn attivitajiet tal-bniedem kif ukoll jekk dovuta għal kawżi naturali, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom, fuq talba ta' l-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tad-Direttiva 2003/4/KE, jikkollaboraw ma' dawk l-awtoritajiet pubbliċi u jassistuhom sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jxerrdu minnufih lill-pubbliku, li jista' jkun affetwat, l-informazzjoni kollha dwar l-ambjent li tista' tgħinu jieħu miżuri sabiex jimpedixxi jew inaqqas il-ħsara kkawżata mit-theddida, safejn din l-informazzjoni tkun fil-pussess, jew miżmuma għan-nom, ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u/jew dawk l-awtoritajiet pubbliċi.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika bla ħsara għal kwalunkwe obbligu speċifiku stabbilit fil-liġi Komunitarja, partikolarment bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE u bid-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE.

TITOLU III   PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU FIR-RIGWARD TA' PJANIJIET U PROGRAMMI RELATATI MA' L-AMBJENT

Artikolu 9

1.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jipprovdu, permezz ta' disposizzjonijiet prattiċi u/jew oħrajn adegwati, opportunitajiet bikrija u effettivi għall-pubbliku sabiex jipparteċipa matul il-preparazzjoni, il-modifika jew ir-reviżjoni tal-pjanijiet jew programmi relatati ma' l-ambjent meta l-għażliet kollha ikunu għadhom miftuħa. Partikolarment fejn il-Kummissjoni tipprepara proposta għal tali pjan jew programm li tiġi preżentata lill-istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Komunità għal deċiżjoni, hija għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'dak l-istadju preparatorju.

2.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jidentifikaw il-pubbliku affetwat jew li probabbilment jiġi affetwat minn xi pjan jew programm tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1, jew li jkollu interess fih, b'kont meħud ta' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jiżguraw li l-pubbliku msemmi fil-paragrafu 2 jiġi informat, jew permezz ta' avviżi pubbliċi jew b'mezzi oħra adatti, bħal mezzi elettroniċi fejn disponibbli, b'dawn li ġejjin:

(a)

l-abbozz tal-proposta, fejn disponibbli;

(b)

l-informazzjoni dwar l-ambjent jew l-istima ambjentali pertinenti għall-pjan jew programm li jkun qiegħed jiġi preparat, fejn disponibbli; u

(ċ)

arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni, inklużi:

(i)

l-entità amministrattiva li minnha tista' tinkiseb l-informazzjoni pertinenti,

(ii)

l-entità amministrattiva li lilha jistgħu jiġu preżentati kummenti, opinjonijiet jew mistoqsijiet, u

(iii)

limiti kronoloġiċi raġonevoli li jagħtu żmien suffiċjenti lill-pubbliku sabiex jinforma ruħu u jipprepara u jipparteċipa effettivament fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent.

4.   Għandu jiġi ffissat limitu ta' żmien perentorju ta' mhux inqas minn tmien ġimgħat sabiex jintlaqgħu kummenti. Fejn jiġu organizzati laqgħat jew udjenzi, għandu jingħata avviż minn qabel ta' mhux inqas minn erba' ġimgħat. Il-limiti ta' żmien perentorji jistgħu jitnaqqsu f'każijiet urġenti jew fejn il-pubbliku diġa' kellu l-opportunità li jikkummenta dwar il-pjan jew programm in kwistjoni.

(5)   Fit-teħid ta' deċiżjoni dwar pjan jew programm marbuta ma' l-ambjent, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jieħdu kont debitu tar-riżultat tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jinformaw lill-pubbliku dwar dak il-pjan jew programm, inkluż it-test tagħhom, u dwar ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom hi bbażata d-deċiżjoni, inkluż informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

TITOLU IV   REVIŻJONI INTERNA U AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA

Artikolu 10

Talba għal reviżjoni interna ta' l-atti amministrattivi

1.   Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali jew, f'każ ta' allegazzjoni ta' ommissjoni amministrattiva, li kellhom jadottaw tali att.

Tali talba għandha ssir bil-miktub u f'limitu ta' żmien perentorju li ma jaqbiżx is-sitt ġimgħat wara li l-att amministrattiv ikun ġie adottat, notifikat jew pubblikat skond liema jkun l-aktar tard, jew, f'każ ta' allegazzjoni ta' ommissjoni, sitt ġimgħat wara d-data li fiha l-att amministrattiv kien meħtieġ. It-talba għandha tinkludi r-raġunijiet għar-reviżjoni.

2.   L-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw kull talba bħal din, sakemm hija ma tkunx b'mod ċar infondata. L-istituzzjoni jew korp tal-Komunità għandhom jagħtu r-raġunijiet tagħhom f'risposta bil-miktub malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn tnax-il ġimgħa wara r-riċezzjoni tat-talba.

3.   Fejn, minkejja l-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità ma jkunux jistgħu jaġixxu skond il-paragrafu 2, huma għandhom jinformaw lill-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-perjodu msemmi f'dak il-paragrafu, bir-raġunijiet għan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom u dwar meta għandhom il-ħsieb li jaġixxu.

Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità għandhom jaġixxu fi żmien tmintax-il ġimgħa mir-riċezzjoni tat-talba.

Artikolu 11

Kriterji għal dritt fil-livell Komunitarju

1.   Organizzazzjoni mhux governattiva għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10, kemm-il darba:

(a)

tkun persuna ġuridika, indipendenti u mingħajr fini ta' profitt skond il-liġi nazzjonali jew il-prassi ta' Stat Membru;

(b)

ikollha l-għan primarju dikjarat li tippromwovi l-protezzjoni ta' l-ambjent fil-kuntest tal-liġi ambjentali;

(ċ)

tkun ilha teżisti għal aktar minn sentejn u tkun qiegħda ssegwi b'mod attiv l-għan imsemmi fil-punt (b);

(d)

is-suġġett li dwaru ssir it-talba għal reviżjoni interna jinsab fl-ambitu ta' l-għan u ta' l-attivitajiet tagħha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta d-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1.   L-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tista' tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat.

2.   Fejn l-istituzzjoni jew il-korp tal-Komunità jonqsu milli jaġixxu skond l-Artikolu 10(2) jew (3), l-organizzazzjoni mhux governattiva tista' ġġib azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat.

TITOLU V   DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Miżuri ta' applikazzjoni

Fejn ikun meħtieġ, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jadattaw ir-regoli ta' proċedura tagħhom għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawn l-adattamenti għandhom ikollhom effett mit-28 ta’ Ġunju 2007.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak li fih ikun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Settembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 117, 30.4.2004, p. 52.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 612), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005 (ĠU C 264 E, 25.10.2005, p. 18) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2006.

(3)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

(4)  Ir-Raba’ Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent (ĠU C 328, 7.12.1987, p. 1). Il-Ħames Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent (ĠU C 138, 17.5.1993, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).

(6)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(7)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(8)  ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).


Top