Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0123

Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern

OJ L 376, 27.12.2006, p. 36–68 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 058 P. 50 - 82
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 058 P. 50 - 82
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 047 P. 160 - 192

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/123/oj

27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

36


DIRETTIVA 2006/123/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar is-servizzi fis-suq intern

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenzi ta’ l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-Komunità Ewropea qiegħda tfittex li ssawwar rabtiet dejjem eqreb bejn l-Istati u l-popli ta’ l-Ewropa u li tiżgura progress ekonomiku u soċjali. Skond l-Artikolu 14(2) tat-Trattat, is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tas-servizzi huwa assigurat. Bi qbil ma’ l-Artikolu 43 tat-Trattat il-libertà ta’ stabbiliment hija assigurata. L-Artikolu 49 tat-Trattat jistabbilixxi d-dritt li jiġu provduti servizzi fi ħdan il-Komunità. L-eliminazzjoni ta’ barrieri għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi bejn l-Istati Membri huwa essenzjali sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-popli Ewropej u biex ikun promoss progress ekonomiku u soċjali bbilanċjati u sostenibbli. Għall-eliminazzjoni ta’ tali ostakoli, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet tas-servizzi jikkontribwixxi għat-twettiq tax-xogħol stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dak li jinkoraġġixxi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u, sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ impjieg u ta’ ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompettitività u konverġenza fir-rendiment ekonomiku, livell għoli ta’ ħarsien u titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent, it-titjib tal-livell ta’ l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja, u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

(2)

Suq kompettiv fis-servizzi huwa essenzjali sabiex jitmexxa ’l quddiem tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa, bosta ostakoli fi ħdan is-suq intern jimpedixxu lil fornituri, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), milli jestendu l-operazzjonijiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u milli jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern. Dan idgħajjef il-kompetittività dinjija tal-fornituri fl-Unjoni Ewropea. Suq liberu li jġiegħel lill-Istati Membri biex jeliminaw ir-restrizzjonijiet dwar il-forniment tas-servizzi minn pajjiż għal ieħor filwaqt li fl-istess ħin iżid it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi jagħti lill-konsumaturi għażla akbar u servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi.

(3)

Ir-rapport mill-Kummissjoni dwar “L-Istat tas-Suq Intern għas-Servizzi” għamel inventarju ta' numru kbir ta' ostakoli li qed iżommu l-iżvilupp tas-servizzi bejn l-Istati Membri jew iġiegħluh jmur bil-mod, b'mod partikolari dawk ipprovduti mill-SMEs, li huma predominanti fil-qasam tas-servizzi. Ir-rapport jikkonkludi li wara għaxar snin minn meta kien mistenni jitlesta s-suq intern, għad baqa’ differenza enormi bejn il-viżjoni ta’ ekonomija integrata fl-Unjoni Ewropea u r-realtà esperjenzata miċ-ċittadini u l-fornituri Ewropej. L-ostakoli jaffettwaw varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet tas-servizzi matul l-istadji kollha ta’ l-attività tal-fornitur tas-servizz u għandhom numru ta’ karatteristiċi komuni, inkluż il-fatt li dawn ta’ spiss jiġu minn piżijiet amministrattivi, l-inċertezza legali assoċjata ma’ attività bejn pajjiż u ieħor u n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

(4)

Peress li s-servizzi jikkostitwixxu il-magna tat-tkabbir ekonomiku u jagħmlu 70 % tal-PGD u ta’ l-impjieg fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, din il-frammentazzjoni tas-suq intern għandha impatt negattiv fuq l-ekonomija sħiħa Ewropea, b’mod partikolari fuq il-kompetittività ta’ l-SMEs u l-moviment tal-ħaddiema, u timpedixxi lill-konsumaturi milli jkollhom aċċess għal varjetà akbar ta’ servizzi prezzati b’mod kompetittiv. Huwa importanti li jitfakkar li s-settur tas-servizzi huwa settur prinċipali ta’ impjieg għan-nisa b’mod partikolari, u li għalhekk huma għandhom għax jibbenefikaw bil-kbir mill-opportunitajiet il-ġodda offruti mit-tlestija tas-suq intern għas-servizzi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill saħqu li t-tneħħija ta’ barrieri legali għal ħolqien ta’ suq intern ġenwin hija kwistjoni ta’ prijorità biex jintlaħaq il-għan stabbilit mill-Kunsill Ewropew f’Lisbona fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000 li jittejjeb l-impjieg u l-koeżjoni soċjali u jintlaħaq tkabbir ekonomiku sostenibbli sabiex l-Unjoni Ewropea ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja sa l-2010, b’iktar impjiegi u impjiegi aħjar. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli, waqt li jkun żgurat mudell soċjali Ewropew avvanzat, hija għalhekk kondizzjoni bażika biex jingħelbu d-diffikultajiet li nqalgħu waqt l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona u biex titqajjem mill-ġdid l-ekonomija Ewropea, partikolarment f’termini ta’ impjieg u investiment. Huwa għalhekk importanti li jintlaħaq suq intern għas-servizzi, bil-bilanċ ġust bejn il-ftuħ tas-suq u l-preservazzjoni tas-servizzi pubbliċi u drittjiet soċjali u tal-konsumatur.

(5)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.

(6)

Dawk il-ostakoli ma jistgħux jitneħħew biss billi jserrħu fuq l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat, peress, li minn naħa, jekk jiġu indirizzati fuq bażi individwali permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati, speċjalment wara t-tkabbir, ikunu tassew kumplikat għall-istituzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, u minn naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ bosta ostakoli titlob koordinazzjoni minn qabel ta’ l-iskemi legali nazzjonali, inkluż l-ħolqien ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stess irrikonoxxew, strument Komunitarju leġiżlattiv jagħmilha possibbli li jintlaħaq suq ġenwin intern għas-servizzi.

(7)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta' vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. Dak il-qafas huwa bbażat fuq approċċ dinamiku u selettiv li jikkonsisti, bħala kwistjoni ta’ prijorità, fit-tneħħija ta’ ostakoli li jistgħu jiġu żarmati malajr u, għall-oħrajn, it-tnedija ta’ proċess ta’ evalwazzjoni, konsultazzjoni u armonizzazzjoni komplimentarja ta’ kwistjonijiet speċifiċi, li jagħmlu possibbli l-immodernizzar progressiv u koordinat ta’ sistemi regolatorji nazzjonali għal attivitajiet ta’ servizz li hu vitali għall-akkwist ta’ suq intern ġenwin għal servizzi sa l-2010. Għandu jsir provvediment għal taħlita ta’ miżuri bilanċjata li tinvolvi armonizzazzjoni immirata, kooperazzjoni amministrattiva, id-disposizzjoni dwar il-liberta' ta' forniment ta' servizzi u inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar ċerti kwistjonijiet. Dik il-koordinazzjoni ta’ sistemi nazzjonali leġislattivi għandha tiżgura livell għoli ta’ integrazzjoni legali Komunitarja u livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-għanijiet ġenerali ta’ interess, speċjalment il-ħarsien tal-konsumaturi, li huwa vitali sabiex tiġi stabbilita fiduċja bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva tqis ukoll għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali, inkluż il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika kif ukoll il-bżonn li jkun hemm konformità mal-liġi tax-xogħol.

(8)

Huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-libertà ta' stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jew biex jilliberalizzaw servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku jew biex jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li jipprovdu tali servizzi jew li jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni.

(9)

Din id-Direttiva tapplika biss għal ħtiġijiet li jaffettwaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz. Għalhekk, ma japplikax għal ħtiġijiet, bħal regoli tat-traffiku fit-triq, regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu ta’ l-art, ippjanar urban jew rurali, standards tal-bini kif ukoll penali amministrattivi imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli li ma jirregolawx b'mod speċifiku jew ma jaffettwawx b'mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom.

(10)

Din id-Direttiva ma tikkonċernax ħtiġijiet li jiggvernaw l-aċċess għal fondi pubbliċi għal ċerti fornituri. Tali ħtiġijiet jinkludu partikolarment dawk li jistipulaw kondizzjonijiet li taħthom fornituri huma intitolati li jirċievu finanzjament pubbliku, inklużi kondizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, u b’mod partikolari standards ta’ kwalità li hemm bżonn li jkunu osservati bħala kondizzjoni biex jittieħed finanzjament pubbliku, per eżempju għas-servizzi soċjali.

(11)

Din id-Direttiva ma tinterferix mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, rigward il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-midja, inkluż il-finanzjament tiegħu. Din id-Direttiva ma żżommx lill-Istati Membri milli japplikaw id-drittijiet fundamentali tagħhom u l-prinċipji dwar il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ espressjoni. Din id-Direttiva ma taffettwax liġijiet ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità jew fuq bażijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 13 tat-Trattat.

(12)

Din id-Direttiva għandha l-għan li toħloq qafas legali biex tiżgura l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u ma tarmonizzax jew tippreġudika l-liġi kriminali. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' forniment ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’eluzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

(13)

Huwa daqstant importanti li din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ l-inizjattivi Komunitarji bbażati fuq l-Artikolu 137 tat-Trattat bi ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ l-Artikolu 136 tiegħu dwar il-promozzjoni ta’ l-impjieg u kundizzjonijiet imtejba ta’ għajxien u xogħol.

(14)

Din id-Direttiva ma taffettwax it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, inklużi perjodi ta’ xogħol massimi u perjodi ta’ serħan minimi, il-minimu tal-vaganzi annwali mħallsin, ir-rata minima ta’ ħlas kif ukoll saħħa, sigurtà u iġjene fil-post tax-xogħol, li l-Istati Membri japplikaw f’konformità mad-dritt Komunitarju, lanqas ma taffettwa relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inklużi d-drittijiet biex tinnegozja jew tikkonkludi ftehim kollettivi, id-dritt li tistrajkja u li tieħu azzjonijiet industrijali skond il-liġi u l-prattika nazzjonali li jirrispettaw il-liġi Komunitarja u lanqas ma tapplika għal servizzi pprovduti mill-aġenziji ta’ xogħol temporanju. Din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri.

(15)

Din id-Direttiva tirrispetta l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali applikabbli fl-Istati Membri u kif rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha, billi tirrikonċiljahom mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat. Dawk id-drittijiet fundamentali jinkludu d-dritt li tieħu azzjoni industrijali skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali li jirrispettaw il-liġi Komunitarja.

(16)

Din id-Direttiva tikkonċerna biss il-fornituri stabbiliti fi Stat Membru u ma tkoprix aspetti esterni. Ma tikkonċernax negozjati f’organizzazzjonijiet internazzjonali dwar il-kummerċ fis-servizzi, b’mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

(17)

Din id-Direttiva tkopri biss is-servizzi li huma mwettqa għal kunsiderazzjoni ekonomika. Servizzi ta’ interess ġenerali mhumiex koperti bid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tat-Trattat u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti servizzi oħrajn ta’ interess ekonomiku ġenerali, per eżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta' servizzi mniżżla f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma tittrattax il-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u ma tapplikax għas-sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, skond ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma tittrattax is-segwitu tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ Interess Ġenerali.

(18)

Servizzi finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal leġislazzjoni Komunitarja speċifika, immirata, bħal f’din id-Direttiva, li tikseb suq ġenwin intern għas-servizzi. Għalhekk, din l-esklużjoni għandha tkopri s-servizzi kollha finanzjarji bħas-servizzi bankarji, tal-kreditu, l-assigurazzjoni, inkluża l-assigurazzjoni mill-ġdid, il-pensjonijiet tax-xogħol u dawk personali, it-titoli, fondi ta’ investiment, il-pagamenti u l-pariri ta’ investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (4).

(19)

Fid-dawl ta’ l-adozzjoni fl-2002 ta’ pakkett ta’ strumenti leġislattivi marbutin ma’ networks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, kif ukoll ma’ riżorsi assoċjati u servizzi, li stabbiliet qafas regolatorju li jiffaċilita l-aċċess għal dawk l-attivitajiet fi ħdan is-suq intern, partikolarment permezz ta’ l-eliminazzjoni ta’ bosta skemi individwali ta’ awtorizzazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu esklużi kwistjonijiet trattati b’dawk l-istrumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(20)

L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva dwar kwistjonijiet ta’ servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kif koperti bid-Direttivi 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ Aċċess) (5), 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) (7), 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva għal Servizz Universali) (8) u 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (9) għandhom japplikaw mhux biss għall-kwistjonijiet li ġew speċifikament trattati f’dawn id-Direttivi iżda wkoll għal kwistjonijiet li għalihom id-Direttivi espliċitament iħallu lill-Istati Membri l-possibilità li jadottaw ċerti miżuri fuq livell nazzjonali.

(21)

Servizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(22)

L-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.

(23)

Din id-Direttiva ma taffetwax ir-rimborż tal-kura tas-saħħa pprovdut fi Stat Membru barra dak li fih dak li qiegħed jirċievi l-kura huwa resident. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, u l-Qorti rrikonoxxiet id-drittijiet tal-pazjenti. Huwa importanti li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fi strument legali Komunitarju ieħor sabiex tinkiseb iktar sigurtà u ċarezza ġuridika safejn din il-kwistjoni mhijiex indirizzata diġà fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (10).

(24)

Servizzi awdjoviżivi, tkun xi tkun il-metodu ta’ trasmissjoni, inkluża fi ħdan iċ-ċinemas, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri fis-settur awdjoviżwali li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

(25)

Attivitajiet ta’ logħob ta’ l-ażżard, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ mħatri, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawn l-attivitajiet, li jinvolvu implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' linji politiċi li għandhom x’jaqsmu mal-politika pubblika u mal-ħarsien tal-konsumatur.

(26)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 tat-Trattat.

(27)

Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.

(28)

Din id-Direttiva ma tittrattax l-iffinanzjar ta’, jew is-sistema ta’ għajnuniet marbuta ma’, servizzi soċjali. U lanqas ma taffettwa l-kriterji jew il-kondizzjonijiet stabbliti mill-Istati Membri biex jiżguraw li s-servizzi soċjali effettivament iwettqu funzjoni għall-benefiċċju ta’ l-interess pubbliku u tal-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju ta’ servizz universali fis-servizzi soċjali ta’ l-Istati Membri.

(29)

Minħabba li t-Trattat jipprovdi bażi legali speċifika għal kwistjonijiet ta’ tassazzjoni u tenut kont ta' l-istrumenti Komunitarji diġà adottati f’dak il-qasam, huwa meħtieġ li jiġi eskluż il-qasam tat-tassazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(30)

Diġà hemm ġabra konsiderevoli ta’ liġi Komunitarja dwar l-attivitajiet tas-servizz. Din id-Direttiva tibni fuq, u għalhekk tikkumplimenta, l-acquis Komunitarju. Konflitti bejn din id-Direttiva u strumenti oħrajn Komunitarji ġew identifikati u huma indirizzati b’din id-Direttiva, inkluż permezz ta’ derogi. Madankollu, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta regola għal kwalunkwe każijiet residwali u eċċezzjonali fejn hemm kunflitt bejn id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva u dispożizzjoni ta’ strument Komunitarju ieħor. L-eżistenza ta’ konflitt bħal dan għandha tiġi ddetrminata f’konformità mar-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.

(31)

Din id-Direttiva hija konsistenti ma' u ma taffettwax id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (11). Titratta mistoqsijiet lil hinn minn dawk li jirrelataw mal-kwalifiki professjonali, per eżempju assigurazzjoni ta’ responsabilità professjonali, komunikazzjonijiet kummerċjali, attivitajiet multidixxiplinarji u simplifikazzjoni amministrattiva. Fir-rigward tal-provvediment ta’ servizz temporanju bejn pajjiż u ieħor, deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’din id-Direttiva tiżgura li t-Titolu II dwar il-forniment liberu ta' servizzi f'din id-Direttiva 2005/36/KE mhux affettwat. Għalhekk, l-ebda waħda mill-miżuri applikabbli taħt dik id-Direttiva fl-Istat Membru fejn is-servizzi huwa pprovdut ma hija affettwata mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

(32)

Din id-Direttiva hija konsistenti ma’ leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bħad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali bejn in-negozji u l-konsumaturi li ma humiex ġusti fis-suq intern (id-Direttiva dwar il-Prassi Kummerċjali Inġusti) (12) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur) (13).

(33)

Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, inklużi servizzi ta’ negozju bħal konsulenza dwar amministrazzjoni, ċertifikazzjoni u ittestjar; amministrazzjoni ta’ faċilitajiet, inkluż manutenzjoni ta’ uffiċċju; reklamar; servizzi ta’ reklutaġġ; u s-servizzi ta’ aġenti kummerċjali. Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal parir legali jew fiskali; servizzi dwar beni immobbli bħal aġenziji ta’ beni immobbli; il-bini, inkluż is-servizzi ta’ periti; kummerċ ta’ tqassim; l-organizzazzjoni ta’ fieri tal-kummerċ; kiri ta’ karozzi; aġenziji ta’ l-ivvjaġġar. Is-servizzi lill-konsumatur huma koperti wkoll, bħal dawk fil-qasam tat-turiżmu, inklużi żjajjar gwidati; servizzi ta’ ħin liberu, ċentri sportivi u parkijiet tad-divertiment; u, sakemm dawn ma kinux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, servizzi ta’ appoġġ għall-familji, bħal għajnuna għall-anzjani. Dawk l-attivitajiet jistgħu jinvolvu servizzi li jitolbu l-prossimità tal-fornitur u r-riċevitur, servizzi li jitolbu safar mir-riċevitur jew mill-fornitur u servizzi li jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod, inkluż permezz ta’ l-internet.

(34)

Skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni ta’ jekk ċerti attivitajiet, b’mod partikolari attivitajiet li huma ffinanzjati pubblikament jew ipprovduti minn entitajiet pubbliċi, jikkostitwixxux “servizz” jew le għandha titwettaq fuq bazi ta’ każ b’każ fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom kollha, b’mod partikolari l-mod ta’ kif inhuma pprovduti, organizzati u ffinanzjati fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li l-karatteristika essenzjali tar-rimunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tkun magħmula minn konsiderazzjoni għas-servizzi in kwistjoni u rrikonoxxiet li l-karatteristika ta’ remunerazzjoni hija assenti fil-każ ta’ l-attivitajiet li twettqu, għall-ebda kunsiderazzjoni, mill-Istat jew f’isem l-Istat fil-kuntest tad-doveri tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali, edukattivi u ġudizzjarja, bħal korsijiet ipprovduti taħt is-sistema nazzjonali edukattiva, jew il-ġestjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali li mhumiex marbuta ma’ attività ekonomika. Il-pagament ta’ miżata mir-riċevituri, pereżempju miżata għat-tagħlim jew ta’ reġistrazzjoni mħallsa mill-istudenti sabiex jagħmlu ċerta kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi ta’ sistema, fiha nnifisha ma titqiesx bħala remunerazzjoni billi s-serviżż għadu essenzjalement iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Dawn l-attivitajiet għalhekk, mhumiex koperti bid-definizzjoni ta’ servizz fl-Artikolu 50 tat-Trattat u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(35)

Attivitajiet sportivi għad-dilettanti li ma jagħmlux profitt huma ta’ importanza soċjali konsiderevoli. Dawn spiss ikollhom għanijiet totalment soċjali jew rekreazzjonali. Għalhekk, mhux bilfors jaqgħu taħt l-attivitajiet ekonomiċi fi ħdan it-tifsira tal-liġi Komunitarja u għandhom jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(36)

Il-kunċett ta’ “fornitur” għandu jkopri kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadina ta’ Stat Membru jew kwalunkwe persuna legali li hija marbuta f’attività ta’ servizz fi Stat Membru, b’eżerċizzju jew ta’ libertà ta’ stabbiliment jew tal-moviment liberu tas-servizzi. Il-kunċett ta’ fornitur għalhekk ma għandux ikun limitat biss għal provvista transkonfini ta’ servizzi fi ħdan il-qafas tal-moviment liberu tas-servizzi iżda għandu jkopri wkoll każijiet li fihom operatur jistabbilixxi lilu nnifsu fi Stat Membru sabiex jiżviluppa l-attivitajiet ta’ servizz tiegħu hemmhekk. Mill-banda l-oħra, il-kunċett ta’ fornitur ma għandux ikopri l-każ ta’ fergħat fi Stat Membru ta’ kumpanniji minn terzi pajjiżi għaliex taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat, il-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi tista’ tibbenefika biss lil kumpanniji kostitwiti skond il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, amministrazzjoni ċentrali jew post prinċipali ta’ negozju fi ħdan il-Komunità. Il-kunċett ta’ “riċevitur” għandu jkopri wkoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà qed jibbenefikaw minn drittijiet mogħtija lilhom permezz ta’ atti Komunitarji bħar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, id-Direttiva 2003/109/KE tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal tul ta' żmien (14), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 ta’ l-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (15) u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri (16). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-kunċett ta’ riċevitur lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħrajn li huma preżenti fi ħdan it-territorju tagħhom.

(37)

Il-post li fih il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit għandu jkun iddeterminat bi qbil mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema l-kunċett ta’ stabbiliment jinvolvi s-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss għal perjodu indefinit. Dan ir-rekwiżit jista’ wkoll jitwettaq fejn kumpannija hija kkostitwita għal perjodu fiss jew fejn tikri l-bini jew l-installazzjoni li biha ssegwi l-attività tagħha. Tista’ wkoll tkun imwettqa fejn Stat Membru jagħti l-awtorizzazzjonijiet għal tul limitat biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi partikolari. Stabbiliment m’għandux bżonn jieħu l-forma ta’ sussidjarju, fergħa jew aġenzija, iżda jista’ jikkonsisti f’uffiċċju mmexxi minn personal tal-fornitur stess jew minn persuna li hija indipendenti iżda awtorizzata li taġixxi fuq bażi permanenti għall-intrapriża, kif ikun il-każ b’aġenzija. Skond din id-definizzjoni li titlob is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika fil-post ta’ stabbiliment ta’ fornitur ta’ servizz, sempliċi kaxxa postali ma tikkostitwixxix stabbiliment. Fejn fornitur għandu diversi postijiet ta’ stabbilment, huwa importanti li jiddetermina il-post ta’ stabbiliment li minnu s-servizz effettiv ikkonċernat huwa pprovdut. Fejn ikun diffiċli tiddetermina minn liema mid-diversi postijiet ta’ stabbiliment huwa pprovdut servizz partikolari, il-post fejn il-fornitur ikollu ċ-ċentru ta’ l-attivitajiet tiegħu li jirrelataw ma’ dan is-servizz partikolari ikun dan il-post ta' stabbiliment.

(38)

Il-kunċett ta “persuni ġuridiċi” skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-istabbiliment jħalli lill-operaturi liberi li jagħżlu l-forma legali li huma jqisu xierqa biex iwettqu l-attività tagħhom. Għalhekk, “persuni ġuridiċi”, fi ħdan it-tifsira tat-Trattat, tfisser l-entitajiet kollha kkostitwiti taħt, jew iggvernati minn, il-liġi ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-forma legali tagħhom.

(39)

Il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” għandu jkopri, fost oħrajn, il-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji, approvazzjonijiet jew konċessjonijiet, u kif ukoll l-obbligu, sabiex jkun eliġibbli biex jeżerċita l-attività, biex jkun irreġistrat bħala membru ta’ professjoni jew imdaħħal f’reġistru, lista jew database, biex jkunu uffiċjalment maħtura f’korp jew jikseb kard ta’ sħubija ta’ professjoni partikolari. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata mhux biss b’deċiżjoni formali iżda wkoll b’deċiżjoni impliċita li tirriżulta, per eżempju, minn silenzju ta’ awtorità kompetenti jew mill-fatt li l-parti interessata trid tistenna l-konferma ta’ l-irċevuta ta’ dikjarazzjoni sabiex tibda l-attività in kwistjoni jew biex din ta’ l-aħħar issir legali.

(40)

Il-kunċett ta’ “raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku” li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat u jista’ jkompli jevolvi. Il-kunċett kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, fit-tifsira ta’ l-Artikoli 46 u 55 tat-Trattat; iż-żamma ta’ l-ordni fis-soċjetà; objettivi tal-politika soċjali; il-protezzjoni tar-riċevituri ta’ servizzi; protezzjoni tal-konsumatur; il-protezzjoni ta’ ħaddiema, inkluż il-protezzjoni soċjali ta’ ħaddiema; benesseri ta’ annimali; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-prevenzjoni ta’ frodi; il-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban, inkluż l-ippjanar urban u rurali; il-protezzjoni ta’ kredituri; is-salvagwardja ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; sigurtà fit-toroq; il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; l-objettivi tal-politika kulturali, inkluża salvagwardja tal-libertà ta’ l-espressjoni ta’ diversi elementi, b’mod partikolari valuri soċjali, kulturali, reliġjużi u filosofiċi tas-soċjetà; il-ħtieġa li jkun żgurat livell għoli ta’ edukazzjoni, iż-żamma tad-diversità ta’ l-istampa u l-promozzjoni tal-lingwa nazzjonali; il-preservazzjoni tal-wirt nazzjonali storiku u artistiku; u politika veterinarja.

(41)

Il-kunċett ta’ “politika pubblika”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikopri l-protezzjoni kontra theddid serju ġenwin u suffiċjenti li jaffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà u jista’ jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet relatati mad-dinjità umana, il-protezzjoni ta’ minuri u adulti vulnerabbli u l-benesseri ta’ l-annimali. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ sigurtà pubblika tinkludi kwistjonijiet ta’ sigurta pubblika.

(42)

Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri amministrattivi ma għandhomx jimmiraw biex jarmonizzaw il-proċeduri amministrattivi iżda sabiex ineħħu l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li huma tassew ta’ piż, proċeduri u formalitajiet li jxekklu l-libertà ta’ l-istabbiliment u l-ħolqien ta’ impriżi ġodda ta’ servizzi li jirriżultaw minn dan.

(43)

Waħda mid-diffikultajiet fundamentali ffaċċjati, b'mod partikolari mill-SMEs, biex ikollhom aċċess għall-attivitajiet ta’ servizz u jeżerċitawhom, hija l-kumplessità, it-tul u l-inċertezza legali tal-proċeduri amministrattivi. Għal din ir-raġuni, fuq l-eżempju ta’ ċerti prassi ta’ inizjattiva ta’ amministrazzjoni tajba u moderna li ttieħdet fuq livell Komunitarju u nazzjonali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji ta' simplifikazzjoniamministrattiva fost oħrajn permezz tal-limitazzjoni ta’ l-obbligu għall-awtorizzazzjoni minn qabel għal każijiet li fihom din hi essenzjali u l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ l-awtorizzazzjoni miftiehem mill-awtoritajiet kompetenti wara li jkun skada ċertu perjodu ta’ żmien. Azzjoni ta’ modernizzazzjoni bħal din, filwaqt li żżomm ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-aġġornament ta’ l-informazzjoni relatata ma’ l-operaturi, għandha l-ħsieb li telimina d-dewmien, l-ispejjeż u l-effetti diswassivi li jinqalgħu, per eżempju minn proċeduri mhux meħtieġa, jew eċċessivament kumplessi u ta’ piż, id-duplikazzjoni tal-proċeduri, il-burokrazija involuta fil-preżentazzjoni tad-dokumenti, l-użu arbitrarju ta' setgħat mill-awtoritajiet kompetenti, perjodi ta’ indeterminazzjoni jew twal b’mod eċċessiv qabel ma tingħata risposta, il-perjodu tal-ħin limitat tal-validità ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u l-miżati u l-penali disproporzjonati. Tali prassi għandhom effett sinjifikattiv partikolarment disswassiv fuq il-fornituri li jixtiequ jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra u għandhom bżonn modernizzazzjoni kkordinata fi ħdan is-suq intern imkabbar ta’ ħamsa u għoxrin Stat Membru.

(44)

L-Istati Membri għandhom idaħħlu, fejn xieraq, formuli armonizzati f’livell Komunitarju, kif stabbilit mill-Kummissjoni, li jkunu ekwivalenti għal ċertifikati, attestazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor f’relazzjoni ma’ l-istabbiliment.

(45)

Sabiex jiġi eżaminat il-bżonn li jiġu ssimplifikati l-proċeduri u l-formalitajiet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’mod partikolari, jqisu l-ħtieġa tagħhom, in-numru, il-possibilità ta’ duplikazzjoni, l-ispejjeż, iċ-ċarezza u l-aċċessibilità, kif ukoll id-dewmien u d-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jikkawżaw lill-fornitur tas-servizzi kkonċernat.

(46)

Sabiex jiffaċilita l-aċċess għal attivitajiet tas-servizz u l-eżerċizzju tagħhom fis-suq intern, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit objettiv, komuni għall-Istati Membri kollha, ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u biex jistipula d-dispożizzjonijiet dwar, fost oħrajn, id-dritt għall-informazzjoni, proċeduri b’mezzi elettroniċi u l-istabbliment ta’ qafas għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni. Miżuri oħrajn adottati fuq livell nazzjonali biex jilħqu dak l-għan jistgħu jinvolvu t-tnaqqis tan-numru ta’ proċeduri u formalitajiet applikabbli għall-attivitajiet ta’ servizz u r-restrizzjoni ta’ tali proċeduri u formalitajiet għal dak li huma essenzjali sabiex jintlaħaq għan ta' interess ġenerali u li ma jidduplikawx lil xulxin f’termini ta’ kontenut u skop.

(47)

Bil-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, rekwiżiti formali ġenerali, bħal preżentazzjoni ta’ dokumenti oriġinali, kopji ċċertifikati jew traduzzjoni ċċertifikata, m’għandhomx ikunu imposti, ħlief fejn iġġustifikati oġġettivament b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema, is-saħħa pubblika, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li awtorizzazzjoni tippermetti bħala regola ġenerali aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju nazzjonali, sakemm awtorizzazzjoni ġdida għal kull stabbiliment, per eżempju għal kull hypermarket ġdid, jew awtorizzazzjoni li hija ristretta għal parti speċifika ta’ territorju nazzjonali hija ġġustifikata oġġettivament b'raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku.

(48)

Sabiex il-proċeduri amministrattivi jiġu simplifikati iżjed, huwa xieraq li jiġi żgurat li kull fornitur ikollu punt waħdieni li minnu jista’ jlesti l-proċeduri u l-formalitajiet kollha (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “punti ta’ kuntatt waħdieni”). In-numru ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni għal kull Stat Membru jista’ jvarja skond il-kompetenzi reġjunali jew lokali u skond l-attivitajiet ikkonċernati. Il-ħolqien ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni ma għandux jinterferixxi ma’ l-allokazzjoni ta’ funzjonijiet fost l-awtoritajiet kompetenti f’kull sistema nazzjonali. Fejn diversi awtoritajiet fuq livell reġjunali jew lokali huma kompetenti, wieħed minnhom jista’ jassumi r-rwol ta’ punt ta’ kuntatt waħdieni u ta’ koordinatur. Punti ta’ kuntatt waħdieni jistgħu jiġu stabbiliti mhux biss mill-awtoritajiet amministrattivi iżda wkoll mill-kamra tal-kummerċ jew tas-snajja’, jew minn organizzazzjonijiet professjonali jew korpi privati li fihom Stat Membru jiddeċiedi li jafda dik il-funzjoni. Punti ta’ kuntatt waħdieni għandhom rwol importanti fil-provvista ta’ għajnuna lill-fornituri jew bħala l-awtorità direttament kompetenti biex toħroġ id-dokumenti meħtieġa biex ikollhom aċċess għall-attività tas-servizz jew bħal intermedjarju bejn il-fornitur u l-awtoritajiet li huma direttament kompetenti.

(49)

Il-miżata li tista’ tiġi ċċarġjata mill-punti ta’ kuntatt waħdieni għandha tkun proporzjonata ma’ l-ispejjeż tal-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom x’jaqsmu magħhom. Dan ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jafdaw lill-punti ta’ kuntatt waħdieni bil-ġbir ta’ miżati amminstrattivi oħra bħal miżata tal-korpi ta’ superviżjoni.

(50)

Huwa meħtieġ li l-fornituri u r-riċevitur tas-servizzi jkollhom aċċess faċli għal ċerti tipi ta’ informazzjoni. Għandu jkun għall-Istati Membri li jiddeterminaw, fil-qafas ta’ din id-Direttiva, l-mod il-fornituri u r-riċevituri huma pprovduti b'informazzjoni. B’mod partikolari, l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti hija aċċessibli faċilment mill-fornituri u r-riċevituri u li l-pubbliku jista’ jasal għaliha mingħajr ostakoli jista’ jintlaħaq billi din l-informazzjoni tintgħamel aċċessibbli permezz ta’ website. Kwalunkwe informazzjoni li tingħata għandha tingħata b’mod ċar u mingħajr ambigwità.

(51)

L-informazzjoni mogħtija lill-fornituri u r-riċevituri ta' servizzi għandha tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar proċeduri u formalitajiet, dettalji ta’ kuntatt ta’ l-awtoritajiet kompetenti, kundizzjonijiet għal aċċess ta’ reġistri pubbliċi u databases u informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li min għandhom il-fornituri jew ir-riċevituri jistgħu jiksbu għajnuna prattika. L-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti biex jgħinu lill-fornituri u lir-riċevituri ma għandux jinkludi l-għoti ta’ parir legali f’każijiet individwali. Madanakollu, għandha tingħata informazzjoni ġenerali dwar il-mod kif ir-rekwiżiti huma normalment interpretati jew applikati. Kwistjonijiet bħal responsabbiltà għal provvista ta' informazzjoni inkorretta jew qarrieqa għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri.

(52)

L-istabbiliment, fil-futur raġonevolment qrib, ta’ mezzi elettroniċi ta’ kif jitlestew proċeduri u formalitajiet se jkun vitali għas-simplifikazzjoni amministrattiva fil-qasam ta’ l-attivitajiet tas-servizz, għall-benefiċċju tal-fornituri, riċevituri u awtoritajiet kompetenti. Sabiex jintlaħaq dak l-obbligu fir-rigward ta' riżultati, il-liġijiet nazzjoniali u regoli oħrajn applikabbli għas-servizzi jista’ jkun li jkollhom bżonn li jiġu adattati. Dan l-obbligu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jipprovdu mezzi oħrajn ta’ kif jitlestew dawn il-proċeduri u formalitajiet, flimkien ma’ mezzi elettroniċi. Il-fatt li jrid ikun possibbli li dawk il-proċeduri u formalitajiet jitlestew mill-bogħod ifisser, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jridu jiżguraw li dawn jistgħu jitlestew f’pajjiżi oħrajn. L-obbligu dwar ir-riżultati ma jkoprix proċeduri jew formalitajiet li bin-natura proprja tagħhom huma impossibbli li jitlestew mill-bogħod. Barra minn hekk, dan ma jinterferix mal-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar l-użu ta’ lingwi.

(53)

L-għoti ta’ liċenzji għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi jista’ jeħtieġ intervista ma’ l-applikant mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jevalwaw l-integrità u l-idoneità personali ta’ l-applikant biex iwettaq is-servizz in kwistjoni. Fit-tali każijiet, it-tkomplija ta’ formalitajiet b’mezzi elettroniċi tista’ ma tkunx xierqa.

(54)

Il-possibilità li jinkiseb aċċess għal attività ta’ servizz għandha ssir soġġetta għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss jekk dik id-deċiżjoni tissodisfa l-kriterji ta’ non-diskriminazzjoni, ħtieġa u proporzjonalità. Dan ifisser, b’mod partikolari, li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu permissibbli biss fejn spezzjoni a posteriori ma tkunx effettiva minħabba l-impossibilità li jiġu aċċertati d-difetti tas-servizzi kkonċernati a posteriori, b’konsiderazzjoni mogħtija lir-riskji u l-perikli li jistgħu jinqalgħu fl-assenza ta’ spezzjoni minn qabel. Madankollu, wieħed ma jistax iserraħ fuq id-dispożizzjoni għal dan il-għan magħmula minn din id-Direttiva sabiex jiġu ġġustifikati l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li huma pprojbiti minn strumenti oħrajn Komunitarji bħad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar il-qafas Komunitarju għal firem elettroniċi (17), jew id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali ta’ servizzi tas-soċjetà ta' informazzjoni, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (18). Ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka jagħmlu possibbli li jiġu ddeterminati, fuq livell Komunitarju, it-tipi ta’ attivitajiet li għalihom iridu jiġu eliminati skemi ta’ awtorizzazzjoni.

(55)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għall-possibilità li Stati Membri jirtiraw awtorizzazzjonijiet wara li nħarġu, jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni m’għadhomx jitwettqu.

(56)

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa ta’ l-annimali u l-ħarsien ta’ l-ambjent urban jikkostitwixxu raġunijiet aktar importanti marbutin ma’ l-interess pubbliku. Dawn ir-raġunijiet aktar importanti jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni u restrizzjonijiet oħrajn. Madankollu, l-ebda skema ta’ awtorizzazzjoni jew restrizzjoni ma għandha tiddiskrimina fuq bażi ta’ nazzjonalità. Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ ħtieġa u proporzjonalità għandhom dejjem jiġu rrispettati.

(57)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jikkonċernaw każijiet fejn aċċess għal jew eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz minn operaturi jitolbu deċiżjoni minn awtorità kompetenti. Dan la jikkonċerna d-deċiżjonijiet minn awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu entità pubblika jew privata għall-provvista ta’ servizz partikolari u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratti minn awtoritajiet kompetenti għad-dispożizzjoni ta’ servizz partikolari li huwa ggvernat mir-regoli ta’ l-akkwist pubbliku, għaliex din id-Direttiva ma hijiex dwar regoli għal akkwist pubbliku.

(58)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal u l-eżerċizzju għall-attivitajiet tas-servizz, huwa importanti li jsiru evalwazzjoni u rapportar dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħhom. Din l-obbligu ta’ rappurtar jikkonċerna biss l-eżistenza ta’ l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u mhux il-kriterji u l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni.

(59)

L-awtorizzazzjoni bħala regola ġenerali għandha tħalli lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività tas-servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, fit-territorju nazzjonali kollu, ħlief jekk limitu territorjali huwa ġġustifikat b’raġuni aktar importanti li huwa marbut ma’ l-interess pubbliku. Per eżempju, ħarsien ambjentali jista’ jiġġustifika l-ħtieġa li tinkiseb awtorizzazzjoni individwali għal kull installazzjoni fuq it-territorju nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex taffettwa il-kompetenzi reġjunali jew lokali għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri.

(60)

Din id-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u l-firxa territorjali ta’ awtorizzazzjoni, ma għandhomx jindaħlu fid-diviżjoni tal-kompetenzi reġjunali jew lokali fi ħdan l-Istati Membri, inklużi tmexxija awtonoma reġjunali u lokali u l-użu tal-lingwi uffiċjali.

(61)

Id-dispożizzjoni relatata man-non-duplikazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli japplikaw il-kondizzjonijiet tagħhom kif speċifikati fl-iskema ta’ awtorizzazzjoni. Għandha teħtieġ biss li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qegħdin iqisu jekk dawn il-kondizzjonijiet jintlaħqux mill-applikant, jikkunsidraw il-kondizzjonijiet ekwivalenti li diġà ġew issodisfati mill-applikant fi Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex titlob l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni pprovduta fl-iskema ta’ awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

(62)

Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività huwa limitat minħabba nuqqas ta’ riżorsi naturali jew kapaċità teknika, għandha tkun adottata proċedura għall-għażla minn fost diversi kandidati potenzjali, bl-għan li jkunu żviluppati permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa l-kwalità u l-kondizzjonijiet għal provvista ta’ servizzi disponibbli għall-utenti. Proċedura bħal din trid tipprovdi garanzija ta’ trasparenza u imparzjalità u l-awtorizzazzjoni għalhekk mogħtija ma tridx tkun ta’ tul eċċessiv, jew tkun suġġetta għal tiġdid awtomatiku, jew tagħti kwalunkwa vantaġġ lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet. B’mod partikolari, it-tul ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija irid ikun fiss b’tali mod li ma jirristrenġix jew ma jillimitax kompetizzjoni libera lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex il-fornitur ikun jista’ jiġbor lura l-ispejjeż ta’ l-investiment u jagħmel dħul ġust fuq il-kapital investit. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jillimitaw in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet ħlief għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ riżorsi naturali jew kapaċità teknika. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jibqgħu fi kwalunkwe każ soġġetti għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ din id-Direttiva dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni.

(63)

Fin-nuqqas ta’ arranġamenti differenti, wara nuqqas ta’ risposta f' perjodu ta’ żmien, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat. Madankollu, jistgħu jsiru arranġamenti differenti fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet, fejn ikunu ġġustifikati oġġettivament b’raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, inkluż interess leġittimu minn partijiet terzi. Tali arranġamenti differenti jistgħu jinkludu regoli nazzjonali li skondhom, fl-assenza ta’ risposta ta’ l-awtorità kompetenti, l-applikazzjoni titqies miċħuda, filwaqt li ċ-ċaħda hija miftuħa għal rikors quddiem il-qrati.

(64)

Sabiex jiġi stabbilit suq intern ġenwin għas-servizzi, huwa meħtieġ li jitneħħew kwalunkwe restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi li għadhom stabbiliti fil-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri u li huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat rispettivament. Ir-restrizzjonijiet li għandhom jiġu pprojbiti jaffettwaw partikolarment is-suq intern għas-servizzi u għandhom jiġu sistematikament żarmati malajr kemm jista’ jkun.

(65)

Il-libertà ta’ l-istabbiliment hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jintitola l-projbizzjoni mhux biss ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità iżda wkoll ta’ kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq raġunijiet oħrajn iżda li kapaċi tipproduċi l-istess riżultat. Għalhekk, aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha fi Stat Membru, kemm jekk bħala attività prinċipali jew sekondarja, ma għandux ikun suġġett għal kriterji bħal post ta’ stabbiliment, residenza, domiċilju jew dispożizzjoni prinċipali ta’ l-attività ta’ servizz. Madankollu, dawn il-kriterji ma jinkludux ħtiġijiet li skondhom fornitur ta’ servizz jew wieħed mill-impjegati tiegħu jew rappreżentant, għandu jkun preżenti matul l-eżerċizzju ta’ l-attività meta dan huwa ġġustifikat minn raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma' l-interess pubbliku. Barra minn hekk, Stat Membru ma għandux jirrestrinġi l-kapaċità legali jew id-dritt ta' legali ta’ kumpanniji inkorporati f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru ieħor li fuq it-territorju tiegħu għandhom l-istabbiliment primarju tagħhom li jiftħu kawża. Barra minn hekk, Stat Membru ma għandux ikun jista’ jagħti xi vantaġġ lil fornituri li għandhom rabta nazzjonali jew soċjo-ekonomika lokali partikolari; lanqas ma jista’ jnaqqas, fuq kriterji ta’ post ta’ stabbiliment, il-libertà tal-fornitur li jakkwista, jisfrutta jew jiddisponi minn drittijiet u prodotti jew li jaċċedi għal forom differenti ta’ kreditu jew akkomodazzjoni sakemm dawk l-għażliet huma utli għal aċċess għall-attività tiegħu jew għall-eżerċizzju effettiv tagħha.

(66)

L-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandhiex tkun suġġetta għal test ekonomiku. Il-projbizzjoni ta’ testijiet ekonomiċi bħala prerekwiżit għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għandha tkopri testijiet ekonomiċi, iżda mhux ir-rekwiżiti li huma ġġustifikati oġġettivament mir-raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, bħal ħarsien ta’ l-ambjent urban, il-politika soċjali jew is-saħħa pubblika. Il-projbizzjoni ma għandhiex taffettwa l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-awtoritajiet responsabbli biex tiġi applikata l-liġi tal-kompetizzjoni.

(67)

Fir-rigward ta’ garanziji finanzjarji jew assigurazzjoni, il-projbizzjoni tar-rekwiżiti għandha tikkonċerna biss l-obbligu li l-garanziji finanzjarji mitlubin jew l-assigurazzjoni trid tinkiseb minn istituzzjoni finanzjarja stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

(68)

Fir-rigward ta’ reġistrazzjoni minn qabel, il-projbizzjoni tar-rekwiżiti għandha tikkonċerna biss l-obbligu tal-fornitur, li qabel l-istabbiliment, ikun irreġistra minn qabel għal perjodu definit f’reġistru miżmum fl-Istat Membru kkonċernat.

(69)

Sabiex tiġi kkoordinata l-modernizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u r-regolamenti b’mod konsistenti mar-rekwiżiti tas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu evalwati ċerti ħtiġijiet nazzjonali non-diskriminatorji, li fin-natura proprja tagħhom jistgħu jirrestrinġu tassew jew anke jimpedixxu aċċess għal attività jew l-eżerċizzju tagħha skond il-libertà ta’ l-istabbliment. Dan il-proċess ta’ evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-kompatibilità ta’ dawn ir-rekwiżiti mal-kriterji diġà stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Ma għandhiex tikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni. Fejn tali ħtiġijiet huma diskriminatorji jew mhux iġġustifikati oġġettivament b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku, jew fejn dawn huma disproporzjonati, iridu jitneħħew jew jiġu emendati. L-eżitu ta’ din il-evalwazzjoni se jkun differenti skond in-natura ta’ l-attività u l-interess pubbliku kkonċernat. B’mod partikolari, rekwiziti bħal dawn jistgħu jkunu ġġustifikati bis-sħiħ meta jsegwu objettivi ta’ politika soċjali.

(70)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tat-Trattat, is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali.

(71)

Il-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka previst f’din id-Direttiva ma għandux jaffettwa l-libertà ta’ l-Istati Membri li jistipulaw fil-leġislazzjoni tagħhom livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward ta' objettivi tal-politika soċjali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka jqis bis-sħiħ l-ispeċifiċità tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u ta’ kompiti partikolari assenjati lilhom. Dan jista' jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment, b’mod partikolari fejn restrizzjonijiet bħal dawn isegwu objettivi ta’ saħħa pubblika u politika soċjali skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3)(a), (b) u (ċ). Per eżempju, fir-rigward ta’ l-obbligu li tittieħed forma speċifika legali sabiex jiġu eżerċitati ċerti servizzi fil-qasam soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li tista’ tkun iġġustifikata li tissuġġetta lill-fornitur tas-servizzi bi ħtieġa li ma jkunx jagħmel profitt.

(72)

Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma fdati b’kompiti importanti marbutin ma’ koeżjoni soċjali u territorjali. It-twettiq ta’ dawn il-kompiti m’għandux ikun ostakolat bħala riżultat tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst f’din id-Direttiva. Ħtiġijiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kompiti ma għandhomx ikunu affettwati b’dan il-proċess waqt li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu indirizzati restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta’ stabbiliment.

(73)

Ir-rekwiżiti li jridu jiġu eżaminati jinkludu r-regoli nazzjonali li, fuq bażijiet barra minn dawk relatati mal-kwalifiki personali, jirriżervaw aċċess għal ċerti attivitajiet lill-fornituri partikolari. Dawn ir- rekwiżiti jinkludu wkoll obbligi fuq fornitur li jieħu forma legali speċifika, b’mod partikolari biex ikun persuna legali, kumpannija b’sid individwali, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt jew kumpannija li s-sidien tagħha huma biss persuni naturali, u rekwiżiti li jirrelataw ma’ ishma ta’ kumpannija, b’mod partikolari obbligi li jżommu ammont minimu ta’ kapital għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi jew biex ikollhom kwalifikazzjoni speċifika sabiex iżżommu il-kapital f'ishma fiha jew biex jamministraw ċerti kumpanniji. L-evalwazzjoni tal-kompatibilità ta’ tariffi fissi minimi u/jew massimi mal-libertà ta’ l-istabbiliment tikkonċerna biss it-tariffi imposti minn awtoritajiet kompetenti speċifikament għall- provvista ta’ ċerti servizzi u mhux, per eżempju, regoli ġenerali dwar determinazzjoni ta’ prezz bħal għall-kiri ta’ djar.

(74)

Il-proċess reċiproku ta’ evalwazzjoni jfisser li waqt il-perjodu ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri l-ewwel ikollhom jagħmlu “screening” tal-leġislazzjoni tagħhom biex jaċċertaw jekk xi waħda mir-rekwiżiti msemmijin hawn fuq teżistix fis-sistemi legali tagħhom. Mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta traspożizzjoni, l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport dwar ir-riżultati ta' dan l-iscreening. Kull rapport għandu jitressaq quddiem l-Istati Membri kollha u l-partijiet interessati. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sitt xhur li fihom ikunu jistgħu jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn ir-rapporti. Sa mhux aktar tard minn sena wara d-data ta’ transpożizzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport sommarju, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal aktar inizjattivi. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tista’ tagħtihom assistenza jitfassal metodu komuni.

(75)

Il-fatt li din id-Direttiva tispeċifika numru ta' rekwiżiti li għandhom ikunu aboliti jew valutati mill-Istati Membri matul il-perjodu transitorju huwa mingħajr preġudizzju għal proċedimenti ta' ksur kontra Stat Membru għal nuqqas milli jissodisfa l-obbliga taħt l-Artikoli 43 jew 49 tat-Trattat.

(76)

Din id-Direttiva ma tikkonċernax l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 28 sa 30 tat-Trattat relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija. Ir-restrizzjonijiet ipprojbiti skond id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkopru r-rekwiżiti applikabbli għal aċċess għal attivitajiet ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħhom u mhux applikabbli għal merkanzija.

(77)

Fejn operatur jivjaġġa fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita l-attività ta’ servizz hemmhekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet koperti mil-libertà ta’ l-istabbiliment u dawk koperti, minħabba n-natura temporanja ta’ l-attivitajiet ikkonċernati, mill-moviment liberu tas-servizzi. F’dak li għandu x’jaqsam mad-distinzjoni bejn il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-element prinċipali hija jekk l-operatur hux stabblit jew le fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizz ikkonċernat. Jekk l-operatur huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu, hu għandu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ l-istabbiliment. Jekk, mill-banda l-oħra, l-operatur mhux stabbilit fl-Istat Membru fejn is-servizzi huwa pprovdut, l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu koperti mill-moviment liberu tas-servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti saħqet li n-natura temporanja ta’ l-attivitajiet imsemmijin iridu jiġu determinati fid-dawl mhux biss tat-tul tal-proviżjoni tas-servizz, iżda wkoll tar-regolarità, tan-natura perjodika jew tal-kontinwità tagħha. Il-fatt li l-attività hija temporanja ma għandux ifisser li l-fornitur tas-servizz ma jistax jarma lilu nnifsu b’xi forom ta’ infrastruttura fl-Istat Membru fejn hu pprovdut is-servizz, bħal uffiċċju, kmamar uffiċjali jew kmamar ta’ konsultazzjoni, sakemm din l-infrastruttura hija meħtieġa għall-għanijiet li tipprovdi s-servizz imsemmi.

(78)

Sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni effettiva tal-moviment liberu tas-servizzi u biex ikun żgurat li r-riċevitur u l-fornitur jistgħu jibbenefikaw minn u jfornu servizzi fil-Komunità kollha minkejja l-konfini, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat safejn ir-rekwiżiti ta’ l-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut jistgħu jiġu imposti. Huwa indispensabbli li jiġi previst li d-dispożizzjoni dwar il-libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi ma żżommx lill-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut milli jimponi, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16(1)(a) sa (ċ), ir-rekwiżiti speċifiċi tiegħu għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika jew għall-ħarsien tas-saħħa pubblika jew ta’ l-ambjent.

(79)

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti saħqet li l-Istati Membri jżommu id-dritt li jieħdu miżuri sabiex iżommu fornituri milli b’mod abbużiv jieħdu vantaġġ tal-prinċipji tas-suq intern. Abbuż mill-fornitur għandu jiġi stabbilit fuq bażi ta’ każ b’każ.

(80)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-fornituri huma kapaċi jieħdu tagħmir li huwa integrali fil-provviżjoni tas-servizzi tagħhom magħhom meta jivjaġġaw biex jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġu evitati każijiet li fihom is-servizz ma setax jiġi ppovdut mingħajr it-tagħmir jew sitwazzjonijiet li fihom il-fornituri jeħlu spejjeż addizzjonali, per eżempju, billi jikru jew jixtru tagħmir differenti minn dak li normalment jużaw jew billi jkollhom bżonn jiddevjaw b’mod sinifikanti mill-mod kif huma normalment iwettqu l-attività tagħhom.

(81)

Il-kunċett ta’ tagħmir ma jirreferix għal oġġetti fiżiċi li huma jew provduti mill-fornitur lill-klijent jew saru parti minn oġġett fiżiku b’riżultat ta’ l-attività tas-servizz, bħal materjali ta’ bini jew partijiet tat-tagħmir, jew li huma kkunsmati jew tħallew in situ matul il-provvista tas-servizz, bħal karburanti kombustibbli, splussivi, logħob tan-nar, pestiċidi, veleni jew mediċini.

(82)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx jipprekludu l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ regoli dwar il-kondizzjonijiet ta’ impjieg. Regoli stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom, skond it-Trattat, ikunu ġustifikati għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħaddiema u jkunu non-diskriminatorji, meħtieġa, u proporzjonati, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jkunu bi qbil mal-liġi Komunitarja rilevanti oħra.

(83)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi jista’ jitlaq biss minn żoni koperti bid-derogi. Dawk id-derogi huma meħtieġa sabiex iqisu l-livell ta’ integrazzjoni tas-suq intern jew ċerti strumenti Komunitarji relatati mas-servizzi skond liema fornitur huwa soġġett għall-applikazzjoni ta’ liġi barra minn dik ta’ l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment. Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni, għandhom ukoll jiġu adottati miżuri kontra xi fornituri f’ċerti każijiet individwali u taħt ċerti proċeduri stretti u kondizzjonijiet sustantivi. Barra minn hekk, kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi għandha tkun permessa bħala eċċezzjoni, biss jekk hija konsistenti mad-drittijiet fundamentali li tifforma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi stabbilita fl-ordni legali tal-Komunità.

(84)

Id-deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi tal-posta għandha tkopri kemm l-attivitajiet riżervati għall-fornitur universali tas-servizzi kif ukoll servizzi oħra tal-posta.

(85)

Id-deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi li relatati ma’ l-irkupru ġudizjarju tad-djun u r-referenza għal strument futur ta’ armonizzazzjoni possibbli għandha tikkonċerna biss l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jikkonsistu, b'mod partikolari, milli jitressqu azzjonijiet quddiem Qorti relatat ma’ l-irkupru tad-djun.

(86)

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieġ li, skond id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-ippustjar ta’ ħaddiema fil-qafas tal-provvista ta’ servizzi (19), tapplika għal ħaddiema mibgħuta biex jipprovdu servizz fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. F’każijiet bħal dawn, id-Direttiva 96/71/KE tistipula li l-fornituri għandhom jikkonformaw mat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg f’għadd ta’ żoni elenkati applikabbli fl-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut. Dawn huma: perjodi massimi ta’ xogħol u perjodi minimi ta’ mistrieħ, minimu ta’ vaganzi annwali mħallsin, rati minimi ta’ ħlas, inklużi r-rati ta’ sahra, il-kondizzjonijiet ta’ kiri ta’ ħaddiema, b’mod partikolari il-ħarsien tal-ħaddiema mikrija minn impriżi ta’ impjieg temporanju, is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol, miżuri protettivi fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li jkunu għadhom kif welldu u tat-tfal u ż-żgħażagħ u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-irġiel u n-nisa u dispożizzjonijiet oħrajn dwar in-non- diskriminazzjoni. Dan mhux biss jikkonċerna t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg stipulati mil-liġi iżda wkoll dawk stipulati fi ftehim kollettivi jew f’arbitraġġ li huma ddikjarati uffiċjalment jew applikabbli de facto universalment fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 96/71/KE. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli japplikaw it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg għal kwistjonijiet għajr dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE fuq il-bażi ta' lordni pubbliku.

(87)

Din id-Direttiva lanqas ma għandha taffettwa t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg f’każijiet fejn il-ħaddiem impjegat għall-provvista ta’ servizz transkonfini huwa rreklutat fl-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma taffettwax id-dritt għall-Istati Membri fejn is-servizz qiegħed jiġi pprovdut li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg u d-distinzjoni bejn persuni impjegati għal rashom u persuni impjegati, inklużi “ħaddiema impjegati għal rashom foloz”. F’dak ir-rigward, il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ impjieg fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 39 tat-Trattat għandha tkun l-fatt li għal ċertu perjodu ta’ żmien persuna tipprovdi servizzi lil u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra u li għalih tirċievi ħlas. Kull attività li persuna twettaq barra relazzjoni ta’ subordinazzjoni trid tkun ikklassifikata bħala attività esegwita f’kapaċità ta’ persuna għal rasha għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 43 u 49 tat-Trattat.

(88)

Id-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ma għandhiex tapplika f’każijiet fejn, skond il-liġi Komunitarja, attività hija riservata fi Stat Membru għal professjoni partikolari, per eżempju rekwiżiti li jirriżervaw l-għotja ta' pariri legali għall-avukati.

(89)

Id-deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni ta’ vetturi mikrijin fi Stat Membru għajr f’dak li fihom qegħdin jintużaw, issegwi mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għarfet li Stat Membru jista’ jimponi obbligu bħal din, skond il-kondizzjonijiet proporzjonati, fil-każ ta’ vetturi użati fit-territorju tiegħu. Dik l-esklużjoni ma tkoprix kirja okkażjonali jew temporanja.

(90)

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz u l-klijent kif ukoll bejn min iħaddem u l-impjegat m’għandhomx ikunu soġġetti għal din id-Direttiva. Il-liġi applikabbli relatata ma’ l-obbligi kuntrattwali jew ma’ dawk mhux kuntrattwali tal-fornitur tas-servizz għandha tiġi ddeterminata mir-regoli tad-dritt privat internazzjonali.

(91)

Jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibiltà, b’mod eċċezzjonali u fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li jieħdu miżuri li jidderogaw mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor għar-raġunijiet ta’ sigurtà tas-servizzi. Madankollu, għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri bħal dawn fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità biss.

(92)

Ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi, kuntrarju għal din id-Direttiva, jistgħu jinħolqu mhux biss mill-miżuri applikati lill-fornituri iżda wkoll mill-ħafna xkiel għall-użu tas-servizzi mir-riċevituri, speċjalment mill-konsumaturi. Din id-Direttiva ssemmi, bħala eżempju, ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet applikati lil riċevitur li jixtieq juża servizz mogħti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Din tinkludi wkoll każijiet fejn ir-riċevituri ta’ servizz għandhom l-obbligu li jiksbu l-awtorizzazzjoni minn jew jagħmlu dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jirċievu servizz minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Din ma tikkonċernax skemi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li japplikaw ukoll għall-użu ta’ servizz mogħti minn fornitur stabbilit fl-istess Stat Membru.

(93)

Il-kunċett ta’ assistenza finanzjarja mogħtija għall-użu ta’ servizz partikolari ma tapplikax għal sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali jew fis-settur kulturali, li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, lanqas għall-assistenza ġenerali finanzjarja li m’għandhiex x’taqsam ma’ l-użu ta’ servizz partikolari, per eżempju għotijiet u self lil studenti.

(94)

Skond ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi, id-diskriminazzjoni minħabba raġuni ta’ nazzjonalità tar-riċevitur jew ta’ residenza nazzjonali jew lokali hija pprojbita. Diskriminazzjoni bħal din tista’ tieħu l-forma ta’ obbligu, impost biss fuq ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, biex jipprovdu dokumenti oriġinali, kopji ċċertifikati, ċertifikat tan-nazzjonalità jew traduzzjonijiet uffiċjali ta’ dokumenti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizz jew minn termini jew prezzijiet iktar vantaġġużi. Madankollu, il-projbizzjoni ta’ rekwiżiti diskriminatorji ma għandhiex teskludi r-riżerva ta’ vantaġġi, speċjalment rigward tariffi, lil ċerti riċevituri, jekk riżerva bħal din tkun imsejsa fuq kriterji leġittimi u oġġettivi.

(95)

Il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fi ħdan is-suq intern ifisser li l-aċċess minn riċevitur, u speċjalment minn konsumatur, għal servizz fuq offerta lill-pubbliku ma jistax jinċaħad jew jiġi ristrett bl-applikazzjoni ta’ kriterju, li għandu x’ jaqsam man-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tar-riċevitur inkluż fil-kondizzjonijiet ġenerali magħmulin disponibbli għall-pubbliku. Ma jfissirx li tkun diskriminazzjoni illegali jekk ikun previst f’kondizzjonijiet ġenerali bħal dawn li tariffi u kondizzjonijiet differenti japplikaw għall-għoti ta’ servizz, fejn dawk it-tariffi, prezzijiet u kondizzjonijiet huma ġġustifikati għal raġunijiet oġġettivi li jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, bħalma huma spejjeż addizzjonali mġarrbin minħabba d-distanza involuta jew minħabba fil-karatteristiċi tekniċi ta’ l-għoti tas-servizz, jew kondizzjonijiet tas-suq differenti, bħal domanda ogħla jew aktar baxxa influwenzata mill-fattur staġunali, perjodi ta’ vaganzi differenti fl-Istati Membri u l-iffissar tal-prezzijiet mill-kompetituri differenti, jew riskji żejda marbutin ma’ regoli li jvarjaw minn dawk ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment. Dan lanqas ma jfisser li n-non-provvista ta’ servizz lil konsumatur minħabba n-nuqqas tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meħtieġa f’territorju partikolari jikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali.

(96)

Huwa xieraq li jiġi previst li, bħala wieħed mill-mezzi li biha l-fornitur jista’ jagħmel l-informazzjoni li hu obbligat jipprovdi aktar aċċessibbli għar-riċevitur, jipprovdi l-indirizz elettroniku tiegħu, kif ukoll dak tal-website tiegħu. Barra minn hekk, l-obbligu li tiġi magħmula disponibbli ċerta informazzjoni fid-dokumenti ta’ informazzjoni tal-fornitur fejn jippreżenta s-servizzi tiegħu fid-dettall m’għandhomx ikopru l-komunikazzjonijiet kummerċjali ta’ natura ġenerali, bħar-riklamar, iżda dokumenti li fihom jagħti deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi proposti, inklużi dokumenti fuq website.

(97)

Huwa meħtieġ li f’din id-Direttiva jkun hemm previżjoni għal ċerti regoli dwar kwalità għolja ta’ servizzi li tiżgura b’mod partikolari ħtiġijiet ta’ informazzjoni u trasparenza. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw kemm f’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali bejn Stati Membri kif ukoll f’każijiet ta’ servizzi provduti fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizz stabbilit hemmhekk mingħajr ma jimponu piżijiet mhux meħtieġa fuq SMEs. Dawn bl-ebda mod ma għandhom iżommu lill-Istati Membri milli japplikaw, f’konformità ma’ din id-Direttiva u liġi oħra Komunitarja, ħtiġijiet ta’ kwalità addizzjonali jew differenti.

(98)

Kwalunkwe operatur li jipprovdi servizzi li jinvolvu riskju dirett u partikolari għas-saħħa, is-sigurtà u għall-finanzi tar-riċevitur jew persuna terza għandu, fil-prinċipju, jkun kopert minn assigurazzjoni ta’ responsabilità professjonali xierqa, jew b’forma oħra ta’ garanzija li hi ekwivalenti jew li tista’ titqabbel magħha, li jfisser, b’mod partikolari, li tali operatur bħala regola ġenerali għandu jkollu kopertura ta’ assigurazzjoni xierqa għas-servizzi pprovduti f’wieħed jew bosta Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment.

(99)

L-assigurazzjoni jew il-garanzija għandha tkun xierqa għan-natura u l-firxa tar-riskju. Għalhekk għandu jkun meħtieġ li l-fornitur jkollhu kopertura transkonfinali biss jekk dak il-fornitur tabilħaqq jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra. L-Istati Membri m’għandhomx jistabbilixxu regoli aktar dettaljati dwar il-kopertura ta’ l-assigurazzjoni u li jiġu ffissati per eżempju limiti minimi għall-ammont assigurat jew limiti fuq l-esklużjonijiet mill-kopertura ta’ l-assigurazzjoni. Fornituri tas-servizzi u kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni għandhom iżommu l-flessibbiltà meħtieġa biex jinnegozjaw politika ta’ l-assigurazzjoni mmirati b’mod speċifiku għan-natura u l-ambitu tar-riskju. Barra minn hekk, m’hemmx bżonn li jkun stabbilit bil-liġi obbligu ta’ assigurazzjoni xierqa. Għandu jkun biżżejjed jekk l-obbligu ta’ assigurazzjoni jagħmel parti mir-regoli ta’ l-etika stabbiliti minn korpi professjonali. Fl-aħħar, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu għall-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni biex jipprovdu kopertura ta’ l-assigurazzjoni.

(100)

Jeħtieġ li jintemmu l-projbizzjonijiet totali fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati, mhux billi jitneħħew il-projbizzjonijiet fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni kummerċjali iżda bit-tneħħija ta' dawk il-projbizzjonijiet li, b’mod ġenerali u għal xi professjoni partikolari, jipprojbixxu wieħed jew bosta forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali, bħal interdizzjoni fuq ir-riklami kollha f’wieħed jew bosta medja partikolari. Rigward il-kontenut u l-metodu ta’ komunikazzjoni kummerċjali, jeħtieġ li l-professjonisti jitħeġġu jfasslu, skond il-liġi Komunitarja, kodiċi ta’ kondotta fuq livell Komunitarju.

(101)

Jeħtieġ u hu wkoll fl-interess tar-riċevituri, b’mod partikolari l-konsumaturi, li jiġi żgurat li jkun possibbli għall-fornituri li joffru servizzi multi-dixxiplinari u li r-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll l-integrità tal-professjonijiet regolati. Dan ma jaffettwax r-restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet li jitwettqu attivitajiet partikolari li jimmiraw li jiżguraw l-indipendenza f’każijiet fejn Stat Membru jagħti lil fornitur tas-servizzi kompitu speċifiku b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-iżvilupp urban, u lanqas ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(102)

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu promossi evalwazzjonijiet imsejsa fuq kriterji komparabbli mal-kwalità tas-servizzi offruti u provduti lir-riċevituri, jeħtieġ li l-informazzjoni dwar it-tifsira tat-tabelli ta’ kwalità jew marki distintivi oħrajn rigward dawn is-servizzi jkunu aċċessibbli faċilment. L-obbligu ta’ trasparenza huwa partikolarment importanti f’oqsma bħat-turiżmu, speċjalment fin-negozju tal-lukandi, fejn huwa mifrux l-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni. Barra minn hekk, hu xieraq li jiġi eżaminat safejn l-istandardizzazzjoni Ewropea tkun tista’ tiffaċilità l-kompatibbiltà u l-kwalità tas-servizzi. L-istandards Ewropej jitfasslu mill-korpi Ewropej ta’ stabbiliment ta’ standards, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI). Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u ta’ regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni (20), toħroġ mandat għat-tfassil ta’ standards Ewropej speċifiċi.

(103)

Sabiex jiġu solvuti l-problemi potenzjali bi qbil mad-deċiżjoni ġuridika, jeħtieġ li jkun previst li l-Istati Membri jirrikonoxxu garanzija ekwivalenti magħmula għand istituzzjonijiet jew korpi bħal banek, fornituri ta’ assigurazzjoni jew fornituri ta’ servizzi finanzjarji oħrajn stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

(104)

L-iżvilupp ta’ network ta’ awtoritajiet għal ħarsien tal-konsumatur ta’ l-Istat Membru, li hu soġġett tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, jikkomplimenta l-kooperazzjoni stipulata f’din id-Direttiva. L-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-ħarsien tal-konsumatur f’każijiet transkonfinali, b’mod partikolari rigward il-prassi ġodda ta’ marketing u bejgħ, kif ukoll il-bżonn li jitneħħew ċerti ostakoli speċifiċi għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, teħtieġ livell ogħla ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, jeħtieġ f’dan il-qasam li jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrikjedu l-waqfien ta’ prassi illegali minn operaturi fit-territorju tagħhom li jimmiraw għal konsumaturi fi Stat Membri ieħor.

(105)

Il-kooperazzjoni amministrattiva hija essenzjali sabiex is-suq intern fis-servizzi jaħdem kif suppost. Nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jwassal għal proliferazzjoni ta’ regoli applikabbli għal fornituri jew irduppjar ta’ kontrolli ta’ attivitajiet transkonfinali, u jista’ jintuża wkoll minn negozjanti diżonesti biex jevitaw sospensjoni jew biex jaħarbu mir-regoli nazzjonali applikabbli fuq is-servizzi. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm obbligi ċari, u li jorbtu legalment sabiex l-Istati Membri jikkooperaw b’mod effettiv.

(106)

Għall-finijiet tal-Kapitolu dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, “sorveljanza” għandha tkopri attivitajiet bħal monitoraġġ jew tfittxija tal-fatti, is-soluzzjoni ta’ problemi, infurzar u impożizzjoni ta’ pieni, u attivitajiet ta’ segwitu sussegwenti.

(107)

F’ċirkostanzi normali, għajnuna reċiproka għandha sseħħ direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-punti ta’ kuntatt maħturin mill-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa biex iħaffu dan il-proċess jekk jinqalgħu xi diffikultajiet, per eżempju jekk għajnuna hija meħtieġa biex tiġi identifikata l-awtorità kompetenti rilevanti.

(108)

Ċerti obbligi ta’ assistenza reċiproka għandhom japplikaw għall-kwistjonijiet kollha koperti minn din id-Direttiva, li jinkludu dawk relatati ma’ każijiet fejn fornitur jistabbilixxi fi Stat Membru ieħor. Obbligi oħrajn ta’ assistenza reċiproka għandhom japplikaw biss f’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, fejn tapplika d-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sensiela oħra ta’ obbligi għandha tapplika fil-każijiet kollha ta’ provvista transkonfini ta’ servizzi, li tinkludi oqsma mhux koperti mid-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu provduti servizzi. Provvista ta’ servizzi transkonfinali għandha tinkludi każijiet fejn is-servizzi huma pprovduti fuq distanza u fejn ir-riċevitur jivvjaġġa lejn l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi sabiex jirċievi s-servizzi.

(109)

F’każijiet fejn il-fornitur jiċċaqlaq temporanjament lejn Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ stabbiliment, jeħtieġ li tiġi pprovduta assistenza reċiproka bejn dawn iż-żewġ Stati Membri sabiex dan ta' l-ewwel ikun jista’ jwettaq kontrolli, spezzjonijiet u stħarriġiet fuq talba ta’ l-Istat Membru ta' stabbiliment jew iwettaq tali kontrolli fuq l-inizjattiva tiegħu stess jekk huma biss kontrolli fattwali.

(110)

M’għandux ikun possibbli li l-Istati Membri jevitaw ir-regoli stipulati f’din id-Direttiva, inkluża d-dispożizzjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, permezz tat-twettiq ta’ kontrolli, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet li huma diskriminatorji jew sproporzjonati.

(111)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva rigward l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-fama tajba tal-fornituri ma għandhomx iwaqqfu inizjattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dak ġuridiku fi kwistjonijiet kriminali, b’mod partikolari dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għall-infurzar tal-liġi u dwar ir-reġistri kriminali.

(112)

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri teħtieġ sistema elettronika ta’ informazzjoni li tiffunzjona tajjeb sabiex iħallu lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw faċilment l-interlokuturi tagħhom fl-Istati Membri l-oħrajn u biex jikkomunikaw b’mod effiċjenti.

(113)

Jeħtieġ li jiġi previst li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, iħeġġu l-partijiet interessati biex ifasslu kodiċijiet ta’ kondotta fuq livell Komunitarju mmirat, b’mod partikolari, għall-promozzjoni tal-kwalità tas-servizzi u l-kunsiderazzjoni tan-natura speċifika ta’ kull professjoni. Dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta għandhom ikunu f’konformità mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari l-liġi ta’ kompetizzjoni. Għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli li jorbtu legalment li jirregolaw l-etika u l-kondotta professjonali fl-Istati Membri.

(114)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-istabbiliment ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, b’mod partikolari, minn korpi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet professjonali fuq livell Komunitarju. Dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta għandhom jinkludu, kif xieraq għan-natura speċifika ta’ kull professjoni u regoli għal komunikazzjonijiet kummerċjali rigward il-professjonijiet regolati, u regoli ta’ etika u kondotta professjonali tal-professjonijiet regolati li jimmiraw, b’mod partikolari, li jiżguraw indipendenza, imparzjalità u segretezza professjonali. Barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li l-attivitajiet ta’ l-aġenti immobiljari huma soġġetti għalihom għandhom ikunu inklużi f'tali kodiċijiet ta’ kondotta. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex iħeġġu l-korpi, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet professjonali li jimplimentaw fuq livell nazzjonali l-kodiċijiet ta’ kondotta adottati fuq livell Komunitarju.

(115)

Kodiċijiet ta’ kondotta fil-livell Kommunitarju huma intiżi biex jistabbilixxu l-istandards minimi ta’ kondotta u huma komplimentarji mar-rekwiżiti legali ta’ l-Istati Membri. Huma ma jipprekludux lill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, milli jieħdu miżuri iktar stretti fil-liġi jew lill-korpi professjonali nazzjonali milli jipprovdu għal protezzjoni akbar fil-kodiċijiet ta’ kondotta nazzjonali tagħhom.

(116)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri fl-Istati Membri u għal provvista libera tas-servizzi bejn l-Istati Membri, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(117)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal eżerċizzju ta’ setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (21).

(118)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (22), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jippubblikawhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.   Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.   Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom.

4.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-miżuri meħudin fuq livell Komunitarju jew fuq dak nazzjonali, skond il-liġi Komunitarja, sabiex jiġu mħarsa jew promossi d-diversità kulturali jew lingwistika jew il-pluraliżmu tal-medja.

5.   Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi kriminali ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-libertà fil-provvista ta’ servizzi billi japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jirregolaw jew jaffettwaw speċifikament l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz b’elużjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

6.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi ta’ l-impjieg, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni legali jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u r-relazzjoni bejn min jimpjega u l-ħaddiema, li l-Istati Membri japplikaw skond il-liġi nazzjonali li tirrispetta l-liġi Komunitarja. Ugwalment din id-Direttiva ma taffettwax il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri.

7.   Din id-Direttiva ma taffettwax l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u bil-liġi Komunitarja. Lanqas ma taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehim kollettivi u li jieħu azzjoni industrijali skond il-liġi u l-prassi nazzjonali li jirrispettaw il-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

(a)

servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

(b)

servizzi finanzjarji, bħal dawk bankarji, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti, il-parir dwar investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE;

(ċ)

servizzi ta’ komunikazzjoni u networks elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati, rigward il-kwistjonijiet koperti mid-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE;

(d)

is-servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat;

(e)

servizzi ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanju;

(f)

servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati;

(g)

servizzi awdjoviżivi, inklużi servizzi ċinematografiċi, ikun x’ikun il-metodu ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u trasmissjoni tagħhom, u inkluż ix-xandir bir-radju;

(h)

attivitajiet ta’ logħob tal-flus li jinvolvu mħatri ta’ flus f’logħob ta’ fortuna, inklużi l-lotteriji, logħob tal-flus fil-casinos u mħatri;

(i)

attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat;

(j)

servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b'mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

(k)

servizzi privati ta’ sigurtà;

(l)

servizzi provduti minn nutara u uffiċjali ġudizzjarji, li huma maħtura minn att uffiċjali tal-gvern.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni.

Artikolu 3

Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja

1.   Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. Dawn jinkludu:

(a)

Id-Direttiva 96/71/KE;

(b)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71;

(ċ)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 rigward il-koordinazzjoni ta’ ċertu dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward is-segwitu ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televixin (23);

(d)

Id-Direttiva 2005/36/KE.

2.   Din id-Direttiva ma tikkonċernax regoli ta’ dritt privat internazzjonali, b’mod partikolari regoli li jiggvernaw il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u non-kuntrattwali, inklużi dawk li jiggarantixxu li konsumaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija lilhom mir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-konsumatur fis-seħħ fl-Istat Membru tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skond ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“servizz” tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat;

2)

“fornitur” tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz;

3)

“riċevitur” tfisser kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru jew li tibbenefika mid-drittijiet mogħtija lilha mill-atti Komunitarji, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija fl-Artikolu 48 tat-Trattat u stabbilita fi Stat Membru, li, għal skopijiet professjonali jew mhux professjonali, tuża, jew tixtieq tuża, servizz;

4)

“Stat Membru ta’ stabbiliment” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizzi kkonċernat huwa stabbilit;

5)

“stabbiliment” tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 tat-Trattat, mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta‘ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

6)

“skema ta’ awtorizzazzjoni” tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

7)

“rekwiżit” tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom; regoli stabbiliti fil-ftehim kollettivi negozjati mill-imsieħba soċjali ma għandhomx jidhru bħala rekwiżiti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva;

8)

“ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku” tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

9)

“l-awtorità kompetenti” tfisser kull korp jew awtorità li għandha rwol ta’ superviżjoni jew regolatorju fi Stat Membru f’relazzjoni ma’ l-attivitajiet ta’ servizz, li jinkludu, b’mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi, inklużi qrati li jaġixxu bħala tali, il-korpi professjonali, u dawk l-assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn li, fl-eżerċizzju ta’ l-awtonomija legali tagħhom, jirregolaw b’mod kollettiv l-aċċess għall-attivitajiet tas-servizz jew l-eżerċizzju tagħhom;

10)

“Stat Membru fejn jingħata s-servizz” tfisser l-Istat Membru fejn jingħata s-servizz minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor;

11)

“professjoni regolata” tfisser attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE;

12)

“komunikazzjoni kummerċjali” tfisser kull tip ta’ komunikazzjoni maħsuba biex tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tas-sengħa jew il-prattika ta’ professjoni regolata. Dawn li ġejjin ma jagħmlux parti fihom infushom minn komunikazzjonijiet kummerċjali:

(a)

informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attività ta’ l-impriża, organizzazzjoni jew persuna, inklużi b’mod partikolari isem ta’ domain jew indirizz ta’ l-email;

(b)

komunikazzjonijiet marbutin mal-merkanzija, is-servizzi jew id-dehra ta’ l-impriża, organizzazzjoni jew persuna, ikkompilati b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta pprovduti mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni finanzjarja.

KAPITOLU II

SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 5

Simplifikazzjoni ta’ proċeduri

1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw il-proċeduri u l-formalitajiet applikabbli għal aċċess għal attività ta’ servizz u l-eżerċizzju tagħha. Fejn proċeduri u formalitajiet eżaminati taħt dan il-paragrafu mhumiex suffiċjentement sempliċi, l-Istati Membri għandhom jissimplifikawhom.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tintroduċi formoli armonizzati fuq livell Komunitarju, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2). Dawn il-formoli għandhom ikunu ekwivalenti għal ċertifikati, attestazzjonijiet jew dokumenti oħrajn meħtieġa minn fornitur.

3.   Fejn l-Istati Membri jeħtieġu li fornitur jew riċevitur jipprovdi ċertifikat, attestazzjoni jew kwalukwe dokument ieħor li jixhed li r-rekwiżit kien sodisfatt, għandhom jaċċettaw kwalunkwe dokument minn Stat Membru ieħor li jservi għal skop ekwivalenti jew li juri biċ-ċar li r-rekwiżit ikkonċernat kien sodisfatt. Ma jistgħux jeħtieġu li dokument minn Stat Membru ieħor ikun oriġinali, jew kopja awtentikata jew traduzzjoni awtentikata, ħlief fil-każijiet previsti fl-istrumenti Komunitarji oħrajn jew fejn rekwiżit bħal dan ikun iġġustifikat minn raġuni aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku li jinkludi l-ordni pubblika u s-sigurtà pubblika.

Dan l-ewwel subparagrafu ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li jitolbu għal traduzzjonijiet mhux awtentikati ta’ dokumenti f’waħda mill-ilsna uffiċjali tagħhom.

4.   Il-paragrafu 3 ma japplikax għad-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 7(2) u 50 tad-Direttiva 2005/36/KE, fl-Artikoli 45(3), 46, 49 u 50 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, kuntratti pubbliċi ta’ provvista u kuntratti ta’ servizz pubbliku (24), fl-Artikolu 3(2) tad-Direttivi 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ l-avukati fuq bażi permanenti fi Stat Membru ħlief dak li fih inkisket il-kwalifika (25), fl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu ta’ l 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti fil-Komunità kollha (26), u fil-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar ir-rekwiżiti ta’ l-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġijiet ta’ Stat ieħor (27).

Artikolu 6

Punti ta’ kuntatt waħdieni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għal fornitur li jtemm il-proċeduri u l-formalitajiet li ġejjin permezz ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni:

(a)

il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa għal aċċess għall-attivitajiet tiegħu ta’ servizz, b’mod partikolari, kull dikjarazzjoni, avviż jew applikazzjoni meħtieġa għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kollha, inkluż applikazzjonijiet għal dħul f’reġistru, lista jew database, jew għal reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(b)

kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet tiegħu ta’ servizz.

2.   L-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni għandu jkun mingħajr ħsara għall-allokazzjoni tal-funzjonijiet u setgħat fost l-awtoritajiet fi ħdan is-sistemi nazzjonali.

Artikolu 7

Dritt għal informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja hija aċċessibli faċilment mill-fornituri u r-riċevituri permezz ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni:

(a)

rekwiżiti applikabbli għal fornituri stabbiliti fit-territorji tagħhom, b’mod partikolari dawk ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom jitlestew sabiex ikun hemm aċċess għal u jitwettqu attivitajiet ta’ servizz;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jippermettu lil dawn ta’ l-aħħar jiġu kkuntattjati direttament, inklużi d-dettalji ta’ dawk l-awtoritajiet responsabbli għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizz;

(ċ)

il-mezzi, u l-kondizzjonijiet, għall-aċċess ta’ reġistri u databases pubbliċi dwar fornituri u servizzi;

(d)

il-mezzi ta’ rimedji li huma ġeneralment disponibbli fil-każ ta’ tilwim bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornitur jew ir-riċevitur, jew bejn il-fornitur u r-riċevitur jew bejn il-fornituri;

(e)

id-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet, għajr l-awtoritajiet kompetenti, li minnhom il-fornituri jew r-riċevituri jistgħu jiksbu assistenza prattika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li l-fornituri u r-riċevituri jirċievu, fuq talba tagħhom, assistenza mill-awtoritajiet kompetenti, li tikkonsisti f’informazzjoni dwar kif ir-rekwiżiti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 huma ġeneralment interpretati u applikati. Fejn meħtieġ, tali parir għandu jinkludi gwida sempliċi bi spjegazzjonijiet pass b’pass. L-informazzjoni għandha tkun ipprovduta b’lingwa sempliċi u li tinftiehem.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 u 2 huma pprovduti b’mod ċar u mhux ambigwu, li jkunu aċċessibbli faċilment minn distanza u b’mezzi elettroniċi, u li jinżammu aġġornati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt waħdieni u l-awtoritajiet kompetenti jirrispondu mill-aktar fis possibbli għal kwalunkwe talba ta’ informazzjoni jew assistenza kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 u, f’każijiet fejn it-talba hi żbaljata jew bla bażi, jinformaw lill-applikant kif xieraq mingħajr dewmien.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-inkoraġġiment ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni prevista f’dan l-Artikolu fil-lingwi Komunitarji l-oħrajn. Dan ma jinterferix mal-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi.

6.   L-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jassistu lill-fornituri u lir-riċevituri ma jeħtieġx li dawk l-awtoritajiet jipprovdu parir legali f’każijiet individwali imma jikkonċerna biss informazzjoni ġenerali dwar kif ir-rekwiżiti huma normalment interpretati jew applikati.

Artikolu 8

Proċeduri permezz ta’ mezzi elettroniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-formalitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess għal attività ta’ servizz u għall-eżerċizzju tagħha jkunu kompletati faċilment, minn distanza u b’mezzi elettroniċi, permezz tal-punt ta’ kuntatt waħdieni relevanti u ma’ l-awtoritajiet kompetenti relevanti.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-ispezzjoni ta’ postijiet li fihom jiġi pprovdut is-servizz jew ta’ tagħmir użat mill-fornitur jew ta’ eżami fiżiku tal-kapaċità jew ta’ l-integrità personali tal-fornitur jew tal-persunal responsabbli tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tadotta regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri, b’kont meħud ta’ standards komuni żviluppati fil-livell Komunitarju.

KAPITOLU III

LIBERTÀ GĦALL-ISTABBILIMENT TA’ FORNITURI

TAQSIMA 1

Awtorizzazzjonijiet

Artikolu 9

Skemi ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.

2.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni tagħhom u jagħtu raġunijiet li juru l-kompatibbiltà tagħhom mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.

Artikolu 10

Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni

1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.

3.   Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal stabbiliment ġdid m’għandhomx jiddupplikaw ir-rekwiżiti u l-kontrolli li huma ekwivalenti jew essenzjalment komparabbli fir-rigward ta’ l-iskop tagħhom li għalihom il-fornitur hu diġà soġġett fi Stat Membru ieħor jew fl-istess Stat Membru. Il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 28(2) u l-fornitur għandhom jassistu lill-awtorità kompetenti billi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar dawk ir-rekwiżiti.

4.   L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività ta’ servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, mat-territorju nazzjonali kollu, inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji, ħlief fejn awtorizzazzjoni għal kull stabbiliment individwali jew limitu ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju huma ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku.

5.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata malli jkun stabbilit, fid-dawl ta’ eżami xieraq, li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ġew issodisfatti.

6.   Ħlief fil-każ ta’ l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, kwalunkwe deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi ċaħda jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni, għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u għandha tkun miftuħa għal sfida quddiem il-qrati jew istanzi oħrajn ta’ appell.

7.   Dan l-Artikolu ma għandux iqiegħed f’dubju l-allokazzjoni tal-kompetenzi, fuq livell lokali jew reġjonali, ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet.

Artikolu 11

Perjodu ta’ awtorizzazzjoni

1.   Awtorizzazzjoni mogħtija lil fornitur m’għandhiex tkun għal perjodu limitat, ħlief fejn:

(a)

l-awtorizzazzjoni tiġġedded awtomatikament jew hi soġġetta biss għat-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti;

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli hu limitat b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku;

jew

(ċ)

perjodu limitat ta’ awtorizzazzjoni jista’ jkun ġustifikat minn raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jikkonċerna l-perjodu massimu li qabel ma jispiċċa l-fornitur għandu tabilħaqq jibda l-attività tiegħu wara li jirċievi l-awtorizzazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li fornitur jinforma l-punt ta’ kuntatt waħdieni rilevanti previst fl-Artikolu 6 dwar il-bidliet li ġejjin:

(a)

il-ħolqien ta’ sussidjarji li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta' l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni;

(b)

bidliet fil-qagħda tiegħu li jirriżultaw f’li l-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jibqgħux jiġu sodisfatti.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-abiltà ta’ l-Istati Membri biex jirrevokaw l-awtorizzazzjonijiet, meta l-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma jibqgħux jiġu sodisfatti.

Artikolu 12

Għażla minn fost diversi kandidati

1.   Fejn in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet disponibbli għal attività partikolari hu limitat minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali disponibbli jew kapaċità teknika, l-Istati Membri għandhom japplikaw proċedura ta’ għażla għal kandidati potenzjali li tipprovdi garanziji sħaħ ta’ imparzjalità u trasparenza, inkluż, b’mod partikolari, reklamar adegwat dwar it-tnedija, il-kondotta u t-tlestija tal-proċedura.

2.   Fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu limitat xieraq u ma tistax tkun miftuħa għal tiġdid awtomatiku, lanqas tipprovdi kwalunkwe vantaġġ ieħor lill-fornitur li l-awtorizzazzjoni tiegħu għada kemm skadiet jew kwalunkwe persuna oħra li għandha rabtiet partikolari ma’ dak il-fornitur.

3.   Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Artikoli 9 u 10, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont, fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ l-għażla, konsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika, objettivi ta’ politika soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħarsien ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-wirt kulturali u raġunijiet aktar importanti oħrajn li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, skond il-liġi Komunitarja.

Artikolu 13

Proċeduri ta’ awtorizzazzjoni

1.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jkunu ċari, ikunu disponibbli għall-pubbliku minn qabel u jkunu tali li jipprovdu lill-applikanti b’garanzija li l-applikazzjoni tagħhom tkun indirizzata b’mod oġġettiv u imparzjali.

2.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni m’għandhomx ikunu dissważivi u m’għandhomx jikkomplikaw mingħajr bżonn jew idewwmu il-provvista tas-servizz. Huma għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u kwalunkwe spiża li l-applikanti jeħlu mill-applikazzjoni tagħhom għandha tkun raġonevoli u proporzjonata għan-nefqa tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni konċernati u m’għandhiex taqbeż n-nefqa tal-proċeduri.

3.   Il-proċeduri u l-formalitajiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu lill-applikanti b’garanzija li l-applikazzjoni tagħhom se tiġi pproċessata mill-aktar fis, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien raġjonevoli li jiġi ffissat u magħmul pubbliku minn qabel. Il-perjodu għandu jibda biss minn meta titressaq id-dokumentazzjoni kollha. Il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż darba, mill-awtorità kompetenti, għal żmien limitat, meta ġġustifikat bil-komplessità tal-kwistjoni. L-estensjoni u l-perjodu tiegħu għandu jkun debitament motivat u għandu jiġi notifikat lill-applikant qabel il-perjodu oriġinali jispiċċa.

4.   Fin-nuqqas ta’ tweġiba fi żmien il-perjodu stabbilit jew estiż skond il-paragrafu 3, l-awtorizzazzjoni titqies bħala li ngħatat. Arranġamenti differenti jistgħu madankollu jiġu attwati, fejn ġustifikati minn raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku, inkluż interess leġittimu ta’ partijiet terzi.

5.   L-applikazzjonijiet kollha għall-awtorizzazzjoni għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-aktar fis. Ir-rikonoxximent għandu jispeċifika dan li ġej:

(a)

il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3;

(b)

il-mezzi disponibbli ta’ rimedji;

(ċ)

fejn applikabbli, dikjarazzjoni li fin-nuqqas ta’ risposta fil-perjodu speċifikat, l-awtorizzazzjoni għandha tkun meqjusa li ġiet mogħtija.

6.   Fil-każ ta’ applikazzjoni mhux kompluta, l-applikant għandu jiġi mgħarraf mill-aktar fis dwar il-ħtieġa li jipprovdi kwalunkwe dokumenti supplimentari, kif ukoll dwar kwalunkwe effetti possibbli fuq il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   Meta talba hi rrifjutata minħabba li ma tissodisfax il-proċeduri jew formalitajiet meħtieġa, l-applikant għandu jiġi informat dwar iċ-ċaħda mill-aktar fis possibbli.

TAQSIMA 2

ħtiġijiet ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni

Artikolu 14

Ħtiġijiet ipprojbiti

L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

1)

rekwiżiti diskriminatorji bbażati direttament jew indirettament fuq in-nazzjonalità jew, f’każ ta’ kumpanniji, il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat, inkluż b’mod partikolari:

(a)

rekwiżiti ta’ nazzjonalità għall-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri tal-korpi amministrattivi jew ta’ sorveljanza tal-fornitur;

(b)

rekwiżit li l-fornitur, il-persunal tiegħu, il-persuni li għandhom kapital azzjonarju jew membri fl-amministrazzjoni tal-fornitur jew korpi ta’ sorveljanza jkunu joqogħdu fi ħdan it-territorju;

2)

projbizzjoni fuq il-pussess ta’ stabbiliment f’aktar minn Stat Membru wieħed jew li jinsab fir-reġistri jew hu rreġistrat ma’ korpi jew assoċjazzjonijiet professjonali ta’ aktar minn Stat Membru wieħed;

3)

restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-fornitur li jagħżel bejn stabbiliment prinċipali jew wieħed sekondarju, b’mod partikolari obbligu fuq il-fornitur li jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fit-territorju tagħhom, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà li jagħżel bejn stabbiliment fis-sura ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarju;

4)

kondizzjonijiet ta’ reċiproċità ma’ l-Istati Membri fejn il-fornitur diġà għandu stabbiliment, ħlief fil-każ fejn il-kondizzjonijiet ta’ reċiproċità previsti fl-istrumenti tal-Komunità jikkonċernaw l-enerġija;

5)

l-applikazzjoni każ b’każ ta’ test ekonomiku li jagħmel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni soġġetta għal prova ta’ eżistenza ta’ ħtieġa ekonomika jew talba fis-suq, evalwazzjoni ta’ l-effetti ekonomiċi potenzjali jew attwali ta’ l-attività jew evalwazzjoni ta’ l-adegwatezza ta’ l-attività għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-objettivi ta’ l-ippjanar ekonomiku stabbiliti mill-awtorità kompetenti; din il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna rekwiżiti ta’ ippjanar li ma jsegwux għanijiet ekonomiċi iżda jservu raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu ma’ l-interess pubbliku;

6)

l-involviment dirett jew indirett ta’ l-operaturi li jikkompetu, inkluż fi ħdan korpi konsultattivi, fl-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jew fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet oħrajn ta’ l-awtoritajiet kompetenti, ħlief għall-korpi u assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet oħrajn li jaġixxu bħall-awtorità kompetenti; din il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna l-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet, bħal kmamar tal-kummerċ jew imsieħba soċjali, dwar kwistjonijiet għajr applikazzjonijiet individwali għal awtorizzazzjoni, jew konsultazzjoni tal-pubbliku in ġenerali;

7)

obbligu li persuna tipprovdi jew tieħu sehem f’garanzija finanzjarja jew li tieħu assigurazzjoni minn fornitur jew korp stabbilit fit-territorju tagħhom. Dan ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għall-Istati Membri li jitolbu garanziji ta’ assigurazzjoni jew finanzjarji fihom infushom, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti relatati mal-parteċipazzjoni f’fond ta’ kumpens kollettiv, bħal per eżempju għal membri ta’ korpi jew organizzazzjonijiet professjonali;

8)

obbligu li persuna tkun reġistrata minn qabel, għal perjodu ffissat, fir-reġistri miżmuma fit-territorju tagħhom jew li tkun wettqet attività minn qabel għal perjodu ffissat fit-territorju tagħhom.

Artikolu 15

Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati

1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

(a)

restrizzjonijiet kwantitattivi jew territorjali, b’mod partikolari f’forma ta’ limiti ffissati skond il-popolazzjoni, jew ta’ distanza ġeografika minima bejn il-fornituri;

(b)

obbligu għal fornitur li jieħu formola legali speċifika;

(ċ)

rekwiżiti li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija;

(d)

rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

(e)

projbizzjoni fuq il-pussess ta’ aktar minn stabbiliment wieħed fit-territorju ta’ l-istess Stat;

(f)

rekwiżiti għall-iffissar ta’ numru minimu ta’ ħaddiema;

(g)

tariffi fissi minimi u/jew massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;

(h)

obbligu għal fornitur li jipprovdu servizzi speċifiċi oħrajn flimkien mas-servizz tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

5.   Fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti li bi ħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għaliex jikkonsidraw li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 3;

(b)

ir-rekwiżiti li tneħħew jew ġew magħmula inqas stretti.

6.   Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ġodda li jistabbilixxu rekwiżiti kif imsemmija fil-paragrafu 6, flimkien mar-raġunijiet għal dawk ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-dispożizzjonijiet ikkonċernati lill-Istati Membri l-oħrajn. Notifika bħal din għandha żżomm lill-Istati Membri milli jadottaw id-dispożizzjonijiet in kwistjoni.

Fi żmien 3 xhur mid-data li tkun irċevuta n-notifika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe rekwiżit ġdid mal-liġi Komunitarja u, fejn xieraq, għandha tadotta deċiżjoni li titlob l-Istat Membru kkonċernat ma jadottahx jew ineħħih.

In-notifika ta’ abbozz ta’ liġi nazzjonali skond id-Direttiva 98/34/KE għandha tissodisfa l-obbligu ta’ notifika prevista f’din id-Direttiva.

KAPITOLU IV

MOVIMENT LIBERU TA’ SERVIZZI

TAQSIMA 1

Libertà Tal-provvista ta’ servizzi u derogi relatati

Artikolu 16

Libertà tal-provvista ta’ servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

(b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu stabbiliment fit-territorju tagħhom;

(b)

obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit-territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id-Direttiva jew strumenti oħrajn tal-liġi Komunitarja;

(ċ)

projbizzjoni fuq il-fornitur li jistabbilixxi ċertu forma jew tip ta' infrastruttura fit-territorju tagħhom, inkluż uffiċċju jew kamra, meħtieġa mill-fornitur sabiex iforni s-servizzi kkonċernati;

(d)

l-applikazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali speċifiċi bejn il-fornitur u r-riċevitur li jxekklu jew jillimitaw il-provvista ta’ servizz minn dawk li jaħdmu għal rashom;

(e)

obbligu fuq il-fornitur li jkollu dokument ta’ l-identità maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu speċifiku għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz;

(f)

rekwiżiti, minbarra dawk meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, li jaffettwaw l-użu ta’ tagħmir u materjal li jagħmlu parti integrali mis-servizz provdut;

(g)

restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 19.

3.   L-Istat Membru fejn il-fornitur imur m’għandux ikun imxekkel milli jimponi rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ attività ta’ servizz, fejn ikunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent u skond il-paragrafu 1. Dak l-Istat Membru lanqas m’għandu jkun imxekkel milli japplika, bi qbil mal-liġi Komunitarja, ir-regoli tiegħu dwar il-kondizzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk stabbiliti fi ftehim kollettiv.

4.   Sat-28 ta’ Diċembru 2011, wara konsultazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, fejn għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tipproponi miżuri ta’ armonizzazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ servizzi koperti b’din id-Direttiva.

Artikolu 17

Derogi addizzjonali mill-libertà li jiġu provduti servizzi

L-Artikolu 16 m’għandux japplika għal:

1)

Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma provduti fi Stat Membru ieħor, inter alia:

(a)

fis-settur tal-posta, servizzi koperti bid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali Komunitarji u t-titjib tal-kwalita' tas-servizzi (28);

(b)

fis-settur ta’ l-elettriku, servizzi koperti bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-eletriku (29);

(ċ)

fis-settur tal-gass, servizzi koperti bid-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (30);

(d)

distribuzzjoni ta’ l-ilma u servizzi ta’ provvista u servizzi ta’ l-iskart ta’ l-ilma;

(e)

it-trattament ta’ l-iskart;

2)

kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 96/71/KE;

3)

kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta’ l-individwi fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (31);

4)

kwistjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv minn avukati tal-libertà li jiġu provduti servizzi (32);

5)

l-attività ta’ rkupru ġudizzjarju ta’ djun;

6)

kwistjonijiet koperti bit-titolu II tad-Direttiva 2005/36/KE, kif ukoll ir-rekwiżiti fl-Istat Membru fejn jiġi provdut is-servizz li jirriserva attività għal professjoni partikolari;

7)

kwistjonijiet koperti bir-Regolament (KEE) Nru. 1408/71;

8)

fir-rigward ta’ formalitajiet amministrattivi li jikkonċernaw il-moviment liberu ta’ persuni u r-residenza tagħhom, kwistjonijiet koperti bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, li jistabbilixxu l-formalitajiet amministrattivi ta' l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn qed jiġi provdut is-servizz li magħhom il-benefiċjarji għandhom jikkonformu;

9)

fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor fil-kuntest tad-dispożizzjoni ta’ xi servizz il-possibbiltà għal Stati Membri li jitolbu viża jew permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux koperti bir-reġim ta’ rikonoxximent reciproku previst fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li jimplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni (33) jew il-possibbiltà li jobbligaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrappurtaw lil awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn is-servizz ikun provdut jew wara d-dħul tagħhom;

10)

fir-rigward tal-vjeġġar ta’ skart, kwistjonijiet koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġar ta’ skart fi ħdan, ‘il ġewwa u ‘l barra mill-Komunità Ewropea (34);

11)

drittijiet ta’ l-awtur, drittijiet tal-viċinat u drittijiet koperti bid-Direttiva tal-Kunsill (KEE) 87/54/KEE tas-16 ta' Diċembru 1986 dwar il-ħarsien legali tat-tipografiji ta' prodotti semi-kondutturi (35) u bid-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-ħarsien legali ta' databases (36) kif ukoll drittijiet ta’ proprjetà industrijali;

12)

atti li jeħtieġu bil-liġi l-involviment ta’ nutar;

13)

kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-awditjar statutorju tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (37);

14)

ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi mikrija fi Stat Membru ieħor;

15)

id-dispożizzjonijiet rigward l-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali, inklużi l-forma ta’ kuntratti, determinati skond ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat.

Artikolu 18

Derogi każ b’każ

1.   Bħala deroga mill-Artikolu 16, u f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss, Stat Membru jista’, fir-rispett ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, jieħu miżuri fir-rigward is-sigurtà tas-servizzi.

2.   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jittieħdu biss jekk il-proċedura ta’ għajnuna reċiproka stabbilita fl-Artikolu 35 tiġi segwita u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu mħarsa:

(a)

id-dispożizzjonijiet nazzjonali li magħhom tkun meħuda l-miżura mhumiex suġġett ta’ l-armonizzazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-sigurtà tas-servizzi;

(b)

il-mizuri jipprovdu għal livell ta’ protezzjoni ogħla tar-riċevitur milli jkun il-każ f’miżura meħuda mill-Istat Membru ta’ stabbiliment skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu;

(ċ)

l-Istat Membru ta’ stabbiliment ma ħa l-ebda miżura jew ħa miżuri li huma insuffiċjenti meta mqabbla ma dawk imsemmija fl-Artikolu 35(2);

(d)

il-miżuri huma proporzjonati.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet, stabbiliti fl-istrumenti tal-Komunità, li jiggarantixxu l-libertà li jiġu provduti servizzi jew li jippermettu derogi li minnhom.

TAQSIMA 2

Drittijiet ta’ riċevituri ta’ servizzi

Artikolu 19

Restrizzjonijiet projbiti

L-Istati Membri m’għandhomx jimponu rekwiżiti fuq riċevitur li jillimitaw l-użu ta’ servizz provdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn jew li ssir dikkjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

(b)

limiti diskriminatorji fuq l-għotja ta’ assistenza finanzjarja minħabba l-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor jew li s-servizz jiġi provdut fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 20

Non-diskriminazzjoni

1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li r-riċevitur ma jiġix soġġett għal rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità tiegħu jew il-post ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-aċċess għal servizz, li jsiru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali mill-fornitur, ma jkunx fihom dispożizzjonijiet diskriminatorji relatati man-nazzjonalità jew post tar-residenza tar-riċevitur, imma mingħajr ma jimpedixxu l-possibbiltà li jkun hemm differenzi fil-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess fejn dawk id-differenzi huma ġustifikati direttament bi kriterji oġġettivi.

Artikolu 21

Assistenza għar-riċevituri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riċevituri jistgħu jakkwistaw, fl-Istat Membru tagħhom tar-residenza, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti applikabbli fi Stati Membri oħra li jirrigwardaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attivitajiet ta’ servizz, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-konsumatur;

(b)

informazzjoni ġenerali dwar il-mezzi ta’ rimedju disponibbli fil-każ ta’ tilwim bejn il-fornitur u r-riċevitur;

(ċ)

id-dettalji ta’ kuntatt ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi ċ-ċentri tan-Network Ewropew tal-Konsumatur, li minn għandhom il-fornituri jew ir-riċevituri jistgħu jakkwistaw assistenza prattika.

Fejn xieraq, il-parir ta’ l-awtoritajiet kompetenti għandu jinkludi gwida sempliċi li tmexxik pass-pass. Informazzjoni u assistenza għandhom jingħataw b'mod ċar u mhux ambigwu, għandhom ikunu accessibli b'mod faċli u minn distanza, inklużi b'mezzi eletroniċi, u għandhom jinżammu aġġornati.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu r-responsabbiltà għall-kompitu msemmi fil-paragrafu 1 lill-punti ta’ kuntatt waħdieni jew lil kwalunkwe korp ieħor, bħaċ-ċentri tan-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew Ċentri tal-Euro Info.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi maħtura. Il-Kummissjoni għandha tittrasmettihom lill-Istati Membri kollha.

3.   Bi twettiq tar-rekwiżiti imniżżla fil-paragrafi 1 u 2, il-korp avviċinat mir-riċevitur, jekk meħtieġ, għandu jikkuntattja lill-korp rilevanti għall-Istat Membru konċernat. Dan ta’ l-aħħar għandu jibgħat l-informazzjoni mitluba mill-aktar fis possibbli lill-korp li għamel it-talba li għandu jibgħat l-informazzjoni lir-riċevitur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-korpi jagħtu lil xulxin assistenza reċiproka u jħaddmu il-miżuri kollha possibbli għall-kooperazzjoni effettiva. Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

4.   Il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura mniżżla fl-Artikolu 40(2), tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, li jispeċifikaw il-mekkaniżmi tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kopri ta’ l-Istati Membri varji u, b’mod partikolari, l-interoperabiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni, tenut kont ta’ l-istandards komuni.

KAPITOLU V

KWALITÀ TAS-SERVIZZI

Artikolu 22

Informazzjoni dwar il-fornituri u s-servizzi tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli għar-riċevitur:

(a)

l-isem tal-fornitur, l-istatus u l-forma legali tiegħu, l-indirizz ġeografiku fejn huwa stabbilit u d-dettalji li jippermettu li wieħed jikkuntattjah malajr u jikkomunika miegħu direttament u, skond il-każ, b’mezzi elettroniċi;

(b)

fejn il-fornitur ikun reġistrat f’negozju jew reġistru pubbliku simili ieħor, l-isem ta’ dak ir-reġistru u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-fornitur, jew mezzi ekwivalenti ta’ identifikazzjoni f’dak ir-reġistru;

(ċ)

fejn l-attività hija soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni, id-dettalji ta’ l-awtorità kompetenti rilevanti jew il-punt ta’ kuntatt waħdieni;

(d)

fejn il-fornitur jeżerċita attività li hija soġġetta għall-VAT, in-numru ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 22(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (38);

(e)

fil-każ ta’ professjonijiet regolati, kwalunkwe korp professjonali jew istituzzjoni simili li magħha huwa reġistrat il-fornitur, it-titolu professjonali u l-Istat Membru li fih dak it-titolu ġie mogħti;

(f)

il-kondizzjonijiet u l-klawżoli ġenerali, jekk ikun hemm, użati mill-fornitur;

(g)

l-eżistenza ta’ klawsoli kontrattwali, jekk ikun hemm, użati mill-fornitur li jikkonċernaw il-liġi applikabbli għall-kuntratt u/jew il-qrati kompetenti;

(h)

l-eżistenza ta’ garanzija ta’ wara l-bejgħ, jekk ikun hemm, mhux imposta bil-liġi;

(i)

il-prezz tas-servizz, meta prezz ikun determinat minn qabel mill-fornitur għal tip determinat ta’ servizz;

(j)

il-karatteristiċi prinċipali tas-servizz, jekk ma jkunux jidhru diġà mill-kuntest;

(k)

l-assigurazzjoni jew garanziji msemmija fl-Artikolu 23(1), u b’mod partikolari d-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-assiguratur jew il-garanti u dwar it-territorju kopert.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1, skond il-preferenza tal-fornitur:

(a)

tkun provduta mill-fornitur bl-inizjattiva tiegħu stess;

(b)

tkun faċilment aċċessibli għar-riċevitur fil-post fejn is-servizz huwa provdut jew fejn jiġi konkluż il-kuntratt;

(ċ)

tista’ tinstab faċilment b’mod elettroniku mir-riċevitur permezz ta’ indirizz provdut mill-fornitur;

(d)

tidher fi kwalunkwe dokument ta’ informazzjoni provdut lir-riċevitur mill-fornitur li jagħti deskrizzjoni dettaljata tas-servizz li hu jipprovdi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tar-riċevitur, il-fornituri jfornu din l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

fejn il-prezz mhuwiex predeterminat mill-fornitur għal tip ta’ servizz determinat, il-prezz tas-servizz jew, jekk ma jkunx jista’ jingħata prezz preċiż, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz sabiex ir-riċevitur ikun jista’ jikkontrollah, jew stima dettaljata b’mod suffiċjenti;

(b)

fir-rigward tal-professjonijiet regolati, referenza għar-regoli professjonali applikabbli fl-Istat Membru ta’ stabbiliment u kif jista' jkun hemm aċċess għalihom;

(ċ)

informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-isħubijiet multidixxiplinarji tagħhom li huma direttament marbuta mas-servizz in kwistjoni u dwar il-miżuri meħuda biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fi kwalunkwe dokument ta’ informazzjoni li fih il-fornituri jagħtu deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi tagħhom;

(d)

kwalunkwe kodiċi ta’ kondotta li għalih huwa soġġett il-fornitur u l-indirizz li fih dawn il-kodiċi jistgħu jiġu konsultati b’mezzi elettroniċi, waqt li jispeċifikaw il-verżjonijiet lingwistiċi disponibbli;

(e)

fejn fornitur huwa soġġett għal kodiċi ta’ kondotta, jew membru ta’ assoċjazzjoni kummerċjali jew korp professjonali li jforni għar-rikors ta’ mezzi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni ta’ tilwim, informazzjoni f’dan ir-rigward. Il-fornitur għandu jispeċifika dwar kif jista’ jkun hemm aċċess għal informazzjoni dettaljata dwar il-karatteristiċi ta’, u l-kondizzjonijiet, għall-użu ta’ mezzi mhux ġudizzjarji għas-soluzzjoni ta’ tilwim.

4.   Stati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandu jforni fornitur skond dan il-Kapitolu issir disponibbli jew komunikata b’mod ċar u mhux kumplikat, u fi żmien sew qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jew, fejn m’hemmx kuntratt bil-miktub, qabel ma jiġi provdut is-servizz.

5.   Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti f’dan il-Kapitolu huma bħala żieda mar-rekwiżiti diġà previsti fil-liġi tal-Komunità u ma jwaqqfux lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżiti oħrajn ta’ informazzjoni li jkunu applikabbli għall-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tispeċifika l-kontenut tat-tagħrif previst fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu skond in-natura speċifika ta’ ċerti attivitajiet u tista’ tispeċifika l-modi prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 23

Assigurazzjoni u garanziji għar-responsabbiltà professjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jiżguraw li dawk il-fornituri li s-servizzi tagħhom jippreżentaw riskju dirett u partikolari għas-saħħa jew is-sigurtà tar-riċevitur jew persuna terza, jew lis-sigurtà finanzjarja tar-riċevitur, huma obligati jabbonaw f’assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali skond in-natura u l-livell tar-riskju, jew biex ifornu garanzija jew arranġament simili li hu ekwivalenti jew essenzjalment kumparabbli fl-iskop tiegħu.

2.   Meta fornitur jistabbilixxi lilu nnifsu fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jeħtieġu assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali jew garanziji mill-fornitur fejn dan ikun diġà kopert minn garanzija li hija ekwivalenti, jew essenzjalment kumparabbli fir-rigward l-iskop u l-kopertura tagħha fir-rigward tar-riskju assigurat, is-somma assigurata, jew massimu għall-garanzija u esklużjonijiet possibbli mill-kopertura, fi Stat Membru ieħor li fih il-fornitur huwa diġà stabbilit. Fejn l-ekwivalenza hija parzjali, l-IstatiMembri jistgħu jeħtieġu garanzija supplementari li tkopri dawk l-aspetti mhux diġà koperti.

Meta Stat Membru jkun jeħtieġ li fornituri stabbiliti fit-territorju tiegħu jabbonaw f’assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali jew li jfornu garanzija oħra, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala suffiċjenti attestazzjonijiet ta’ l-evidenza ta’ tali kopertura ta’ l-assigurazzjoni maħruġa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u assiguraturi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jaffettwaw l-assigurazzjoni professjonali jew l-arranġamenti ta’ garanzija previsti fi strumenti oħra tal-Komunità.

4.   Għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 40(2), tistabbilixxi lista ta' servizzi li għandhom il-karatteristiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista' wkoll, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3), tadotta miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha permezz ta' l-istabbiliment ta' kriterji komuni li jiddefinixxu, għall-finijiet ta' l-assikurazzjoni jew garanziji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dak li hu xieraq skond in-natura u l-ambitu tar-riskju.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu

“riskju dirett u partikolari” tfisser riskju li jinħoloq direttament mill-provvista tas-servizz;

“saħħa u sigurtà” tfisser, f’relazzjoni mar-riċevitur jew persuna terza, il-prevenzjoni ta’ mewt jew korriment personali serju;

“sigurtà finanzjarja” tfisser, f’relazzjoni mar-riċevitur, il-prevenzjoni ta’ telf sostanzjali ta’ flus jew ta’ valur ta’ proprjetà;

“assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali” tfisser assigurazzjoni meħuda mill-fornitur fir-rigward ta’ responsabilitajiet potenzjali lir-riċevituri u, fejn applikabbli, partijiet terzi li jinħolqu mid-dispożizzjoni ta’ dan is-servizz.

Artikolu 24

Komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati

1.   L-Istati Membri għandhom ineħħu kull projbizzjoni totali fuq komunikazzjonijiet kummerċjali tal-professjonijiet regolati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali mill-professjonijiet regolati jikkonformaw mar-regoli professjonali, bi qbil mal-liġi tal-Komunità, li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, ma’ l-indipendenza, id-dinjità u l-integrità tal-professjoni, kif ukoll għas-sigriet professjonali, b’mod konsistenti man-natura speċifika ta’ kull professjoni. Regoli professjonali dwar komunikazzjonijiet kummerċjali għandhom ikunu non-diskriminatorji, ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x'taqsam ma’ l-interess pubbliku u proporzjonali.

Artikolu 25

Attivitajiet multidixxiplinari

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

(a)

il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

(b)

il-fornituri taċ-ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza teknika, is-servizzi ta’ prova sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiżguraw l-indipendenza u imparzjalità tagħhom.

2.   Fejn ikunu awtorizzati attivitajiet multidixxiplinari bejn il-fornituri msemmija fil- punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

(a)

li konflitti ta’ interess u inkompatibbiltajiet bejn ċertu attivitajiet jiġu evitati;

(b)

li l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa għal ċertu attivitajiet tkun żgurata;

(ċ)

li r-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali għall-attivitajiet differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-sigriet professjonali.

3.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jindikaw liema fornituri huma suġġetti għar-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti u r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġustifikati.

Artikolu 26

Politika dwar il-kwalità tas-servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex jinkoraġġixxu lill-fornituri jieħdu azzjoni fuq bażi volontarja sabiex jiżguraw il-kwalità tal-provvista tas-servizz, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

Ċertifikazzjoni jew evalwazzjoni ta' l-attiviatjiet tagħhom minn korpi indipendenti jew akkreditati;

(b)

tħejjija ta' karta ta’ kwalità tagħhom stess jew parteċipazzjoni f’karti jew tikketti ta’ kwalità stabbiliti minn korpi professjonali fuq livell Komunitarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif fuq it-tifsir ta’ ċerti tikketti u l-kriterji li bih jiġu applikati t-tikketti u marki oħra ta’ kwalità dwar is-servizzi jkunu faċilment aċċessibbli għall-fornituri u r-reċipjenti.

3.   L-Istati Membri għandhom, bil-koperazzjoni tal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex jinkoraġġixxu korpi professjonali, kif ukoll kmamar tal-kummerċ u assoċjazzjonijiet tas-snajja’ kif ukoll assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, fit-territorju tagħhom jikkoperaw fuq livell ta’ Komunità sabiex jippromwovu l-kwalità tal-provvista tas-servizz, speċjalment billi jagħmluha aktar faċli li tiġi evalwata l-kompetenza ta’ fornitur.

4.   L-Istati Membri għandhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ evalwazzjonijiet indipendenti, speċjalment mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kwalità u d-difetti tal-provvista ta‘ servizz, u, b’mod partikolari, l-iżvilupp fuq livell Komunitarju ta’ provi jew testijiet komparattivi u l-komunikazzjoni tar-riżultati.

5.   L-Istati Membri, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ standards Ewropej volontarji bil-għan li jiffaċilitaw il-kompatibbiltà bejn is-servizzi provduti mill-fornituri fi Stati Membri differenti, informazzjoni lir-riċevitur u l-kwalità tal-provvista tas-servizz.

Artikolu 27

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri jfornu d-dettallji ta’ kuntatt, b’mod partikolari indirizz postali, numru tal-fax jew indirizz elettroniku u numru tat-telefon fejn ir-riċevituri kollha, inklużi dawk residenti fi Stat Membru ieħor, ikunu jistgħu jibgħatu xi lment jew talba għal informazzjoni dwar is-servizz provdut. Il-fornituri għandhom ifornu l-indirizz legali tagħhom jekk dan ma jkunx l-indirizz li s-soltu jużaw għall-korrispondenza.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġeneral meħtieġa sabiex jiżguraw li l-fornituri jirrispondu għall-ilmenti imsemmija fl-ewwel subparagrafu fl-iqsar żmien possibli u li jagħmlu ħilithom biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġeneral meħtieġa sabiex jiżguraw li l-fornituri jkunu obbligati juru konformità ma’ l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva fir-rigward tal-provvista ta’ informazzjoni u li juru li l-informazzjoni hija preċiża.

3.   Fejn tkun rekwiżita garanzija finanzjarja għall-konformità ma‘ deċiżjoni ġudizjarja, l-Istati Membri għandhom jagħrfu garanziji ekwivalenti magħmula għand xi istituzzjoni ta’ kreditu jew assiguratur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ikunu awtorizzati fi Stat Membru skond id-Direttiva 2006/48/KE, u dawn l-assiguraturi, kif xieraq, skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (39) u d-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (40).

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali meħtieġa sabiex jiżguraw li l-fornituri li huma suġġetti għall-kodiċi tal-kondotta, jew li huma membri ta’ xi assoċjazzjoni tan-negozju jew korp professjonali, li jipprovdi kawża għall metodi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim mhux ġudizzjarji, jinformaw lir-riċevitur dwar dan, u jsemmu l-fatt f’kull dokument li jippreżenta s-servizzi tagħhom fid-dettall, jispeċifikaw kif jista’ jkun hemm aċċess għal informazzjoni dettaljata dwar il-karatteristiċi, u l-kundizzjonijiet għall-użu, ta’ dan il-mekkaniżmu.

KAPITOLU VI

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 28

Assistenza reċiproka - obbligi ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin assistenza reċiproka, u għandhom jistabbilixxu l-miżuri għall-kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin, biex b’hekk jiżguraw is-superviżjoni tal-fornituri u s-servizzi li jfornu.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jinnominaw punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar, li d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom għandu jkun ikkomunikat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment il-lista tal-punti ta’ kuntatt.

3.   Talbiet għal informazzjoni u talbiet biex isiru verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet skond dan il-Kapitolu għandhom ikunu motivati kif suppost, b’mod partikolari billi tiġi speċifikata r-raġuni għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tkun użata biss fir-rigward tal-kwistjoni li dwarha saret it-talba.

4.   Fil-każ li tidħol xi talba għall-assistenza minn awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom ifornu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għas-superviżjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom.

5.   Fil-każ li jkun hemm diffikultà biex tiġi sodisfatta xi talba għal informazzjoni jew biex isiru verifiki, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, l-Istat Membru in kwistjoni għandu jinforma malajr lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba minn Stati Membri oħrajn jew mill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi u fl-iqsar perjodu taż-żmien possibli.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri fejn iddaħħlu l-fornituri, u li jistgħu jiġu konsultati mill-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tagħhom, jistgħu wkoll ikunu konsultati, skond l-istess kondizzjonijiet, mill-awtoritajiet kompetenti ekwivalenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn.

8.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-każijiet fejn Stati Membri oħrajn ma jwettqux l-obbligu tagħhom ta' assistenza reċiproka. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa, inklużi l-proċeduri previsti fl-Artikolu 226 tat-Trattat, sabiex tiżgura li l-Istati Membri konċernati jwettqu l-obbligu tagħhom ta’ assistenza reċiproka. Il-Kummissjoni għandha tinforma perjodikament lill-Istati Membri dwar il-funzjonament tad-dispożizzjonijiet ta’ assistenza reċiproka.

Artikolu 29

Assistenza reċiproka - obbligi ġenerali għall-Istati Membri ta’ stabbiliment

1.   Fir-rigward tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jforni informazzjoni dwar il-fornituri stabbiliti fit-territorju tiegħu meta dan ikun mitlub jagħmel hekk minn Stat Membru ieħor u, b’mod partikolari, jikkonferma li fornitur huwa stabbilit fit-territorju tiegħu u, sa fejn jaf hu, mhuwiex jeżerċita l-attivitajiet tiegħu b’mod illegali.

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jagħmel il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet rikjesti minn Stat Membru ieħor u għandu jinforma lil dan ta’ l-aħħar dwar ir-riżultati u, skond il-każ, tal-miżuri meħuda. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu sal-limitu permess mis-setgħat mogħtija lilhom fl-Istat Membru tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu dwar il-miżuri l-aktar xierqa li għandhom jittieħdu f’kull każ individwali sabiex jissodisfaw it-talba minn Stat Membru ieħor.

3.   Malli jkollu f’idejh l-informazzjoni ta’ kwalunkwe kondotta jew atti speċifiċi minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu li jforni servizzi fi Stati Membri oħrajn, li, sa fejn jaf hu, jista’ jikkawża dannu serju fis-saħħa jew fis-sigurtà ta’ persuni jew ta’ l-ambjent, l-Istat Membru ta’ l-istabbiliment għandu jinforma l-Istati Membri l-oħrajn kollha u l-Kummissjoni fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibli.

Artikolu 30

Superviżjoni mill-Istat Membru ta’ stabbiliment fil-każ ta’ ċaqlieq temporanju ta’ fornitur lejn Stat Membru ieħor

1.   Fir-rigward ta’ każijiet li mhumiex koperti mill-Artikolu 31(1), l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jiżgura li l-konformità mar-rekwiżiti tiegħu tkun sorveljata skond is-setgħat ta’ superviżjoni previsti fil-liġi nazzjonali tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ superviżjoni fil-post ta’ stabbiliment tal-fornitur.

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment ma jistax jonqos milli jieħu miżuri ta’ superviżjoni jew ta’ infurzar fit-territorju tiegħu fuq il-bażi li s-servizz ġie provdut jew ikkawża danni fi Stat Membru ieħor.

3.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 m’għandux jinkludi dmir fuq il-parti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment biex iwettaq verifiki u kontrolli ta’ fatti fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn qed jiġi provdut is-servizz. Tali verifiki u kontrolli għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru fejn il-fornitur ikun qed jopera temporanjament, fuq talba ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, bi qbil ma’ l-Artikolu 31.

Artikolu 31

Superviżjoni minn Stat Membru fejn is-servizz huwa provdut fil-każ ta’ ċaqlieq temporanju tal-fornitur

1.   Fir-rigward tar-rekwiżiti nazzjonali li jistgħu jiġu imposti skond l-Artikoli 16 jew 17, l-Istat Membru fejn ikun provdut is-servizz huwa responsabbli mis-superviżjoni ta’ l-attività tal-fornitur fit-territorju tiegħu. Bi qbil mal-liġi tal-Komunità, l-Istat Membru fejn qed jiġi provdut is-servizz:

(a)

għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-fornitur jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċizżju ta’ l-attività;

(b)

għandu jwettaq il-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jissorvelja s-servizz provdut.

2.   Fir-rigward ta’ rekwiżiti minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn fornitur jiċċaqlaq temporanjament lejn Stat Membru ieħor sabiex jipprovdi servizz bla ma jkun stabbilit hemmhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jipparteċipaw fis- superviżjoni tal-fornitur skond il-paragrafi 3 u 4.

3.   Fuq talba ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn qed jiġi provdut is-servizz għandhom iwettqu kwalunkwe verifika, spezzjoni u investigazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva mill-Istat Membru ta’ stabbiliment. B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu sal-limitu permess mis-setgħat mogħtija lilhom fl-Istat Membru tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu fuq l-aktar miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu f’kull każ individwali sabiex jissodisfaw it-talba mill-Istat Membru ta’ stabbiliment.

4.   Fuq l-inizjattiva tagħhom stess, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn qed jiġi provdut is-servizz jistgħu jwettqu verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet fuq il-post, sakemm dawk il-verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet ma jkunux diskriminatorji, u mhumiex motivati mill-fatt li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u huma proporzjonati.

Artikolu 32

Mekkaniżmu ta’ allert

1.   Fejn Stat Membru jsir jaf b’atti jew ċirkustanzi serji u speċifiċi relatati ma’ attività ta’ servizz li jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa jew sigurtà ta’ persuni jew ta’ l-ambjent fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta' Stati Membri oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Istat Membru ta’ l-istabbiliment, lill-Istati Membri l-oħra konċernati u lill-Kummissjoni fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibli.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi u tieħu sehem fl-operazzjoni tan-netwerk Ewropew ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri sabiex timplimenta l-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta u taġġorna regolarment, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), regoli dettaljati li jirrigwardaw il-ġestjoni tan-netwerk imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 33

Informazzjoni dwar ir-reputazzjoni tajba tal-fornituri

1.   L-Istati Membri għandhom, fuq it-talba ta’ awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor, jissupplixxu informazzjoni, bi qbil mal-liġi nazzjonali tagħhom, fuq azzjonijiet dixxiplinarji jew amministrattivi jew sanzjonijiet u deċiżjonijiet kriminali li jkkonċernaw insolvenza jew falliment li jkunu jinvolvu frodi, meħudin mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward tal-fornitur, li huma direttament relevanti għall-kompetenza jew affidabilità professjonali tal-fornitur. L-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni għandu jinforma lill-fornitur b’dan.

Talba magħmula skond l-ewwel subparagrafu għandha tkun sostanzjata kif xieraq, b’mod partikolari fir-rigward tar-r-raġunijiet tat-talba għal informazzjoni.

2.   Sanzjonijiet u azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu komunikati biss jekk tkun ittieħdet deċiżjoni finali. Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet infurzabbli oħrajn msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jforni l-informazzjoni għandu jispeċifika jekk xi deċiżjoni partikolari hijiex finali jew jekk xi appell ġiex mressaq fir-rigward tagħha, u f’dak il-każ l-Istat Membru in kwistjoni għandu jipprovdi indikazzjoni tad-data meta d-deċiżjoni ta’ l-appell hija mistennija.

Barra minn hekk, dak l-Istat Membru għandu jispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li bi qbil magħhom il-fornitur instab ħati jew ġie penalizzat.

3.   L-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-provvista ta‘ data personali u mad-drittijiet garantiti lill-persuni misjuba ħatja jew penalizzati fl-Istati Membri konċernati, inkluż minn korpi professjonali. Kwalunkwe informazzjoni in kwistjoni li hi pubblika għandha tkun aċċessibbli mill-konsumaturi.

Artikolu 34

Miżuri ta’ akkumpanjament

1.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tistabbilixxi sistema elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’kont meħud tas-sistemi eżistenti ta’ informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom, bl-assistenza tal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ uffiċjali inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ assistenza reċiproka u t-taħriġ ta’ tali uffiċjali, inkluż it-taħriġ fil-lingwa u fil-kompjuter.

3.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa li tistabbilixxi programm pluriennali sabiex torganizza skambji rilevanti ta’ uffiċjali u taħriġ.

Artikolu 35

Assistenza reċiproka f’każ ta derogi skond il-każ

1.   Fejn Stat Membru għandu l-ħsieb jieħu miżura skond l-Artikolu 18, il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu tapplika mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti quddiem il-qrati inklużi proċedimenti u atti preliminarji imwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali.

2.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitlob lill-Istat Membru ta’ stabbiliment biex jieħu miżuri fir-rigward tal-fornitur, u jissupplixxi l-informazzjoni relevanti kollha fuq is-servizz in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi tal-każ.

L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jivverifika, fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli, jekk il-fornitur huwiex jopera legalment u jivverifika l-fatti li wasslu għat-talba. Għandu jinforma lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibli bil-miżuri meħuda jew maħsuba jew, skond il-każ, ir-raġunijiet li għalihom ma ħa l-ebda miżura.

3.   Wara l-komunikazzjoni mill-Istat Membru ta’ stabbiliment kif previst fit-tieni subparagrafu ta’ paragrafu 2, l-Istat Membru li qed jagħmel ir-rikjesta għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru ta’ stabbiliment bl-intenzjoni tiegħu li jieħu miżuri, u jiddikjara dan li ġej:

(a)

ir-raġunijiet li għalihom jemmen li l-miżuri li ttieħdu jew li huma maħsuba mill-Istat Membru ta’ stabbiliment mhumiex adegwati;

(b)

ir-raġunijiet li għalihom huwa jemmen li l-miżuri li hu bi ħsiebu jieħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18.

4.   Il-miżuri ma jistgħux jittieħdu qabel ma jgħaddu ħmistax-il ġurnata mid-data tan-notifika prevista fil-paragrafu 3.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jieħu l-miżuri in kwistjoni kif jiskadi l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha, fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli, teżamina l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità tal-miżuri notifikati.

Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri huma inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, hi għandha tadotta deċiżjoni fejn tistaqsi l-Istat Membru konċernat biex jieqaf milli jieħu l-miżuri proposti jew biex itemm il-miżuri in kwistjoni bħala kwistjoni urġenti.

6.   F’każ ta’ urġenza, Stat Membru li għandu l-ħsieb jieħu miżura jista’ jidderoga mill-paragrafi 2, 3 u 4. F’tali każi, il-miżuri għandhom jiġu notifikati fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru ta’ stabbiliment, waqt li jiddikjara r-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

Artikolu 36

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3), il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan il-Kapitolu billi jissupplimentawh permezz ta' l-ispeċifikazzjoni tal-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikoli 28 u 35. Il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni b'mod elettroniku bejn l-Istati Membri, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet ta' interoperabilità għas-sistemi ta' informazzjoni.

KAPITOLU VII

PROGRAMM TA’ KONVERĠENZA

Artikolu 37

Kodiċi ta' kondotta fuq livell Komunitarju

1.   L-Istati Membri għandhom, f‘kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta’ akkumpanjament biex jinkoraġġixxu t-tfassil fuq livell Komunitarju, partikolarment minn korpi professjonali, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet, ta’ kodiċi ta’ kondotta li jkollu l-għan li jiffaċilita l-provvista tas-servizzi jew l-istabbiliment ta’ fornitur fi Stat Membru ieħor, bi qbil mal-liġi Komunitarja.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kodiċijiet ta’ kondotta msemmijin fil-paragrafu 1 huma aċċessibbli mill-bogħod, permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Artikolu 38

Armonizzazzjoni addizzjonali

Il-Kummissjoni għandha tevalwa sat-28 ta’ Diċembru 2010, il-possibbiltà li tippreżenta proposti għal strumenti ta’ l-armonizzazzjoni fuq is-suġġetti li ġejjin:

(a)

aċċess għall-attività ta’ rkupru ġudizzjarju ta’ djun;

(b)

servizzi privati ta’ sigurtà u trasport ta’ flus u oġġetti ta’ valur.

Artikolu 39

Evalwazzjoni reċiproka

1.   Sat-28 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni, li jkun fih l-informazzjoni speċifikatq fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Artikolu 9(2), dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni;

(b)

Artikolu 15(5), dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati;

(ċ)

Artikolu 25 (3), dwar l-attivitajiet multidixxiplinari.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 lill-Istat Membri, li għandhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq kull wieħed mir-rapporti fi żmien sitt xhur. Fl-istess perjodu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-partijiet interessati dwar dawn ir-rapporti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti u l-osservazzjonijiet ta’ l-Istati Membri lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 40(1), li jista’ jagħmel osservazzjonijiet.

4.   Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2010, tippreżenta rapport sommarju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat fejn xieraq bi proposti għal inizjattivi addizzjonali.

5.   Sat-28 ta’ Diċembru 2009, l-aktar tard l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti nazzjonali li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ taħt it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) u l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 16(3), waqt li jipprovdu raġunijiet għaliex jikkunsidraw li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti tirrispetta l-kriterji msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(1) u l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 16(3).

Wara dan, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni kwalunkwe bidliet fir-rekwiżiti tagħhom, inklużi rekwiżiti ġodda, kif imsemmija hawn fuq, flimkien mar-raġunijiet għalihom.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rekwiżiti trasmessi lill-Istati Membri l-oħrajn. Tali trasmissjoni m’għandhiex tipprevjeni l-adozzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha fuq bażi annwali wara dan tipprovdi analiżi u orjentazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 40

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet snin.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-diżpożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 41

Klawsola ta’ reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2011 u, kull tliet snin wara dan, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport komprensiv dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu, skond l-Artikolu 16(4), jindirizza b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 16. Għandu wkoll jikkunsidra l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali għal kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Huwa għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti għal emenda ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb tat-tkomplija tas-Suq Intern għas-servizzi.

Artikolu 42

Emenda tad-Direttiva 98/27/KE

Fl-Anness għad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (41), il-punt li ġej għandu jiżdied:

“13.

Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36)”.

Artikolu 43

Protezzjoni ta’ data personali

L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza għandhom jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali kif previst fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 44

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-28 ta’ Diċembru 2009.

Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 46

Lil min hija indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar it-12 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 221, tas-8.9.2005, p. 113.

(2)  ĠU C 43, tas-18.2.2005, p. 18.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2006 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 2006 (ĠU C 270E, tas-7.11.2006, p. 1) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2006. Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006.

(4)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(9)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/24/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

(10)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(12)  ĠU L 149, tas-11.6.2005, p. 22.

(13)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1. Regolament kif emendata bid-Direttiva 2005/29/KE.

(14)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(15)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1.

(16)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(17)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

(18)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(19)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(20)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ l-Adeżjoni 2003.

(21)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(22)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(23)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

(24)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).

(25)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36. Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni 2003.

(26)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 221, 4.9.2003, p. 13).

(27)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.

(28)  ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(29)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/653/KE (ĠU L 270, 29.9.2006, p. 72).

(30)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.

(31)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(32)  ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta' l-2003.

(33)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

(34)  ĠU L 30, 6.2.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 (ĠU L 349, 31.12.2001, p. 1).

(35)  ĠU L 24, 27.1.1987, p. 36.

(36)  ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20.

(37)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(38)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/18/KE (ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12).

(39)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).

(40)  ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/68/KE.

(41)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE.


Top