EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2173

2173/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

OJ L 347, 30.12.2005, p. 1–6 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 352M, 31.12.2008, p. 416–421 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 11 Volume 044 P. 33 - 40
Special edition in Romanian: Chapter 11 Volume 044 P. 33 - 40
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 030 P. 130 - 135

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2173/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

416


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2173/2005

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laqgħu l-Komunikazzjoni, mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, dwar Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija (Forest Law Enforcement, Governance and Trade, FLEGT) bħala l-ewwel pass sabiex tiġi ttrattata l-kwistjoni urġenti tal-qtugħ illegali ta’ siġar u l-kummerċ assoċjat ma’ dan.

(2)

Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħmel enfasi fuq riformi fit-tmexxija u fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet, appoġġati b’azzjonijiet immirati lejn l-iżvilupp ta’ koperazzjoni multilaterali u miżuri komplementari min-naħa tad-domanda li jkunu mfassla sabiex jitnaqqas il-konsum ta’ injam maqtugħ illegalment u li jikkontribwixxu lejn l-objettiv aktar wiesa' ta’ ġestjoni sostenibbli ta’ forestrija fil-pajjiżi li jipproduċu l-injam.

(3)

Il-Pjan ta' Azzjoni jidentifika l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzi bħala miżura sabiex jiġi żgurat li fil-Komunità jidħlu biss prodotti ta' l-injam li jkunu prodotti legalment konformement mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-pajjiż li jipproduċihom, u jenfasizza li dik l-iskema ta' liċenzi ma għandhiex tfixkel il-kummerċ leġittimu.

(4)

L-implimentazzjoni ta' l-iskema ta' liċenzi teħtieġ li l-importazzjonijiet ta' prodotti rilevanti ta' l-injam fit-territorju tal-Komunità jsiru suġġetti għal sistema ta' verifiki u kontrolli bl-għan li tiggarantixxi l-legalità ta' dawn il-prodotti.

(5)

Għal dan il-għan il-Komunità għandha tikkonkludi strumenti ta' Ftehim volontarju ta' Sħubija ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali, li taħthom jiġi assunt obbligu legali mill-pajjiż imsieħeb jew mill-organizzazzjoni reġjonali sabiex jimplimentaw l-iskema ta' liċenzi, skond l-iskeda stipulata f'kull Ftehim ta' Sħubija.

(6)

Taħt l-iskema ta' liċenzi, ċerti prodotti ta' l-injam esportati minn pajjiż imsieħeb u li jidħlu fil-Komunità fi kwalunkwe punt doganali bil-ħsieb li jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, għandhom ikunu koperti minn liċenza maħruġa mill-pajjiż imsieħeb, li tiddikjara li l-prodotti ta' l-injam ġew prodotti minn injam domestiku maqtugħ legalment jew minn injam li kien importat legalment f'pajjiż imsieħeb skond il-liġijiet nazzjonali kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija rispettiv. Il-konformità f'dan ir-rigward għandha tkun suġġetta għall-monitoraġġ minn parti terza.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li kull trasbord tkun koperta minn liċenza valida qabel ir-rilaxx ta' tali trasbord, kopert minn dik il-liċenzja, jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

(8)

Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-penalitajiet applikabbli fil-każ li dan ir-Regolament jinkiser.

(9)

L-iskema ta' liċenzi inizjalment għandha tkopri firxa limitata ta' prodotti ta' l-injam. Meta jsir ftehim, il-firxa ta' prodotti tista' tiġi estiża għal kategoriji oħrajn ta' prodotti.

(10)

Huwa importanti li l-Annessi, li jispeċifikaw il-pajjiżi u l-prodotti koperti mill-iskema ta' liċenzi, jiġu riveduti minnufih. Dawk ir-reviżjonijiet għandhom jagħtu konsiderazzjoni lill-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' Ftehim ta' Sħubija. Pajjiż imsieħeb jista' jiżdied fl-Anness 1 wara li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni tkun ikkonfermat li l-pajjiż imsieħeb stabbilixxa l-kontrolli meħtieġa kollha sabiex joħroġ liċenzi għall-prodotti kollha elenkati fl-Anness II. Pajjiż imsieħeb jista' jitneħħa mill-Anness 1 meta javża b'sena minn quddiem l-intenzjoni tiegħu li jittermina l-Ftehim ta' Sħubija tiegħu jew b'effett immedjat, fil-każ li l-Ftehim ta' Sħubija tiegħu jiġi sospiż.

(11)

L-Anness II jista' jiġi emendat wara li l-Kummissjoni u l-pajjiżi imsieħba kollha jiftiehmu dwar tali emenda. L-Anness III jista' jiġi emendat wara li l-Kummissjoni u l-pajjiż imsieħeb konċernat jiftiehmu dwar tali emenda.

(12)

Dawn ir-reviżjonijiet lill-Annessi I, II u III ikunu miżuri implimentattivi ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa. Tali emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta' intestatura ta' erba' ċifri jew fil-livell ta' sub-intestatura ta' sitt ċifri tal-verżjoni attwali ta' l-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni tal-Prodotti u ta' Kodifikazzjoni.

(13)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (1) u ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li jkunu suġġett għall-proċedura tal-kumitat regolatorju u dawk li jkunu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat ta' amministrazzjoni, fejn il-proċedura tal-kumitat ta' amministrazzjoni tkun f'ċerti każijiet, bil-ħsieb ta' aktar effikaċja, l-aktar adatta,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi grupp ta' regoli Komunitarji għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-injam għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' liċenzi FLEGT.

2.   L-iskema ta' liċenzi għandha tiġi implimentata permezz ta' strumenti ta' Ftehim volontarju ta' Sħubija ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-injam stabbiliti fl-Anness II u III mill-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Skema ta' liċenzi għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija” (minn hawn ’il quddiem l-iskema ta' liċenzi FLEGT’) tfisser il-ħruġ ta' liċenzi għal prodotti ta' l-injam għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn pajjiżi msieħba u l-implimentazzjoni tagħha fil-Komunità, b'mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar kontrolli fuq il-fruntiera;

2.

“pajjiż imsieħeb” tfisser kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali li jidħlu fi Ftehim ta' Sħubija, kif elenkati fl-Anness I;

3.

“Ftehim ta' Sħubija” tfisser ftehim bejn il-Komunità u pajjiż imsieħeb li permezz tiegħu l-KE u pajjiż imsieħeb jimpenjaw ruħhom li jaħmdu flimkien sabiex jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u jimplimentaw l-iskema ta' liċenzi FLEGT;

4.

“organizzazzjoni reġjonali” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani li trasferixxew il-kompetenza lil dik l-organizzazzjoni, u b'hekk ikunu tawha l-kapaċità li tidħol fi Ftehim ta' Sħubija f'isimhom, fir-rigward ta' kwistjonijiet regolati mill-iskema ta' liċenzi FLEGT, kif elenkati fl-Anness I;

5.

“liċenzja FLEGT” tfisser dokument ibbażat fuq it-trasbord jew ibbażat fuq il-parteċipant fis-suq f'format standard li għandu jkun reżistenti għall-falsifikazzjoni u t-tbagħbis, ikun verifikabbli, u li jirriferi għal trasbord konformi mar-rekwiżiti ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT, debitament maħruġ u validat minn awtorità tal-liċenzi ta' pajjiż imsieħeb. Is-sistemi għall-ħruġ, registrazzjoni u komunikazzjoni ta' liċenzi jistgħu jkunu bbażati fuq l-użu ta' karti (paper-based) jew fuq l-użu ta' mezzi elettroniċi, skond kif ikun dettat mill-każ;

6.

“parteċipant fis-suq” tfisser attur, privat jew pubbliku, involut fil-forestrija jew fit-trasformazzjoni jew kummerċ ta' prodotti ta' l-injam;

7.

“awtorità jew awtoritajiet tal-liċenzi” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet nominati minn pajjiż imsieħeb għall-ħruġ u l-validazzjoni tal-liċenzi FLEGT;

8.

“awtorità jew awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet nominati minn Stat Membru ta' l-UE sabiex jivverifikaw il-liċenzi FLEGT;

9.

“prodotti ta' l-injam” tfisser il-prodotti elenkati fl-Annessi II u III, li għalihom tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT, u li, meta jiġu importati lejn il-Komunità, ma jistawx jiġu kwalifikati bħala “merkanzija ta' natura mhux kummerċjali” kif stabbilit fil-punt 6 ta' l-Artikolu 1 Ir-regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (2);

10.

“injam prodott legalment” tfisser prodotti ta' l-injam prodotti minn injam domestiku li kien maqtugħ legalment jew li kien importat legalment f'pajjiż imsieħeb skond il-liġijiet nazzjonali determinati minn dak il-pajjiż imsieħeb u kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija;

11.

“importazzjonijiet” tfisser ir-rilaxx ta' prodotti ta' l-injam għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-sens ta' l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/1992 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3);

12.

“trasbord” tfisser trasbord ta' prodotti ta' l-injam;

13.

“esportazzjoni” tfisser it-tluq fiżiku jew it-teħid ta' prodotti ta' l-injam minn kwalunkwe parti tat-territorju ta' pajjiż imsieħeb sabiex jinġabu fil-Komunità;

14.

“monitoraġġ minn parti terza” tfisser sistema li permezz tagħha organizzazzjoni li tkun indipendenti mill-awtoritajiet tal-gvern ta' pajjiż imsieħeb u mis-settur tiegħu tal-forestrija u ta' l-injam tissorvelja u tirrapporta dwar l-operat ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.

KAPITOLU II

L-ISKEMA TA' LIĊENZI FLEGT

Artikolu 3

1.   L-iskema ta' liċenzi FLEGT għandha tapplika biss għal importazzjonijiet minn pajjiżi msieħba.

2.   Kull Ftehim ta' Sħubija għandu jispeċifika skeda miftiehma għall-implimentazzjoni ta' l-impenji assunti taħt dak il-Ftehim.

Artikolu 4

1.   L-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti ta' l-injam esportati minn pajjiżi msieħba għandhom ikunu pprojbiti jekk it-trasbord ma jkunx kopert minn liċenza FLEGT.

2.   Jistgħu jintużaw sistemi li jiggarantixxu l-legalità u t-traċċar affidabbli ta' prodotti ta' l-injam esportati minn pajjiżi msieħba bħala l-bażi tal-liċenza FLEGT sakemm dawk l-iskemi jkunu ġew valutati u approvati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2), sabiex jipprovdu l-assigurazzjoni meħtieġa dwar il-legalità tal-prodotti ta' l-injam konċernati.

3.   Il-prodotti ta' l-injam ta' l-ispeċi elenkati taħt l-Annessi A, B u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jiġi regolat il-kummerċ fihom (4) għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tirrivedi din l-eżenzjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3) sat-30 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 5

1.   Għandha ssir disponobbli lill-awtorità kompetenti liċenza FLEGT, li tkopri kull trasbord, fl-istess waqt li tiġi preżentata d-dikjarazzjoni doganali għal dak it-trasbord għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistru — fuq karta jew f'format elettroniku — tal-liċenza FLEGT oriġinali flimkien mad-dikjarazzjoni doganali applikabbli.

L-importazzjoni ta' prodotti ta' l-injam taħt liċenżja FLEGT ta' parteċipant fis-suq għandha tkun permessa sakemm il-liċenza ta' dak il-parteċipant fis-suq tibqa' valida.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lill-Kummissjoni, jew lill-persuni jew korpi nominati mill-Kummissjoni, aċċess għad-dokumenti u d-data rilevanti, fil-każ li jinqalgħu xi problemi li jxekklu l-operazzjoni effettiva ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu aċċess għad-dokumenti u d-data rilevanti lil persuni jew korpi nominati minn pajjiżi msieħba sabiex ikunu responsabbli għall-monitoraġġ minn parti terza ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT, iżda l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu xi informazzjoni li mhumiex permessi jikkomunikaw skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar ir-rekwiżit ta' verifika ulterjuri ta' vjeġġijiet, bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet li jqisu r-riskju.

5.   F'każ ta' dubbju dwar il-validità tal-liċenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet tal-liċenzi għal verifika addizzjonali u jfittxu kjarifika ulterjuri, kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija mal-pajjiż esportatur imsieħeb.

6.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu l-ħlas ta' miżati sabiex ikopru l-ispejjeż neċessarji li jinqalgħu mill-atti uffiċjali eżegwiti mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu meħtieġa għall-finijiet ta' kontroll taħt dan l-Artikolu.

7.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu r-rilaxx ta' jew iżommu prodotti ta' l-injam jekk ikollhom raġun sabiex jemmnu li l-liċenza tista' ma tkunx valida. L-ispejjeż magħmula sa meta titlesta l-verifika għandhom jitħallsu mill-importatur, ħlief fejn l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi mod ieħor.

8.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-penalitajiet li għandhom jiġu imposti fil-każijiet fejn jinkisru d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta r-rekwiżiti dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 6

1.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) ma' ġiex sodisfatt, huma għandhom jipproċedu skond il-leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni li tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament qegħdin jiġu, jew ġew, evitati.

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-komunikazzjoni mal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri l-ismijiet u d-dettalji rilevanti kollha ta' l-awtoritajiet tal-liċenzi nominati mill-pajjiżi msieħba, b'kampjuni awtentiċi ta' timbri u firem li jiċċertifikaw li liċenza nħarġet legalment, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra riċevuta fir-rigward tal-liċenzi.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw sat-30 ta' April rapport annwali li jkopri s-sena kalendarja ta' qabel u li għandu jinkludi d-dettalji li ġejjin:

(a)

il-kwantitajiet ta' prodotti ta' l-injam importati fl-Istat Membru taħt l-iskema ta' liċenzi FLEGT, għal kull Intestatura HS speċifikata fl-Annessi II u III u għal kull pajjiż imsieħeb;

(b)

in-numru ta' liċenzi FLEGT riċevuti, għal kull Intestatura HS speċifikata fl-Annessi II u III u għal kull pajjiż imsieħeb;

(ċ)

in-numru ta' każijiet u kwantitajiet ta' prodotti ta' l-injam involuti fejn ġie applikat l-Artikolu 6(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-format tar-rapporti annwali sabiex tiffaċilita l-monitoraġġ ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport ta' sintesi annwali sat-30 ta' Ġunju, ibbażat fuq l-informazzjoni preżentata mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tagħhom li jkopru s-sena kalendarja ta' qabel, u għandha tagħmlu disponibbli għall-pubbliku skond ir-Regolament 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5).

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 9

Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' l-ewwel Ftehim ta' Sħubija, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari bbażat fuq ir-rapporti ta' sintesi msemmija fl-Artikolu 8(3) u fuq ir-reviżjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun jeħtieġ il-każ, bi proposti għat-titjib ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.

Artikolu 10

1.   Il-Kummissjoni tista' temenda l-lista ta' pajjiżi msieħba u ta' l-awtoritajiet tal-liċenzi nominati tagħhom kif stabbilit fl-Anness I skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3).

2.   Il-Kummissjoni tista' temenda l-lista ta' prodotti ta' l-injam fl-Anness II li għaliha tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3). Dawk l-emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni waqt li titqies l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija FLEGT. Dawk l-emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta' intestatura ta' erba' ċifri jew fil-livell ta' sub-intestatura ta' sitt ċifri tal-verżjoni attwali ta' l-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni tal-Prodotti u ta' Kodifikazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' temenda l-lista ta' prodotti ta' l-injam fl-Anness III li għaliha tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(3). Dawk l-emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni waqt li titqies l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija FLEGT. Dawk l-emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta' intestatura ta' erba' ċifri jew fil-livell ta' sub-intestatura ta' sitt ċifri tal-verżjoni attwali ta' l-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta' Deskrizzjoni tal-Prodotti u ta' Kodifikazzjoni u għandhom japplikaw biss relattivament għall-pajjiżi msieħba korrispondenti kif stabbilit fl-Anness III.

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija (FLEGT) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ’il-Kumitat’).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' procedura tiegħu.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02 Volum 06, p. 3). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament 883/2005 (ĠU L 148, 11.6.2005, p. 5).

(3)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 02 Volum 04 P. 307). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).

(4)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1332/2005 (ĠU L 215, 19.8.2005, p. 1).

(5)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


ANNESS I

PAJJIŽI MSIEħBA U L-AWTORITAJIET TAL-LIČENZI NOMINATI MINNHOM


ANNESS II

Prodotti ta' l-injam li għalihom tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT irrispettivament mill-pajjiżi msieħba

HS — Intestatura

Deskrizzjoni

4403

Injam mhux maħdum, kemm jekk b'qoxortu jew l-alburnum imneħħija kif ukoll jekk le, jew maqtugħ kwadru.

4406

Traversi ta' l-injam (cross-ties) tal-binarji tal-ferrovija jew tat-tramm.

4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, kemm jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf kif ukoll jekk le, ta' ħxuna li ma teċċedix is-6 mm.

4408

Fuljetta għall-kisi bil-fuljetta (veneering) (inklużi dawk maħduma bit-tiflil ta' l-injam laminat) għall-plywood jew għal injam laminat simili ieħor u njam ieħor, isserrat mit-tul, imfellel jew imqaxxar, kemm jekk inċanat, xkatlat, impalellat (spliced) jew imġannat mit-truf kif ukoll jekk le, ta' ħxuna li ma teċċedix is-6mm.

4412

Plywood, panewijiet miksija bil-fuljetta jew injam laminat simili ieħor.


ANNESS III

Prodotti ta' l-injam li għalihom l-iskema ta' liċenzi FLEGT tapplika biss għall-pajjiżi msieħba korrispondenti

Pajjiż Imsieħeb

HS — Intestatura

Deskrizzjoni

 

 

 


Top