EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1552

Ir-Regolament (KE) Nru 1552/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar statistika li tirrigwarda t-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 255, 30.9.2005, p. 1–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 05 Volume 007 P. 260 - 264
Special edition in Romanian: Chapter 05 Volume 007 P. 260 - 264
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 005 P. 200 - 204

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/08/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1552/oj

30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1552/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

dwar statistika li tirrigwarda t-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-għan strateġiku li ssir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, kapaċi li tirrealizza żvilupp ekonomiku sostenut b'iktar u aħjar xogħol u b'koeżjoni soċjali ikbar.

(2)

Il-kapaċità li ċ-ċittadini jsibu xogħol, kif ukoll l-adattabilità u l-mobilità tagħhom huma essenzjali sabiex l-Unjoni tkun tista' tkompli twettaq l-impenn tagħha li ssir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja.

(3)

It-tagħlim tul il-ħajja huwa element kruċjali għall-iżvilupp u l-inkoraġġiment ta' ħaddiema kapaċi, mħarrġa u flessibbli.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Mejju 2003 dwar livelli ta' referenza għall-operat medju Ewropew fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (punti ta' referenza) (2) adottaw dan il-punt ta' referenza għat-tagħlim tul il-ħajja: “Għalhekk, sa l-2010, il-livell medju ta' parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fit-Tagħlim tul il-Ħajja għandu jkun ta' mill-inqas 12,5 % tal-popolazzjoni adulta li għandha l-età li taħdem (25 sa 64 sena)”.

(5)

Il-Kunsill Ewropew ta' Liżbona kkonferma li t-tagħlim tul il-ħajja huwa element bażiku tal-mudell soċjali Ewropew.

(6)

L-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg ġdida konfermata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/578/KE tat-22 ta' Lulju 2003 dwar linji gwida għall-politika tax-xogħol ta' l-Istati Membri (3) timmira sabiex tikkontribwixxi aħjar għall-istrateġija ta' Liżbona u timplimenta strateġiji koerenti u komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja.

(7)

Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tal-kunċett ta' persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol mogħti fil-linji gwida għall-politika tax-xogħol ta' l-Istati Membri.

(8)

Għandha tingħata attenzjoni partikulari għat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u matul il-ħin tax-xogħol, billi dawn iż-żewġ aspetti huma ta' dimensjonijiet kruċjali tat-tagħlim tul il-ħajja.

(9)

Informazzjoni bbażata fuq statistika paragunabbli fuq livell Komunitarju, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi, hija essenzjali għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u għall-monitoraġġ tal-progress ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

(10)

Il-produzzjoni ta' statistika speċifika tal-Komunità hija rregolata minn regoli stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (4).

(11)

It-trasmissjoni ta' data soġġetta għal kunfidenzjalità statistika hija rregolata mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta' data li hija l-oġġett ta' kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċcju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar Statistika tal-Komunità, rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi (6) stabbilixxa l-kundizzjonijiet skond liema jista' jingħata aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità.

(13)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, u ċioè il-ħolqien ta' standards komuni ta' statistika li jippermettu l-produzzjoni ta' data armonizzata fuq it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi ma jistgħux jintlaħqu għal kollox mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta ċerti miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat fl-imsemmi Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (7). Dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont tal-kapaċitajiet disponibbli fl-Istati Membri għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data.

(15)

Il-Kumitat għall-Programm għall-Istatistika ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat għall-Programmi għall-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (8),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

“intrapriża” tfisser l-intrapriża kif definita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità (9);

2.

“NACE Rev. 1.1” tfisser il-klassifikazzjoni komuni ta' l-istatistika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fi ħdan il-Komunità Ewropea kif stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (10).

L-Artikolu 3

Data li għandha tinġabar

1.   Id-data għandha tinġabar mill-Istati Membri bil-ħsieb li tkun prodotta statistika Komunitarja għall-analiżi tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi fl-oqsma li ġejjin:

(a)

il-politika u l-istrateġiji ta' taħriġ ta' l-intrapriżi fl-iżvilupp ta' l-abilitajiet ta' l-impjegati tagħhom;

(b)

il-ġestjoni, l-organizzazzjoni u l-forom ta' taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi;

(ċ)

l-irwol ta' l-imsieħba soċjali biex jiżguraw l-aspetti kollha tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fuq il-post tax-xogħol;

(d)

aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu, il-kwantità u l-kontenut ta' dan, b'mod partikulari fil-kuntest ta' l-attività ekonomika u tad-daqs ta' l-intrapriża;

(e)

miżuri speċifiċi ta' l-intrapriżi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu biex jittejbu l-kompetenzi ta' l-impjegati fil-qasam ta' l-ICT;

(f)

l-opportunitajiet għall-impjegati ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) biex ikollhom aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu u biex jiksbu kompetenzi ġodda, u l-bżonnijiet partikulari ta' l-SMEs fil-provvista tat-taħriġ;

(g)

l-effetti ta' miżuri pubbliċi fuq taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi;

(h)

opportunitajiet indaqs għall-impjegati kollha fl-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu fl-intrapriżi, b'rigward għas-sess u l-età ta' gruppi speċifiċi b'mod partikolari;

(i)

miżuri speċifiċi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu għal nies li huma żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol;

(j)

it-tkomplija ta' miżuri ta' taħriġ vokazzjonali immirati għal tipi differenti ta' kuntratti ta' impjieg;

(k)

l-ispejjeż marbutin mat-taħriġ vokazzjonali kontinwu: livelli u riżorsi ta' ffinanzjar, inċentivi għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu; u

(l)

il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ ta' l-intrapriżi fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

2.   Data speċifika fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali inizjali fl-intrapriżi għandha tinġabar mill-Istati Membri rigward:

(a)

il-parteċipanti li jkunu qed jirċievu taħriġ vokazzjonali inizjali; u

(b)

l-ispejjeż totali għat-taħriġ vokazzjonali inizjali.

L-Artikolu 4

Kamp ta' applikazzjoni ta' l-istatistika

L-istatistika dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi għandha tkopri mill-inqas l-attivitajiet ekonomiċi kollha definiti fit-taqsimiet C sa K u O tan-NACE Rev. 1.1.

L-Artikolu 5

Unitajiet ta' l-istatistika

1.   Għall-ġbir tad-data, l-intrapriża li teżerċita waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 4 u li tħaddem 10 impjegati jew iktar għandha tiġi meqjusa bħala unità statistika.

2.   B'kont meħud tad-distribuzzjoni speċifika, skond id-daqs, ta' intrapriżi f'livell nazzjonali u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-politika, Stati Membri jistgħu jestendu d-definizzjoni ta' unità statistika f'pajjiżhom. Il-Kummissjoni tista' wkoll tiddeċiedi li testendi din id-definizzjoni skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 14(2), jekk tali estensjoni ttejjeb b'mod sinifikanti l-kwalità ta' rappreżentazzjoni u l-kwalità tar-riżultat ta' l-istħarriġ fl-Istati Membri konċernati.

L-Artikolu 6

Sorsi ta' data

1.   Stati Membri għandhom jiksbu d-data meħtieġa permezz ta' stħarriġ fl-intrapriżi jew permezz ta' stħarriġ fl-intrapriżi flimkien ma' sorsi oħra, bl-applikazzjoni ta' prinċipji ta' piż imnaqqas fuq min iwieġeb u ta' simplifikazzjoni amministrattiva.

2.   Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodu li bih l-intrapriżi jwieġbu għall-istħarriġ.

3.   Permezz ta' l-istħarriġ, l-intrapriżi huma interpellati sabiex jagħtu data korretta u sħiħa fiż-żmien preskritt.

4.   Jistgħu jintużaw sorsi oħra, inkluża data amministrattiva, biex tiġi kompletata d-data miġbura, jekk dawn is-sorsi huma adatti f'termini ta' rilevanza u żmien.

L-Artikolu 7

Karatteristiċi ta' l-istħarriġ

1.   L-istħarriġ għandu jkun stħarriġ bil-ġbir ta' kampjuni.

2.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-data li jitrasmettu tirrifletti l-istruttura tal-popolazzjoni ta' l-unitajiet statistiċi. L-istħarriġ għandu jitmexxa b'tali mod li jippermetti analiżi statistika tar-riżultati fuq livell Komunitarju għall-inqas fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

attivitajiet ekonomiċi skond in-NACE Rev. 1.1; u

(b)

id-daqs ta' l-intrapriżi.

3.   Ir-rekwiżiti għall-ġbir ta' kampjuni u għall-preċiżjoni, id-daqs tal-kampjuni meħtieġa biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti, u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tan-NACE Rev. 1.1 u l-kategoriji tad-daqs li fihom jistgħu jiġu analizzati statistikament ir-riżultati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-Artikolu 8

Metodu ta' l-istħarriġ

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq min iwieġeb, il-metodu ta' kif isir l-istħarriġ għandu jippermetti li l-ġbir tad-data jiġi addattat fi-rigward ta':

(a)

intrapriżi għat-taħriġ u intrapriżi li mhumiex għat-taħriġ; u

(b)

forom differenti ta' taħriġ vokazzjonali.

2.   Id-data speċifika li ser tinġabar rigward l-intrapriżi li jħarġu u l-intrapriżi li ma jħarġux u rigward il-forom differenti ta' taħriġ vokazzjonali għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-Artikolu 9

Kontroll tal-kwalità u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data li jitrasmettu.

2.   Mhux iktar tard minn 21 xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' referenza imsemmi fl-Artikolu 10, Stati Membri għandhom jippreżentaw rapport ta' kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat) li jkun fih l-informazzjoni u d-data kollha mitluba sabiex tkun verifikata l-kwalità tad-data trasmessa. Ir-rapport għandu jispeċifika ksur potenzjali tar-rekwiżiti metodoloġiċi.

3.   Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trasmessa b'attenzjoni partikulari sabiex jiġi żġurat li d-data bejn Stati Membri tkun kumparabbli.

4.   Il-ħtiġijiet ta' kwalità fir-rigward ta' data miġbura u trasmessa għall-istatistiċi tal-Komunità dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi, l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità msemmija fil-paragrafu 2 u kull miżura meħtieġa biex il-kwalità tad-data tiġi evalwata u mtejba għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-Artikolu 10

Perjodu ta' referenza u perjodiċità

1.   Il-perjodu ta' referenza li għandu jiġi kopert fil-ġbir tad-data għandu jkun ta' sena kalendarja.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ewwel sena ta' referenza li għaliha għandha tinġabar id-data skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data kull ħames snin.

L-Artikolu 11

Trasmissjoni tad-data

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, fl-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jippromwovu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm iktar użu tal-ġbir elettroniku tad-data, tat-trasmissjoni elettronika tad-data u ta' l-ipproċessar awtomatiku tad-data.

2.   Stati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) id-data individwali ta' l-intrapriżi skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunita li diġà jeżistu dwar it-trasmissjoni tad-data soġġetta għall-kunfidenzjalità ta' l-istatistika kif stipulata fir-Regolamenti (KE) Nru 322/97 u (Euratom, KEE) Nru 1588/90. Stati Membri għandhom jiżguraw li d-data trasmessa ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta ta' l-unitajiet statistiċi.

3.   Stati Membri għandhom jittrasmettu d-data f'forma elettronika, skond il-format tekniku adatt u l-istandard ta' l-iskambju li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

4.   Stati Membri għandhom jittrasmettu d-data kompleta u korretta mhux aktar tard minn 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

L-Artikolu 12

Rapport dwar l-implimentazzjoni

1.   Sa 20 ta' Ottubru 2010 u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat għall-Programm Statistiku, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu, b'mod partikulari:

(a)

jevalwa l-benefiċċji li jgawdu minnhom il-Komunità, l-Istati Membri u l-utenti ta' l-istatistika prodotta meta mqabblin mal-piż fuq min iwieġeb; u

(b)

jidentifika oqsma li jistgħu potenzjalment jittejbu u emendi, li jidher li huma meħtieġa fid-dawl tar-riżultati miksuba.

2.   Wara r-rapport, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 13

Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jinkludu l-miżuri li jqisu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi li għandhom x'jaqsmu mal-ġbir, mat-trasmissjoni u ma' l-ipproċessar tad-data, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-Artikolu 14

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Programm Statistiku.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

L-Artikolu 15

Iffinanzjar

1.   Għall-ewwel sena ta' referenza li għaliha għandhom ikunu prodotti l-istatistiċi tal-Komunità msemmija f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istati Membri bħala għajnuna biex jiġu koperti l-ispejjeż li jkollhom fil-ġbir, fl-ipproċessar u fit-trasmissjoni tad-data.

2.   L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiġi ffissat bħala parti mill-proċedura tal-budget annwali relevanti. L-awtorità tal-budget għandha tiddefinixxi l-approprjazzjoni disponibbli.

3.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għal esperti u għal organizzazzjonijiet għall-għajnuna teknika, li jista' jkun hemm provvediment għall-iffinanzjar tagħhom fil-qafas finanzjarju ġenerali għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, kollokwji jew laqgħat oħra ta' esperti li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u tista' twettaq azzjonijet ta' informazzjoni, ta' pubblikazzjoni u ta' disseminazzjoni adatti.

L-Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembru 2005,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2005.

(2)  ĠU C 134, tas-7.6.2003, p. 3.

(3)  ĠU L 197, tal-5.8.2003, p. 13.

(4)  ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(6)  ĠU L 133, tat-18.5.2002, p. 7.

(7)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

(9)  ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(10)  ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.


Top