Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0648

Ir-Regolament (KE) Nru. 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità

OJ L 117, 4.5.2005, p. 13–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 02 Volume 017 P. 220 - 226
Special edition in Romanian: Chapter 02 Volume 017 P. 220 - 226
Special edition in Croatian: Information about publishing OJ Special Edition not found, P. 137 - 143

No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/648/oj

4.5.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

13


IR-REGOLAMENT (KE) NRU. 648/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26, 95, 133 u 135 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru. 2913/92 (3) jistipula r-regoli għat-trattament doganali ta' merkanzija li tiġi importata jew li tkun se tiġi esportata.

(2)

Hemm il-bżonn li jiġi stabbilit livell ekwivalenti ta' protezzjoni fil-kontrolli doganali għal merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Komunità jew tinħareġ minnha. Sabiex jinkiseb dan l-għan, hemm bżonn li jiġi stabbilit livell ekwivalenti ta' kontrolli doganali fil-Komunità u li tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata ta' kontrolli doganali mill-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà prinċpali li japplikaw dawn il-kontrolli.Tali kontrolli għandhom ikunu ibbażati fuq standards u kriterji ta' riskju, li dwarhom hemm qbil komuni, għall-għażla ta' merkanzija u operaturi ekonomiċi sabiex jiġu minimizzati r-riskji għall-Komunità u ċ-ċittadini tagħha u għas-sħab kummerċjali tal-Komunità. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom għalhekk jintroduċu qafas ta' ġestjoni ta' riskji fil-Komunità kollha sabiex isostnu approċċ komuni sabiex jiġu stabbiliti prioritajiet b'mod effettiv u jiġu allokati riżorsi b'mod effiċjenti bil-għan li jinżamm bilanċ xieraq bejn kontrolli doganali u l-faċilitazzjoni ta' kummerċ leġittimu. Tali qafas għandu wkoll jipprovdi għal kriterji komuni u rekwiżiti armonizzati għal operaturi ekonomiċi awtorizzati u jiżgura applikazzjoni armonizzata ta' tali kriterji u rekwiżiti. L-istabbiliment ta' qafas ta' ġestjoni ta' riskji li jkun komuni għall-Istati Membri kollha ma għandux iżommhom milli jikkontrollaw merkanzija permezz ta' kontrolli fuq il-post.

(3)

L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta' “operatur ekonomiku awtorizzat” lil kull operatur ekonomiku li jissodisfa kriterji komuni konnessi mas-sistemi ta' kontroll, mas-solvenza finanzjarja u mar-rekord ta' konformità ta' l-operatur. L-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat mogħti minn Stat Membru, għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, iżda ma jagħtix id-dritt li wieħed jibbenefika awtomatikament, fl-Istati Membri l-oħra, mis-simplifikazzjonijiet previsti fir-regoli doganali. Madankollu, l-Istati Membri l-oħra għandhom jippermettu l-użu ta' simplifikazzjonijiet lil operaturi ekonomiċi awtorizzati kemm-il darba dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi kollha għall-użu ta' simplifikazzjonijiet partikolari. Meta jikkunsidraw talba għall-użu ta' simplifikazzjonijiet, l-Istati Membri l-oħra ma għandhomx bżonn jirrepetu l-istima tas-sistemi ta' kontroll, tas-solvenza finanzjarja u tar-rekord ta' konformità ta' l-operatur, li tkun diġà saret mill-Istat Membru li ta lill-operatur l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat, iżda għandhom jiżguraw li jiġi sodisfatt kwalunkwe rekwiżit speċifiku ieħor għall-użu tas-simplifikazzjonijiet partikolari. L-użu ta' simplifikazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra jista' wkoll jiġi koordinat bi ftehim bejn l-awtoritajiet doganali konċernati.

(4)

Simplifikazzjonijiet skond ir-regoli doganali għandhom jibqgħu jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli doganali kif definiti fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità, partikolarment fir-rigward tas-sigurtà. Tali kontrolli huma r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet doganali u, filwaqt li l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat għandu jkun rikonoxxut minn dawk l-awtoritajiet bħala fattur matul analiżi tar- riskju u fl-għoti ta' kwalunkwe faċilitazzjoni lill-operatur ekonomiku fir-rigward ta' kontrolli konnessi mal-protezzjoni u mas-sigurtà, id-dritt ta' kontroll għandu jibqa'.

(5)

L-informazzjoni konnessa ma' riskju dwar merkanzija importata u esportata għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita sistema protetta komuni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għal, li jittrasferixxu u li jiskambjaw din l-informazzjoni b'mod tempestiv u effettiv. Tali informazzjoni tista' wkoll tkun skambjata ma' pajjiżi terzi fejn dan ikun previst minn ftehim internazzjonali.

(6)

Il-kondizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni provduta lid-dwana minn operaturi ekonomiċi tista' tkun żvelata lil awtoritajiet l-oħra fl-istess Stat Membru, lil Stati Membri oħrajn, lill-Kummissjoni, jew lill-awtoritajiet f'pajjiżi terzi għandhom ikunu speċifikati. Għal dan il-għan, għandu jiġi indikat b'mod ċar li d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (4)u r-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data  (5)japplikaw fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll minn kwalunkwe awtorità oħra, li jirċievu data skond il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

(7)

Sabiex isiru kontrolli bbażati fuq ir-riskju, hemm bżonn li jiġi stabbilit ir-rekwiżit ta' l-għoti ta' informazzjoni qabel il-wasla jew qabel it-tluq għall-merkanzija kollha mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità jew ħierġa minnu, ħlief għal merkanzija li tkun fi transitu mingħajr waqfien bl-ajru jew bil-baħar f'dan it-territorju. Tali informazzjoni għandha tkun disponibbli qabel il-merkanzija tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Komunità jew tinħareġ minnu. Jistgħu jiġu stabbiliti perjodi u regoli differenti skond it-tip ta' merkanzija, ta' trasport jew ta' operaturi ekonomiċi jew fejn xi ftehim internazzjonali jipprovdi għal arranġamenti speċjali ta' sigurtà. Dan ir-rekwiżit għandu wkoll jiġi ntrodott fir-rigward ta' merkanzija mdaħħla f'żona libera mid-dazju jew maħruġa minnha sabiex jiġu evitati toqob fis-sigurtà.

(8)

Ir-Regolament (KEE) Nru. 2913/92 għandu, għaldaqstant, jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru. 2913/92 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

Għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(4a)

‘L-uffiċċju doganali tad-dħul’ tfisser l-uffiċċju doganali, indikat mill-awtoritajiet doganali skond ir-regoli doganali, li fih għandha tinġieb mingħajr dewmien merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità u li fih tkun soġġetta għal kontrolli tad-dħul adegwati bbażati fuq ir-riskju;

(4b)

‘L-uffiċċju doganali ta' l-importazzjoni’ tfisser l-uffiċċju doganali, indikat mill-awtoritajiet doganali skond ir-regoli doganali, fejn għandhom isiru l-formalitajiet għall-assenjament ta' merkanzija mdaħħla fit-territorji doganali tal-Komunità għal trattament jew użu approvat mid-dwana, inklużi kontrolli adegwati bbażati fuq ir-riskju;

(4ċ)

‘L-uffiċċju doganali ta' l-esportazzjoni’ tfisser l-uffiċċju doganali, indikat mill-awtoritajiet doganali skond ir-regoli doganali, fejn għandhom isiru l-formalitajiet għall-assenjament ta' merkanzija ħierġa mit-territorji doganali tal-Komunità għal trattament jew użu approvat mid-dwana, inklużi kontrolli adegwati ibbażati fuq ir-riskju;

(4d)

‘L-uffiċċju doganali tal-ħruġ’ tfisser l-uffiċċju doganali, indikat mill-awtoritajiet doganali skond ir-regoli doganali, li fih għandha tiġi preżentata merkanzija qabel ma' toħroġ mit-territorju doganali tal-Komunità u li fih tkun soġġetta għal kontrolli doganali konnessi ma' l-applikazzjoni ta' formalitajiet ta' ħruġ, u ma' kontrolli adegwati ibbażati fuq ir-riskju.”;

Il-punt 14 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(14)

‘Kontrolli doganali’ tfisser atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' regoli doganali u ta' liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu aħħari ta' merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta' merkanzija li ma jkollhiex status Komunitarju; tali atti jistgħu jinkludu l-eżami ta' merkanzija, il-verifika ta' data f'dikjarazzjonijiet u ta' l-eżistenza u l-awtentiċità ta' dokumenti elettroniċi jew miktuba, l-eżami tal-kontijiet ta' impriżi u ta' dokumenti oħra, l-ispezzjoni ta' mezzi ta' trasport, l-ispezzjoni ta' bagalji u ta' merkanzija oħra li tinġarr minn jew fuq persuni u t-twettiq ta' inkjesti uffiċjali u ta' atti simili oħra.”;

Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu:

“(25)

‘Riskju’ tfisser il-probabbiltà ta' avveniment li jseħħ, fir-rigward tad-dħul, il-ħruġ, it-transitu, t-trasferiment u l-użu aħħari ta' merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta' merkanzija li ma jkollhiex status Komunitarju, li

timpedixxi l-applikazzjoni korretta ta' miżuri Komunitarji jew nazzjonali; jew

tikkomprometti l-interessi finanzjarji tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha; jew

tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà u tal-Komunità, għas-saħħa pubblika, għall-ambjent jew għall-konsumaturi.

(26)

‘Ġestjoni tar-riskju’ tfisser l-identifikazzjoni sistematika ta' riskju u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi limitata l-esposizzjoni għar-riskju. Din tinkludi attivitajiet bħall-ġbir ta' data u ta' informazzjoni, l-analiżi u l-istima tar-riskju, il-preskrizzjoni u t-teħid ta' azzjoni u l-monitoraġġ regolari u r-reviżjoni tal-proċess u r-riżultati tiegħu, fuq il-bażi ta' sorsi u strateġiji internazzjonali, Komunitarji u nazzjonali.”;

2)

Is-Sezzjoni u l-Artikolu li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

“Sezzjoni 1A

Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati

Artikolu 5a

1.   L-awtoritajiet doganali, jekk hemm bżonn wara konsultazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħrajn, għandhom jagħtu, soġġett għall-kriterji previsti fil-paragrafu 2, l-istatus ta' ‘operatur ekonomiku awtorizzat’ lil kwalunkwe operatur ekonomiku stabbilit fit-territorju doganali tal-Komunità.

Operatur ekonomiku awtorizzat għandu jibbenefika minn faċilitazzjonijiet fir-rigward ta' kontrolli doganali konnessi mas-sigurtà u/jew minn simplifikazzjonijiet previsti fir-regoli doganali.

L-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat għandu, bla ħsara għar-regoli u l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2, jiġi rikonoxxut mill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli doganali. L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq il-bażi tar-rikonoxximent ta' l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat u sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti konnessi mat-tip speċifiku ta' simplifikazzjoni dispost fil-leġislazzjoni doganali Komunitarja, jawtorizzaw l-operatur sabiex jibbenefika minn dik is-simplifikazzjoni.

2.   Il-kriterji għall-għoti ta' l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat għandhom jinkludu:

rekord xieraq ta' konformità mar-rekwiżiti doganali;

sistema sodisfaċenti ta' amministrazzjoni ta' rekords kummerċjali u, fejn applikabbli, rekords ta' trasport, li tippermetti kontrolli doganali adegwati;

fejn ikun xieraq, solvenza finanzjarja ipprovata; u

fejn applikabbli, standards ta' sigurtà xierqa.

Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġu ddeterminati r-regoli:

għall-għoti ta' l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat;

għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għall-użu ta' simplifikazzjonijiet;

li jistabbilixxu liema awtorità doganali hija kompetenti għall-għoti ta' tali status u awtorizzazzjonijiet;

għat-tip u l-firxa ta' faċilitazzjonijiet li jistgħu jingħataw fir-rigward ta' kontrolli doganali konnessi mas-sigurtà, b'kont meħud tar-regoli għall- ġestjoni komuni ta' riskju;

għall-konsultazzjoni ma' awtoritajiet doganali oħrajn, u l-provvista ta' informazzjoni lilhom;

u l-kondizzjonijiet li taħthom:

awtorizzazzjoni tista' tiġi limitata għal Stat Membru wieħed jew aktar;

l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat jista' jiġi sospiż jew irtirat; u

ir-rekwiżit li persuna tkun stabbilita fil-Komunità jista' jitneħħa għal kategoriji speċifiċi ta' operaturi ekonomiċi awtorizzati, b'kont meħud, partikolarment, ta' xi ftehim internazzjonali.”;

3)

L-Artikolu 13 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikolu 13

1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, iwettqu l-kontrolli kollha li huma jqisu neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli doganali u l-liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu finali ta' merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta' merkanzija li ma għandhiex status Komunitarju. Jistgħu jitwettqu f'pajjiż terz, fejn dan ikun previst minn xi ftehim internazzjonali, kontrolli doganali għall-fini ta' l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja.

2.   Il-kontrolli doganali, barra mill-kontrolli fuq il-post, għandhom ikunu bbażati fuq analiżi ta' riskju bl-użu ta' tekniki awtomatizzati ta' proċessar ta' data, sabiex jiġu identifikati u kwantifikati r-riskji u jiġu żviluppati l-miżuri neċessarji għall-istima tar-riskji, fuq il-bażi ta' kriterji żviluppati f'livelli nazzjonali, Komunitarji u, fejn ikunu disponibbli, internazzjonali.

Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi determinat qafas ta' ġestjoni komuni ta' riskju, u sabiex jiġu stabbiliti kriterji komuni u żoni ta' kontroll prijoritarji.

L-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu sistema elettronika għall-implimentazzjoni tal- ġestjoni tar-riskju.

3.   Fejn il-kontrolli jiġu mwettqa minn awtoritajiet li ma jkunux l-awtoritajiet doganali, dawn il-kontrolli għandhom isiru b'kordinazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet doganali, fejn possibbli fl-istess ħin u post.

4.   Fil-qafas tal-kontrolli previsti f'dan l-Artikolu, l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet kompetenti oħra, bħall-awtoritajiet veterinarji u l-pulizija, jistgħu jikkomunikaw data riċevuta, fil-kuntest tad-dħul, il-ħruġ, it-transitu, t-trasferiment u l-użu finali ta' merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta' merkanzija li ma għandhiex status Komunitarju, bejniethom u lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri u lill-Kummissjoni fejn dan huwa neċessarju sabiex jiġi minimizzat ir-riskju.

Il-komunikazzjoni ta' data konfidenzjali lill-awtoritajiet tad-dwana u lil korpi oħra (p.e. aġenziji tas-sigurtà) ta' pajjiżi terzi għandha tkun ammessa biss fil-qafas ta' ftehim internazzjonali, u kemm-il darba jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, partikolarment id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (*) u r-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data  (**).

(*)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1)."

(**)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.”"

4)

L-Artikolu 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikolu 15

Kull informazzjoni li fin-natura tagħha hija konfidenzjali jew li hija fornita fuq bażi konfidenzjali għandha tkun koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali. Ma għandhiex tiġi żvelata mill-awtoritajiet kompetenti mingħajr il-permess espress tal-persuna jew l-awtorità li tagħtiha. Il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni għandha, madankollu, tkun permessa fejn l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jagħmlu hekk skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, partikolarment in konnessjoni ma' proċedimenti legali. L-għoti jew il-komunikazzjoni ta' informazzjoni għandha ssir fir-rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, partikolarment id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru. 45/2001.”;

5)

Fl-Artikolu 16 “kontroll mill-awtoritajiet doganali” għandhom jiġu sostitwiti bi “kontrolli doganali”.

6)

L-Artikoli li ġejjin għandhom jiddaħħlu taħt il-Kapitoli 1 tat-Titolu III:

“L-Artikolu 36a

1.   Il-merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni fil-qosor, ħlief merkanzija trasportata b'mezzi ta' trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta' l-arja tat-territorju doganali mingħajr waqfien f'dan it-territorju.

2.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali tad-dħul.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li d-dikjarazzjoni fil-qosor tiġi preżentata f'uffiċċju doganali ieħor, kemm-il darba dan l-uffiċċju jikkomunika jew jagħmel disponibbli elettronikament b'mod immedjat id-dettalji neċessarji lill-uffiċċju doganali tad-dħul.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu, li minflok il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor, il-preżentazzjoni ta' notifika u l-aċċess għad-data fid-dikjarazzjoni fil-qosor fis-sistema elettronika ta' l-operatur ekonomiku.

3.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata qabel ma l-merkanzija tinġieb fit-territorju doganali tal-Komunità.

4.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi stabbilit:

il-limitu ta' żmien li fih id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata qabel il-merkanzija tinġieb fit-territorju doganali tal-Komunità;

ir-regoli għal eċċezzjonijiet mil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq u għal varjazzjonijiet ta' dan l-istess limitu; u

il-kondizzjonijiet li taħthom jista' jitneħħa jew jiġi addattat ir-rekwiżit ta' dikjarazzjoni fil-qosor,

B'applikazzjoni għal ċirkostanzi partikulari u għal ċerti tipi ta' traffiku ta'merkanzija, modi ta' trasport jew operaturi ekonomiċi jew fejn xi ftehim internazzjonali jiddisponi arranġamenti speċjali ta' sigurtà.

Artikolu 36b

1.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi stabbilit sett ta' data u format komuni għad-dikjarazzjoni fil-qosor, li jkun fih d-dettalji neċessarji għal analiżi tar-iskju u l-applikazzjoni korretta tal-kontrolli doganali, primarjament għal finijiet ta' sigurtà, bl-użu, fejn xieraq, ta' standards internazzjonali u ta' prattiċi kummerċjali.

2.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi mfassla bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data. Tista' tintuża informazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport, kemm-il darba din tipprovdi d-dettalji neċessarji.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet fil-qosor fuq il-karta f'ċirkostanzi eċċezzjonali, kemm-il darba huma japplikaw l-istess livell ta' ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat għal dikjarazzjonijiet fil-qosor magħmula bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data.

3.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata mill-persuna li ġġib il-merkanzija, jew li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija, fit-territorju doganali tal-Komunità.

4.   Minkejja l-obbligu tal-persuna msemmija fil-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni fil-qosor tista' minflok tiġi preżentata:

(a)

mill-persuna li f'isimha taġixxi l-persuna msemmija fil-paragrafu 3; jew

(b)

minn kwalunkwe persuna li tista' tippreżenta l-merkanzija in kwistjoni jew tirranġa għall-preżentazzjoni tagħha lill-awtorità doganali kompetenti; jew

(ċ)

minn rappreżentant ta' waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu 3 jew fil-punti (a) jew (b).

5.   Il-persuna msemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandha, fuq talba tagħha, tiġi awtorizzata sabiex temenda xi wieħed jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor wara li din tkun ġiet preżentata. Madankollu, l-ebda emenda ma għandha tkun possibbli wara li l-awtoritajiet doganali:

(a)

ikunu informaw lill-persuna li preżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor li huma għandhom il-ħsieb li jeżaminaw il-merkanzija; jew,

(b)

ikunu stabbilixxew li d-dettalji in kwistjoni mhumiex korretti; jew,

(ċ)

ikunu ippermettew it-tneħħija tal-merkanzija.

Artikolu 36ċ

1.   L-uffiċċju doganali tad-dħul jista' jneħħi r-rekwiżit għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor fir-rigward ta' merkanzija li għaliha tkun ġiet preżentata dikjarazzjoni fil-qosor qabel l-għeluq tal-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 36a(3) jew (4). F'dan il-każ, id-dikjarazzjoni doganali għandha jkun fiha għall-inqas id-dettalji neċessarji għad-dikjarazzjoni fil-qosor u, sakemm ta' l-ewwel tkun għadha ma ġietx aċċettata skond l-Artikolu 63, hija għandha jkollha l-istatus ta' dikjarazzjoni fil-qosor.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li d-dikjarazzjoni doganali tkun ippreżentata f'uffiċċju doganali ta' importazzjoni differenti mill-uffiċċju doganali tad-dħul, sakemm dan l-uffiċċju immedjatament jikkomunika jew jagħmel disponibbli elettronikament id-dettalji neċessarji lill-uffiċċju doganali tad-dħul.

2.   Fejn id-dikjarazzjoni doganali hija preżentata b'mod li mhuwiex bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data, l-awtoritajiet doganali għandhom japplikaw għad-data l-istess livell ta' ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat għal dikjarazzjonijiet doganali li jkunu magħmula permezz ta' teknika ta' l-ipproċessar ta' data.”;

7)

Fl-Artikolu 37(1) “kontroll mill-awtorità doganali”għandha tiġi sostitwita b'“kontrolli doganali” u fl-Artikolu 38(3) “il-kontroll mill-awtorità doganali ta'” għandha tiġi sostitwita bi “kontrolli doganali minn”;

8)

L-Artikolu 38(5) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-paragrafi 1 sa 4 u l-Artikoli 36a sa 36ċ u 39 sa 53 ma għandhomx japplikaw għal merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Komunità fi triqitha bil-baħar jew bl-ajru minn punt għal ieħor f'dak it-territorju, kemm-il darba t-trasport ikun sar fuq rotta diretta u permezz ta' servizzi regolari bl-ajru jew bil-baħar mingħajr waqfien barra t-territorju doganali tal-Komunità.”;

9)

L-Artikolu 40 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikolu 40

Il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li ġabitha f'dak it-territorju jew, jekk xieraq, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija wara li tkun hekk daħlet, ħlief merkanzija trasportata b'mezzi ta' trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta' l-arja tat-territorju doganali tal-Komunità mingħajr waqfien f'dan it-territorju. Il-persuna li tippreżenta l-merkanzija għandha tagħmel riferiment għad-dikjarazzjoni fil-qosor jew għad-dikjarazzjoni doganali li kienet ġiet preżentata qabel fir-rigward tal-merkanzija.”;

10)

Fit-Titolu III, il-Kapitolu 3, għandu jiġi intitolat mill-ġdid “Il-ħatt ta' merkanzija preżentata lid-dwana”;

11)

L-Artikoli 43 sa 45 għandhom jiġu mħassra;

12)

L-Artikolu 170(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-merkanzija għandha tiġi preżentata lill-awtoritajiet doganali u tkun soġġetta għall-formalitajiet doganali preskritti fejn din:

(a)

tkun ġiet soġġetta għal proċediment doganali li jsir kompjut malli jidħlu f'żona libera mid-dazju jew maħżen liberu mid-dazju; madankollu, fejn il-proċedura doganali in kwistjoni tippermetti eżenzjoni mill-obbligu li tiġi preżentata merkanzija, ma għandhiex tkun meħtieġa tali preżentazzjoni;

(b)

tkun iddaħħlet f'żona libera mid-dazju jew f'maħżen liberu mid-dazju fuq il-bażi ta' deċiżjoni sabiex jingħata rimborż jew eżenzjoni minn dazji ta' importazzjoni;

(ċ)

tkun tikkwalifika għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 166(b); jew

(d)

tkun daħlet f'żona libera mid-dazju jew maħżen liberu mid-dazju direttament minn barra t-territorju doganali tal-Komunità.”;

13)

L-Artikolu 176(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn merkanzija tiġi trasbordata f'żona libera mid-dazju, ir-rekords li jirrelataw ma' l-operazzjoni għandhom jinżammu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet tad-dwana. Il-ħżin għal żmien qasir ta' merkanzija in konnessjoni ma' tali trasbord għandu jiġi kkonsidrat bħala parti integrali ta' l-operazzjoni.

Fir-rigward ta' merkanzija li tiddaħħal f'żona libera mid-dazju minn barra t-territorju doganali tal-Komunità jew meħuda minn żona libera mid-dazju biex toħroġ direttament mit-territorju doganali tal-Komunità, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni fil-qosor skond l-Artikoli 36a sa 36ċ jew 182a sa 182d, kif xieraq.”;

14)

L-Artikolu 181 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Artikolu 181

L-awtoritajiet doganali għandhom jissodisfaw ruħhom li r-regoli li jiggvernaw l-esportazzjoni, l-ipproċessar ‘il barra, ir-riesportazzjoni’ il-proċeduri sospensivi jew il-proċeduri ta' transitu intern, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, jiġu rispettati fejn il-merkanzija għandha tħalli t-territorju doganali tal-Komunità minn żona libera mid-dazju jew maħżen liberu mid-dazju.”;

15)

Fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 182(3) il-kliem “Riesportazzjoni jew” għandhom jitħassru;

16)

Taħt it-Titolu V (Merkanzija li tkun ħierġa mit-territorju doganali tal-Komunità) għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“L-Artikolu 182a

1.   Il-merkanzija ħierġa mit-territorju doganali tal-Komunità, ħlief merkanzija trasportata b'mezzi ta' trasport li jkunu biss qegħdin fi tranżitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta' l-arja tat-territorju doganali mingħajr waqfien f'dan it-territorju, għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni doganali jew inkella, fejn ma tkunx meħtieġa dikjarazzjoni doganali, b'dikjarazzjoni fil-qosor.

2.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi stabbilit:

iż-żmien perentorju li fih id-dikjarazzjoni doganali jew id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali ta' l-esportazzjoni qabel ma l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità;

ir-regoli għal eċċezzjonijiet mil-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq u għal varjazzjonijiet ta' dan l-istess limitu,

il-kondizzjonijiet li taħthom jista' jitneħħa jew jiġi addattat ir-rekwiżit ta' dikjarazzjoni fil-qosor; u

il-każijiet li fihom, u l-kondizzjonijiet li taħthom, il-merkanzija ħierġa mit-territorju doganali tal-Komunità, ma tkunx soġġetta għal dikjarazzjoni doganali jew għal dikjarazzjoni fil-qosor,

skond ċirkostanzi speċjali u b'applikazzjoni għal ċerti tipi ta' traffiku ta'merkanzija, modi ta' trasport jew operaturi ekonomiċi jew fejn xi ftehim internazzjonali jipprovdi għal arranġamenti speċjali ta' sigurtà.

Artikolu 182b

1.   Fejn merkanzija li tkun ħierġa mit-territorju doganali tal-Komunità tiġi assenjata għal trattament jew użu approvat mid-dwana li fir-rigward tiegħu hija meħtieġa dikjarazzjoni doganali skond ir-regoli tad-dwana, din id-dikjarazzjoni doganali għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali ta' l-esportazzjoni qabel ma l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità.

2.   Fejn l-uffiċċju doganali ta' l-esportazzjoni huwa differenti mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ, l-uffiċċju doganali ta' l-esportazzjoni għandu minnufih jikkomunika, jew jagħmel disponibbli elettronikament, id-dettalji neċessarji lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.

3.   Id-dikjarazzjoni doganali għandha jkun fiha mill-inqas id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor msemmija fl-Artikolu 182d(1).

4.   Fejn id-dikjarazzjoni doganali hija magħmula b'mod li mhuwiex bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu d-data suġġetta għall-istess livell ta' ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data.

Artikolu 182ċ

1.   Fejn merkanzija li tkun ħierġa mit-territorju doganali tal-Komunità ma tiġix assenjata għal trattament jew użu approvat mid-dwana li fir-rigward tiegħu hija meħtieġa dikjarazzjoni doganali, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni fil-qosor fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ qabel ma l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Komunità.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li d-dikjarazzjoni fil-qosor tiġi preżentata f'uffiċċju doganali ieħor, kemm-il darba dan l-uffiċċju minnufih jikkomunika jew jagħmel disponibbli elettronikament id-dettalji neċessarji lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.

3.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu, minflok il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni fil-qosor, il-preżentazzjoni ta' notifika u aċċess għad-data fid-dikjarazzjoni fil-qosor fis-sistema elettronika ta' l-operatur ekonomiku.

Artikolu 182d

1.   Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi stabbilit sett ta' data u format komuni għad-dikjarazzjoni fil-qosor, li jkun fih id-dettalji neċessarji għal analiżi tar-riskju u l-applikazzjoni korretta ta' kontrolli doganali, primarjament għal finijiet ta' sigurtà, bl-użu, fejn xieraq, ta' standards internazzjonali u ta' prattiċi kummerċjali.

2.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi mfassla bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data. Tista' tintuża informazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport, kemm-il darba din tipprovdi d-dettalji neċessarji.

L-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet fil-qosor fuq il-karta f'ċirkostanzi eċċezzjonali, sakemm huma japplikaw l-istess livell ta' ġestjoni ta' riskju bħal dak applikat għal dikjarazzjonijiet fil-qosor magħmula bl-użu ta' teknika ta' proċessar ta' data.

3.   Id-dikjarazzjoni fil-qosor għandha tiġi preżentata:

(a)

mill-persuna li tieħu il-merkanzija, jew li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija, barra mit-territorju doganali tal-Komunità; jew

(b)

minn kwalunkwe persuna li tista' tippreżenta l-merkanzija in kwistjoni jew tirranġa għall-preżentazzjoni tagħha lill-awtorità doganali kompetenti; jew

(ċ)

minn rappreżentant ta' waħda mill-persuni msemmija fil-punt (a) jew punt (b).

4.   Il-persuna msemmija fil-paragrafu 3 għandha, fuq talba tagħha, tiġi awtorizzata sabiex temenda xi wieħed jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor wara li din tkun ġiet preżentata. Madankollu, l-ebda emenda ma għandha tkun possibbli wara li l-awtoritajiet doganali:

(a)

ikunu informaw lill-persuna li preżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor li huma għandhom il-ħsieb li jeżaminaw il-merkanzija; jew,

(b)

ikunu stabbilixxew li d-dettalji in kwistjoni mhumiex korretti; jew,

(ċ)

ikunu ippermettew it-tneħħija tal-merkanzija.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 36a(4), l-Artikolu 36b(1), l-Artikolu 182a(2) u l-Artikolu 182d(1) għandhom isiru applikabbli minn 11 Mejju 2005.

Id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha għandhom ikunu applikabbli hekk kif jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet implimentattivi ibbażati fuq l-Artikoli imsemmija fit-tieni subparagrafu. Madankollu, sa tliet snin wara li dawn l-Artikoli jkunu saru applikabbli, għandhom jiġu installati sistemi ta' dikjarazzjoni elettronika u sistemi awtomizzati għall-implimentazzjoni ta' ġestjoni ta' riskju u għall-iskambju elettroniku ta' data bejn uffiċċji doganali ta' dħul, ta' importazzjoni, ta' esportazzjoni u ta' ħruġ, kif stipulat fl-Artikoli 13, 36a, 36b, 36ċ, 182b, 182ċ u 182d.

Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-applikazzjoni ta' dawn l-Artikoli, il-Kummissjoni għandha tevalwa kwalunkwe talba mill-Istati Membri għal estensjoni tal-perjodu ta' tliet snin imsemmi fit-tielet subparagrafu għal sistemi ta' dikjarazzjoni elettronika u sistemi awtomatizzati għall-implimentazzjoni ta' ġestjoni tar-riskju u għall-iskambju elettroniku ta' data bejn uffiċċji doganali. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tipproponi, fejn ikun xieraq, estensjoni tal-perjodu ta' tliet snin imsemmi fit-tielet subparagrafu.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fit-13 ta' April 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 110, tat-30.4.2004, p. 72.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunusill tad-29 ta' Novembru 2004 (ĠU C 38 E, tal-15.2.2005, p. 36) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.


Top